32003D0564



Official Journal L 192 , 31/07/2003 P. 0023 - 0039


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-28 ta’ Lulju 2003

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE dwar verifiki fuq assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur

(notifikata taħt dokument numru C(2003) 2626)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/564/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE ta’ l-24 ta’ April 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrelataw ma’ assigurazzjoni dwar responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar ta’ l-obbligazzjonijiet għal assigurazzjoni fuq dik ir-responsabbiltà [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/232/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 2(2) u 7(3) tagħha,

Billi:

(1) Ir-relazzjonijiet bejn l-uffiċċji ta’ l-assiguraturi nazzjonali ta’ l-Istati Membri, kif definiti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 72/166/KEE (hawnhekk iżjed ’il quddiem, l-uffiċċji), u dawk tar-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, in-Norveġja, is-Slovakkja u l-Iżvizzera kienu regolati b’patti ta’ ftehim supplimentari għall-Ftehim Uniformi dwar is-Sistema tal-Kartuna l-Ħadra bejn l-Uffiċċji ta’ l-assiguraturi nazzjonali tat-2 ta’ Novembru 1951 (Patti ta’ Ftehim Supplimentari). Dawn il-Patti ta’ Ftehim Supplimentari jipprovdu għall-arranġamenti prattiċi biex jabolixxu l-verifiki ta’ assigurazzjoni fil-każ ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorji ta’ dawn il-pajjiżi.

(2) Il-Kummissjoni sussegwentement adottat deċiżjonijiet li jeħtieġu lil kull Stat Membru, skond id-Direttiva 72/166/KEE, li jżommu lura milli jagħmlu verifiki fuq assigurazzjoni dwar responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi li huma normalment ibbażati fi Stat Membru ieħor jew fit-territorji tal-pajjiżi msemmija hawn fuq li m’humiex membri u li huma suġġetti għall-Patti ta’ Ftehim Supplimentari.

(3) L-uffiċċji nazzjonali ta’ l-assiguraturi rrevedew u unifikaw it-testi tal-Patti ta’ Ftehim Supplimentari u ssostitwewhom bi ftehim wieħed (il-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali) iffirmat f’Madrid fil-15 ta’ Marzu 1991, skond il-prinċipji preskritti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 72/166/KEE. Il-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali kien mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/323/KEE [3].

(4) Il-Kummissjoni sussegwentement adottat id-Deċiżjonijiet 93/43/KEE [4], 97/828/KE [5], 99/103/KE [6] u 2001/160/KE [7] li jeħtieġu li kull Stat Membru, skond id-Direttiva 72/166/EEC, iżommu lura milli jagħmlu verifiki fuq assigurazzjoni dwar responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi li huma normalment ibbażati fi Stat Membru ieħor jew fit-territorji ta’, rispettivament, l-Islanda, is-Slovenja, il-Kroazja u Ċipru.

(5) Il-Ftehim bejn l-Uffiċċji ta’ l-Assiguraturi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri u taż-Żona Ekonomika Ewropea u Stati Assoċjati oħra kien konkluż fit-30 ta’ Mejju 2002 f’Rethymno (Kreta), skond il-prinċipji stipulati fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 72/166/KEE. L-ewwel Appendiċi li jinsab ma’ dak il-ftehim jinkorpora d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim Uniformi bejn l-Uffiċċji u l-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali f’dokument wieħed (ir-Regolamenti Interni). Dawn ir-Regolamenti Interni jissostitwixxu dawn iż-żewġ patti ta’ ftehim imsemmija l-aħħar mill-1 ta’ Awissu 2003.

(6) Għalhekk id-Deċiżjonijiet 91/323/KEE, 93/43/KEE, 97/828/KE, 99/103/KE u 2001/160/KE għandhom jiġu mħassra mill-1 ta’ Awissu 2003,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Mill-1 ta’ Awissu 2003, kull Stat Membru għandu jżomm lura li jagħmel verifiki fuq assigurazzjoni dwar responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ vetturi li huma normalment ibbażati fi Stat Membru ieħor jew fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, l-Ungerija, l-Islanda, in-Norveġja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Iżvizzera, li huma suġġetti għall-ftehim tat-30 ta’ Mejju 2002, bejn l-Uffiċċji ta’ l-Assiguraturi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri u ż-Żona Ekonomika Ewropea u Stati Assoċjati oħra, mehmuża bħala appendiċi ma’ l-Anness li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-Deċiżjonijiet 91/323/KEE, 93/43/KEE, 97/828/KE, 99/103/KE u 2001/160/KE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Awissu 2003.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex japplikaw din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta’ Lulju 2003.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 1.

[2] ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33.

[3] ĠU L 177, tal-5.7.1991, p. 25.

[4] ĠU L 16, tal-25.1.1993, p. 1.

[5] ĠU L 343, tat-13.12.1997, p. 25.

[6] ĠU L 33, tas-6.2.1999, p. 25.

[7] ĠU L 57, tas-27.2.2001, p. 56.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

APPENDIĊI

Ftehim bejn l-uffiċċji ta’ l-assiguraturi nazzjonali u l-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u Stati Assoċjati oħra

PREAMBOLU

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE ta’ l-24 ta’ April 1972 (L-Ewwel Direttiva li tirrelata ma’ l-assigurazzjoni tal-vetturi) li tipprovdi li l-uffiċċji nazzjonali ta’ l-assiguraturi ta’ l-Istati Membri għandhom jikkonkludu bejniethom ftehim li taħtu kull uffiċċju nazzjonali ta’ l-assiguraturi għandu jiggarantixxi l-ħlas ta’ talbiet li jseħħu fit-territorju tiegħu u kawżati mill-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, sew jekk il-vetturi jkunu assigurati jew le, skond il-ħtiġiet tal-liġi nazzjonali tiegħu stess dwar assigurazzjoni obbligatorja,

Wara li kkunsidraw il-fatt li d-Direttiva msemmija hawn fuq tipprovdi li vetturi normalment ibbażati f’pajjiż terz għandhom jiġu ttrattati bħala vetturi normalment ibbażati fil-Komunità jekk l-uffiċċji nazzjonali ta’ l-assiguraturi ta’ l-Istati Membri kollha jiggarantixxu solidalment – kull wieħed skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu stess dwar assigurazzjoni obbligatorja – il-ħlas ta’ talbiet fir-rigward ta’ aċċidenti li jseħħu fit-territorji tagħhom ikkawżati minn vetturi bħal dawk,

Wara li kkunsidraw il-fatt li, bl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-uffiċċji nazzjonali ta’ l-assigurazzjoni ta’ l-Istati Membri u l-uffiċċji nazzjonali ta’ l-assugirazzjoni ta’ Stati oħra ikkonkludew diversi patti ta’ ftehim immirati lejn l-issodisfar tal-preskrizzjonijiet tad-Direttiva u li dawn l-uffiċċji sussegwentement iddeċidew li jissostitwixxuhom bi ftehim wieħed magħruf bħala l-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ l-Assiguraturi iffirmat f’Madrid fil-15 ta’ Marzu 1991,

Wara li kkunsidraw il-fatt li, fl-Assemblea Ġenerali miżmuma f’Rethymno (Kreta) fit-30 ta’ Mejju 2002, il-Kunsill ta’ l-Uffiċċji ddeċieda li jinkorpora id-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim Uniformi bejn l-Uffiċċji u l-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ l-Assiguraturi li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Uffiċċji f’dokument wieħed magħruf bħala r-Regolamenti Interni,

L-Uffiċċji hawn taħt iffirmati kkonkludew il-ftehim li ġej:

Artikolu 1

L-Uffiċċji hawn taħt iffirmati jintrabtu, fil-kuntest tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet mandatorji kif ukoll mad-dispożizzjonijiet mhux obbligatorji tat-Taqsimiet II u III tar-Regolamenti Interni, fejn japplikaw adottati mill-Kunsill ta’ l-Uffiċċji fit-30 ta’ Mejju 2002, li huwa mehmuż ma’ dan il-ftehim – Appendiċi I.

Artikolu 2

L-Uffiċċji hawn taħt iffirmati jagħtu awtorità reċiproka, f’isimhom proprju u f’isem il-membri tagħhom, lil Uffiċċji firmatarji oħra biex jikkonkludu amikevolment kull talba u li jaċċettaw is-servizz ta’ kull proċess ġudizzjarju jew extra ġudizzjarju li x’aktarx iwassal għall-ħlas ta’ kumpens dovut minħabba aċċidenti fil-kuntest u l-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti Interni.

Artikolu 3

Ir-rabta msemmija fl-Artikolu 1 għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2003, f’liema data għandha tissostitwixxi l-Ftehim Uniformi bejn l-Uffiċċji u l-Ftehim ta’ Garanziji Multilaterali bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ l-Assiguraturi li fil-preżent jorbot lill-firmatarji ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perijodu ta’ żmien mhux limitat. Madanakollu, kull Uffiċċju firmatarju jista’ jiddeċiedi li jirtira minn dan il-Ftehim billi jagħti avviż bil-miktub dwar dik id-deċiżjoni lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Uffiċċji li għandu, wara, hekk jinforma lill-Uffiċċji firmatarji l-oħra u lill-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea. Dak l-irtirar għandu jkollu effett wara t-tmiem ta’ perijodu ta’ 12-il xahar mid-data tad-dispaċċ ta’ dik in-notifikazzjoni. L-Uffiċċju firmatarju ikkonċernat għandu jibqa’ responsabbli skond dan il-Ftehim u l-Annessi li jinsabu miegħu, li jissodisfa t-talbiet kollha għar-rimborż li jirrelataw mal-ħlas ta’ talbiet li jirriżultaw minn aċċidenti li jseħħu sat-tmiem tal-perijodu definit hawn fuq.

Artikolu 5

Dan il-Ftehim huwa konkluż bejn l-Uffiċċji firmatarji msemmija hawn taħt, fir-rigward tat-territorji li għalihom kull wieħed minnhom huwa kompetenti, fil-forma ta’ tliet kampjuni f’kull waħda mill-lingwi Ingliżi u Franċiżi.

Kampjun wieħed f’kull waħda minn dawn il-lingwi għandu jkun depożitat mas-Segretarjat tal-Kunsill ta’ l-Uffiċċji, is-Segretarjat Ġenerali tal-Comité Européen des Assurances u l-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Uffiċċji għandu jipprovdi lil kull Uffiċċju Firmatarju b’kopji awtorizzati ta’ dan il-Ftehim.

Iffirmat f’Rethymno (Kreta), fit-30 ta’ Mejju 2002.

L-Awstrija, għall-Verband der Versicherungsunternehmen Österreichs: Günter Albrecht, Segretarju u Manager

Il-Belġju, għall-Bureau Belge des Assureurs Automobiles: Alain Pire, Directeur-Secrétaire Général

L-Iżvizzera (u Liechtenstein), għas-Swiss National Bureau of Insurance: Martin Metzler, President

Ċipru, għall-Motor Insurers’ Fund: Aristos Pissiris, President u Andreas Charalambides, Manager/Segretarju

Repubblika Ċeka, għall-Ceská Kancelár Pojistitelu: Jakub Hradec, Chief Executive

Ġermanja, għad-Deutsches Büro Grüne Karte e.V.: Ulf Lemor, Direttur Maniġerjali

Id-Danimarka (u l-Gżejjer Faeroe), għad-Dansk Forening for International Motorkøretøjsforsikring: Steen Leth Jeppesen, Direttur Maniġerjali

Spanja, għall-Oficina Española de Aseguradores de Automóviles: José Ignacio Lillo Cebrián, President

Franza, għall-Bureau Central Français: Alain Bouchon, President

Il-Finlandja, għall-Liikennevakuutuskeskus: Olli Latola, President tal-Bord u Ulla Niku-Koskinen, Direttur Maniġerjali

Ir-Renju Unit tal-Gran Brettanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iċ-Channel Islands, Ġibiltà u l-Isle of Man, għall-Motor Insurers’ Bureau: James Read, Chief Executive

Il-Greċja, għall-Motor Insurer’s Bureau: Michael Psalidas, President u George Tzanis, Segretarju Ġenerali

L-Ungerija, għall-Hungarian Motor Insurance Bureau: István Ragályi, Direttur Maniġerjali

Il-Kroazja, għall-Hrvatski Ured Za Osiguranje: Ante Lui, Maniġer Ġenerali

L-Italja (u r-Repubblika ta’ San Marino u l-Istat tal-Vatikan), għall-Ufficio Centrale Italiano (UCI): Raffaele Pellino, President

L-Irlanda, għall-Motor Insurers’ Bureau: Michael Halligan, Chief Executive

L-Islanda, għall-Alpjódlegar Bifreidatryggingar á Islandi: Sigmar Ármannsson, Direttur Maniġerjali

Il-Lussemburgu, għall-Bureau Luxembourgeois des Assureurs: Paul Hammelmann, Segretarju Ġenerali

In-Norveġja, għall-Trafikkforsikringsforeningen: Jan Gunnar Knudsen, Direttur Maniġerjali

L-Olanda, għan- Nederlands Bureau de Motorrijtuigverzekeraar: Frank Robertson, President

Il-Portugall, għall-Gabinete Português de Carta Verde GPCV: Maria José Mesquita, Viċi President u Antonio Lourenço, Vogel

L-Isveżja, għat-Trafikförsakringsföreningen: Ulf Blomgren, Direttur Maniġerjali

Is-Slovakkja, għas-Slovenská kancelária poist’ovatel’ov: Imrich Fekete, President u Lydia Blaeková, Chief Executive

Is-Slovejna, għas-Slovensko Zavarovalno Zdruenje, GIZ: Tjaša Korbar, Kap tal-Green Card Bureau (għan-nom ta’ Mirko Kalua, Direttur)

--------------------------------------------------