32003D0403



Official Journal L 141 , 07/06/2003 P. 0023 - 0024


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-26 ta’ Mejju 2003

li temenda d-deċiżjoni Nru 2003/17/KE dwar l-ekwivalenza ta’ l-ispezzjonijiet fuq il-post li jsiru f’pajjiżi terzi fuq uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żrieragħ u dwar l-ekwivalenza taż-żrieragħ prodotti f’pajjiżi terzi.

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2003/403/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żrieragħ tal-pjanti għall-għalf [1], u partikolarment l-Artikolu 16(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 66/402/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1966 dwar il-marketing taż-żrieragħ taċ-ċereali [2], u partikolarment l-Artikolu 16(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żrieragħ tal-pjanti taż-żejt u tal-fibri [3], u partikolarment l-Artikolu 20(1) tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

billi:

(1) Fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 2003/17/KE [4], il-Kunsill iddetermina li l-ispezzjonijiet fuq il-post li jsiru f’ċerti pajjiżi terzi fuq uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żrieragħ ta’ ċerti speċi u fuq zrieragħ prodotti f’ċerti pajjiżi terzi jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE, 2002/57/KE u fid-Direttiva tal-Kunsill 2002/54/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-marketing taż-żerriegħa tax-xitla tal-pitravi [5].

(2) Minn dak iż-żmien ġie stabbilit li fil-Lituwanja hemm ukoll regoli dwar il-kontroll taż-żrieragħ għal firxa ta’ speċi ta’ pjanti li jipprevedu li jsiru spezzjonijiet uffiċjali fuq il-post matul il-perjodu tal-produzzjoni taż-żerriegħa.

(3) Dawk ir-regoli jipprevedu fil-prinċipju li ż-żerriegħa tista’ tkun iċċertifikata uffiċjalment u li l-pakketti taż-żerriegħa jingħalqu uffiċjalment skond l-Iskemi ta’ l-OECD għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Varjetà taż-Żerriegħa li timxi fil-Kummerċ Internazzjonali. Ir-regoli jipprevedu wkoll it-teħid ta’ kampjuni u testijiet skond il-metodi ta’ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali ta’ l-Ittestjar taż-Zrieragħ (ISTA).

(4) Stħarriġ ta’ dawk ir-regoli u l-mod kif inhuma applikati fil-Lituwanja wera li l-ispezzjonijiet fuq il-post ta’ uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żrieragħ jissodisfaw il-kondizzjonjiet stabbiliti fid-Direttivi 66/401/KEE, 66/402/KEE and 2002/57/KE. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw iż-żrieragħ maħsuda u kkontrollati fil-Lituwanja jagħtu l-istess assikurazzjonjiet f’dawk li huma karatteristiċi taż-żerriegħa u arranġamenti għall-eżaminazzjoni tagħha, għall-aċċertament ta’ l-identifikazzjoni taż-żerriegħa, għall-immarkar u għall-kontroll bħad-dispożizzjonijiet applikabbli għaż-żerriegħa maħsuda u kkontrollata fi ħdan il-Komunità, sakemm kondizzjonijiet oħra għall-uċuh tar-raba li jipproduċu ż-żrieragħ u ż-żrieragħ prodotti, partikolarment f’dak li hu mmarkar tal-pakketti, ikunu ssodisfati.

(5) il-Lituwanja għandha għalhekk tingħata ekwivalenza fir-rigward ta’ ċerti speċi.

(6) Id-Deċiżjoni 2003/17/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.,

ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2003/17/KE il-punt li ġej jiġi inserit wara l-punt relatat mal-Latvja:

"Il-Lituwanja | Il-Ministeru ta' l-Agrikoltura, Vilnius | 66/401/KEE 66/402/KEE 2002/57/KE" |

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-26 ta’ Mejju 2003.

F’isem il-Kunsill

Il-President

G. Drys

[1] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2298/66. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/64/KE (ĠU L 234, ta’ l-1.9.2001, p. 60).

[2] ĠU C 125, tal-11.7.1966, p. 2309/66. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/64/KE.

[3] ĠU L 193, ta’ l-20.7.2002, p. 74. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/68/KE (ĠU L 195, ta’ l-24.7.2002, p. 32).

[4] ĠU L 8, ta' l-14.1.3, p. 10.

[5] ĠU L 193, ta' l-20.7.2, p. 12.

--------------------------------------------------