32002Q0328



Official Journal C 077 , 28/03/2002 P. 0001 - 0003


Ftehim interistituzzjonali

tat-28 ta' Novembru 2001

fuq l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid ta' l-atti legali

(2002/K 77/01)

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TA' L-UNJONI ERWOPEA U L-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew, imlaqqa' f'Edinburgh f'Diċembru ta' l-1992, stabbilixxa l-importanza għall-Komunità li l-leġiżlazzjonmi tal-Komunità issir aktar aċċessibbli u li tiftiehem aħjar.

(2) Fl-20 ta' Diċembru 1994, wara l-linji gwida mfassla mill-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni kkonkludew Ftehim Inter-istituzzjonali dwar il-metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġiżlattivi [1] ħalli jittejjeb b'mod sostanzjali l-mod ta' kif jistgħu jinqraw l-atti legli li jkunu ġew emendati b'mod estensiv.

(3) Madankollu, l-esperjenza turi li, minkejja l-użu ta' dan il-metodu aċċellerat, is-sottomissjoni tal-Kummissjoni tal-proposti tal-kodifikazzjoni uffiċjali u ta' l-adozzjoni tal-leġiżlatura ta' l-atti tal-kodifikazzjoni uffiċjali ħafna drabu jittardjaw, l-aktar għaliex sadattant ikunu ġew adottati emendi ġodda għall-att legali in kwistjoni, li jwassal biex il-proċess ta' kodifikazzjoni jkollu jerġa' jibda mill-ġdid.

(4) Huwa għalhekk rakkomandat, l-aktar fir-rigward ta' atti legali li jiġu emendati ħafna drabi, li tintuża teknika legali li tippermetti li l-emendi għal, u l-kodifikazzjoni ta' l-atti jsiru fil-qafas ta' test leġiżlattiv wieħed.

(5) F'dak il-kuntest, fejn għandha ssir emenda sostantiva għal att legali li jkun sar qabel, il-metodu tal-kitba mill-ġdid jippermetti l-adozzjoni ta' test leġiżlattiv wieħed li fl-istess waqt jagħmel l-emenda mixtieqa, jikkodifika l-emenda mad-dispożizzjonijiet mhux mibdula ta' l-att ta' qabel, kif ukoll iħassar dak l-att.

(6) Bħala riżultat, sakemm dan jevita l-proliferazjoni ta' atti emendatorji iżolati li ħafna drabi jagħmlu r-regolamenti diffiċli ħafna biex ikunu miftehma, it-teknika ta' kitba mill-ġdid huwa mezz xieraq li jiżgura li l-liġi tal-Komunità tkun tista' tinqara fuq bażi permanenti u universali.

(7) L-użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid jifforma parti mill-miżuri meħuda mill-istituzzjonijiet biex il-liġi tal-Komunità ssir aktar aċċessibbli, bħall-adozzjoni tal-metodu ta' ħidma aċċellerat għall-kodifikazzjoni uffiċjali u l-istabbiliment ta' linji gwida komuni għall-kwalità ta' kif titfassal il-liġi tal-Komunità permezz tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 [2].

(8) Il-Kunsill Ewropew mlaqqa' f'Helsinki f'Diċembru 1999 xtaq li l-Ftehim Inter-istituzzjonali dwar l-użu tat-teknika ta' kitba mill-ġdid jintemm kemm jista' jkun malajr mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

1. L-għan ta' dan il-Ftehim huwa li jkunu stabbiliti regoli ta' proċedura li jippermettu użu aktar strutturat tat-teknika ta' kitba mill-ġdid skond il-proċess leġiżlattiv normali tal-Komunità.

2. Il-kitba mill-ġdid għandha tkun tikkonsisti fl-adozzjoni ta' att legali ġdid li jinkorpora f'test wieħed kemm l-emendi sostantivi li dan jagħmel għall-att ta' qabel kif ukoll id-dispożizzjonijiet mhux mibdula ta' dak l-att. L-att legali l-ġdid jissostitwixxi u jħassar l-att ta' qabel.

3. Proposta għall-kitba mill-ġdid sottomessa mill-Kummissjoni għandu jkollha x'taqsam ma' l-emendi sostantivi li din tagħmel għal att ta' qabel. Fuq livell sekondarju, il-proposta għandha tinkludi l-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet mhux mibdula ta' l-att ta' qabel, flimkien ma' dawk l-emendi sostantivi.

4. Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim:

- "l-att ta' qabel" għandha tfisser att legali li jkun fis-seħħ, u li jista' jkun ġie emendat b'att emendatorju jew aktar,

- "emenda sostantiva" għandha tfisser kull emenda li taffettwa s-sustanza ta' l-att ta' qabel u mhux sempliċiment tibdil formali jew editorjali,

- "dispożizzjoni mhux mibdula" għandha tfisser kull dispożizzjoni ta' l-att ta' qabel li, għalkemm tista' tkun affettwata b'xi tibdil sempliċiment formali jew editorjali, ma tkunx saritilha xi emenda sostantiva.

Att legali ġdid m'għandux jikkostitwixxi att miktub mill-ġdid jekk, ħlief għal dispożizzjonijiet jew kliem standardizzat, dan jagħmel emendi sostantivi fid-dispożizzjonijiet kollha ta' l-att ta' qabel, liema att ikun jissostitwixxi u jħassar.

5. Il-proċess leġiżlattiv normali tal-Komunità għandu jitħares kollu kemm hu.

6. Il-proposta għall-kitba mill-ġdid għandha tissodisfa il-kriterji li ġejjin:

(a) Il-memorandum ta' spjega li jkun flimkien mal-proposta għandu:

(i) jiddikjara espressament li għandu x'jaqsam ma' proposta ta' kitba mill-ġdid waqt li jispjega r-raġunijiet għall-adozzjoni ta' dan l-approċċ;

(ii) jiddikjara r-raġunijiet għal kull emenda sostantiva proposta;

(iii) jispeċifika liema dispożizzjonijiet ta' l-att ta' qabel jibqgħu mhux mibdula.

(b) It-test leġiżlattiv propost għandu jiġi ppreżentat b'tali mod li:

(i) jippermetti li l-emendi sostantivi u l-premessi l-ġodda jkunu distingwibbli b'mod ċar mid-dispożizzjonijiet u l-premessi li jibqgħu mhux mibdula;

(ii) fir-rigward tad-dispożizzjonijiet u l-premessi li jibqgħu mhux mibdula, ikun jixbah lill-metodu li jintuża għall-preżentazzjoni tal-proposti għall-kodifikazzjoni uffiċjali ta' atti legali.

7. Biex ikunu żgurati ċ-ċarezza u ċ-ċertezza legali, l-atti kollha ta' kitba mill-ġdid għandhom ikunu konformi inter alia [3] mar-regoli li ġejjin tat-tfassil leġiżlattiv:

(a) L-ewwel premessa għandha turi li l-att legali l-ġdid jikkostitwixxi kitba mill-ġdid ta' l-att ta' qabel.

(b) L-artikolu li jħassar l-att ta' qabel għandu jipprovdi li r-referenzi għal dak l-att għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-att imsawwar mill-ġdid, u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni li jkun hemm mehmuża fl-att imsawwar mill-ġdid.

(ċ) Barra minhekk, f'att li jsawwar mill-ġdid xi Direttiva:

(i) l-artikolu li jħassar għandu jipprovdi li l-obbligi ta' l-Istati Membri li jkunu ġejjin minn perjodu ta' transposizzjoni [4] u, fejn ikun xieraq, il-perjodu ta' implimentazzjoni kif stabbilit fid-Direttiva li tkun tħassret bl-att imsawwar mill-ġdid, ma jkunux affettwati b'dan it-tħassir;

(ii) il-perjodi msemmija fil-punt (i) għandhom ikun stabbiliti f'anness fl-għamla ta' tabella;

(iii) l-artikolu dwar l-obbligu li Direttiva msawra mill-ġdid tiġi trasposta [5] f'liġi nazzjonali għandu jirreferi biss għal dawk id-dispożizzjonijiet li tkun saritilhom emenda sostantiva u li jkunu identifikati preċiżament bħala tali. Dawk id-dispożizzjonijiet li jibqgħu mhux mibdula fid-Direttiva msawra mill-ġdid għandhom ikunu trasporti skond id-Direttivi ta' qabel.

8. Fejn, fil-kors tal-proċedura leġiżlattiva, ikun meħtieġ li jiddaħħlu emendi sostantivi fl-att tal-kitba mill-ġdid għal dawk id-dispożizzjonijiet li jibqgħu mhux mibdula fil-proposta tal-Kummissjoni, dawn l-emendi għandhom isiru f'dak l-att f'konformità mal-proċedura stabbilita bit-Trattat skond il-bażi legali applikabbli.

9. Grupp ta' Ħidma Konsultattiv li jkun magħmul mis-servizzi legali rispettivi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandu jeżamina il-proposta għall-kitba mill-ġdid. Dan għandu jagħti l-opinjoni tiegħu kemm jista' jkun malajr biex din tkun sottomessa lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li l-proposta ma jkunx fiha emendi sostantivi għajr dawk identifikati bħala tali.

10. Dan il-ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara daik tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan għandu jkun japplika għal kull proposta ta' kitba mill-ġdid sottomessa mid-data tad-dħul tiegħu fis-seħħ.

Għandha ssir stima ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. Għal dan il-għan, is-Servizzi Legali ta' l-istituzzjonijiet firmatarji għall-Ftehim għandhom jissottomettu rapport ta' stima u jipproponu, fejn ikun xieraq, kull tibdil meħtieġ.

Magħmul fi Brussel fit-tmienja u għoxrin jum tas-sena elfejn u wiehed.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

+++++ TIFF +++++

Għall-Kunsill

Il-President

+++++ TIFF +++++

Għall-Kummissjoni

+++++ TIFF +++++

Il-President

[1] ĠU C 102, 04.04.96, p. 2.

[2] ĠU C 73, 17.03.99, p. 1.

[3] Ara, b'mod partikolari, il-Ftehim Inter-istituzzjonali tat-22 ta' Diċembru 1998 fuq il-linji gwida komuni għall-kwalità ta' kif titfassal il-leġislazzjoni tal-Komunità (ĠU C 73, tas-17.3.1999, p. 1).

[4] Jiġifieri, il-perjodu stabbilit għall-implementazzjoni tal-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

[5] Jiġifieri, l-obbligu li jkunu implementati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità mad-diżposizzjonijiet tad-Direttiva.

--------------------------------------------------