32003E0468



Official Journal L 156 , 25/06/2003 P. 0079 - 0080


Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/468/PESK

tat-23 ta' Ġunju 2003

dwar il-kontroll fuq is-senserija fil-bejgħ ta' l-armi

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) Fl-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-Kondotta fl-Esportazzjoni ta' l-Armi, l-Istati Membri ftiehmu li jindirizzaw il-problema tal-kontroll tas-senserija fil-bejgħ ta' l-armi.

(2) L-Istati Membri ssoktaw u daħlu iktar fil-fond fid-diskussjonijiet tagħhom dwar it-traffikar ta' l-armi u l-attivitajiet tas-senserija u waslu għal ftehim dwar sett ta' dispożizzjonijiet sabiex jikkontrollaw dawn l-attivitajiet permezz tal-leġislazzjoni nazzjonali, kif iddikjarat hawn taħt.

(3) Il-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri diġà daħħlu jew huma fil-proċess li jadottaw leġislazzjoni nazzjonali fuq is-suġġett.

(4) Fir-Raba' Rapport ta' kull Sena skond id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-Kondotta fl-Esportazzjoni ta' l-Armi, l-Istati Membri ftiehmu li jissoktaw jiddeliberaw fuq il-qasam tas-senserija fil-bejgħ ta' l-armi fuq il-bażi tal-linji gwida diġà approvati, bil-ħsieb li jadottaw Pożizzjoni Komuni dwar is-suġġett.

(5) Fl-Arranġament ta' Wassenaar, l-Istati Parteċipanti ftiehmu dwar Dikjarazzjoni ta' Fehim sabiex jikkunsidraw l-adozzjoni ta' miżuri nazzjonali li jirregolaw l-attivitajiet tas-senserija fil-bejgħ ta' l-armi.

(6) Il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Armi ż-Żgħar u l-Għodda tal-Gwerra Ħfief (SALW) jikkommetti lill-Istati li jiżviluppaw il-leġislazzjoni nazzjonali jew proċeduri amministrattivi għalbiex jirregolaw l-attivitajiet tas-senserija fil-bejgħ ta' l-armi ż-żgħar u l-għodda tal-gwerra, u li jindaħlu għal iktar passi biex itejbu l-kooperazzjoni internazzjonali fil-prevenzjoni, il-ġlieda u l-eradikazzjoni tas-senserija illiċita fl-armi ż-żgħar u l-għodda tal-gwerra ħfief.

(7) Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-fabbrikazzjoni u t-traffikar illeċiti ta' l-armi tan-nar, u tal-partijiet, il-komponenti u l-munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali teħtieġ lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema għalbiex tirregola l-attivitajiet ta' dawk li jaħdmu fis-senserija,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

1. L-għan ta' din il-Pożizzjoni Komuni huwa li tiġi kkontrollata s-senserija fil-bejgħ ta' l-armi, għalbiex jiġi evitat il-ħrib mill-embargojiet tal-NU, l-UE jew l-OSCE dwar l-esportazzjonijiet ta' l-armi, kif ukoll mill-Kriterji ddikjarati fil-Kodiċi Ewropew dwar il-Kondotta fl-Esportazzjoni ta' l-Armi.

2. Sabiex jinkiseb dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom eżistenti jew futura dwar is-senserija fil-bejgħ ta' l-armi tkun skond id-dispożizzjonijiet iddikjarati hawn taħt.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jikkontrollaw l-attivitajiet tas-senserija li jsiru ġewwa t-territorju tagħhom. L-Istati Membri huma inkoraġġiti wkoll li jikkunsidraw jikkontrollaw l-attivitajiet tas-senserija ‘l barra mit-territorju tagħhom imwettqa minn sensara tan-nazzjonalità tagħhom residenti jew stabbiliti fit-territorju tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom wkoll jistabbilixxu qafas legali ċar għall-attivitajiet legali tas-senserija.

3. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1, l-attivitajiet tas-senserija huma l-attivitajiet ta' persuni u ta' entitajiet:

- li jinnegozjaw jew jirranġaw transazzjonijiet li jistgħu jinvolvu t-trasferiment ta' l-oġġetti fuq il-Lista Komuni ta' l-UE tat-tagħmir militari minn pajjiż terz għal kull pajjiż ieħor terz;

jew

- li jixtru, ibigħu jew jirranġaw it-trasferiment ta' dawn l-oġġetti li jkunu fil-pussess tagħhom minn pajjiż terz għal kull pajjiż ieħor terz.

Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi Stat Membru milli jiddefinixxi l-attivitajiet tas-senserija fil-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu għalbiex tinkludi każijiet meta dawn l-oġġetti jiġu esportati mit-territorju tiegħu nnifsu jew mit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 3

1. Għall-attivitajiet tas-senserija, għandha tinkiseb liċenzja jew awtorizzazzjoni bil-miktub mill-awtoritajiet kompeteni ta' l-Istat Membru fejn isiru dawn l-attivitajiet, u, meta meħtieġa mill-leġisazzjoni nazzjonali, fejn is-sensar ikun residenti jew stabbilit. L-Istati Membri għandhom jagħmlu stima ta' l-applikazzjonijiet għal liċenzja jew awtorizzazzjoni bil-miktub għat-transazzjonijiet speċifiċi tas-senserija kontra d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-Kondotta fl-Esportazzjoni ta' l-Armi.

2. L-Istati Membri għandhom iżommu reġistrazzjonijiet għal mill-inqas 10 snin tal-persuni u l-entitajiet kollha li jkunu kisbu liċenzja skond it-termini tal-paragrafu 1.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu wkoll li s-sensara jiksbu awtorizzazzjoni bil-miktub għalbiex jaġixxu ta' sensara, kif ukoll jistabbilixxu reġistru tas-sensara tal-bejgħ ta' l-armi. Ir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni sabiex wieħed jaġixxi ta' sensar ma għandha fl-ebda każ tieħu l-post tal-ħtieġa li tinkiseb il-liċenzja meħtieġa jew l-awtorizzazzjoni bil-miktub għal kull transazzjoni.

2. Meta tintgħamel stima ta' kull applikazjoni għal awtorizzazzjoni għax-xogħol ta' sensar, jew tar-reġistrazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jqisu, fost ħwejjeġ oħra, kull reġistrazzjoni ta' l-involviment mill-applikant f'attivitajiet illeċiti fil-passat.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta' skambju tat-tagħrif dwar l-attivitajiet tas-senserija bejniethom, kif ukoll ma' Stati terzi, kif approprjat. Għandu jiġi stabbilit arranġament speċifiku għal dan l-iskambju tat-tagħrif. Dan l-arranġament irid, b'mod partikolari, iqis il-każ ta' meta jkunu involuti numru ta' Stati Membri fil-kontroll ta' l-istess transazzjoni/jiet tas-senserija.

2. It-tagħrif għandu jiġi skambjat, fost ħwejjeġ oħra, fl-oqsma li ġejjin:

- il-leġislazzjoni,

- is-sensara rreġistrati (jekk japplika),

- ir-reġistrazzjonijiet tas-sensara,

- iċ-ċaħdiet li jiġu rreġistrati l-applikazzjonijiet (jekk japplika) u l-applikazzjonijiet għal-liċenzji.

Artikolu 6

Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jistabbilixxi sanzjonijiet adegwati, inklużi s-sanzjonijiet kriminali, sabiex jiġi żgurat illi l-kontrolli fuq is-senserija fil-bejgħ ta' l-armi jkunu infurzati b'mod effettiv.

Artikolu 7

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 8

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Papandreou

--------------------------------------------------