Official Journal L 179 , 09/07/2002 P. 0001 - 0005
Ir-Regolament (KE) Nru 1221/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ġunju 2002 dwar kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur ta' l-amministrazzjoni pubblika IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew [2], Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità [4], (ESA 95), fiha l-qafas ta' referenza ta' regoli ta' standards, definizzjonijiet, klassifiki u kontijiet komuni biex jinkitbu l-kontijiet ta' l-Istati Membri għar-rekwiżiti ta' statistika tal-Komunità, biex jinkisbu riżultati komparabbli bejn Stati Membri. (2) Ir-rapport mill-Kumitat Monetarju dwar rekwiżiti ta' informazzjoni, endorsjat mill-Kunsill ta' l-Ecofin fit-18 ta' Jannar 1999, enfasizza li, għall iffunzjonar kif imiss ta' l-unjoni ekonomika u monetarja u s-suq uniku, sorveljanza effettiva u kordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi huma ta' importanza kbira u li dan jirrikjedi sistema komprensiva ta' informazzjoni statistika li tipprovdi lil dawk li jagħmlu l-politika bid-data meħtieġa li fuqha jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Ir-rapport iddkjara wkoll li prijorita għolja għandha tingħata lil statistiċi ta' finanzi pubbliċi fuq terminu qasir għal Stati Membri, b'mod partikolari dawk li jipparteċipaw fl-unjoni ekonomika u monetarja, u li l-għan kien il-kompilazzjoni ta' kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur issimplifikati għas-settur tal-amministrazzjoni pubblika li tirriżulta minn avviċinament pass pass. (3) Huwa xieraq li jkunu ddefiniti kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur issimplifikati għal amministrazzjoni pubblika b'referenza għal-lista tal-kategoriji ta' l-ESA 95 ta' spiża u introjtu tal-gvern iddefiniti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1500/2000 ta' l-10 ta' Lulju 2000 li jimpliment r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 rigward l-ispiża u introjtu ta' l-amministrazzjoni pubblika [5]. (4) Il-prijorita fl-avviċinament pass pass ingħata lit-taxxi, kontribuzzjonijiet soċjali attwali u benefiċċji soċjali barra minn trasferimenti soċjali f'oġġetti, bħala kategoriji li jirrapreżentaw indikaturi ta' min joqgħod fuqhom ta' tendenzi fil-finanzi pubbliċi li huma diġa disponibbli fil-ħin (l-ewwel pass). (5) It-trasmissjoni ta' l-ewwel sett ta' kategoriji fuq bażi ta' kull tliet xhur, minn Ġunju 2000, fl-Istati Membri kollha hija koperta bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 264/2000 tat-3 ta' Frar 2000 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2223/96 rigward statistiċi finanzjarji pubbliċi ta' termini qosra [6]. (6) Huwa meħtieġ li l-ewwel pass ikun issupplimentat b'sett ieħor ta' kategoriji biex tinkiseb il-lista sħiħa ta' kategoriji li jikkostitwixxu l-ispiża u l-introjtu tal-amministrazzjoni pubblika. (7) Il-kredibilita tad-data ta' kull tliet xhur li jipprovdi għalihom dan ir-Regolament rigward id-data annwali għandha tkun stmata (ivvalutata). Rapport dwar il-kwalità tad-data ta' kull tliet xhur għandu għalhekk isir qabel tmiem l-2005. (8) L-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 jippreskrivu l-kondizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni tista' tadotta emendi għall-metodoloġija ta' l-ESA 95 biex tiċċara u ttejjeb il-kontenut tagħha. Il-kompilazzjoni ta' kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għall amministrazzjoni pubblika għandu jirrikjedi riżorsi addizzjonali fl-Istati Membri. It-trasmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni għalhekk għandha tkun ittrattata permezz ta' Deċiżjoni tal-Kummissjoni. (9) Il-Kumitat dwar il-Programm Statistiku (SPC), imwaqqaf mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom [7], u l-Kumitat dwar Statistiċi Monetarji, Finanzjarji u Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB), imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/115/KEE [8], kien kull wieħed minnhom ikkonsultat skond l-Artikolu 3 ta' dawk id-Deċiżjonijiet, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Għan L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi l-kontenut tal-kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika, jippreskrivi l-lista ta' kategoriji ta' l-ESA 95 li għandha tintbagħat lil Stati Membri mit-30 ta' Ġunju 2002 u jispeċifika l-karatteristiċi prinċipali ta' dawn il-kategoriji. Artikolu 2 Kontenut tal-kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika Il-kontenut tal-kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika huwa ddefinit fl-Anness b'referenza għal lista ta' kategoriji ta' l-ESA 95 li jikkostitwixxu l-ispiża u l-introjtu tal-amministrazzjoni pubblika. Artikolu 3 Kategoriji kkonċernati bit-trasmissjoni ta' data ta' kull tliet xhur 1. Stati Membri għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) data ta' kull tliet xhur għall-kategoriji jew grupp ta' kategoriji inklużi fil-lista pprovduta fl-Anness, bl-eċċezzjoni ta' dawk il-kategoriji li għalihom id-data għandha tkun trasmessa skond ir-Regolament (KE) Nru 264/2000. 2. Data ta' kull tliet xhur għandha tkun trasmessa għall-kategoriji (jew gruppi ta' kategoriji) ta' spiża u introjtu ta' amministrazzjoni pubblika li ġejjin: (a) spiża: - konsum intermedju (P.2) - formazzjoni ta' kapital gross + Akkwisti naqqas ir-rimi ta' assi mhux finanzjarji mhux prodotti (P.5 + K.2) - formazzjoni tal-kapital fiss gross (P.51) - kumpens lill-impjegati (D.1) - taxxi oħra fuq il-produzzjoni (D.29) - sussidji, pagabbli (D.3) - introjtu minn proprjeta (D.4) - imgħax (D.41) - taxxi kurrenti fuq introjtu, ġid eċċ. (D.5) - trasferimenti soċjali f'oġġetti konnessi ma' spiża fuq prodotti forniti lil djar via produtturi tas-suq (D.6311 + D.63121 + D.63131) - trasferimenti kurrenti oħra (D.7) - aġġustament għat-tibdil f'net equity ta' djar fir-riżervi ta' fondi tal-pensjoni (D.8) - taxxi kapitali + Għotjiet għall-investimenti + trasferimenti kapitali oħra, pagabbli (D.91 + D.92 + D.99). (b) introjtu: - prodott tas-suq + Prodott għal użu finali proprju + Pagamenti għall-prodott mhux tas-suq l-ieħor (P.11 + P.12 + P.131) - sussidji oħra fuq il-produzzjoni, riċevibbli (D.39) - introjtu minn proprjeta (D.4) - kontribuzzjonijiet soċjali attribwiti (D.612) - trasferimenti oħra kurrenti (D.7) - għotjiet għall-investimenti + Trasferimenti oħra kapitali, riċevibbli (D.92 + D.99). 3. Transazzjonijiet D.41, D.7, D.92 u D.99 jkunu kkonsolidati ġewwa s-settur tal-amministrazzjoni pubblika. It-transazzjonijiet l-oħra m'humiex ikkonsolidati. Artikolu 4 Kompilazzjoni tad-data ta' kull tliet xhur: sorsi (għejun) u metodi 1. Data ta' kull tliet xhur konnessi ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-2001 'il quddiem għandha tkun ikkompilata skond ir-regoli li ġejjin: (a) data ta' kull tliet xhur għandhom ikunu bbażati kemm jista' jkun fuq informazzjoni diretta minn sorsi bażiċi, bil-għan li jitnaqqsu, għal kull tliet xhur, id-differenzi bejn l-ewwel estimi u ċ-ċifri finali; (b) l-informazzjoni diretta għandha tintemm b'aġġustamenti ta' kopertura, jekk meħtieġa, u b'arranġamenti konċettwali biex id-data ta' kull tliet xhur tinġieb taqbel mal-konċetti ta' l-ESA 95; (ċ) id-data ta' kull tliet xhur u d-data annwali korrispondenti għandhom ikunu konsistenti. 2. Data ta' kull tliet xhur konnessi ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-1999 sar-raba' tliet xhur ta' l-2000 għandhom ikunu kkompilati skond is-sorsi u metodi li jiżguraw konsistenza bejn id-data ta' kull tliet xhur u d-data annwali korrispondenti. Artikolu 5 Skeda taż-żmien għat-trasmissjoni tad-data ta' kull tliet xhur 1. Data ta' kull tliet xhur li jirreferi għalihom l-Artikolu 3 għandhom jingħataw lill-Kummissjoni (Eurostat) l-iktar tard fi żmien tliet xhur wara t-tmiem tat-tliet xhur li magħhom id-data jkunu konnessi. Kull reviżjoni tad-data ta' kull tliet xhur għal kwarti ta' sena ta' qabel għandha tintbagħat fl-istess żmien (ħin). 2. L-ewwel trasmissjoni ta' data ta' kull tliet xhur għandha tirrigwarda data għall-ewwel tliet xhur ta' l-2002. Stati Membri għandhom jibagħtu dawn id-data mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2002. Madankollu, il-Kummissjoni tista' tikkonċedi deroga, li ma teċċedix iktar minn sena, dwar id-data ta' l-ewwel trasmissjoni tad-data ta' kull tliet xhur għall-ewwel tliet xhur ta' l-2002 'il quddiem, sakemm is-sistema ta' statistika nazzjonali jirrikjedu adattazzjonijiet kbar. Artikolu 6 Trasmissjoni ta' backdata 1. Stati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni (Eurostat) backdata ta' kull tliet xhur għall-kategoriji li jirreferi għalihom l-Artikolu 3, billi jibdew mill-ewwel tliet xhur ta' l-1999. 2. Data ta' kull tliet xhur konnessi ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-1999 sar-raba' tliet xhur ta' l-2001 għandhom ikunu trasmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju 2002. Madankollu, il-Kummissjoni tista' tikkonċedi deroga, li ma teċċedix iktar minn sena, dwar id-data ta' l-ewwel trasmissjoni tad-data ta' kull tliet xhur mill-ewwel tliet xhur ta' l-1999 'il quddiem, sakemm is-sistema ta' statistika nazzjonali jirrikjedu adattazzjonijiet kbar. Artikolu 7 Implimentazzjoni 1. Stati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) b'deskrizzjoni tas-sorsi u metodi użati biex jikkompilaw id-data ta' kull tliet xhur li jirreferi għaliha l-Artikolu 3 (deskrizzjoni inizzjali), fl-istess ħin li jibdew jittrasmettu data ta' kull tliet xhur skond l-iskeda taż-żmien li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(2). 2. Kull reviżjoni tad-deskrizzjoni inizjali tas-sorsi u metodi użati biex jikkompilaw id-data ta' kull tliet xhur għandha tkun ipprovduta lill-Kummissjoni (Eurostat) meta d-data riveduti jkunu mibgħuta. 3. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm lill-SPC u lill-CMFB informati bis-sorsi u metodi użati minn kull Stat Membru. Artikolu 8 Rapport Fuq il-bażi tad-data trasmessi għall-kategoriji speċifikati fl-Artikolu 3, u wara li tkun ikkonsultat mal-SPC, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha, sal-31 ta' Diċembru 2005 l-iktar tard, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jkun fih stima tal-kredibilita tad-data ta' kull tliet xhur mibgħuta minn Stati Membri. Artikolu 9 Dispożizzjonijiet transizzjonali 1. Stati Membri li m'humiex f'pożizzjoni jittrasmettu, matul il-perjodu transizzjonali li jipprovdi għalih il-paragrafu 4, data ta' kull tliet xhur mill-ewwel tliet xhur ta' l-2001 'il quddiem skond is-sorsi u metodi li jipprovdi għalihom l-Artikolu 4(1) u l-iskeda ta' żmien li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(1) għandhom japplikaw il-paragrafu 2. 2. L-Istati Membri li jirreferi għalihom il-paragrafu 1 għandhom jittrasmettu lill-Kummissjoni (Eurostat) "l-aħjar estimi ta' kull tliet xhur" tagħhom (jiġifieri, billi jinkorporaw l-informazzjoni ġdida kollha li ssir disponibbli matul il-proċess ta' l-ikkompilar ta' sistema mtejba ta' kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika) skond l-iskeda ta' żmien li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(1). Huma għandhom jindikaw fl-istess ħn liema passi baqagħlhom jittieħdu biex ikunu osservati s-sorsi u metodi li jipprovdi għalihom l-Artikolu 4(1). 3. Matul il-perjodu transizzjonali li jipprovdi għalih il-paragrafu 4, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha teżamina l-progress magħmul minn Stati Membri lejn l-osservanza sħiħa ta' l-Artikolu 4(1). 4. Il-perjodu transizzjonali għandu jibda mid-data ta' l-ewwel trasmissjoni li jirreferi għaliha l-Artikolu 5(2) u għandu jintemm fil-31 ta' Marzu 2005 l-iktar tard. Artikolu 10 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ġunju 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President J. Piqué I Camps [1] ĠU C 154 E, tad-29.5.2001, p. 300. [2] ĠU C 131, tat-3.5.2001, p. 6. [3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2001 (ĠU C 65 E, ta' l-14.3.2002, p. 33) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju. [4] ĠU L 310, tat-30.11.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 359/2002 (ĠU L 58, tat-28.2.2002, p. 1). [5] ĠU L 172, tat-12.7.2000, p. 3. [6] ĠU L 29, ta' l-4.2.2000, p. 4. [7] ĠU L 181, tat-28.6.1989, p. 47. [8] ĠU L 59, tas-6.3.1991, p. 19. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 96/174/KE (ĠU L 51, ta' l-1.3.1996, p. 48). -------------------------------------------------- L-ANNESS Kontenut tal-kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika Kontijiet mhux finanzjarji ta' kull tliet xhur għal amministrazzjoni pubblika huma ddefiniti b'referenza għal-lista ta' spiża u introjtu tal-gvern inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1500/2000. Spiża tal-amministrazzjoni pubblika tikkomprendi kategoriji ta' l-ESA 95 irreġistrati taħt in-naħa ta' l-użu, jew il-bidliet fin-naħa ta' l-assi jew bidliet fin-naħa ta' djun u siwi nett tas-sekwenza ta' kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika, bl-eċċezzjoni ta' D.3 li hija rreġistrata taħt in-naħa ta' riżorsi tal-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika. Introjtu tal-amministrazzjoni pubblika jikkomprendi l-kategoriji ta' l-ESA 95 irreġistrati taħt in-naħa tar-riżorsi jew bidliet fid-djun fis-siwi nett tas-sekwenza tal-kontijiet mux finanzjarji għall-amministrazzjoni pubblika, bl-eċċezzjoni ta' D.39 li hija rreġistrata taħt in-naħa ta' l-użu tal-kontijiet tal-amministrazzjoni pubblika. B'definizzjoni, id-differenza bejn l-introjtu tal-amministrazzjoni pubblika u spiża tal-amministrazzjoni pubblika, kif iddefinita hawn iktar 'il fuq, hija tislif nett (+)/self nett (−) tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika. It-transazzjonijiet D.41, D.7, D.92 u D.99 huma kkonsolidati ġewwa s-settur tal-amministrazzjoni pubblika. It-transazzjonijiet l-oħra m'humiex ikkonsolidati. It-tabella hawn iktar 'l isfel turi kategoriji ESA 95 li jikkostitwixxu l-ispiża u introjtu tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kategoriji murija f'korsiv huma diġa suġġetti għal trasmissjoni fuq bażi ta' kull tliet xhur fil-kuntest tar-Regolament tal Kummissjoni (KE) Nru 264/2000. Kodiċijiet ESA 95 | Spiża tal-amministrazzjoni pubblika | P.2 | Konsum intermedju | P.5 + K.2 | Formazzjoni ta' kapital gross + akkwisti naqqas rimi ta' assi mhux finanzjarji mhux prodotti | P.51 | Formazzjoni ta' kapital fiss gross | D.1 | Kumpens ta' l-impjegati | D.29 | Taxxi oħra fuq il-produzzjoni | D.3 | Sussidji, pagabbli | D.4 | Introjtu minn proprjeta | D.41 | Imgġax | D.5 | Taxxi kurrenti fuq introjtu, ġid eċċ. | D.62 + D.6311 + D.63121 + D.63131 | Benefiċċji soċjali barra trasferimenti soċjali f'oġġetti + trasferimenti soċjali f'oġġetti konnessi għal spiża fuq prodotti forniti lil djar via produtturi tas-suq | D.7 | Trasferimenti kurrenti oħra | D.8 | Aġġustament għall-bidla fin-net equity tal-fondi ta' pensjoni riżervi | D.9 | Trasferimenti kapitali, pagabbli | Kodiċijiet ESA 95 | Introjtu tal-amministrazzjoni pubblika | P.11 + P.12 + P.131 | Prodott tas-suq + prodott għal użu finali proprju + pagamenti għall-prodott mhux tas-suq l-ieħor | D.2 | Taxxi fuq produzzjoni u importazzjonijiet | D.39 | Sussidji oħra fuq il-produzzjoni | D.4 | Introjtu minn proprjeta | D.5 | Taxxi kurrenti fuq introjtu, ġid eċċ. | D.61 | Kontribuzzjonijiet soċjali | D.611 | Kontribuzzjonijiet soċjali attwali | D.612 | Kontribuzzjonijiet soċjali attribwiti(?) | D.7 | Trasferimenti kurrenti oħra | D.9 | Trasferimenti kapitali, riċevibbli | D.91 | Taxxi kapitali | B.8g | Tifdil, gross | B.9 | Tislif nett/self nett | --------------------------------------------------