32003D2256



Official Journal L 336 , 23/12/2003 P. 0001 - 0005


Id-Deċiżjoni Nru 2256/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta' Novembru 2003

li tadotta programm multiannwali (2003-2005) għall-monitoraġġ tal-pjan ta' azzjoni eEwropa, it-tixrid ta' prattiċi tajbin u t-titjib tas-sigurtà tan-networks u ta' l-informazzjoni (MODINIS)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000 il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona stipula l-mira li l-Unjoni Ewropea ssir l-aktar ekonomija bażata fuq l-għerf kompetittiva u dinamika fid-dinja u ddikjara l-ħtieġa li jintuża metodu miftuħ għall-kordinament tal-kejl tal-progress.

(2) Fid-19 u fl-20 ta' Ġunju 2000, il-Kunsill Ewropew Feira ikkonferma l-pjan ta' azzjoni eEwropa 2002 u speċjalment enfasizza l-ħtieġa li jitħejjew perspettivi fuq perjodu twil ta' żmien għall-ekonomija bbażata fuq l-għerf li tħajjar l-aċċess taċ-ċittadini kollha għat-teknoloġiji ġodda u fit-30 ta' Novembru 2000 il-Kunsill tas-Suq Intern iddefinixxa lista ta' 23 indikatur biex ikejjlu l-progress tal-pjan ta' azzjoni eEwropa.

(3) Fit-28 ta' Mejju 2002, il-Kummissjoni ppublikat komunikazzjoni indirizzata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni imsejjħa "eEwropa 2005: soċjeta ta' informazzjoni għal kull ħadd", u l-Kunsill Ewropew ta' Sevilja kkonferma l-miri ġenerali tal-pjan ta' azzjoni tal-21 u t-22 ta' Ġunju 2002.

(4) Fit-22 ta' Jannar 2001, il-Kummissjoni ppublikat komunikazzjoni indirizzata lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni imsejjħa "il-Ħolqien ta' soċjetà ta' informazzjoni aktar fiż-żgur billi tittejjeb is-sigurtà ta' l-infrastrutturi ta' l-informazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità relatata mal-komjuter".

(5) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropeq ta' Stokkolma tat-23 u l-24 ta' Marzu fihom talba biex il-Kunsill, flimkien mal-Kummissjoni, jiżviluppaw strateġjia komprensiva dwar is-sigurtà tan-networks elettroniċi inkluża azzjonijiet prattika ta' implimentazzjoni. Il-Komunikazzjoni dwar "In-network u s-sigurtà ta' l-informazzjoni: Proposta għall-attitudni ta' politika Ewropea" tas-6 ta' Ġunju 2001 kienet it-tweġiba inizjali tal-Kummissjoni għal din it-talba.

(6) Ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar il-pjan ta' azzjoni eEwropa: Informazzjoni u sigurtà tan-network, ir-riżoluzzjoni tat-28 ta' Jannar 2002 dwar attitudni komuni u azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni [5], ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 dwar attitudni Ewropea lejn kultura ta' sigurtà tan-network u informazzjoni [6] u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropea tat-22 ta' Ottubru 2002 dwar is-sigurtà tan-network u informazzjoni: proposta għal politika Ewropea talbet lill-Istati Membri biex jillanċjaw azzjonijiet speċifiċi biex itejjbu is-sigurtà tan-networks elettroniċi ta' komunikazzjoni u s-sistemi ta' informazzjoni. B'żieda il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laqgħu bil-ferħ l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni biex tiżviluppa, fost ħwejjeġ oħra, strateġija għal operazzjoni aktar stabbli u sigura għall-infrastruttura ta' l-Internet u li tagħmel proposta għall-istabbiliment ta' l-istruttura futura fil-livell Ewropew għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni.

(7) Il-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005, ikkonfermat f'dan ir-rigward bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003, ippropona, fost ħwejjeġ oħra, l-istabbiliment ta' struttura futura f'livell Ewropew għal kwistjonijiet tas-sigurtà tan-network u informazzjoni.

(8) Iċ-ċaqliq lejn soċjetà ta' informazzjoni jista', permezz ta' forom ġodda ta' relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali, jgħin lill-Unjoni Ewropea biex tlaħħaq ma' l-isfidi ta' dan is-seklu, u jista' jikkontribwixxi għat-tkabbir, kompetittività u l-ħolqien ta' l-impiegi. Is-soċjetà ta' l-informazzjoni tirriorganizza gradwalment in-natura ta' l-attività ekonomika u soċjali u għandha effetti importanti bejn is-setturi sa issa indipendenti ta' attività. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha għandhom jagħtu kont tal-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità u r-riskji assoċjati mal-esklużjoni diġitali kif ukoll ma l-iffunzjonar effiċjenti tas-suq intern. L-azzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri b'relazzjoni mas-soċjetà ta' l-informazzjoni jimmiraw li jippromwovu aktar il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-soċjetà ta' l-informazzjoni.

(9) Hemm ħtieġa għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi għall-monitoraġġ u l-iskambju ta' esperjenzi li għandhom jippermettu lill-Iustati membri li jipparagunaw u janaliżżaw it-twettieq u jirrevedu l-progress b'relazzjoni mal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005.

(10) Il-punt ta' referenza jippermetti lill-Istati Membri biex jistmaw jekk l-inizjattivi li ikunu wettqu fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005 humiex jagħtu riżultati li jistgħu jiġu paragunati ma' dawk fi Stati Membri oħra, kif ukoll internazzjonalment, u jekk humiex qed jużufruwixxu l-potenzal tat-tekonloġiji.

(11) L-azzjoni mill-Istati membri fil-qafas tal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005 tista' tiġi sostnuta aktar permezz tat-tixrid ta' prattċi tajbin. Il-valur miżjud Ewropew fiż-żona tal-punt tar-referenza u prattiċi tajbin jikkonsisti fl-evalwazzjoni paragunabbli ta' riżultati ta' deċiżjonijiet alternattivi, imkejjla b'metodoloġija komuni ta' monitoraġġ u analiżi.

(12) Hemm ħtieġa li jiġu analizzati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ta' l-informazzjoni bil-ħsieb li jiġu faċilitati d-diskussjonijiet tal-politika. Dan jippermetti lill-Istati membri biex jużufruwixxu aħjar il-potenzal ekonomiku u industrijali ta' l-iżvilupp tekonoloġiku, partikolarment fiż-żona tas-soċjetà ta' l-informazzjoni.

(13) Is-sigurtà tan-network u ta' l-informazzjoni saret prerekwiżit għal aktar progress lejn ambjent tan-negozju aktar sigur. In-natura komplessa tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni timplika li, fl-iżvilupp tal-miżuri politiċi f'dan il-qasam, lokali, nazzjonali, u, fejn xieraq, awtoritajiet Ewropej għandha tagħti kont firxa ta' aspetti politiċi, ekonomiċi, ta' organizzazzjoni u tekniċi, u li ikunu konxji tal-karattru deċentralizzat u globali tan-networks tal-komunikazzjoni. L-istabbiliment ippjanat ta' l-istruttura futura f'livell Ewropew għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-networks u l-informazzjoni għandu jtejjeb l-abbiltà ta' l-Istati Membri u tal-Komunità li jirrispondu għall-problemi prinċipali tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni. Ix-xogħol preparatorju jeħtieġ li jinbeda possibbilment fl-2003.

(14) Minħabba li l-attivitajiet imsemmija hawn fuq isegwu l-miri għall-promozzjoni ta' sinerġiji u koperazzjoni9 bejn Stati Membri, pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, pajjiżi applikanti u kandidati kif ukoll il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, il-Kummissjoni għandha fil-futur tħajjar aktar involviment ta' dawn il-pajjiżi fl-attivitajiet tal-programm.

(15) Din id-Deċiżjoni tippreskrivi, għat-tul kollu tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-budget u titjib fil-proċedura tal-budget, għall-awtorità tal-budget matul il-proċedura annwali tal-budget.

(16) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċiżżju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [7].

(17) Il-progress ta' dan il-programm għandu jiġi monitorjat kontinwament,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Programm multiannwali (2003 to 2005) għall-monitoraġġ tal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005, it-tixrid ta' prattiċi tajba u t-titjib tas-sigurtà tan-network u informazzjoni (hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ "il-programm") huwa b'dan adottat.

Il-programm għandu jkollu l-miri li ġejjin:

(a) li jimmonitorja t-twettieq ta' u ġewwa l-Istati Membri u jipparagunah ma' l-aħjar fid-dinja billi juża, fejn possibbli, statistika uffiċjali;

(b) li jsostni l-isforzi magħmula mill-Istati Membri fil-qafas ta' l-eEwropa, fil-livell nazzjonali, lokali jew reġjonali, permezz ta' l-analiżi ta' prattiċi tajba ta' l-eEwropa u billi jikkumplimenta l-interazzjoni ta' mekkaniżmi li jiżviluppaw u skambju ta' esperjenzi;

(ċ) li janalizza l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ta' l-informazzjoni bil-ħsieb li jiġu faċilitati diskussjonijiet ta' politika partikolarment f'termini ta' kompetittività industrijali u koeżjoni kif ukoll f'termini ta' inklużjoni soċjali; li jipprovdi lill-grupp apposta biex imexxi l-proġett ta' l-eEwropa bl-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista' jistma d-direzzjoni xierqa strateġika tal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005;

(d) li jħejji għall-istabbiliment ta' l-istruttura futura f'livell Ewropew għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni, kif maħsuba bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 u fil-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005, bil-ħsieb li tittejjeb is-sigurtà tan-network u l-informazzjoni.

L-attivitajiet tal-programm għandhom ikunu azzjonijiet ta' natura bejn setturi, li jikkomplementaw azzjonijiet f'oqsma oħra. Ebda waħda minn dawn l-azzjonijiet ma għandha tidduplika x-xogħol imwettaq f'dawn l-oqsma taħt programmi oħra tal-Komunità. L-azzjonijiet taħt il-programm dwar punti ta' referenza, prattiċi tajba u kordinament tal-politika għandhom jaħdmu biex jiksbu l-miri tal-pjan ta' azzjoni eEwropa 2005, biex jippromwovu s-sigurtà tan-network u informazzjoni u frekwenza wiesa', u li jippromwovu eGvern, eKummerċ, eSaħħa u eTagħlim.

Il-prgramm għandu wkoll jipprovdi qafas komuni għal interazzjoni komplementarja f'livell Ewropew tal-livelli varji nazzjonali, reġjonali u lokali.

Artikolu 2

Sabiex jintlaħqu l-miri msemmija fl-Artikolu 1, il-kategoriji li ġejjin ta' azzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a) Azzjoni 1

Monitoraġġ u paragun tat-twettieq:

- il-ġbir u l-analiżi ta' data fuq il-bażi ta' l-indikaturi tal-punti ta' referenza kif definiti fir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2003 dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni eEwropa [8], inklużi indikaturi reġjonali kif xieraq. Importanza speċjali għandha tingħata għad-data li tirrelata mal-miri prinċipali mal-pjan ta' azzjoni eEwropa;

(b) Azzjoni 2

Tixrid ta' prattiċi tajbin

- studji biex jiddentifikaw prattiċi tajba, f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-pjan ta' azzjoni eEwropa,

- sostenn għall-konferenzi maħsuba, seminars u laqgħat ta' diskussjoni f'sostenn mal-pjan ta' azzjoni eEwropa sabiex jippromvowu l-koperazzjoni u l-iskambju ta' esperjenzi u prattiċi tajba fi ħdan il-qafas komuni ta' interazzjonijiet kif definiti fl-Artikolu 1(b);

(ċ) Azzjoni 3

Analiżi u diskussjoni strateġika:

- sostenn għax-xogħol ta' esperti soċjali u ekonomiċi bil-ħsieb li jipprovdu lill-Kummissjoni u, fuq talba, lill-grupp ta' tmexxija eEwropa b'informazzjoni fir-rigward ta' analiżi tal-politika prospettiva,

- sostenn għall-grupp ta' tmexxija eEwropa biex jipprovdi deskrizzjoni qasira u ġenerika ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni eEwropa, biex joffri forum għall-iskambju ta' esperjenzi u biex jippermetti l-parteċipazzjoni bikrija tal-pajjiżi kandidati u, fejn xieraq, li jistieden lil partijiet oħra interessati biex jagħtu l-idejat tagħhom;

(d) Azzjoni 4

Titjib fis-sigurtà tan-network u l-informazzjoni:

- tħejjija ta' l-istabbiliment ta' l-istruttura futura f'livell Ewropew għall-kwistjonijiet tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni, kif maħsuba bir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 u t-18 ta' Frar 2003 dwar attitudni Ewropea lejn kultura ta' sigurta tan-network u informazzjoni, u fil-pjan ta' azzjoni eEwropa, per mezz ta', fost ħwejjeġ oħra, l-iffinanzjar ta' stħarriġ, studji, laqgħat ta' diskussjoni fuq suġġetti bħal makkaniżmi ta' sigurtà u l-interoperabilità tagħhom, il-protezzjoni tan-networks u kemm ikunu ta' min jorbot fuqhom, kriptografija avvanzata, privatezza u siġurta fil-komunikazzjonijiet mingħajr fil.

Artikolu 3

Fit-twettieq tal-miri stipulati fl-Artikolu 1 u l-azzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tuża mezzi xierqa u relevanti, u b'mod partikolari:

- l-għoti ta' kuntratti għall-esekuzzjoni ta' kompiti li jirrelataw ma' stħarriġ, studji esploratorji, studji dettaljati dwar oqsma speċifiċi, azzjonijiet prattiċi ta' daqs limitat inkluż laqgħat ta' diskussjoni u konferenzi;

- il-ġbir, pubblikazzjoni u tixrid ta' l-informazzjoni u servizzi bil-websajt;

- l-għoti ta' sostenn għal laqgħat ta' esperti, konferenzi, seminars.

Artikolu 4

Dan il-programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2003 sal-31 ta' Diċembru 2005.

Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm qiegħed b'dan jiġi ffissat għal EUR 21 miljun.

Tqassim indikattiv huwa mogħti fl-Anness.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm u l-kordinament tiegħu ma' programmi oħra tal-Komunità. Il-Kummissjoni għandha tħejji programm tax-xogħol kull sena fuq il-bażi ta' din id-Deċiżjoni.

Il-Kummissjoni għandha taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2):

(a) għall-adozzjoni tal-programm tax-xogħol, inkluż it-tqassim kollox ma' kollox tal-budget;

(b) għall-adozzjoni tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-programm;

(ċ) għall-istabbiliment tal-kriterji għal sejħiet għal proposti, skond il-miri msemmija fl-Artikolu 1, u għall-istima tal-proġetti mibgħuta fi tweġiba għal dawk is-sejħietfejn l-iffinanzjar tal-Komunità ta' ammont stmat tal-kontribuzzjoni tal-Komunità ikun daqsinsew għal, jew aktar minn, ewro 250000.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat (hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat").

2. Kull fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jgħoddu, wara li jingħata kont ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat bħala wieħed ta' tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura.

Artikolu 7

1. Sabiex jiġi assigurat li l-għajnuna tal-Komunità tintuża b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li azzjonijiet skond din id-Deċiżjoni ikunu suġġetti għall-istima effettiva minn qabel, monitoraġġ u evalwazzjoni sussegwenti.

2. Matul l-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet u wara t-tlestija tagħhom il-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod li bih dawn ikunu twettqu u l-impatt ta' l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tistma jekk il-miri oriġinali ikunux inkisbu.

3. Il-Kummissjoni għandha regolarment tinforma lill-Kumitat u lill-grupp ta' tmexxija eEwropa tal-progress fl-implimentazzjoni tal-programm kollu kemm hu.

4. Fit-tmiem tal-programm, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport ta' evalwazzjoni tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 8

1. Il-programm jista' jibfetaħ, fi ħdan il-qafas tal-patti ta' ftehim rispettivi tagħhom mal-Komunità Ewropea, għall-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, pajjiżi applikanti u kandidati kif ukoll mal-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropra ċentrali u tal-lvant.

2. Fil-kors ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-koperazzjoni ma' pajjiżi mhux membri u ma' organizzazzjonijiet jew korpi internazzjonali, kif xieraq, għandha tkun imħajjra.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta' Novembru 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

G. Alemanno

[1] ĠU C 291 E, tas-26.11.2002, p. 243.

[2] ĠU C 61, ta' l-14.3.2003, p. 184.

[3] ĠU C 128, tad-29.5.2003, p. 19.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Frar 2003 (għada mux ippublikata fil-Ġurnal Uffuċjali), posizzjoni komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 (ĠU C 159 E, tat-8.7.2003, p. 11) u posizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2003 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2003.

[5] ĠU C 43, tas-16.2.2002, p. 2.

[6] ĠU C 48, tat-28.2.2003, p. 1.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU C 48, tat-28.2.2003, p. 2.

--------------------------------------------------

ANNESS

Programm multiannwali għall-monitoraġġ ta' l-eEwropa, it-tixrid ta' prattiċi tajba u t-titjib tas-sigurtà tan-network u l-informazzjoni (MODINIS)

Tqassim indikattiv ta' l-ispiża 2003 sa 2005

budgetPerċentwali tal- totali skond il-kategorija u s-sena |

| 2003 | 2004 | 2005 | Total 2003-2005 |

Azzjoni 1 — monitoraġġ u paragun tat-twettieq | 12 % | 14 % | 14 % | 40 % |

Azzjoni 2 — tixrid ta' prattiċi tajba | 8 % | 10 % | 12 % | 30 % |

Azzjoni 3 — analiżi u diskussjoni strateġika | 2 % | 3 % | 3 % | 8 % |

Azzjoni 4 — titjib fis-sigurtà tan-network u l-informazzjoni | 17 % | 5 % | 0 % | 22 % |

Perċentwal tat-total | 39 % | 32 % | 29 % | 100 % |

--------------------------------------------------