32003F0577



Official Journal L 196 , 02/08/2003 P. 0045 - 0055


Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA

tat-22 ta' Lulju 2003

dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta' Franza, tar-Renju ta' l-Isvezja u tar-Renju tal-Belġju [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' f'Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, endorsja l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-bażi tal-koperazzjoni ġudizzjali kemm fil-materji ċivili u kemm kriminali ġewwa l-Unjoni.

(2) Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu japplika wkoll għall-mandati ta' qabel il-kawżi, b'mod partikolari ta' dawk li jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji li jassiguraw l-evidenza malajr u li jaħtfu l-proprjetà li tista' tiċċaqlaq bla xkiel.

(3) Fid-29 ta' Novembru 2000, il-Kunsill, skond il-konklużjoniet ta' Tampere, adotta programm ta' miżuri sabiex jimplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-materji kriminali, li jagħti l-ewwel prijorità (il-miżuri 6 u 7) sabiex jiġi adottat strument li japplika l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku lill-iffriżar tal-evidenza u tal-proprjetà.

(4) Il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, imsejsa fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u t-twettiq immedjat tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, tippresupponi l-fiduċja illi d-deċiżjonijiet li għandhom jiġu magħrufa u infurzati għandhom dejjem jittieħdu skond il-prinċipji tal-legalità, is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.

(5) Id-drittijiet konċessi lill-partijiet jew lil partijiet terzi interessati bona fede għandhom ikunu ppriservati.

(6) Din id-Deċiżjon Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji kkonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea, notabbilment il-Kapitolu VI tagħha.. Xejn f'din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista' jiġi interpretat li jipprojbixxi r-rifjut għall-iffriżar tal-proprjetàa li għaliha jkun ħareġ mandat għall-iffriżar meta jkun hemm raġunijiet li dak li jkun jemmen, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, illi l-mandat għall-iffriżar ikun inħareġ bil-għan tal-prosekuzzjoni jew il-kastiġ ta' persuna minħabba, s-sess, it-twemmin, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tiegħu jew tagħha, jew li l-posizzjoni ta' din il-persuna tista' tiġi ppreġudikata għal kull waħda minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma żżommx lil xi Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu li jkollhom x'jaqsmu mal-proċess mistħoqq, il-libertà ta' l-assoċjazzjoni, il-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta' l-espressjoni f'medja oħra,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

TITOLU I

IL-FIRXA TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

L-għan

Il-għan tad-Deċiżjoni Kwadru huwa li tistabbilixxi r-regoli li fuqhom Stat Membru għandu jagħraf u jwettaq fit-territorju tiegħu mandat għall-iffriżar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta' Stat Membru ieħor fil-kwadru tal-proċedimenti kriminali. Ma għandux ikollu l-effett li jemenda l-obbligu li jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif miġbura fl-Artikolu 6 tat-Trattat.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a) "Stat tal-ħruġ" għandu jfisser l-Istat Membru li fih awtorità ġudizzjarja, kif iddefiniti fil-liġijiet nazzjonali ta' l-Istat tal-ħruġ, tkun wettqet, ivvalidat jew b'kull mod ieħor ikkonfermat mandat għall-iffriżar fil-kwadru tal-proċedimenti kriminali;

(b) "Stat tat-twettiq" għandu jfisser Stat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinstabu l-proprjetà jew il-evidenza;

(ċ) "mandat għall-iffriżar" tirreferi għall-proprjetà li tkun suġġetta għall-konfiska jew għall-evidenza;

(d) "proprjetà" tinkludi l-proprjetà ta' kull deskrizzjoni, sewwa jekk korporali u sewwa jekk mhux korporali, sewwa jekk mobbli u sewwa jekk immobbli, u d-dokumenti u l-istrumenti legali li jixhdu t-titolu għal din il-proprjetà jew interess fiha, li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ tikkonsidra:

- li tkun id-dħul minn offiża msemmija fl-Artikolu 3, jew ekwivalenti għal jew il-valur sħiħ ta' dan id-dħul jew parti minnu, jew

- li tikkostitwixxi l-għodda jew l-oġġetti ta' din l-offiża;

(e) "evidenza" għandha tfisser l-oġġetti, id-dokumenti jew l-informazzjoni li setgħet tiġi prodotta bħala evidenza fi proċedimenti kriminali li jirrigwardaw offiża msemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

L-offiżi

1. Din id-Deċiżjoni Kwadru tapplika għall-mandati ta' l-iffriżar maħruġa sabiex:

(a) jassikuraw xi evidenza, jew

(b) jikkonfiskaw sussegwentement xi proprjetà.

2. L-offiżi li ġejjin, kif inhuma ddefiniti fil-liġijiet ta' l-Istat Membru tal-ħruġ, u jekk jistgħu jiġu kkastigati fl-Istat tal-ħruġ b'sentenza ta' ħabs ta' massimu ta' mill-inqas tliet snin, ma għandhomx ikunu suġġtti għall-verifika tal-kriminalità doppja ta' l-att:

- il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali,

- it-terroriżmu,

- it-traffikar fil-persuni,

- l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal,

- it-traffiku illeċitu fid-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi,

- it-traffiku illeċitu fl-armi, fil-munizzjon u fl-isplussivi,

- il-korruzzjoni,

- il-frodi, inkluż dik li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fit-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 dwar il-Protezzjoni ta' l-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

- il-ħasil tal-flus miksuba mill-kriminalità,

- l-iffalsifikar tal-muniti, inkluż l-euro,

- id-delitti relatati mal-computers,

- id-delitti ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu fl-ispeċji ta' l-annimali fil-periklu u l-ispeċji u l-varjetajiet tal-pjanti fil-perikolu,

- il-faċilitazzjoni tad-dħul u tar-residenza mhux awtorizzati,

- il-qtil, il-korriment gravi tal-ġisem,

- il-kummerċ illeċitu fl-organi u t-tessuti umani,

- il-ħtif, ir-restrizzjoni illegali u t-teħid ta' l-ostaġġi,

- ir-razziżmu u l-kżenofobja,

- is-serq organizzat jew bl-armi,

- it-traffiku illeċitu fl-oġġetti kulturali, inklużi l-antikitajiet u x-xogħlijiet ta' l-arti,

- l-ingann,

- l-intrigi ta' qerq u l-estorsjoni,

- l-imitazzjoni u l-piraterija tal-prodotti,

- il-falsifikazzjoni tad-dokumenti amministrattivi u t-traffikar fihom,

- il-falsifikazzjoni tal-mezzi tal-ħlas,

- it-traffikar illeċitu fis-sustanzi ormonali u promoturi oħra tat-tkabbir,

- it-traffikar illeċitu fil-materjali nukleari jew radjoattivi,

- it-traffikar fil-vetturi misruqa,

- l-istupru,

- il-ħruq apposta ta' propjetà,

- id-delitti fil-ġurisdizzjoni tat-Tribunal Kriminali Internazzjonali,

- il-ħtif illeċitu tal-vetturi ta' l-ajru/bastimenti,

- is-sabutaġġ.

3. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi, fi kwalunkwe ħin, filwaqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat, li jżid kategoriji oħra ta' offiżi mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina fid-dawl tar-rapport issottomess mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 14 ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

4. Għall-każijiet mhux koperti bil-paragrafu 2, l-Istat eżekutur jista jissoġġetta r-rikonoxximent u l-infurzar ta' mandat għall-iffriżar magħmul bil-għanijiet msemmija fil-paragrafu 1(a) għall-kondizzjoni illi l-atti li għalihom il-mandat kienet maħruġa jikkostitwixxu offiża skond il-liġijiet ta' dan l-Istat, ikunu xi jkunu l-elementi kostitwenti jew il-modi kif deskritti skond il-liġi ta' l-Istat tal-ħruġ.

Għall-każijiet mhux koperti bil-paragrafu 2, l-Istat eżekutur jista jissoġġetta r-rikonoxximent u l-infurzar ta' mandat għall-iffriżar magħmula bil-għanijiet msemmija fil-paagrafu 1(b) għall-kondizzjoni illi l-atti li għalihom il-mandat kien maħruġ jikkostitwixxu offiża skond il-liġijiet ta' dan l-Istat, li jippermettu għal dan l-iffriżar, ikunu xi jkunu l-elementi kostitwenti jew il-modi kif deskritti skond il-liġi ta' l-Istat tal-ħruġ.

TITOLU II

IL-PROĊEDURI GĦAT-TWETTIQ TAL-MANDATI GĦALL-IFFRIŻAR

Artikolu 4

It-trasmissjoni tal-mandati ta' l-iffriżar

1. Mandat għall-iffriżar fit-tifsira ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, flimkien maċ-ċertifikat ipprovvdut fl-Artiklu 9, għandhom jiġu trasmessi direttament mill-awtorità ġudizzjarja li tkun ħarġithom lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex teżegwihom b'kull mezz kapaċi li jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub skond il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat eżekutur li jistabbilixxi l-awtentiċità.

2. Ir-Renju Unit u l-Irlanda, rispettivament, jistgħu, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 14(1), jistqarru f'dikjarazzjoni illi l-mandat għall-iffriżar flimkien maċ-ċertifikat għandhom jintbagħtu permezz ta' awtorità ċentrali jew awtoritajiet speċifikati minnha fid-dikjarazzjoni Kull dikjarazzjoni minn din tista' f'kull żmien tiġi mmodifikata jew irtirata. Kull dikjarazzjoni jew irtirar għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u nnotifikati lill-Kummissjoni. Dawn l-Istati Membri jistgħu f'kull żmien b'dikjarazzjoni oħra jillimitaw il-firxa ta' applikazzjoni ta' din id-dikjarazzjoni bil-għan li jagħtu iktar effett lill-paragrafu 1. Għandhom jagħmlu dan meta jiddaħħlu fis-seħħ għalihom id-disposizzjonijiet dwar l-għajnuna reċiproka tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen.

3. Jekk ma tkunx magħrufa l-awtorità ġudizzjarja kompetenti għat-twettiq, l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat tal-ħruġ għandha tagħmel l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti tal-kuntatt tan-Network Ġudizzjali Ewropew [3], sabiex tikseb it-tagħrif mill-Istat eżekutur.

4. Meta l-awtorità ġudizzjarja fl-Istat eżekutur li tirċievi mandat għall-iffriżar ma jkollha l-ebda ġurisdizzjoni sabiex tagħrafha u tieħu l-miżuri meħieġa għalbiex twettaqha, għandha, ex officio, tittrasmetti l-mandat għall-iffriżar lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti sabiex twettqu u għandha tgħarraf b'dan lill-awtorità ġudizzjarja fl-Istat tal-ħruġ li jkun ħariġha.

Artikolu 5

Ir-rikonoxximent u t-twettiq fil-pront

1. L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat eżekutur għandhom jirrikonoxxu mandat għall-iffriżar, trasmess skond l-Artikolu 4, mingħajr ma jkunu jeħtieġu iktar formalitajiet u għandhom mill-ewwel jieħdu l-miżui meħtieġa għat-twettiq immedjat tagħha bl-istess mod bħal mandat għall-iffriżar magħmul minn awtorità ta' l-Istat eżekutur, għajr jekk l-awtorità tiddeċiedi li tinvoka waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta' rikonoxximent jew nuqqas ta' twettiq tal-mandat pprovduti fl-Artikolu 7 jew waħda mir-raġunijiet għall-posponiment ipprovvduti fl-Artikolu 8.

Kull meta jkun meħtieġ li jiġi żgurat illi l-evidenza meħuda hija valida u sakemm dawn il-formalitajiet u proċeduri mhumiex kontrarju għall-prinċipji fundamentali tal-liġi fl-Istat eżekutur, l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat eżekutur għandha wkoll tosserva l-formalitajiet u l-proċeduri indikati espressament mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ fit-twettiq ta' mandat għall-iffriżar.

Għandu minnufih isir rapport dwar it-twettiq ta' mandat għall-iffriżar lill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-ħruġ b'kull mezz kapaċi li jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub.

2. Kull miżura addizzjonali ta' imposizzjoni renduta meħtieġa bl-mandat għall-iffriżar għandha tittieħed skond ir-regoli proċedurali applikabbli ta' l-Istat eżekutur.

3. L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat eżekutur għandhom jiddeċiedu u jikkomunikaw id-deċiżjoni dwar mandat għall-iffriżar malajr kemm jista' jkun u, kulmeta prattikabbli, fi żmien 24 siegħa minn meta jkun irċevut il-mandat għall-iffriżar.

Artikolu 6

It-tul taż-żmien ta' l-iffriżar

1. Il-proprjetà għandha tibqa' ffriżata fl-Istat eżekutur sakemm dan l-Istat ikun wieġeb b'mod definittiv għal kull talba magħmula skond l-Artikolu 10(1)(a) jew (b).

2. Madankollu, wara li jikkonsulta lill-Istat tal-ħruġ, l-Istat eżekutur jista' skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali tiegħu jistabbilixxi l-kondizzjonijiet approprjati fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ sabiex jillimita l-perjodu taż-żmien li fih il-proprjetà għandha tkun iffriżata. Jekk, skond dawn il-kondizzjonijiet, l-Istat eżekutur jipprevedi li jwarrab il-miżura, għandu jgħarraf lill-Istat tal-ħruġ, li għandu jingħata l-opportunità li jissottometti l-kummenti tiegħu.

3. L-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat tal-ħruġ għandhom jgħarrfu minnufih lill-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat eżekutur illi l-mandat għall-iffriżar tneħħa. F'dawn iċ-ċirkostanzi għandha tkun ir-responsabbiltà ta' l-Istat eżekutur li jwarrab il-miżura malajr kemm jista' jkun.

Artikolu 7

Ir-raġunijiet għan-nuqqas tar-rikonoxximent u n-nuqqas tat-twettiq

1. L-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat eżekutur jistgħu jirrifjutaw li jirrikonoxxu jew iwettqu mandat għall-iffriżar biss jekk:

(a) iċ-ċertifikat ipprovvdut fl-Artikolu 9 ma jiġix prodott, ma jkunx ikkompletat jew manifestament ma jkunx jikkorrispondi mal-mandat għall-iffriżar;

(b) ikunu jeżistu xi immunità jew privileġġ taħt il-liġijiet ta' l-Istat eżekutur li jagħmluha impossibbli li jitwettaq il-mandat għall-iffriżar;

(ċ) ikun ċar mall-ewwel mit-tagħrif ipprovvdut fiċ-ċertifikat illi l-għoti ta' għajnuna ġudizzjarja skond l-Artikolu 10 għall-offiża li rigward tagħha tkun ingħamel il-mandat għall-iffriżar, tikser il-prinċipju tan-ne bis in idem;

(d) jekk, f'wieħed mill-każijiet msemmija fl-Artikolu 3(4), l-att li fuqu jkun imsejjes il-mandat għall-iffriżar ma jikkostitwix offiża taħt il-liġijiet ta' l-Istat eżekutur; madankollu, fejn jidħlu t-taxxi jew id-dazji, id-dwana u l-kambju, it-twettiq ta' din għall-iffriżar ma tistax tiġi rrifjutata għar-raġuni illi l-liġijiet ta' l-Istat eżekutur ma jimponux l-istess tipi ta' taxxa jew dazju jew lanqas ma jkun jkun fihom regolament tat-taxxa, tad-dazju, tad-dwana jew tal-kambju ta' l-istess tip bħal dawk ta' l-Istat tal-ħruġ.

2. Fil-każ tal-paragrafu 1(a), l-awtorità ġudizzjarja kompetenti tista':

(a) tispeċifika temma taż-żmien għall-preżentazzjoni, it-tlestija jew il-korrezzjoni tagħha; jew

(b) taċċetta dokument ekwivalenti; jew

(ċ) teżenta lill-awtorità ġudizzjarja tal-ħruġ mill-ħtieġa jekk tikkonsidra illi t-tagħrif ipprovvdut huwa biżżejjed.

3. Kull deċiżjoni rigward ir-rifjut tar-rikonoxximent jew tat-twettiq għandha tittieħed u tiġi nnotifikata minnufih lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ b'kull mezz kapaċi li jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub.

4. Fil-każ li jkun impossibbli fil-prattika li jitwettaq il-mandat għall-iffriżar għar-raġuni illi l-proprjetà jew l-evidenza jkunu għebew jew ġew distrutti, ma jistgħux jinstabu fil-lokazzjoni indikata fuq iċ-ċertifikat jew il-lokazzjoni tal-proprjetà jew l-evidenza ma jkunux ġew indikati f'manjiera preċiża biżżejjed, saħansitra wara konsultazzjoni ma' l-Istat tal-ħruġ, l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ għandhom xorta waħda jiġu nnotifikati minnufih.

Artikolu 8

Ir-raġunijiet għall-posponiment jew it-twettiq

1. L-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat eżekutur tista' tipposponi t-twettiq ta' mandat għall-iffriżar skond l-Artikolu 4:

(a) meta t-twettiq tagħha jista' jagħmel ħsara lil investigazzjoni kriminali li tkun għaddejja, sa dak iż-żmien li jidhrilha raġjonevoli;

(b) meta l-proprjetà jew l-evidenza kkonċernati jkunu diġà ġew issoġġettati għal mandat għall-iffriżar fi proċedimenti kriminali, u sakemm jitneħħa dan l-iffriżar;

(ċ) meta, fil-każ ta' mandat għall-iffriżar fi proċedimenrti kriminali bil-ħsieb tal-konfiska sossegwenti tagħha, din il-proprjetà tkun diġà bla ħsara għal mandat magħmula fil-kors ta' proċedimenti oħra magħmula fl-Istat eżekutur u sakemm titneħħa din il-mandat. Madankollu, dan il-punt għandu japplika biss meta dan il-mandat jkollu l-prijorità fuq mandati oħra sossegwenti għall-iffriżar fi proċedimenti kriminali skond il-liġijiet nazzjonali.

2. Għandu minnufih isir rapport dwar it-twettiq ta' mandat għall-iffriżar, inklużi r-raġunijiet għall-posponiment u, jekk possibbli, it-tul taż-żmien mistenni tal-posponiment, lill-awtorità kompetenti fl-Istat tal-ħruġ b'kull mezz kapaċi li jipproduċi reġistrazzjoni bil-miktub.

3. Hekk kif ma tibqax teżisti r-raġuni għall-posponiment, l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat eżekutur għandha tieħu l-miżuri meħtieġa minnufih sabiex twettaq il-mandat għall-iffriżar u tgħarraf bih lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ b'kull mezz kapaċi li jippoduċi reġistrazzjoni bil-miktub.

4. L-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta' l-Istat eżekutur għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat tal-ħruġ dwar kull miżura ta' restrizzjoni li għaliha tista' tiġi ssoġġettata l-proprjetà kkonċernata.

Artikolu 9

Iċ-ċertifikat

1. Iċ-ċertifikat, li l-għamla standard tiegħu hija mogħtija fl-Anness, għandu jkun iffirmat, u l-kontenut tiegħu iċċertifikat bħala eżatt, mill-awtorità ġudizzjarja kompetenti fl-Istat tal-ħruġ li jkun ordna l-miżura.

2. Iċ-ċertifikat għandu jiġi maqlub fl-ilsien uffiċjali jew f'wieħed mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat eżekutur.

3. Kull Stat Membru jista', jew meta tiġi adottata din id-Deċiżjoni Kwadru jew f'data iktar tard, jistqarr f'dikjarazzjoni ddeppożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill illi jaċċetta traduzzjoni f'wieħed jew iktar mill-ilsna uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 10

It-trattament sossegwenti tal-proprjetà ffriżata

1. It-trasmissjoni msemmija fl-Artikolu 4:

(a) għandha tkun akkumpanjata b'talba sabiex l-evidenza tiġi ttrasferita lill-Istat tal-ħruġ;

jew

(b) għandha tkun akkumpanjata b'talba għall-konfiska li teħtieġ jew l-infurzar ta' mandat għall-konfiska li jkun inħareġ mill-Istat tal-ħruġ jew konfiska fl-Istat eżekutur u l-infurzar sossegwenti ta' dan il-mandat;

jew

(ċ) għandu jkun fiha struzzjoni fiċ-ċertifikat illi l-proprjetà għandha tissokta fl-Istat eżekutur sakemm jirċievi talba msemmija għaliha fil-(a) jew fil-(b). L-Istat tal-ħruġ għandu jindika fiċ-ċertifikat id-data (stmata) għas-sottomissjoni ta' din it-talba. Għandu japplika l-Artikolu 6(2).

2. It-talbiet msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom jiġu ssottomessi mill-Istat tal-ħruġ u pproċessati mill-Istat eżekutur skond ir-regoli li japplikaw għall-għajnuna reċiproka fil-materji kriminali u r-regoli li japplikaw għall-koperazzjoni internazzjonali fejn tidħol l-estradizzjoni.

3. Madankollu, bħala deroga mir-regoli dwar il-għajnuna reċiproka msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat eżekutur ma jistax jirrifjuta t-talbiet msemmija taħt il-paragrafu 1(a) għal raġunijiet tan-nuqqas ta' kriminalità doppja, meta t-talbiet jirrigwardaw l-offiżi msemmija fl-Artikolu 3(2) u dawn l-offiżi jistgħu jiġu kkastigati fl-Istat tal-ħruġ b'sentenza ta' ħabs ta' mill-inqas tliet snin.

Artikolu 11

Ir-rimedji legali

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti sabiex jiżguraw illi kull parti interessata, inklużi l-partijiet terzi bona fede, ikollhom rimedji legali mingħajr l-effett ta' sospensjoni kontra mandat għall-iffriżar imwettaq skond l-Artikolu 5, sabiex jippiservaw l-intressi leġittimi tagħhom; l-azzjoni għandha titressaq quddiem qorti ta' l-Istat tal-ħruġ jew l-Istat eżekutur skond il-liġijiet nazzjonali ta' kull wieħed minnhom.

2. Ir-raġunijiet sostantivi għall-ħruġ ta' mandat għall-iffriżar jistgħu jiġu sfidati biss f'azzjoni mressqa quddiem qorti ta' l-Istat tal-ħruġ.

3. Jekk l-azzjoni tiġi mressqa fl-Istat eżekutur, l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat tal-ħruġ għandu jiġi mgħarraf biha u bir-raġunijiet għall-azzjoni, sabiex ikun jista' jissottometti l-argumenti li jidhirlu meħtieġa. Għandu jiġi mgħarraf bir-riżultat ta' l-azzjoni.

4. L-Istat tal-ħruġ u dak eżekutur għandhom jieħdu l-miżui meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt li jressqu l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari billi jipprovdu t-tagħrif adegwat lill-partijiet intressati.

5. L-Istat tal-ħruġ għandu jiżgura illi kull limitu taż-żmien sabiex titressaq azzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jiġi applikat b'mod illi jiggarantixi l-possibbiltà ta' rimedju legali effettiv lill-partijiet interessati.

Artikolu 12

Ir-rifużjonijiet

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(2), meta l-Istat eżekutur ikun responsabbli skond il-liġijiet tiegħu mill-ħsara kkawżata lill-waħda mill-partijiet imsemmija fl-Artikolu 11, bit-twettiq ta' mandat għall-iffriżar trasmess lilu skond l-Artikolu 4, l-Istat tal-ħruġ għandu jirrifondi lill-Istat eżekutur kull somma mħallsa għall-ħsara bis-saħħa ta' din ir-responsbbiltà lejn il-parti msemmija għajr jekk, u safejn u sakemm, il-ħsara jew xi parti minnha jkunu b'mod esklussiv minħabba l-kondotta ta' l-Istat eżekutur.

2. Il-paragrafu 1 huwa bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri dwar il-pretensjonijiet minn persuni naturali jew legali għall-kumpens tal-ħsara.

TITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

L-applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika għall-Ġibiltà.

Artikolu 14

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva Kwadru qabel it-2 ta' Awissu 2005.

2. Sa l-istess data, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet li jittrasponi fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Kwadru. Fuq il-bażi ta' rapport stabbilit bl-użu ta' dan it-tagħrif u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, qabel it-2 ta' Awissu 2006, jistma safejn u sakemm l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

3. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 9(3).

Artikolu 15

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Lulju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 75, tas-7.3.2001, p. 3.

[2] L-Opinjoni mogħtija fil-11 ta' Ġunju 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] L-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/JHA tad-29 ta' Ġunju 1998 dwar il-Ħolqien tan-Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, tas-7.7.1998, p. 4).

--------------------------------------------------

ANNESS

IĊ-ĊERTIFIKAT IPPROVVDUT FL-ARTIKOLU 9

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------