32002L0094



Official Journal L 337 , 13/12/2002 P. 0041 - 0054


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/94/KE

tad-9 ta' Diċembru 2002

li tippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 76/308 KEE fuq l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 76/308KEE tal-15 ta' Marzu 1976 fuq l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/44/KE [2], u partikolarment l-Artikolu 22 tiegħu,

Billi:

(1) Is-sistema ta' għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, kif preskritt fid-Direttiva 76/308, kienet emendata fir-rigward ta' l-informazzjoni li għandha tingħata lill-awtorità applikanti, in-notifika ta' l-indirizzat dwar l-istrumenti u d-deċiżjonijiet applikabbli, l-adozzjoni tal-miżuri kawtelatorji, u l-irkupru mill-awtorità mitluba tat-talbiet għan-nom ta' l-awtorità applikanti,

(2) Fir-rigward ta' kull wieħed minn dawn l-aspetti, għalhekk, id-Direttiva tal-Kummissjoni 77/794 ta' l-4 ta' Novembru 1977 li tippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/308KEE fuq l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn operazzjonijiet li jifformaw parti mis-sistema tal-finanzjament tal-Fond Agrikolu Ewropew ghall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u ta' dazji tad-dwana u fir-rigward tat-taxxa dwar il-valur miżjud [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 86/489 [4], għandha tkun emendata kif jixraq,

(3) Kif ukoll, għandhom ikunu preskritti regoli dettaljati dwar il-mezzi li bihom il-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet jistgħu jkunu trasmessi,

(4) Fl-interess taċ-ċarezza, id-Direttiva 77/794 KEE għandha tinbidel,

(5) Il-miżuri provduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Irkupru,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

L-Artikolu 1

Din id-Direttiva tippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) u (4), l-Artikolu 5(2) u (3), l-Artikolu 7, l-Artikolu 8, l-Artikolu 9, l-Artikolu 11, l-Artikolu 12(1) u (2), l-Artikolu 14, l-Artikolu 18(3) u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 76/308.

Tippreskrivi wkoll regoli dettaljati fuq il-konverżjoni, trasferiment ta' somom irkuprati, l-iffissar ta' l-ammont minimu għat-talbiet li jistgħu jagħtu lok għal talba ta' għajnuna, kif ukoll bħala l-mezz li bih il-komunikazzjonijiet bejn l-awtoritajiet jistgħu jkunu trasferiti.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

1. trasmissjoni "b' mezzi elettroniċi" ifisser trasmissjoni bl-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluż kompressjoni diġitali) ta' data u li tuża wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi elettromanjetiċi oħra;

2. "CCN/CSI" għandhom ifissru l-pjattaforma komuni bbażata fuq in-Network Komuni tal-Komunikazzjoni (CCN) u l-Interfaċċa tas-Sistema Komuni (CSI), żviluppati mill-Komunità biex jiżguraw it-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam Doganali u t-Tassazzjoni.

IL-KAPITOLU II

TALBIET GĦALL-INFORMAZZJONI

L-Artikolu 3

It-talba għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/308/KEE għandha ssir bil-miktub skond il-mudell fl-Anness I ta' din id-Direttiva. Jekk it-talba ma tistax tkun trasmessa b'mezzi elettroniċi, għandu jkollha t-timbru uffiċjali ta' l-awtorità applikanti u għandha tkun iffirmata minn uffiċjal tagħha debitament awtorizzat biex jagħmel din it-talba.

Fejn talba simili tkun indirizzata lil kull awtorità oħra, l-awtorità applikanti għandha tindika fit-talba tagħha għall-informazzjoni l-isem ta' dik l-awtorità.

L-Artikolu 4

It-talba għall-informazzjoni tista tirrigwarda:

1. id-debitur;

2. kull persuna responsabbli għall-ħlas tat-talba taħt il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn l-awtorità applikanti tinsab (minn hawn 'il quddiem "l-Istat Membru ta' l-awtorità applikanti");

3. kull terza persuna li jkollha attiv li jkun ta' waħda mill-persuni msemmija fil-punt 1 jew 2,

L-Artikolu 5

1. L-awtorità mitluba għandha tirrikonoxxi l-irċevuta tat-talba għall-informazzjoni bil-miktub kemm jista' jkun malajr u f'kull każ fiż-żmien sebat ijiem minn din l-irċevuta.

2. Minnufih ma' l-irċevuta tat-talba l-awtorità mitluba għandha, fejn xieraq, titlob l-awtorità applikanti biex tipprovdi kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa, L-awtorità applikanti għandha tipprovdi kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa li normalment ikollha aċċess għaliha.

L-Artikolu 6

1. L-awtorità mitluba għandha tittrasmetti kull biċċa informazzjoni mitluba lill-awtorità applikanti kif u meta tkun miksuba.

2. Fejn l-informazzjoni mitluba kollha jew ftit minnha ma tistax tinkiseb fi żmien raġonevoli, fir-rigward tal-każ partikolari, l-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti, li tindika r-raġunijiet għalhekk.

F'kull każ, fl-aħħar ta' sitt xhur mid-data tar-rikonoxximent ta' l-irċevuta tat-talba, l-awtorità mitluba għandha tinforma lill-awtorità applikanti bl-eżitu ta' l-investigazzjonijiet li tkun għamlet biex tinkiseb l-informazzzjoni mitluba.

Fid-dwal ta' l-informazzjoni riċevuta mill-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti tista' titlob li din ta' l-aħħar tkompli l-investigazzjonijiet tagħha. Dik it-talba għandha issir bil-miktub fi żmien xahrejn mill-irċevuta tan-notifika ta' l-eżitu ta' l-investigazzjoni magħmula mill-awtorità mitluba, u għandha tkun trattata mill-awtorità mitluba skond id-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-talba inizjali.

L-Artikolu 7

Jekk l-awtorità mitluba tiddeċiedi li ma tħarisx it-talba għall-informazzjoni, għandha tinnotifika l-awtorità applikanti bil-miktub bir-raġunijiet għar-rifjut li tħares it-talba, u tispeċifika d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4 tad-Direttiva 76/308 li tkun qed tistriħ fuqhom. Din in-notifika għandha tingħata mill-awtorità mitluba hekk kif tieħu d-deċiżjoni tagħha u f'kull każ fi żmien tliet xhur mid-data tar-rikonoxximent ta' l-irċevuta tat-talba.

L-Artikolu 8

L-awtorità applikanti tista' f'kull żmien tirtira t-talba għall-informazzjoni li tkun bagħtet lill-awtorità mitluba. Id-deċiżjoni biex tirtira għandha tkun trasmessa lill-awtorità mitluba bil-miktub.

IL-KAPITOLU III

TALBIET GĦAN-NOTIFIKA

L-Artikolu 9

It-talba għan-notifika msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/308/KEE għandha issir bil-miktub f'duplikat skond il-mudell fl-Anness II ta' din id-Direttiva. It-talba imsemmija għandha jkollha t-timbru uffiċjali ta' l-awtorità applikanti u għandha tkun iffirmata minn uffiċjal tagħha debitament awtorizzat biex jagħmel din it-talba.

Żewġ kopji ta' l-istrument jew tad-deċiżjoni, li tintalab in-notifika tagħhom, għandhom jithemżu mat-talba.

L-Artikolu 10

It-talba għan-notifika tista' tirrigwarda kull persuna naturali jew legali li, skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru ta' l-awtorità applikanti, tenħtieġ li tkun infurmata b'kull strument jew deċiżjoni li tikkonċerna dik il-persuna.

Safejn dan mhux indikat fl-istrument jew deċiżjoni li tintalab in-notifika, it-talba għan-notifika għandha tirriferi għal dawk ir-regoli fis-seħħ fl-Istat Membru ta' l-awtorità applikanti li tirregola l-proċedura għall-kontestazzjoni tat-talba jew l-irkupru tagħha.

L-Artikolu 11

1. L-awtorità mitluba għandha tirrikonoxxi l-irċevuta tat-talba għan-notifika bil-miktub kemm jista' jkun possibbli u f'kull każ fi żmien sebat ijiem minn din l-irċevuta.

Minnufih ma' l-irċevuta tat-talba għan-notifika, l-awtorità mitluba għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex issir in-notifika skond il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru fejn tinsab.

Jekk meħtieġ, imma mingħajr ma tkun perikolata d-data finali għan-notifika indikata fit-talba għan-notifika, l-awtorità mitluba għandha tistaqsi lill-awtorità applikanti biex tipprovdi informazzjoni oħra.

L-awtorità applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha addizzjonali li normalment ikollha aċċess għaliha.

L-awtorità mitluba m'għandhiex f'kull każ tpoġġi fid-dubbju l-validità ta' l-istrument jew deċiżjoni li tintalab in-notifika tagħhom.

2. L-awtorità mitluba għandha tinforma l-awtorità applikanti bid-data tan-notifika hekk kif issir din in-notifika billi terġa' tintbagħtilha kopja tat-talba biċ-ċertifikat fuq in-naħa ta' wara debitament mimli.

IL-KAPITOLU IV

TALBIET GĦALL-IRKUPRU JEW MIŻURI KAWTELATORJI

L-Artikolu 12

1. Talbiet għall-irkupru jew għall-miżuri kawtelatorji msemmija fl-Artikoli 6 u 13 rispettivament tad-Direttiva 76/308/KEE għandhom isiru bil-miktub skond il-mudell fl-Anness III ta' din id-Direttiva.

Dawn it-talbiet, li jinkludu dikjarazzjoni li l-kondizzjonijiet preskritti fid-Direttiva 76/308/KEE biex tinbeda l-proċedura ta' l-għajnuna reċiproka tħarsu, għandhom ikollhom it-timbru uffiċjali ta' l-awtorità applianti u għandhom ikunu iffirmati minn uffiċjal tagħha debitament awtorizzat biex jagħmel talba bħal din.

2. L-istrument li jippermetti l-esekuzzjoni għandu jkun flimkien mat-talba għall-irkupru jew il-miżuri kawtelatorji. Jista' jinħareġ strument wieħed fir-rigward ta' diversi talbiet fejn jikkonċernaw l-istess persuna.

Għall-finijiet ta' l-Artikoli 13 sa 20 ta' din id-Direttiva, it-talbiet kollha koperti bl-istess strument li jippermetti l-esekuzzjoni għandhom jitqiesu bħala talba waħda.

L-Artikolu 13

Talbiet għall-irkupru jew għall-miżuri kawtelatorji jistgħu jirrelataw għal kull persuna msemmija fl-Artikolu 4.

L-Artikolu 14

1. Jekk il-valuta ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba hija differenti mill-valuta ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità applikanti għandha tfisser l-ammont tat-talba li għandha tkun irkuprata fiż-żewġ valuti.

2. Ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għall-finijiet tal-paragrafu 1 għandha tkun l-aħħar rata tal-bejgħ reġistrata fuq l-aktar suq jew swieq tal-kambju rappreżentattiv/i ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità fid-data meta t-talba għall-irkupru hija iffirmata.

L-Artikolu 15

1. L-awtorità mitluba għandha, bil-miktub, kemm jista' jkun malajr u f'kull każ fi żmien sebat ijiem mill-irċevuta tat-talba għall-irkupru jew tal-miżuri kawtelatorji:

(a) tirrikonoxxi l-irċevuta tat-talba;

(b) titlob lill-awtorità applikanti biex tlesti t-talba jekk ma jkollhiex l-informazzjoni jew partikolarijiet oħra msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/308/KEE.

L-awtorità applikanti għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha li għandha aċċess għaliha.

2. Jekk l-awtorità mitluba ma tieħux l-azzjoni meħtieġa fi żmien il-perjodu tat-tliet xhur preskritt fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 76/308/KEE, għandha, kemm jista' jkun malajr u f'kull każ fi żmien sebat ijiem mill-iskadenza ta' dak il-perjodu, tinforma l-awtorità applikanti bil-miktub bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha li tikkonforma mat-terminu.

L-Artikolu 16

Meta, fi żmien raġonevoli fir-rigward tal-każ partikolari, it-talba kollha jew parti minnha ma tistax tkun irkuprata jew ma jistgħux jittieħdu miżuri kawtelatorji, l-awtorità mitluba għandha tinforma b'dan lill-awtorità applikanti u tindika r-raġunijiet għalihom.

Mhux aktar tard mit-tmiem ta' kull perjodu ta' sitt xhur wara d-data ta' rikonoxximent ta' l-irċevuta tat-talba, l-awtorità mitluba għandha tinforma l-awtorità applikanti bl-istat tal-progress jew l-eżitu tal-proċedura ta' l-irkupru jew tal-miżuri kawtelatorji.

Fid-dawl ta' l-informazzjoni riċevuta mill-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti tista' teħtieġ li din ta' l-aħħar terġa tiftaħ il-proċedura għall-irkupru jew il-miżuri kawtelatorji. Dik it-talba għandha ssir bil-miktub fi żmien xahrejn mill-irċevuta tan-notifika ta' l-eżitu ta' dik il-proċedura, u għandha tkun trattata mill-awtorità mitluba skond id-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-talba tal-bidu.

L-Artikolu 17

1. Kull azzjoni li tikkontesta t-talba jew l-istrument li jippermetti l-esekuzzjoni tagħha li tiitieħed fl-Istat Membru ta' l-awtorità applikanti għandha tkun notifikata lill-awtorità mitluba bil-miktub mill-awtorità applikanti hekk kif din ta' l-aħħar tkun ġiet infurmata b'din l-azzjoni.

2. Jekk il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattiċi amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba ma jippermettux miżuri kawtelatorji jew l-irkupru mitlub taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 76/308KEE, l-awtorità mitluba għandha tinnotifika l-awtorità applikanti f'dak is-sens kemm jista' jkun malajr u f'kull każ fi żmien xahar mill-irċevuta tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1.

3. Kull azzjoni li tittieħed fl-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba għar-rimborż ta' somom irkuprati jew għall-kumpens fir-rigward ta' l-irkupru ta' talbiet kontestati taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 76/308/KEE għandha tkun notifikata lill-awtorità applikanti bil-miktub mill-awtorità mitluba hekk kif din ta' l-aħħar tkun ġiet infurmata b'din l-azzjoni.

L-awtorità mitluba għandha kemm jista' jkun tinvolvi l-awtorità applikanti fil-proċeduri għall-pagament ta' l-ammont li għandu jkun rimborżat u l-kumpens dovut. Fuq talba raġunata mill-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti għandha tittrasferixxi s-somom rimborzati u l-kumpens mħallas fi żmien xahrejn mill-irċevuta ta' dik it-talba.

L-Artikolu 18

1. Jekk it-talba għall-irkupru jew għall-miżuri kawtelatorji ssir bla skop bħala riżultat tal-ħlas tat-talba jew il-kanċellament tagħha jew għal kull raġuni oħra, l-awtorità applikanti għandha tinforma minnufih lill-awtorità mitluba bil-miktub biex din ta' l-aħħar tkun tista' twaqqaf kull azzjoni li tkun ħadet.

2. Meta l-ammont tat-talba li huwa s-suġġett tat-talba għall-irkupru jew tal-miżuri kawtelatorji huwa aġġustat għal xi raġuni, l-awtorità applikanti għandha tinforma minnufih lill-awtorità mitluba bil-miktub, u jekk meħtieġ toħroġ strument ġdid li jippermetti l-esekuzzjoni.

3. Jekk l-aġġustament ifisser tnaqqis fl-ammont tat-talba, l-awtorità mitluba għandha tkompli l-azzjoni li tkun għamlet biex isir l-irkupru jew it-teħid ta' miżuri kawtelatorji, imma l-azzjoni għandha tkun limitata għall-ammont li għadu pendenti.

Jekk, fi żmien meta l-awtorità mitluba hija informata bit-tnaqqis fl-ammont tat-talba, ammont li jaqbeż l-ammont li għadu pendenti ġie irkuprat diġa minnha imma l-proċedura ta' trasferiment msemmija fl-Artikolu 19 tkun għadha ma bdietx, l-awtorità mitluba għandha tħallas lura l-ammont mħallas żejjed lill-persuna intitolat għalih.

4. Jekk l-aġġustament iffisser żieda fl-ammont tat-talba, l-awtorità applikanti għandha kemm jista' jkun malajr tindirizza lill-awtorità mitluba talba addizzjonali għall-irkupru jew għall-miżuri kawtelatorji.

Dik it-talba addizzjonali għandha, kemm jista' jkun malajr, tkun trattata mill-awtorità mitluba fl-istess ħin bħat-talba oriġinali mill-awtorità applikanti. Fejn, minħabba l-istat ta' progress tal-proċedura eżistenti, mhux possibbli l-konsolidament tat-talba addizzjonali mat-talba oriġinali, l-awtorità mitluba għandha tenħtieġ li tħares t-talba addizzjonali biss jekk tikkonċerna ammont li mhux anqas minn dak msemmi fl-Artikolu 25(2).

5. Biex tikkonverti l-ammont aġġustat tat-talba fil-valuta ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba, l-awtorità applikanti għandha tuża r-rata tal-kambju użata fit-talba oriġinali tagħha.

L-Artikolu 19

Kull somma rkuprata mill-awtorità mitluba, inkluż, fejn applikabbli, l-imgħax msemmi fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 76/308/KEE, għandha tkun trasferita lill-awtorità applikanti fil-valuta ta' l-Istat Memmbru ta' l-awtorità mitluba. It-trasferiment għandu jsir fi żmien xahar mid-data meta jkun sar l-irkupru.

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jistgħu jiftehmu arranġamenti differenti għat-trasferiment ta' l-ammonti taħt il-livell msemmi fl-Artikolu 25(2) ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 20

Irrispettivament minn kull ammont miġbur mill-awtorità mitluba bħala imgħax msemmi fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 76/308/KEE, it-talba għandha titqies li nġabret fi proporzjon ma' l-irkupru ta' l-ammont imfisser fil-valuta nazzjonali ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba, fuq il-bażi tar-rata tal-kambju memmija fl-Artikolu 14(2) tad-din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU V

TRASMISSJONI TAL-KOMUNIKAZZJONIJIET

L-Artikolu 21

1. Kull informazzjoni komunikata bil-miktub bis-saħħa ta' din id-Direttiva għandha, kemm jista' jkun possibbli, tkun trasmessa biss b'mezzi elettroniċi, ħlief għal:

(a) it-talba għan-notifika msemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 76/308/KEE u l-istrument jew deċiżjoni li hija mitluba n-notifika tagħhom;

(b) għal talbiet għall-irkupru jew għall-miżuri kawtelatorji msemmija fl-Artikolu 6 u 13 rispettivament tad-Direttiva 76/308/KEE, u l-istrument li jippermetti l-esekuzzjoni.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru jistgħu jiftehmu li jirrinunzjaw il-komunikazzjoni bil-miktub ta' talbiet u strumenti speċifikati fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 22

Kull Stat Membru għandu jindika uffiċċju ċentrali bir-responsabbilità ewlenija għall-komunikazzjoni b'mezzi elettroniċi ma' Stati Membri oħra. Dak l-uffiċċju għandu jkun mqabbad man-network CCN/CSI.

Meta diversi awtoritajiet huma maħtura fi Stat Membru għall-iskop ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-uffiċċju ċentrali għandu jkun responsabbli biex jibgħat il-komunikazzjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn dawk l-awtroitajiet u l-uffiċċji ċentrali ta' Stati Membri oħra.

L-Artikolu 23

1. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jaħżnu informazzjoni f'data bases u jiskambjaw din l-informazzjoni b'mezzi elettroniċi, għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li kull informazzjoni ikkommunikata f'kull forma li tkun bis-saħħa ta' din id-Direttiva hija trattata bħala konfidenzjali.

Għandha tkun koperta bl-obbligu tas-segretezza professjonali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiza għall-informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkun irċeviha.

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli biss għall-persuni u għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 76/308/KEE.

Din l-informazzjoni tista' tintuża fir-rigward tal-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi mibdija għall-irkupru ta' imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra msemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308/KEE.

Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' l-Akkreditazjoni tas-Sigurtà tal-Kummissjoni Ewropea jistgħu jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni biss safejn ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-network CCN/CSI.

3. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jikkommunikaw b'mezzi elettroniċi, għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-komunikazzjonijiet kollha huma debitament awtorizzati.

L-Artikolu 24

L-informazzjoni u l-dettalji l-oħra ikkommunikati mill-awtorità mitluba lill-awtorità applikanti għandhom jintbagħtu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru ta' l-awtorità mitluba jew f'lingwa oħra miftehma bejn l-applikant u l-awtoritajiet mitluba.

IL-KAPITOLU VI

ELIĠIBBILITÀ U RIFJUT TAT-TALBIET GĦALL-GĦAJNUNA

L-Artikolu 25

1. Talba għall-għajnuna tista' ssir mill-awtorità applikanti fir-rigward ta' jew talba waħdanija jew diversi talbiet meta dawn jistgħu jinġabru mill-istess persuna.

2. L-ebda talba għall-għajnuna ma tista' ssir jekk l-ammont totali tat-talba jew talbiet rilvanti elenkati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 76/308/KEE huwa anqas minn EUR 1500.

L-Artikolu 26

Jekk l-awtorità tiddeċiedi, bis-saħħa ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 14 tad-Direttiva 76/308/KEE, li tirrifjuta talba għall-għajnuna, għandha tinnotifika l-awtorità applikanti bil-miktub bir-raġunijiet għar-rifjut. Din in-notifika għandha tingħata mill-awtorità mitluba hekk kif tieħu d-deċiżjoni tagħha u f'kull każ fi żmien tliet xhur mid-data ta' l-irċevuta tat-talba għall-għajnuna.

IL-KAPITOLU VII

ARRANĠAMENTI GĦAR-RIMBORŻ

L-Artikolu 27

Kull Stat Membru għandu jaħtar għall-inqas uffiċjal wieħed debitament awtorizzat biex jiftiehem l-arranġamenti tar-rimborż taħt l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 76/308/KEE.

L-Artikolu 28

1. Jekk l-awtorità mitluba tiddeċiedi li titlob arranġamenti tar-rimborż għandha tinnotifika l-awtorità applikanti bil-miktub bir-raġunijiet għall-fehma tagħha li l-irkupru tat-talba jinvolvi problema speċifika, tfisser spejjeż għolja ħafna jew tirrigwarda l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

L-awtorità mitluba għandha tehmeż stima dettaljata ta' l-ispejjeż li għalihom titlob ir-rimborż mill-awtorità applikant.

2. L-awtorità applikanti għandha tirrikonoxxi l-irċevuta tat-talba għall-arranġamenti tar-rimborż bil-miktub kemm jista' jkun malajr u f'kull każ fi żmien sebat ijiem mill-irċevuta.

Fi żmien xahrejn mid-data tar-rikonoxximent ta' l-irċevuta ta' l-imsemmija riċevuta, l-awtorità applikanti għandha tinforma l-awtortità mitluba jekk u safejn taqbel ma' l-arranġamenti tar-rimborż proposti.

3. Jekk l-ebda ftehim ma jintlaħaq bejn l-applikant u l-awtorità mitluba fir-rigward ta' l-arranġamenti tar-rimborż, l-awtorità mitluba għandha tkompli l-proċeduri ta' l-irkupru bil-mod normali.

IL-KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 29

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni qabel il-15 ta' Marzu kull sena, kemm jista' jkun b'mezzi elettroniċi, ta' l-użu magħmul tal-proċeduri preskritti fid-Direttiva 76/308/KEE u tar-riżultati miksuba fis-sena kalendarja ta' qabel, skond il-mudell ta' l-Anness IV ma' din id-Direttiva.

L-Artikolu 30

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2003. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan immedjatament.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-referenza.

L-Artikolu 31

Il-Kummissjoni għandha tikkommunika lill-Istati Membri oħra l-miżuri li kull Stat Membru jagħmel għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva.

Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-isem u l-indirizz ta' l-awtoritajiet kompetenti għall-iskop ta' l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, kif ukoll ta' l-uffiċjali awtorizzati lli jiftehmu għall-arranġamenti taħt l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 76/308/KEE.

L-Artikolu 32

Id-Direttiva 77/794/KEE hija hawnhekk imħassra.

Ir-riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom ikunu interpretati bħala riferenzi għal din id-Direttiva.

L-Artikolu 33

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 34

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula f'Brussel, fid-9 ta' Diċembru 2002.

Għall-Kummissjoni

Frederik Bolkestein

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18.

[2] ĠU L 175, tat-28.6.2001, p. 17.

[3] ĠU L 333, ta' l-24.12.1977, p. 11.

[4] ĠU L 283, ta' l-4.10.1986, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------