32002R0263



Official Journal L 043 , 14/02/2002 P. 0009 - 0010


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 263/2002

tat-13 ta’ Frar 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2550/2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 2529/2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż fir-rigward ta’ skemi ta' premiums

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2799/98 tal-15 ta’ Diċembru 1988 li jistabbilixxi arranġamenti agromonetarji għall-ewro [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) u l-Artikolu 11(3) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2550/2001 [3] jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż fir-rigward ta’ skemi ta' premiums, imma ma jiddefinixxix kif il-bdil ta’ premiums u ħlasijiet fil-munita nazzjonali fl-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-ewro għandu jsir. Għal dik ir-raġuni hemm il-ħtieġa li jkun definit il-metodu ta’ bdil f’muniti nazzjonali fl-Istati Membri u b’mod partikulari l-avveniment operattiv u r-rata ta’ kambju applikabbli.

(2) Rigward l-avveniment operattiv, biex ikunu applikati l-kriterji previsti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (EK) Nru 2799/98, huwa xieraq li jkun definit bħala l-ewwel jum tas-sena kalendarja li għaliha l-premia jitħallsu. Rigward ir-rata ta’ kambju li għandha tkun applikata, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2808/98 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2452/2000 [5], jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ sistema agromonetarja għall-euro fl-agrikoltura. L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jgħid li r-rata ta’ kambju li għandha tintuża għandha tkun ir-rata l-iktar reċentement stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) qabel l-avveniment operattiv.

(3) Madankollu, bl-għanijiet li jinkisbu l-miri ta’ l-organizzazzjoni tas-suq komuni għal nagħaġ u mogħoż, ir-rata applikabbli fid-data ta’ l-avveniment operattiv għandha tkun stabbilita b'mod li jiżgura fil-prinċipju li għajnuniet, premiums u ammonti bħal dawn ma jġarrbux varjazzjonijiet akuti fit-tibdil għal munita nazzjonali dovuta għar-rati ta’ kambju f’data waħda. Għal dan l-għan, l-aħjar soluzzjoni tidher li hi l-medja tar-rati ta’ kambju applikabbli matul ix-xahar li jiġi qabel is-sena li għaliha l-premium jingħata, ikkalkolata pro rata temporis.

(4) Il-miżuri li jiddisponi għalihom dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għan-Nagħaġ u l-Mogħoż,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu li ġej jiżdied b’dan mar-Regolament (KE) Nru 2550/2001:

"KAPITOLU IIIa

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 18a

Tibdil f’munita nazzjonali

L-avveniment operattiv għar-rata ta’ kambju li għandha tkun applikata għall-ammont tal-premiums u ħlasijiet imsemmijin fl-Artikoli 4, 5 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 għandu jkun il-bidu tas-sena kalendarja li għaliha l-premium jew ħlas jingħata.

Ir-rata ta’ kambju li għandha tintuża għandha tkun il-medja tar-rati ta’ kambju applikabbli fix-xahar ta’ Diċembru li jiġi qabel id-data ta’ l-avveniment operattiv."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2002.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 13 ta’ Frar 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 349, ta' l-24.12.1998, p. 1.

[2] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p. 3.

[3] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p. 105.

[4] ĠU L 349, ta' l-24.12.1998, p, 36.

[5] ĠU L 282, tat-8.11.2000, p. 9.

--------------------------------------------------