32002L0091



Official Journal L 001 , 04/01/2003 P. 0065 - 0071


Id-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-16 ta’ Diċembru 2002

dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistaBbilixxi il-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 175(1) miġjub fih,

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) L-Artikolu 6 tat-Trattat jitlob li rekwiżiti dwar il-protezzjoni ta’ l-ambjent ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tal-Komunità.

(2) Ir-riżorsi naturali, skond l-użu prudenti u razzjonali msemmi fl-Artikolu 174 tat-Trattat, jinkludu prodotti taż-żejt, gass naturali u karburanti solidi, li huma sorsi essenzjali ta’ enerġija però huma wkoll is-sorsi ewlenin ta’ ħruġ ta’ diossidu tal-karbonju.

(3) Effiċjenza akbar fl-enerġija tikkostitwixxi parti importanti mill-pakkett ta’ politika u miżuri meħtieġa sabiex ikunu konformi mal-Protokoll ta’ Kyoto u għandhom jidhru fi kwalunkwe pakkett ta’ politika.

(4) Amministrazzjoni rrelatata mat-talba għall-enerġija hija għodda importanti sabiex il-Komunità tkun tista’ tinfluenza s-suq globali ta’ l-enerġija u permezz ta’ hekk is-sigurta tal-provvista ta’ l-enerġija fuq tul ta’ żmien medju u twil.

(5) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-30 ta’ Mejju 2000 u tal-5 ta’ Diċembru 2000, il-Kunsill adotta il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija u talab għal miżuri speċifiċi fis-settur tal-bini.

(6) Is-settur residenzjali u terzjarju, li l-biċċa l-kbira tiegħu huwa bini, jikkostitwixxi aktar minn 40 % tal-konsum finali ta’ l-enerġija fil-Komunità u qed jiżdied, tendenza li għandha twassal għal żieda fil-konsum ta’ l-enerġija u għal daqs tant fil-ħruġ tal-diossidu tal-karbonju.

(7) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE tat-13 ta’ Settembru 1993 sabiex ikun limitat il-ħruġ ta’ diossidu tal-karbonju billi tkun imtejba l-effiċjenza ta’ l-enerġija (SAVE) [5], li jitlob li l-Istati Membri jiżviluppaw, jimplimentaw u jirrapportaw dwar programmi fil-qasam ta’ l-effiċjenza ta’ l-enerġija fis-settur tal-bini, qiegħed issa juri ċerti benefiċċji importanti. Madankollu, jinħass il-bżonn ta’ strument legali sabiex ikun hemm aktar azzjoni konkreta sabiex ikun milħuq il-potenzjal mhux realizzat biex ma jkunx hemm ħela ta’ enerġija u jkunu mnaqqsa d-differenzi kbar fir-riżultati ta’ l-Istati Membri f’dan is-settur.

(8) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prodotti tal-kostruzzjoni [6] titlob li xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u s-sistemi ta’ sħana, frisk u ventilazzjoni installati għandhom ikunu diżinjati u mibnija b’tali mod li l-enerġija meħtieġa tkun baxxa, wara li jkunu kkunsidrati l-kondizzjonijiet klimatiċi tal-lokalità u ta’ dawk ta’ ġo fiha.

(9) Miżuri oħra sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni ta’ l-enerġija għandhom iqisu l-kondizzjonijiet klimatiċi u lokali kif ukoll l-ambjent klimatiku ta’ ġewwa u l-ġestjoni u ta’ spejjeż b’mod effettiv. M’għandhomx jiksru rekwiżiti essenzjali oħra dwar bini bħal l-aċċessibilità, prudenza u l-użu maħsub ta’ dak il-bini.

(10) Il-prestazzjoni enerġetika tal-bini għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi ta’ metodoloġija, li tista’ tkun iddifferenzjata fuq livell reġjonali, li tinkludi, flimkien ma l-iżolament termali fatturi oħra li jilgħabu parti dejjem aktar importanti bħal tisħin u installazzjoni ta’ arja kkondizzjonata, l-applikazzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija rinovabbli u d-diżinn tal-bini. Il-mod ta’ kif dan il-proċess għandu jkun indirizzat, magħmul minn esperti kkwalifikati u/jew akkreditati, li l-indipendenza tagħhom għandha tkun iggarantita fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi, għandhom jikkontribwixxu għal livell ekwu fejn jidħlu l-isforzi fl-Istati Membri sabiex ma jkunx hemm ħela ta’ enerġija fil-qasam tal-bini u għandha tintroduċi trasparenza għal utanti prospettivi fejn għandha x’taqsam il-prestazzjoni ta’ l-enerġija fis-suq tal-propjeta fil-Komunità.

(11) Il-Kummissjoni beħsieba li tiżviluppa aktar standards bħal EN 832 u prEN 13790, u tinkludi wkoll konsiderazzjoni ta’ sistemi ta’ arja kondizzjonata u ta’ dawl.

(12) Il-bini ser ikollu mpatt fit-tul fuq il-konsum ta’ l-enerġija u bini ġdid għandu għaldaqstant jilħaq rekwiżiti minimi dwar l-enerġija skond il-klima lokali. L-aqwa prattika għandha f’dan ir-rigward tkun indirizzata lejn l-użu ottimu ta’ fatturi li għandhom x’jaqsmu mat-titjib tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija. Peress li l-applikazzjoni ta’ sistemi alternattivi ta’ provvista ta’ l-enerġija ġeneralment mhux esplorata għal potenzjal kollu tagħha, il-merti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi ta’ sistemi ta’ provvista ta’ l-enerġija alternattivi għandhom ikunu meqjusa; dan jista’ jseħħ minnufih, mill-Istat Membru, permezz ta’ studju li jipproduċi lista ta’ miżuri ta’ konservazzjoni ta’ l-enerġija, għal kondizzjonijiet medji tas-suq, u tintlaħaq ġestjoni u ta’ spejjeż effettiva. Qabel ma jibda l-bini, jistgħu jintalbu studji jekk il-miżura, jew miżuri, jkunu meqjusa bħala possibbli.

(13) Tibdil estensiv f’bini eżistenti ’il fuq minn ċertu daqs għandu jkun meqjus bħala opportunità sabix jittieħdu miżuri ta’ ġestjoni u ta’ l-ispejjeż effettiva sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni ta’ l-enerġija. Tibdil estensiv huma dawk il-każijiet fejn l-ispiża totali tat-tibdil li għandu x’jaqsam mal-qoxra tal-bini u/jew installazzjonijiet ta’ l-enerġija bħal sħana, provvista ta’ ilma sħun, arja kondizzjonata, ventilazzjoni u dawl ikunu ogħla minn 25 % tal-valur tal-bini, minbarra l-valur ta’ l-art li fuqha l-bini jkun qiegħed, jew fejn aktar minn 25 % tal-bini ħa jkun mibdul.

(14) Madankollu, it-titjib fil-prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini eżistenti ma jfissirx bilfors tibdil totali tal-bini imma jista’ jkun limitat għal dawk il-partijiet li huma l-aktar relevanti għal-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini u għal ġestjoni u ta’ l-ispejjeż effettiva.

(15) Rekwiżiti ta’ tibdil għal bini eżistenti m’għandux ikun inkompatibbli mal-funzjoni maħsuba, il-kwalità jew il-karattru tal-bini. Għandu jkun possibbli li jkunu rkuprati spejjeż addizzjonali involuti f’tali tibdil f’tul ta’ żmien raġonevoli f’rispett għat-tul ta’ ħajja teknika ta’ l-investiment fi tfaddil ta’ enerġija.

(16) Il-proċess ta’ ċertifikazzjoni jista’ jkun appoġġjat minn programm li jiffaċilita l-aċċess ugwali għal prestazzjoni aħjar; ibbażat fuq ftehim bejn organizzazzjonijiet ta’ nies interessanti u korp maħtur mill-Istati Membri; implimentat minn kumpaniji tas-servizzi ta’ l-enerġija li jaqblu li jikkommettu lilhom infushom li jwettqu l-investiment identifikat. L-iskemi adottati għandhom ikunu sorveljati u segwiti mill-Istati Membri, li għandhom ukoll jiffaċilitaw l-użu ta’ sistemi ta’ inċentiva. Sa fejn ikun possibbli, iċ-ċertifikat għandu jiddeskrivi s-sitwazzjoni attwali ta’ prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini u jista’ jkun rivedut skond il-każ. Bini pubbliku u bini li spiss jintuża mill-pubbliku għandhom ikunu ta’ eżempju billi jqisu konsiderazzjonijiet ambjentali u ta’ enerġija u għandhom għaldaqstant ikunu suġġetti għal ċertifikazzjoni ta’ l-enerġija regolari. It-tixrid ta’ din l-informazzjoni lil pubbliku dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija għandu jkun imtejjeb billi jkunu murija b’mod ċar dawn iċ-ċertifikati. Barra minn hekk, it-turija ta’ temperaturi interni uffiċjali rrakkomandati, flimkien mat-temperatura attwali mkejla, għandhom jiskoraġġaw l-użu ħażin tas-sħana, ta’ l-arja kondizzjonata u sistemi ta’ ventilazzjoni. Dan għandu jikkontribwixxi sabiex ikun evitat l-użu bla bżonn ta’ enerġija u sabiex ikunu ggarantiti kondizzjonijiet xierqa fuq ġewwa (kumdità termali) f’rispett tat-temperatura ta’ barra.

(17) L-Istati Membri jistgħu jadattowha ukoll mezzi/miżuri oħra, mhux previsti f’din id-Direttiva, sabiex tkun inkoraġġita l-prestazzjoni aħjar ta’ l-enerġija. L-Istati Membri għandhom jinkoraġgixxu prattiċi tajba dwar l-użu ta’ l-enerġija, filwaqt li jqisu l-intensità ta’ l-użu tal-bini.

(18) L-aħħar snin raw żieda fin-numru ta’ sistemi ta’ l-arja kondizzjonata fil-pajjiżi tan-naħa ta’ isfel ta’ l-Ewropa. Dan iwassal għal problemi konsiderevoli fil-ħinijiet l-aktar intensivi, jżidu l-prezz ta’ l-elettriku u jiddisturba il-bilanċ ta’ l-enerġija f’dawk il-pajjiżi. Għandha tingħata prijorità lil strateġiji li jtejbu l-prestazzjoni termika tal-bini matul x-xhur tas-sajf. Għal dan il-għan, għandu jkun hemm aktar żvilupp ta’ metodi ta’ tkessiħ passiv, primarjament dawk li jtejbu l-kondizzjonijiet klimatiċi interni u l-mikro-klima ta’ madwar il-bini.

(19) Manutenzjoni regolari ta’ bojlers u sistemi ta’ l-arja kondizzjonata minn persuni kkwalifikati sabiex jinżamm l-aġġustament korrett skond l-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott u b’dna il-mod tinżamm prestazzjoni ottimali minn perspettiva ambjentali, ta sigurtà’ u ta’ enerġija. Għandu jkun hemm stima indipendenti kull meta jinħass il-bżonn ta’ tibdil fuq bażi ta’ ġestjoni ta’ l-ispejjeż effettiva.

(20) Il-ħlas ta’ l-ispejjeż mingħand dawk li jokkupaw bini, ta’ l-ispejjeż tas-sħana, arja kondizzjonata u ilma sħun, ikkalkolati f’proporzjon mal-konsum proprju, jista’ jikkontribwixxi għal ħarsien ta’ l-enerġija fis-settur residenzjali. Ir-reżidenti għandhom jitħallew jirregolaw huma l-konsum tagħhom tas-sħana u ta’ l-ilma sħun, sa fejn dawn il-miżuri jkunu effettivi għall-ġestjoni ta’ l-ispejjeż.

(21) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità speċifikati fl-Artikolu 5 tat-Trattat, prinċipji ġenerali li jipprovdu għal sistema ta’ rekwiżiti ta’ ġestjoni ta’ l-enerġija u l-għanijiet tagħha għandhom ikunu stabbiliti fuq livell Komunitarju, però l-implimentazzjoni dettaljta għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri, biex b’hekk kull Stat Membru jagħżel ir-reġim li jikkorrispondi l-aħjar għal bżonnijiet tiegħu. Din id-Direttiva tillimita ruħha għal minimu mitlub sabiex ikunu milħuqa dawk l-għanijiet u ma tmurx lil hinn minn dak il-għan.

(22) Għandu jkun hemm provvediment għal possibilità li tkun adottata malajr il-metodoloġija ta’ kalkulazzjoni u għall-Istati Membri sabiex regolarment jirrevedu r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija fejn jidħol il-progress tekniku, fost l-oħrajn, fejn jidħlu l-propjetajiet (jew il-kwalità) ta’ insulazzjoni tal-materjal tal-kostruzzjoni, u għal żviluppi futuri fl-istandardizzazzjoni.

(23) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsillof Nru 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tispeċifika l-proċedura għal eżerċizzju ta’ setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Għan

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jippromwovi t-titjib tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini fi ħdan il-Komunità, filwaqt li tqis ir-rekwiżiti tal-klima ta’ barra u kondizzjonijiet lokali, kif ukoll rekwiżiti tal-klima ta’ ġewwa u l-effettività tal-ġestjoni ta’ l-ispejjeż.

Din id-Direttiva tispeċifika rekwiżiti kif ġejjin dwar:

(a) qafas ġenerali għal metodoloġija għal kalkulazzjoni tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija integrata tal-bini;

(b) l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi għal prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini ġdid;

(ċ) l-applikazzjoni tar-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini eżistenti kbir li huma suġġett għal tibdil kbir;

(d) iċ-ċertifikazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini; u

(e) spezzjoni regolari tal-bojlers u ta’ sistemi ta’ l-arja kondizzjonata fil-bini u flimkien ma stima ta’ l-installazzjoni tas-sħana fejn il-bojlers huma aktar minn ħmistax-il sena qodma.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1. "bini": kostruzzjoni msaqqfa li għandha l-ħitan, li għalih tintuża l-enerġija sabiex tkun kondizzjonata l-arja ta’ ġewwa; bini tista’ tirreferi għal bini sħiħa jew partijiet minnha li ġew ddisinjati jew alterati biex jintużaw separatament;

2. "prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini": l-ammont ta’ enerġija kkonsmat jew bejn wieħed u ieħor ikkonsmat li jrid jilħaq il-bżonnijiet diversi assoċjati mal-bżonnijiet differenti tal-bini, li jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, sħana, tisħin ta’ l-ilma, tkessiħ, ventilazzjoni u dawl. Dan l-ammont għandu jkun indikat f’indikatur numeriku jew aktar minn wieħed, li ġew kalkolati, li jqisu l-insulazzjoni, karatteristiċi tekniċi u ta’ l-installazzjoni, disinn u pożizzjonar skond aspetti klimatiċi, espożizzjoni għax-xemx u l-influwenza ta’ strutturi viċini, ġenerazzjoni proprja ta’ l-enerġija u fatturi oħra, inkluż l-klima intern, li jinfluwenzaw it-talba għal l-enerġija;

3. "ċertifikat dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini": ċertifikat rikonoxxut minn Stat Membru jew persuna legali magħżula minnu, li tinkludi l-prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini skond metodoloġija bbażata fuq qafas ġenerali speċifikat fl-Anness;

4. "CHP" (sħana w enerġija kombinati): il-konverżjoni ta’ karburanti primarji f’enerġija mekkanika jew elettrika u terminali, li jilħqu ċerti kriterji ta’ kwalità ta’ effiċjenza ta’ l-enerġija;

5. "sistema ta’ arja kondizzjonat" ’: kombinazzjoni tal-komponenti kollha meħtieġa biex tkun ipprovduta forma ta’ trattament ta’ a l-arja fejn it-temperatura hija kontrollata jew tista’ tkun imnaqqsa, possibilment flimkien mal-kontrolli tal-ventilazzjoni, ta’ l-umdità u ta’ l-indafa ta’ l-arja;

6. "bojler": il-korp ikkombinat tal-bojler u unità tal-ħruq iddisinjati sabiex jittrażmettu mill-ilma s-sħana li toħroġ mill-kombustjoni;

7. "ħruġ effettiv ikkalkulat (espress f’kW)": il-ħruġ massimu kalorifiku speċifikat u ggarantit mill-fabbrikant li jista’ jitwassal matul operazzjoni kontinwa filwaqt li jkunu konformi ma’ l-effiċjenza utli indikat mill-fabbrikant;

8. "pompa tas-sħana": inġenju jew installazzjoni li tiġbed is-sħana f’temperatura baxxa mill-arja, l-ilma jew l-art u tissupplixxi s-sħana lill-bini.

Artikolu 3

Adozzjoni tal-metodoloġija

L-Istati Membri għandhom jadottaw metodoloġija, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, għal kalkolu tal- prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini fuq il-bażi tal-qafas ġenerali speċifikat fl-Anness. Partijiet 1 u 2 ta’ dan il-qafas għandhom ikunu addattati għal progress tekniku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), u jqisu l-istandards jew normi applikati fil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri.

Din il-metodoloġija għandha tkun iffissata fuq livell nazzjonali jew reġjonali.

Il-prestazzjoni ta’ l-enerġija ta’ bini għandha tkun espressa f’manjiera trasparenti u jista’ jinkludi indikatur tal-emissjonijiet ta’ CO2.

Artikolu 4

Iffissar tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-prestazzjoni minima ta’ l-enerġija għal bini tkun iffissata, ibbażata fuq metodoloġija msemmija fl-Artikolu 3. Meta jiffissaw rekwiżiti, l-Istati Membri jistgħu jiddifferenzjaw bejn kategoriji ta’ bini ġdid u bini eżistenti. Dawn ir-rekwiżiti għandhom iqisu l-kondizzjonijiet klimatiċi interni, sabiex ikunu evitati effetti negattivi possibbli bħal ventilazzjoni mhux adekgata, kif ukoll il-kondizzjonijiet lokali u l-funzjoni ffissata u l-età tal-bini. Dawn ir-rekwiżiti għandhom ikunu rreveduti f’intervalli regolari li ma jistgħux ikunu itwal minn ħames snin u, jekk ikun hemm bżonn, aġġornati sabiex jirriflettu progress tekniku fil-qasam tal-bini.

2. Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija għandha tkun applikata skond l-Artikoli 5 u 6.

3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jiffissawx jew japplikaw ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 għal kategoriji tal-bini li ġejjin:

- bini u monumenti protetti uffiċjalment bħala parti minn ambjent jew minħabba il-mertu speċjali arkitettoniku jew storiku tiegħu, fejn konformità mar-rekwiżiti taltera b’mod inaċċettabli il-karattru jew l-apparenza tiegħu,

- bini bħal postijiet ta’ qima u għal attivitajiet reliġjużi,

- bini temporanju għal perjodu pjanat ta’ sentejn jew anqas, siti industrijali, postijiet tax-xogħol u bini agrikolu mhux reżidenzjali b’domanda baxxa ta’ enerġija li huma ta’ użu minn settur kopert minn ftehim settorali dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija,

- bini residenzjali li huwa intiż sabiex jintuża għal inqas minn erba’ xhur ta’ matul is-sena,

- bini waħdu b’arja totali ta’ paviment utilizzabbli ta’ anqas minn 50 m2.

Artikolu 5

Bini ġdid

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji sabiex jiżguraw li bini ġdid jilħaq il-prestazzjoni minima ta’ l-enerġija msemmija fl-Artikolu 4.

Għal bini ġdid b’arja totali tal-paviment utilizzabbli ta’ aktar minn 1000 m2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vijabilità teknika, ambjentali u ekokomika ta’ sistemi alternattivi bħal:

- sistemi ta’ provvista diċentralizzata ta’ l-enerġija bbażata fuq enerġija rinnovabli,

- CHP,

- distrett jew tisħin ta’ blokk jew tkessiħ, jekk ikun disponibbli,

- pompi tas-sħana, taħt ċerti kondizzjonijiet,

jitqies qabel ma jibda l-bini.

Artikolu 6

Bini eżistenti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li meta xi bini b’arja totali ta’ paviment utilizzabbli ta’ aktar minn 1000 m2 jgħaddi minn tibdil kbir, il-prestazzjoni ta’ l-enerġija tkun aġġornata sabiex tilqa’ r-rekwiżiti minimi sa fejn dan hu teknikament possibbli, funzjonali u ekonomikament vijabbli. L-Istati Membri għandhom jiksbu prestazzjonijiet minimi ta’ l-enerġija fuq il-bażi ta’ rekwiżiti tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija għal bini skond l-Artikolu 4. Ir-rekwiżiti jistgħu jkunu ffissati jew għal bini renovat kollu jew għas-sistemi renovati jew għal komponenti meta dawn huma parti minn renovazzjoni li għandha issir fi żmien perjodu stipulat, bil-għan li tkun imtejba l-prestazzjoni ġenerali ta’ l-enerġija tal-bini.

Artikolu 7

Ċertifikat dwar il-prestazzjoni ta’ l-enerġija

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-bini jkun mibni, mibjugħ jew mikri, iċ-ċertifikat tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija jkun disponibbli lis-sid jew mis-sid lill-bejjiegħ prospettiv jew lill-kerrej, skond il-każ. Il-validità taċ-ċertifikat m’għandhiex teċċedi l-għaxar snin.

Iċ-ċertifikazzjoni għall-appartamenti jew unitajiet idisinjati għal użu separat fi blokki tista’ tkun ibbażata fuq:

- ċertifikazzjoni komuni tal-blokki kollha tal-bini b’sistema ta’ sħana komuni, jew

- l-istima ta’ appartamenti rapreżentattiv ieħor fl-istess blokka.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-kategoriji msemmija fl-Artikolu 4(3) mill-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2. Iċ-ċertifikazzjoni ta’ prestazzjoni ta’ l-enerġija għal bini għandu jinkludi valur referenzjali bħal standards legali kurrenti u miri sabiex ikun possibbli għal konsumaturi sabiex iqabblu u jagħmlu stima l-prestazzjoni ta’ l-enerġija tal-bini. Iċ-ċertifikat għandu jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet għal titjib fil-ġestjoni ta’ l-ispejjeż tal-prestazzjoni ta’ l-enerġija.

L-għan taċ-ċertifikati għandu jkun limitat għad-disposizzjonijiet ta’ l-informazzjoni u kwalunkwe effetti ta’ dawn iċ-ċertifikati skond il-proċeduri ġudizzjarji jew inkella kif ikun deċiż skond ir-regoli nazzjonali.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jiżguraw li għal bini b’arja totali tal-paviment utilizzabbli ta’ aktar minn 1000 m2 okkupati minn awtoritajiet pubbliċi u minn istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi pubbliċi lil numru kbir ta’ persuni jitpoġġa f’post viżibbli għal pubbliku, ċertifikat ta’ l-enerġija li ma jkunx aktar antik minn għaxa snin.

Il-limiti ta’ temperatura interni rrakkomandati u kurrenti u, meta xieraq, fatturi klimatiċi relevanti oħra jistgħu jkunu kjarament viżibbli.

Artikolu 8

Spezzjoni tal-bojlers

Fejn jidħol it-tnaqqis tal-konsum ta’ l-enerġija u limitar ta’ ħruġ ta’ diossidu tal-karbonju, l-Istati Membri għandhom jew:

(a) jispeċifikaw il-miżuri neċessarji sabiex tkun stabbilita spezzjoni regolari ta’ bojlers maħruqa minn likwidi mhux renovabbli jew karburant solidu ta’ ħruġ effettiv ta’ 20 kW sa 100 kW. Tali spezzjoni tista’ wkoll tkun applikata lil bojlers li jużaw karburanti oħra.

Bojlers ta’ ħruġ effettiv ta’ aktar minn 100 kW għandhom ikunu spezzjonati minn ta’ l-anqas kull sentejn. Għal bojlers tal-gass, dan il-perjodu jista’ jkun estiż sa’ erba’ snin.

Għall-installazzjonijiet tas-sħana b’bojlers ta’ ħruġ effettiv ta’ aktar minn 20 kW li huma aktar minn 15-il sena antiki, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-miżuri neċessarji biex ikunu stabbiliti spezzjonijiet ta’ darba għall-installazzjoni tas-sħana kollha. Fuq il-bażi ta’ din l-ispezzjoni, li għandha tinkludi stima ta’ l-effiċjenza tal-bojler u tad-daqs tal-bojler komparat mal-bżonnijiet tas-sħana tal-bini, l-esperti għandhom jipprovdu parir lill-utenti dwar it-tibdil tal-bojlers, modifikazzjonijiet oħra lis-sistema tas-sħana dwar soluzzjonijiet alternattivi; jew

(b) jieħdu passi sabiex jiżguraw li d-disposizzjonijiet ta’ l-avviż lill-utenti dwar il-bdil ta’ bojlers, modifikazzjonijiet oħra lis-sistema tas-sħana u soluzzjonijiet alternattivi li jistgħu jinkludu spezzjonijiet dwar l-effiċjenza u d-daqs xieraq tal-bojler. L-impatt globali ta’ dan l-approċċ għandu jkun ekwivalenti kemm jista’ jkun għal dak li jiġi minn disposizzjonijiet speċifikati f’(a). L-Istati Membri li jagħmlu din l-għażla għandhom jissottomettu rapport dwar l-ekwivalenza ta’ l-approċċ tagħhom lill-Kummissjoni kull sentejn.

Artikolu 9

Spezzjoni ta’ sistemi ta’ l-arja kondizzjonata

Fejn jidħol it-tnaqqis ta’ konsum ta’ enerġija u limitar ta’ ħruġ ta’ diossidu tal-karbonju, l-Istati Membri għandhom joħolqu s-sistemi neċessarji sabiex ikun hemm spezzjoni regolari tas-sistemi ta’ l-arja kondizzjonata ta’ ħruġ effettiv ta’ aktar minn 12 kW.

Din l-ispezzjoni għandha tinkludi stima ta’ l-effiċjenza ta’ l-arja kondizzjonata u tad-daqs komparati mar-rekwiżiti ta’ tkessiħ tal-bini. Għandhom jingħataw pariri siewja lill-utenti dwar titjib possibli jew tibdil tas-sitema ta’ l-arja kondizzjonata u dwar soluzzjonijiet alternattivi.

Artikolu 10

Esperti indipendenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tal-bini, il-preparazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li jakkumpanjawha u l-ispezzjoni tal-bojlers u ta’ l-arja kondizzjonata jitwettqu b’mod indipendenti minn esperti kkwalifikati u/jew akkreditati, kemm jekk jaħdmu għal rashom kif ukoll jekk jaħdmu ma xi entità privata jew pubblika.

Artikolu 11

Reviżjoni

Il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 14, għandha tevalwa din id-Direttiva fid-dawl ta’ esperjenza miksuba matul l-applikazzjoni tagħha, u, jekk ikun hemm il-bżonn, tagħmel risposti fejn għandu x’jaqsam, fost l-oħrajn:

(a) miżuri komplimentari possibli sabiex issir referenza għal tibdil fil-bini b’arja utli ta’ art ta’ mhux anqas minn 1000 m2;

(b) inċentivi ġenerali għal aktar miżuri ta’ effiċjenza ta’ enerġija fil-bini.

Artikolu 12

Tagħrif

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinfurmaw l-utenti tal-bini dwar il-metodi differenti u l-prattiċi li jservu sabiex tkun imtejba l-prestazzjoni ta’ l-enerġija. Fuq talba ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex iwettqu l-kampanji informattivi kkonċernati, li jistgħu jkunu trattati f’programmi tal-Komunità.

Artikolu 13

Addattamenti tal-qafas

Punti 1 u 2 ta’ l-Anness għandhom ikunu riveduti f’intervalli regolari, li m’għndhomx ikunu iqsar minn sentejn.

Kwalunkwe emendi neċessarji sabiex ikunu addattati punti u 2 ta’ l-Anness għal progress tekniku għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2).

Artikolu 14

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2. Fejn issir riferenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE wara li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 li jinsab fiha.

Il-perijodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tagħhom.

Artikolu 15

Transpożizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva l-aktar tard sa l-4 ta’ Jannar 2006. Għandu minnufih jinformaw il-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b’referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri jistgħu, minħabba nuqqas ta’ esperti kwalifikati u/jew akkreditati, ikollhom perjodu addizzjonali ta’ tliet snin sabiex japplikaw fis-sħiħ id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7, 8 u 9. Meta jsir użu minn din il-possibilita, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sakemm il-ġustifikazzjoni xierqa flimkien ma’ skeda ta’ ħin ġdida trelatati ma’ aktar implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal- Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 17

Dawk indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-16 Diċembru 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Fischer Boel

[1] ĠU Ċ 213 E, tal- 31.7.2001, p. 266 u ĠU Ċ 203 E, tas- 27.8.2002, p. 69.

[2] ĠU Ċ 36, tat- 8.2.2002, p. 20.

[3] ĠU Ċ 107, tat- 3.5.2002, p. 76.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Frar 2002 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2002 (ĠU Ċ 197, ta’ l- 20.8.2002 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 237, tat-22.9.1993, p. 28.

[6] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 12. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, tat-30.8.1993, p. 1).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

Qafas ġenerali għal kalkulazzjoni tal-prestazzjoni ta' l-enerġija tal-bini (L-Artikolu 3)

1. Il-metodoloġija ta' kalkulazzjoni tal-prestazzjonijiet ta' l-enerġija tal-bini għandha tinkludi minn ta' l-anqas l-aspetti li ġejjin:

(a) karatteristiċi termali tal-bini (partizzjonijiet tal-qoxra w iterni, eċċ.). Dawn il-karatteristiċi jistgħu jinkludu sikkar ta' arja;

(b) installazzjonijiet tas-sħana u provvista ta' ilma sħun, inklużi l-karatteristiċi ta' insulazzjoni tagħhom;

(ċ) installazzjoni ta' l-arja kondizzjonata;

(d) ventilazzjoni;

(e) installazzjonijiet ta' dawl fissi (l-aktar fis-settur mhux reżidenzjali);

(f) posizzjoni w orjentazzjoni tal-bini, inkluż il-klima ta' barra;

(g) sistemi solari passivi u protezzjoni solari;

(h) ventilazzjoni naturali;

(i) kondizzjonijiet klimatiċi interni, inkluż il-klima intern ddisinjata.

2. L-influwenza pożittiva ta' l-aspetti li ġejjin għandha, fejn ikun relevanti f'din il-kalkulazzjoni, tittieħed f'konsiderazzjoni:

(a) sistemi solari attivi u sistemi oħra ta' sħana u ta'enerġija bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabli;

(b) elettriku prodott minn CHP;

(ċ) sistemi distrettwali jew li jwaqqfu s-sħana jew il-bard;

(d) dawl naturali.

3. Għal għan ta' din il-kalkulazzjoni l-bini għandu jkun adekgatament ikklassifikat f'kateorija bħal:

(a) djar ta' diversi tipi għal familja waħda;

(b) blokki ta' appartamenti;

(ċ) uffiċċji;

(d) bini ta' l-edukazzjoni;

(e) sptarijiet;

(f) lukandi u ristoranti;

(g) faċilitajiet sportivi;

(h) bini fejn jingħataw servizzi bl-ingrossa u bl-imnut;

(i) tipi oħra ta' bini li jużaw l-enerġija.

--------------------------------------------------