32003E0365



Official Journal L 124 , 20/05/2003 P. 0049 - 0050


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2003/365/CFSP

tad-19 ta' Mejju 2003

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2001/357/CFSP li tirrigwarda miżuri restrittivi kontra l-Liberja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod parkolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) Fis-7 ta' Mejju 2001 il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/357/CFSP ([1]) li tirrigwarda l-miżuri restrittivi kontra l-Liberja sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-UNSC 1343 (2001) li tiddikjara l-miżuri li jridu jiġu imposti kontra l-Liberja, adottati fis-7 ta' Marzu 2001 mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, (minn issa 'l quddiem imsejħa l-UNSCR 1343 (2001)).

(2) Fis-7 ta' Mejju 2003 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta l-UNSCR 1478 (2003) li biha l-miżuri imposti kontra l-Liberja bl-UNSCRs 1343 (2001) u 1408 (2002) ġew emendati u estiżi sas-7 ta' Mejju 2004.

(3) L-UNSCR 1478 (2003) issejjaħ lill-Gvern tal-Liberja sabiex jistabbilixxi reġim effettiv ta' Ċertifikat ta' l-Oriġini għad-djamanti mhux maħduma mill-Liberja li jkun trasparenti u verifikabbli internazzjonalment, u li jipprovdi illi meta dan ir-reġim ikun lest sabiex isir operattiv fis-sħiħ u li jiġi implimentat kif jixraq, id-djamanti mhux maħduma kkontrollati mill-Gvern tal-Liberja permezz tar-reġim taċ-Ċertifikat ta' l-Oriġini għandhom ikunu eżentati mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni imposta mill-UNSCR 1343 (2001).

(4) L-azzjoni mill-Komunità hija meħtieġa sabiex timplimenta ċerti miżuri,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/357/CFSP hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. l-Artikolu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa li ma jħallux id-dħul, jew it-transitu, fit-territorju tagħhom ta':

(a) il-membri anzjani tal-Gvern tal-Liberja u tal-forzi armati tiegħu u tan-nisa tagħhom u ta' kull individwu ieħor li jipprovdi sostenn finanzjarju u militari lill-gruppi armati ribelli fil-pajjiż ġar, il-Liberja, b'mod partikolari r-RUF (il-Front Rivoluzzjonarju Magħqud) fis-Sierra Leone, kif innominat mill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 14 ta' l-UNSCR 1343 (2001), skond il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-UNSCR 1343 (2001);

(b) kull individwu, inkluż mil-LURD (il-Liberjani Magħquda għar-Rikonċiljazzjoni u d-Demokrazija) jew gruppi armati oħra, stabbiliti minn dan il-Kumitat li huma fi vjolazzjoni ta' l-embargo ta' l-armi iddikjarat fl-Artikolu 1, skond il-kondizzjonijiet iddikjarati mill-UNSCR 1478 (2003)."

2. Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

"Artikolu 3a

1. Għandha tkun ipprojbita l-importazzjoni diretta u indiretta ġewwa l-Komunità taz-zkuk tondi kollha u tal-prodotti mill-injam li joriġinaw fil-Liberja.

2. Il-paragrafu 1 għandu japplika mis-7 ta' Lulju 2003 għajr jekk il-Kunsill jiddeċiedi skond kull Riżoluzzjoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti."

Artikolu 2

Il-Pożizzjoni Komuni 2001/357/CFSP hija hawnhekk estiża sas-7 ta' Mejju 2004 għajr jekk il-Kunsill jiddeċiedi xort'oħra skond kull Riżoluzzoni rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett mid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Għandha tibda tapplika mis-7 ta' Mejju 2003.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Mejju 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

G. PAPANDREOU

[1] ĠU L 126, tat-8.5.2001, p. 1, Pożizzjoni Komuni kif l-aħħar emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2002/457/CFSP (ĠU L 155 ta' l-14.6.2002, p. 62).