32002R1019



Official Journal L 155 , 14/06/2002 P. 0027 - 0031


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1019/2002

tat-13 ta’ Ġunju 2002

dwar l-istandards ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa

IL-KUMMISSJONI TAL- KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1513/2001 [2] u b’mod partikolari l-Artikolu 35a tiegħu,

Billi:

(1) Iż-żejt taż-żebbuġa għandu ċerti kwalitajiet, b’mod partikolari kwalitajiet organoleptiċi u ta’ nutriment, li, waqt li jingħata kont tan-nefqa tal-produzzjoni, jippermetti d-dħul tiegħu f’suq fejn il-prezzijiet huma relattivament għolja meta mqabbla ma’ xaħmijiet oħra veġetali. Meħud kont ta’ din is-sitwazzjoni tas-suq, għandhom jiġu stabbiliti livelli ġodda ta’ marketing għas-suq għaż-żejt taż-żebbuġa li jkun fih, b’mod partikolari, regoli speċifiċi ta’ tikkettjar li jisupplimentaw dawk stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu 2000 dwar l-approssimizzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-tikkettjar, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel [3], kif emendat bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/101/KE [4], u b’mod partikolari r-regoli stabbiliti fl-Artikolu 2 tagħha.

(2) Biex tiġi ggarantita l-awtentiċità taż-żjut taż-żebbuġa mibjugħa, l-ippakkeġġjar għall-bejgħ bl-imnut għandu jkun żgħir u jkollu sistema adegwata kif jingħalaq. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jawtorizzaw pakkeġġjar akbar għal stabbilimenti kollettivi.

(3) Minbarra d-deskrizzjonijiet obbligatorji għall-kategoriji varji ta’ żejt taż-żebbuġa pprovduti fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati dwar it-tipi ta’ żejt taż-żebbuġa offruti.

(4) Bħala riżultat tat-tradizzjonijiet agrikoli u l-prattiċi ta’ estrazzjoni u taħlit ta’ żjut verġni taż-żebbuġa introdotti direttament fis-suq jistgħu jkunu ta’ togħma u kwalità pjuttost differenti skond l-oriġini ġeografika tagħhom. Dan jista’ jwassal għal differenzi fil-prezz fl-istess kategorija li jfixklu s-suq. M’hemm ebda differenzi sostanzjali marbuta ma’ l-oriġini f’kategoriji oħrajn ta’ żejt taż-żebbuġa li jista’ jittiekel, u għalhekk jekk jiġi indikat il-post ta’ l-oriġini fuq l-ippakkeġġjar immedjat ta’ żejt bħal dak dan jista’ jwassal lill-konsumatur li jaħseb li jeżistu xi differenzi fil-kwalità. Biex ma jkunx hemm disturb fis-suq taż-żjut taż-żebbuġa li jittieklu, għandhom għalhekk jiġu stabbiliti standards tal-Komunità li jindikaw l-oriġini. Dawn għandhom ikunu ristretti għaż-żjut extra verġni u ż-żjut verġni taż-żebbuġa li jissodisfaw kondizzjonijiet preċiżi. L-għan huwa li jkun hemm sistema li tesiġi li jintwera b’mod obbligatorju l-oriġini għal dawk il-kategoriji ta’ żejt taż-żebbuġa. Madankollu, billi ma jeżistu ebda faċilitajiet biex jiġu intraċċjati u vverifikati il-kwantitajiet kollha ta’ żejt taż-żebbuġa fiċ-ċirkolazzjoni, mhux possibbli li llum tiġi introdotta sistema bħal dik, u għalhekk għandhom jiġu introdotti provvedimenti mhux obbligatorji għaż-żjut extra verġni u verġni taż-żebbuġa.

(5) Trejd marks eżistenti inklużi referenzi ġeografiċi jistgħu jibqgħu jintużaw basta kienu ġew irreġistrati uffiċjalment fil-passat skond l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trejd marks [5], kif emendata bid-Deċiżjoni 92/10/KEE [6], jew ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ 20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trejd mark tal-Komunità [7], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 3288/94 [8].

(6) Indikazzjoni reġjonali ta’ l-oriġini tista’ tkun koperta b’indikazzjoni protetta ta’ oriġini (PDO) jew indikazzjoni protetta ġeografika (PGI) taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet u l-ismijiet tal-postijiet ta’ oriġini għall-prodotti agrikoli u prodotti ta’ l-ikel [9], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2796/2000 [10]. Indikazzjonijiet li juri oriġini reġjonali għandhom ikunu riżervati għall-PDOs jew il-PGIs biex tiġi evitata l-konfużjoni għall-konsumaturi li tista’ twassal għal tfixkil fis-suq. Fil-każ ta’ żjut taż-żebbuġa importati, ir-regoli dwar oriġini mhux preferenzjali pprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxu l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [11], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [12], għandhom jiġu mħarsa.

(7) Jekk l-indikazzjoni taż-żejt verġni taż-żebbuġa tkun tirreferi għall-Komunità jew għal Stat Membru, wieħed għandu jżomm f’moħħu li mhux biss iż-żebbuġ użat iżda wkoll it-teknika u l-prattiċi ta’ l-estrazzjoni jaffettwaw il-kwalità u t-togħma taż-żejt. L-indikazzjoi ta’ l-oriġini għandha għalhekk tkun tirreferi għaż-żona ġeografika li minnha ż-żejt taż-żebbuġa kien miksub, li hija ġeneralment ż-żona li fiha ż-żejt kien estratt miż-żebbuġ. Madankollu, f’ċerti każi ż-żejt jiġi estratt f’lok li ma jkunx l-istess bħal dak fejn ikun sar il-qtugħ taż-żebbuġ u dan it-tagħrif għandu jiġi ddikjarat fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketti mwaħħla ma’ l-ippakkeġġjar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux ingannati u s-suq fiż-żejt taż-żbbuġa ma jiġix imfixkel.

(8) Fil-Komunità u fl-Istati Membri proporzjon prinċipali taż-żejt verġni taż-żebbuġa fis-suq huwa magħmul minn taħlitiet ta’ żjut taż-żebbuġa, biex b’hekk tiġi ggarantita kwalità kostanti u l-karatteristiċi tipiċi organoleptiċi mistennija mis-suq. Il-karatteristiċi tipiċi taż-żejt verġni taż-żebbuġa fl-erji kkonċernati huma ggarantiti minkejja, jew kultant minħabba, iż-żieda ta’ proporzjon żgħir ta’ żejt taż-żebbuġa li jkun joriġina f’żona oħra. Sabiex ikunu jistgħu jsiru provvisti regolari għas-suq skond ix-xejriet tradizzjonali tal-kummerċ u biex jingħata kont tat-tlugħ u nżul fil-volumi ta’ produzzjoni speċifiċi għat-tkabbir taż-żebbuġ, għalhekk, l-indikazzjoni ta’ l-oriġini li ssemmi l-Komunità jew Stat Membru għandha tinżamm meta l-prodott ikun taħlita li jkun fiha proporzjon żgħir ta’ żejt taż-żebbuġa minn żoni oħra. Madankollu, l-konsumaturi għandhom jiġu infurmati f’każi bħal dawk li l-prodott ma joriġinax kollu kemm hu miż-żona koperta bl-indikazzjoni ta’ oriġini.

(9) Taħt id-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet murija fuq it-tikketti ma jistgħux iqarrqu bix-xerrej, partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa konċernat, jew billi jattribwixxu lilu kwalitajiet li ma jkollux, jew billi jissuġġerixxu li jkun fih karatteristiċi speċjali meta fil-fatt il-parti l-kbira taż-żjut ikollhom dawk il-karatteristiċi. Ċerti indikazzjonijiet użati komunement, li m’humiex obbligatorji li huma speċifiċi għaż-żejt taż-żebbuġa jeħtieġu wkoll regoli armonizzati biex jiddefinixxu eżatt dikjarazzjonijiet bħal dawk u jiżguraw li dak li qiegħed jingħad dwarhom ikun jista’ jiġi vverifikat. Għalhekk, il-kunċetti ta’ "tagħsir kiesaħ" u "estrazzjoni kiesħa" għandhom jikkorrispondu ma’ metodu teknikament definit ta’ produzzjoni tradizzjonali. Kwalitajiet organoleptiċi għandhom ikunu bbażati fuq sejbiet oġġettivi. Ir-referenza għall-aċidità fl-iżolament tissuġerixxi skorrettement skala ta’ kwalità assoluta li tqarraq bil-konsumatur billi dan il-fattur jirrappreżenta valur kwalitattiv biss b’relazzjoni mal-karatteristiċi l-oħra taż-żejt taż-żebbuġa kkonċernat. Konsegwentement, minħabba l-proliferazzjoni ta’ ċerti indikazzjonijiet u s-sinjifikanza ekonomika tagħhom, kriterji oġġettivi għall-użu tagħhom għandhom jiġu stabbiliti sabiex tiġi introdotta l-kjarezza fis-suq taż-żejt taż-żebbuġa.

(10) Għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat li oġġetti ta’ l-ikel li jkun fihom iż-żejt taż-żebbuġa ma jiħdux vantaġġ mill-konsumaturi billi jenfasizzaw ir-reputazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa mingħajr ma jispeċifikaw b’mod ċar il-kompożizzjoni reali tal-prodott. Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa u ċerti indikazzjonijiet speċifiċi għall-prodotti li jkunu jikkonsistu esklussivament minn taħlita ta’ żjut veġetali għandu għalhekk ikun jidher b’mod ċar fuq it-tikketta. B’żieda, għandu jingħata kont tad-dispożizzjonijiet speċjali mniżżla f’ċerti regolamenti speċifiċi għall-prodotti miż-żejt taż-żebbuġa.

(11) L-ismijiet tal-kategoriji taż-żejt taż-żebbuġa jikkorrispondu ma’ karatteristiċi fiżiko-kimiċi u organoleptiċi li huma mniżżla fl-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2568/91 tal-11 ta’ Lulju 1991 dwar il-karatteristiċi taż-żejt taż-żebbuġa u l-fdal miż-żejt taż-żebbuġa u l-metodi relevanti ta’ analiżi [13], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 796/2002 [14]. L-indikazzjonijiet l-oħra kollha li jidhru fuq it-tikketta għandhom ikunu kkorraborati minn elementi oġġettivi sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi ma jiġux imqarrqa u li l-kompetizzjoni fis-swieq taż-żjut konċernati ma tiġix iddisturbata.

(12) Fi ħdan il-qafas tas-sistema ta’ verifiki stabbilit fl-Artikolu 35a(2) tar-Regolament Nru 136/66/KEE, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw l-evidenza li għandha tiġi pprovduta u l-penalitajiet finanzjarji imposti fil-każ tat-termini differenti li jistgħu jintużaw fuq it-tikketti. Mingħajr ma jiġu skartati xi possibiltajiet a priori, evidenza bħal dik tista’ tinkludi fatti stabbiliti, ir-riżultati ta’ analiżi jew xhieda ta’ min jorbot fuqha, u informazzjoni amministrattiva jew ta’ accounting.

(13) Billi l-verifiki fuq l-intrapriżi responsabbli għall-ittikkettjar għandhom isiru fl-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti, għandu jkun hemm proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fejn iż-żejt ikun għall-bejgħ fis-suq.

(14) Sabiex jiġu vvalutati l-arranġamenti pprovduti f’dan ir-Regolament, l-Istati Membri konċernati għandhom jirrapportaw dwar iċ-ċirkostanzi u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom.

(15) Sabiex jiġi permess perjodu ta’ aġġustament għall-istandards il-ġodda u l-ħolqien tal-mezzi meħtieġa biex dawn jiġu applikati, il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2815/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 dwar livelli ta’ marketing għaż-żejt taż-żebbuġa [15], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2152/2001 [16], għandu jiġi mtawwal u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tiġi ddifferita.

(16) Il-Kumitat Amministrattiv għaż-Żjut u x-Xaħmijiet ma tax opinjoni fiż- żmien preskritt mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2000/13/KE, dan ir-Regolament jistabbilixxi livelli speċifiċi għall-marketing fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut għaż-żjut taż-żebbuġa u għaż-żjut mill-ilbieba taż-żebbuġ riferiti fil-punti 1(a) u (b), 3 u 6 ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE.

2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, l-istadju tal-bejgħ bl-imnut tfisser il-bejgħ lill-konsumatur finali taż-żejt kif riferit fil-paragrafu 1, ippreżentat fl-istat naturali tiegħu jew inkorporat f’oġġetti ta’ l-ikel.

Artikolu 2

Żjut kif riferiti fl-Artikolu 1(1) għandhom jiġu ppreżentati lill-konsumatur finali f’pakkeġġjar ta’ kapaċità massima ta’ ħames litri. Ippakkeġġjar bħal dak għandu jkun iffittjat b’sistema ta’ ftuħ li ma tistax terġa’ tiġi ssiġillata wara li jinfetaħ l-ewwel darba u għandu jkun ittikkettjat skond l-Artikoli 3 sa 6.

Madankollu, fil-każ ta’ żjut maħsuba għall-konsum f’ristoranti, sptarijiet, canteens u stabbilimenti oħra simili kollettivi, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw kapaċità massima li teċċedi l-ħames litri għall-ippakkeġġjar skond it-tip ta’ stabbiliment li jkun.

Artikolu 3

L-itikkettjar ta’ żjut kif riferiti fl-Artikolu 1(1) għandu jġorr, b’ittri ċari u li ma jitħassrux, b’żieda mad-deskrizzjoni tal-kummerċ skond l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, it-tagħrif li ġej dwar il-kategorija taż-żejt:

(a) żejt

extra

verġni taż-żebbuġa

"żejt taż-żebbuġa ta’ kategorija superjuri miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi;"

(b) żejt verġni taż-żebbuġa

"żejt taż-żebbuġa miksub direttament minn żebbuġ u unikament b’mezzi mekkaniċi;"

(ċ) żejt taż-żebbuġ magħmul minn żjut raffinati taż-żebbuġa u żjut verġni taż-żebbuġa:

"żejt magħmul esklussivament minn żjut taż-żebbuġa li jkunu għaddew minn proċess ta’ raffinar u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ;"

(d) żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ:

"żejt magħmul esklussivament minn żjut miksuba billi l-prodott miksub jiġi ttrattat wara l-estrazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ,"

jew

"żejt magħmul esklussivament minn żjut miksuba bl-ipproċessar ta’ żejt mill-ilbieba taż-żebbuġa u żjut miksuba direttament miż-żebbuġ;"

Artikolu 4

1. Żejt biss extra verġni u verġni taż-żebbuġa kif definit fil-punti 1(a) u (b) ta’ l-Anness li jinsab mar-Regolament Nru 136/66/KEE jista’ jġorr l-indikazzjoni ta’ l-oriġini fuq it-tikketta, taħt il-kondizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafi 2 sa 6.

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament "indikazzjoni ta’ l-oriġini" tfisser referenza għaż-żona ġeografika fuq l-ippakkeġġjar jew it-tikketta mwaħħla ma’ l-ippakkeġġjar.

2. L-indikjazzjonijiet ta’ l-oriġini jistgħu juru oriġini reġjonali għall-prodotti li jibbenefikaw minn indikazzjoni protetta ta’ oriġini jew minn indikazzjoni protetta ġeografika taħt ir-Regolament (KEE) Nru 2081/92. Indikazzjonijiet bħal dawk huma protetti b’dak ir-Regolament.

F’każi oħra l-indikazzjoni ta’ l-oriġini tikkonsisti f’referenza għal Stat Membru, il-Komunità jew pajjiż terz.

3. L-ismijiet ta’ brands jew ditti li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet saret mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 taħt id-Direttiva 89/104/KEE jew mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2002 taħt ir-Regolament (KE) Nru 40/94 m’għandhomx jitqiesu li jkunu indikazzjonijiet ta’ oriġini koperti b’dan ir-Regolament.

4. Fil-każ ta’ importazzjoni minn pajjiż terz, l-indikazzjoni ta’ l-oriġini għandha tiġi stabbilita skond l-Artikoli 22 sa 26 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

5. L-indikazzjoni ta’ oriġini li ssemmi Stat Membru jew il-Komunità għandha tikkorrispondi għaż-żona ġeografika li fiha nqata’ ż-żebbuġ in kwistjoni jew li fiha kienet tinsab il-mitħna fejn kien estratt iż-żejt miż-żebbuġ.

Jekk iż-żebbuġ kien maqtugħ fi Stat Membru jew pajjiż terz ħlief għal dak li fih kienet tinsab il-mitħna li fiha ġie estratt iż-żejt miż-żebbuġ, l-indikazzjoni ta’ l-oriġini għandu jkun fiha l-kliem li ġej: "żejt (extra) verġni taż-żebbuġa miksub fil-(Komunità jew l-isem ta’ l-Istat Membru jew il-pajjiż ikkonċernat) minn żebbuġ maqtugħ fil-(Komunità jew l-isem ta’ l-Istat Membru jew tal-pajjiż ikkonċernat)".

6. Fil-każ ta’ taħlitiet ta’ żjut extra verġni taż-żebbuġa jew ta’ żjut verġni taż-żebbuġa li fihom aktar minn 75 % oriġinaw, fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, fl-istess Stat Membru jew fil-Komunità, l-oriġini prinċipali tista’ tiġi indikat segwita b’indikazzjoni tal-persentaġġ minimu (75 % jew aktar) li huwa attwalment mil-lok prinċipali ta’ l-oriġini.

Artikolu 5

Fost l-indikazzjonijiet obbligatorji li jistgħu jidhru fuq it-tikketti taż-żejt kif riferit fl-Artikolu 1(1), dawk stabbiliti b’dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mal-ħtiġijiet rispettivi li ġejjin:

(a) l-indikazzjoni "l-ewwel ippressar kiesaħ" tista’ tidher biss għal żjut verġni jew extra verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C mill-ewwel ippresar mekkaniku tal-pasta taż-żebbuġ minn sistema tradizzjonali ta’ estrazzjoni bl-użu ta’ presses idrawliċi;

(b) l-indikazzjoni "estrazzjoni kiesħa" tista’ tidher biss għal żjut verġni jew extra verġni taż-żebbuġa miksuba f’temperatura taħt is-27 °C permezz ta’ perkolazzjoni jew ċentrifugazzjoni tal-pasta taż-żebbuġ;

(ċ) l-indikazzjonijiet ta’ proprjetajiet organoleptiċi jistgħu jidhru biss jekk ikunu bbażati fuq ir-riżultati ta’ metodu ta’ analiżi pprovdut fir-Regolament (KEE) Nru 2568/91;

(d) l-indikazzjoni ta’ l-aċidità jew ta’ l-aċidità massima tista’ tidher biss jekk tkun akkumpanjata b’indikazzjoni, f’ittri ta’ l-istess daqs u fl-istess firxa viżwali, bil-valur tal-peroxide, il-kontenut ta’ xemgħa u l-assorbiment ultraviolet, stabbiliti skond ir-Regolament (KEE) Nru 2568/91.

Artikolu 6

1. Fejn il-preżenza ta’ żjut kif riferiti fl-Artikolu 1(1) f’taħlita ta’ żejt taż-żebbuġa u żjut oħra veġetali tkun enfasizzata fuq it-tikketta f’banda’oħra li ma tkunx fil-lista ta’ l-ingredjenti, bl-użu ta’ kliem, stampi jew grafika, it-taħlita kkonċernata għandha ġġorr id-deskrizzjoni tal-kummerċ li ġejja: "Taħlita ta’ żjut veġetali (jew l-ismijiet speċifiċi taż-żjut veġetali kkonċernati) u żejt taż-żebbuġa", direttament segwita bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa fit-taħlita.

Il-preżenza ta’ żejt taż-żebbuġa tista’ tiġi enfasizzata permezz ta’ stampi jew grafika fuq it-tikketta tat-taħlita kif riferit fl-ewwel subparagrafu biss fejn tkun tagħti kont għal aktar minn 50 % tat-taħlita kkonċernata

2. Bl-eċċezzjoni tal-każijiet li għalihon issir referenza permezz tar-regolamenti speċifiċi għal ċerti prodotti li jkun fihom żejt taż-żebbuġa, fejn il-preżenza ta’ żejt taż-żebbuġa fi prodott ta’ l-ikel, barra minn dawk riferiti fil-paragrafu 1, tiġi enfasizzata fuq it-tikketta band’oħra li ma tkunx dik fil-lista ta’ l-ingredjenti, bl-użu ta’ kliem, stampi jew grafika id-deskrizzjoni tal-kummerċ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għandha tkun direttament segwita bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa relattiv għall-piż nett totali ta’ l-oġġett ta’ l-ikel.

Il-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż nett totali ta’ l-oġġett ta’ l-ikel jista’ jiġi sostitwit bil-persentaġġ ta’ żejt taż-żebbuġa miżjud relattiv għall-piż totali ta’ xaħmijiet, billi jiżdied il-kliem persentaġġ ta’ xaħmijiet.

3. Fejn ikun preżenti żejt mill-ilbieba taż-żebbuġ, il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, bil-kliem "żejt mill-ilbieba taż-żebbuġa" li jissostitwixxu "żejt taż-żebbuġa".

Artikolu 7

Fuq it-talba ta’ l-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, ta’ dak li jippakkja jew il-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta, il-parti konċernata għandha tipprovdi dokumentazzjoni li ssostni l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikoli 4, 5, u 6, ibbażata fuq element wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a) elementi fattwali jew fatti stabbiliti b’mod xjentifiku,

(b) ir-riżultati ta’ analiżi jew ir-rekordjar awtomatiku meħud fuq kampjuni rappreżentattivi;

(ċ) tagħrif amministrattiv jew ta’ accounting miżmum skond ir-regoli tal-Komunità u/jew dawk nazzjonali.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jippermetti tolleranza bejn l-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikoli 4, 5 u 6 u li jidhru fuq it-tikketta, u l-konkluzjonijiet milħuqa a bażi tad-dokumentazzjoni in sostenn ippreżentata u/jew l-opinjonijiet komparattivi ta’ l-esperti, waqt li jingħata kont ta’ l-akkuratezza u r-rata ta’ repetizzjoni ta’ l-opinjonijiet komparattivi ta’ l-esperti.

Artikolu 8

1. Kull Stat Membru għandu jibgħat l-isem u l-indirizz tal-korp jew korpi responsabbli għall-immonitorjar ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Kummissjoni, li għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra u lil kull parti interessata li hekk titlob.

2. L-Istat Membru li fih ikun sitwat l-indirizz tal-manifattur, dak li jippakkja jew il-bejjiegħ li jidher fuq it-tikketta għandu, wara talba ghal verifika, jieħu kampjuni qabel l-aħħar tax-xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba u jivverifika l-verità ta’ l-indikazzjonijiet fuq it-tikketta konċernata. Din it-talba tista’ tintbagħat minn:

(a) id-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni;

(b) organizzazzjoni ta’ l-operaturi approvata minn dak l-Istat Membru skond l-Artikolu 4a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 [17];

(ċ) il-korp ta’ kontroll ta’ Stat Membru ieħor.

3. It-talbiet kif riferiti fil-paragrafu 2 għandhom ikunu akkumpanjati bit-tagħrif kollu meħtieġ għall-verifika mitluba, u b’mod partikolari:

(a) id-data tal-kampjunar jew dik tax-xiri taż-żejt in kwistjoni;

(b) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz ta’ l-intrapriża fejn ikun ittieħed il-kampjun jew fejn kien inxtara ż-żejt konċernat;

(ċ) in-numru tal-lottijiet konċernati;

(d) kopja tat-tabelli kollha li jidhru fuq l-ippakkeġġjar taż-żejt konċernat;

(e) ir-riżultati ta’ l-analiżi jew ta’ l-opinjonijiet komparattivi l-oħra ta’ l-esperti li jindikaw il-metodi użati u l-isem u l-indirizz tal-laboratorju jew ta’ l-espert konċernat;

(f) fejn japplika, l-isem tal-persuna li tagħmel il-provvista taż-żejt in kwistjoni kif iddikjarat mill-istabbiliment li jimmarkettjah fis-suq.

4. Qabel l-aħħar tat-tielet xahar li jiġi wara dak li fih issir it-talba riferita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat għandu jinforma lil min jagħmel it-talba bin-numru tar-referenza allottjat lilu u l-azzjoni meħuda.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, inklużi dawk fir-rigward tas-sistema tal-penalitajiet biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri meħuda għal dak il-għan mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002, u bl-emendi għal dawk il-miżuri qabel l-aħħar ta’ kull xahar li jiġi wara dak li fih ikunu ġew addottati.

2. Għall-għan tal-verifika ta’ l-indikazzjonijiet kif riferiti fl-Artikoli 5 u 6, l-Istati Membri konċernati jistgħu jintroduċu arranġamenti għall-approvazzjoni ta’ stabbilimenti li l-faċilitajiet ta’ l-ippakkeġġar tagħhom ikun sitwat fit-territorju tagħhom. Tali approvazzjoni għandha tkun obbligatorja għall-indikazzjonijiet riferiti fl-Artikolu 4.

L-approvazzjoni għandha tingħata u identifikazzjoni alfanumerika tingħata lil kull stabbiliment li hekk jitlob li jkun jikkonformi mal-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) ikollu faċilitajiet ta’ l-ippakkeġġjar;

(b) jintrabat li jiġbor u jżomm id-dokumentazzjoni ta’ sostenn meħtieġa mill-Istat Membru skond l-Artikolu 7;

(ċ) ikollu sistema ta’ ħażna li tagħmilha possibbli li tiġi vverifikata l-provenjenza taż-żjut li jkunu jġorru indikazzjoni ta’ oriġini, għas-sodisfazzjon ta’ l-Istat Membru konċernat.

It-tikketta għandha, fejn japplika, iġorr l-identifikazzjoni alfanumerika ta’ l-impjant approvat ta’ ppakkeġġjar.

3. L-Istati Membri jistgħu jkomplu jikkonsidraw stabbilimenti approvati, approvati għall-ippakkeġġjar ta’ żjut b’indikazzjoni ta’ oriġini skond ir-Regolament (KE) Nru 2815/98 bħala konformi mal-ħtiġijiet ta’ l-approvazzjoni għas-sena tas-suq 2001/02.

Artikolu 10

L-Istati Membri konċernati għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, rapport li jkun fih it-tagħrif li ġej dwar is-sena ta’ qabel:

(a) talbiet għall-verifiki riċevuti skond l-Artikolu 8(2);

(b) il-verifiki magħmula u dawk mibdija fis-snin ta’ qabel fis-suq u li għadhom ma ġewx mitmuma;

(ċ) l-insegwiment tal-verifiki magħmula u l-penalitajiet applikati.

Ir-rapport għandu jippreżenta dan it-tagħrif skond is-sena li fiha tkun saret il-verifika u skond il-kategorija tal-ksur tal-liġi. Fejn huwa applikabbli, għandu jelenka xi diffikultajiet speċifiċi li wieħed ikun iltaqa’ magħhom u proposti għal titjib tal-kontrolli.

Artikolu 11

Fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KEC) Nru 2815/98, id-data "30 ta’ Ġunju 2002" hija sostitwita b’ "31 ta’ Ottubru 2002".

Artikolu 12

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Għandu japplika mill-1 ta’ Novembru 2002, ħlief fil-każ ta’ prodotti li jkunu ġew legalment manifatturati u ttikkettjati fil-Komunità Ewropea jew legalment importati fil-Komunità Ewropea u rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa qabel l-1 ta’ Awissu 2002.

L-Artikolu 2 għandu jibda jgħodd mill-1 ta’ Lulju 2002.

L-Artikoli 3, 5 u 6 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Novembru 2003.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[2] ĠU L 201, tas-26.7.2001, p. 4.

[3] ĠU L 109, tas-6.5.2000, p. 29.

[4] ĠU L 310, tat-28.11.2001, p. 19.

[5] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 1.

[6] ĠU L 6, tal-11.1.1992, p. 35.

[7] ĠU L 11, ta’ l-14.1.1994, p. 1.

[8] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 83.

[9] ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1.

[10] ĠU L 324, tal-21.12.2000, p. 26.

[11] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1.

[12] ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17.

[13] ĠU L 248, tal-5.9.1991, p. 1.

[14] ĠU L 128, tal-15.5.2002, p. 8.

[15] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 56.

[16] ĠU L 288, ta’ l-1.11.2001, p. 36.

[17] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 32.

--------------------------------------------------