32002L0085



Official Journal L 327 , 04/12/2002 P. 0008 - 0009


Id-Direttiva 2002/85/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-5 ta' Novembru 2002

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE dwar l-istallazzjoni u l-użu ta' apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta' vetturi tal-mutur fil-Komunità

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Is-sigurtà fit-trasport u t-temi ambjentali konnessi mat-trasport huma vitali biex jassiguraw mobilità sostenibbli.

(2) L-użu ta' apparati li jillimitaw il-veloċità għal kategoriji ta' vetturi bil-magni l-iktar tqal kellu effett pożittiv fuq it-titjib tas-sigurtà fit-toroq. Ikkontribwixxa wkoll għall-protezzjoni ambjentali.

(3) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE [4] tipprovdi li, jiddependi fuq possibiltajiet u esperjenzi tekniċi fl-Istati Membri, ir-rekwiżiti dwar l-installazzjoni u l-użu ta' apparat li jillimita il-veloċità jistgħu sussegwentement jiġu estiżi għal vetturi li jġorru merkanzija ħafifa.

(4) L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE għal vetturi ta' iktar minn 3,5 tunnellati maħsuba biex jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri kienet waħda mill-miżuri proposti mill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ġunju 2000 dwar it-titjib tas-sigurtà fit-triq [5], skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar prijoritajiet fis-sigurtà fit-triq fl-UE.

(5) Il-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/6/KEE għandu jiġi estiż għal vetturi tal-kategorija M2, għal vetturi tal-kategorija M3 li jkollhom massa massima ta' iktar minn 5 tunnellati imma li ma jaqbżux l-10 tunnellati u għall-vetturi tal-kategorija N2.

(6) Ladarba l-objettivi ta' l-azzjoni proposta, partikolarment l-introduzzjoni ta' modifiki għall-arranġamenti tul il-Komunità għall-installazzjoni u l-użu ta' apparat li jillimita l-veloċità fuq ċerti kategoriji ta' vetturi tqal, ma jistgħux jintlaħħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġuni ta' l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħħqu dawk l-objettivi.

(7) Id-Direttiva 92/6/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif adattat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/6/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikoli 1 sa 5 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"Artikolu 1

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "vettura bil-mutur" tfisser kull vettura li bl-enerġija li taqa' taħt il-kategorija M2, M3, N2 jew N3, maħsuba għall-użu fit-triq u li jkollha mill-inqas erba' roti u veloċità massima li taqbeż il-25km/h.

Kategoriji M2, M3, N2 u N3 għandhom jinftiehmu bħala dawk definiti fl-Anness II tad-Direttiva 70/156/KEE [6].

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji M2 u M3 msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b'apparat li jillimita l-veloċità magħmul b'tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista' taqbeż il-100 kilometru fis-siegħa.

Vetturi tal-kategorija M3 irreġistrati qabel l-1 ta' Jannar 2005 b'massa massima li teċċedi l-10 tunnellati jistgħu jibqgħu jiġu mgħammra b'apparat li fuqhom il-veloċità massima hija stabbilita f'100 kilometru fis-siegħa.

Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-vetturi bil-mutur tal-kategoriji N2 u N3 jistgħu jintużaw fit-triq biss jekk mgħammra b'apparat li jillimita l-veloċità magħmul b'tali mod li l-veloċità tagħhom ma tkunx tista' taqbeż id-90 kilometru fis-siegħa.

2. L-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati jeħtieġu li l-apparat li jillimita l-veloċità f'vetturi rreġistrati fit-territorju tagħhom u użati esklussivament għat-trasport ta' merkanzija perikoluża jkun magħmul b'tali mod li dawk il-vetturi ma jkunux jistgħu jaqbżu veloċità massima ta' inqas minn 90 kilometru fis-siegħa.

Artikolu 4

1. Għal vetturi bil-mutur tal-kategorija M3 li għandhom massa massima ta' iktar minn 10 tunnellati u vetturi bil-mutur tal-kategorija N3, l-Artikoli 2 u 3 għandhom jiġu applikati:

(a) għal vetturi rreġistrati mill-1 ta' Jannar 1994, mill-1 ta' Jannar 1994;

(b) għal vetturi rreġistrati bejn l-1 ta' Jannar 1988 u l-1 ta' Jannar 1994:

(i) mill-1 ta' Jannar 1995, fil-każ ta' vetturi użati kemm għat-trasport nazzjonali u internazzjonali;

(ii) mill-1 ta' Jannar 1996, fil-każ ta' vetturi użati esklussivament għat-trasport nazzjonali.

2. Għal vetturi bil-mutur tal-kategorija M2, vetturi tal-kategorija M2 li għandhom massa massima ta' iktar minn 5 tunnellati imma mhux iktar minn 10 tunnellati u vetturi tal- kategorija N2, l-Artikoli 2 u 3 għandhom japplikaw fl-iktar tard:

(a) għal vetturi rreġistrati mill-1 ta' Jannar 2005;

(b) għall-vetturi li jikkonformaw mal-valuri limitu stabbiliti fid-Direttiva 88/77/KEE [7] rreġistrati bejn l-1 ta' Ottubru u l-1 ta' Jannar 2005:

(i) mill-1 ta' Jannar 2006 fil-każ ta' vetturi użati kemm għall-operazzjonijiet ta' trasport nazzjonali u internazzjonali:

(ii) mill-1 ta' Jannar 2007 fil-każ ta' vetturi użati biss għal operazzjonijiet ta' trasport nazzjonali.

3. Għal perjodu ta' mhux aktar minn tliet snin mill-1 ta' Jannar 2005, kull Stat Membru jista' jeżenta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 2 u 3 vetturi tal-kategorija M2 u vetturi tal-kategorija N2 b'massa massima ta' iktar minn 3,5 tunnellati imma li ma taqbiżx is-7,5 tunnellati, rreġistrati fir-reġistru nazzjonali u li ma jivvjaġġawx fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

Artikolu 5

1. L-apparati li jillimita l-veloċità msemmi fl-Artikoli 2 u 3 għandu jissodisfa ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 92/24/KEE [8]. Madankollu, l-vetturi kollha koperti minn din id-Direttiva u rreġistrati qabel l-1 ta' Jannar 2005 jistgħu jibqgħu jiġ mgħammra b'apparat li jillimita l-veloċità li jissodisfa ir-rekwiżiti tekniċi stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

2. Apparat li jillimita l-veloċità għandu jiġi installat minn workshops jew korpi approvati mill-Istati Membri."

2. Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"Artikolu 6a

Bħala parti mill-programm ta' azzjoni tas-sigurtà fit-toroq għall-perijodu 2002 sa 2010, il-Kummissjoni għandha tevalwa is-sigurtà fit-toroq u l-implikazzjonijiet tat-traffiku fit-toroq għall-aġġustament ta' apparat li jillimita l-veloċità użat minn vetturi tal-kategorija M2 u minn vetturi tal-kategorija N2 b'massa massima ta' 7,5 tunnellati jew inqas għall-veloċitajiet stabbiliti b'din id-Direttiva.

Jekk neċessarju, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati."

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa l-1 ta' Jannar 2005 fl-iktar tard. Għandhom jimbagħad informaw bihom lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Novembru 2002.

Għall- Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

T. Pedersen

[1] ĠU C 270 E, tal-25.9.2001, p. 77.

[2] ĠU C 48, tal-21.2.2002, p. 47.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 (ĠU C 228 E, tal-25.9.2002, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-24 ta' Settembru 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 57, tat-2.3.1992, p. 27.

[5] ĠU C 218, tal-31.7.2000, p. 1.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/116/KE (ĠU L 18, tal-21.1.2002, p. 1).

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE tat-3 ta' Diċembru 1987 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrelataw għall-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta' pollutanti gassużi minn magni diesel għall-użu f'vetturi (ĠU L 36, tad-9.2.1988, p. 33). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/27/KE (ĠU L 107, tat-18.4.2001, p. 10).

[8] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/24/KEE tal-31 ta' Marzu 1992 relatata ma' tagħmir li jillimata il-veloċità jew sistemi bħal dawn abbord li jillimitaw il-veloċità ta' ċertu kategoriji ta' vetturi bil-mutur (ĠU L 129, ta' l-14.5.1992, p. 154).

--------------------------------------------------