32002L0077



Official Journal L 249 , 17/09/2002 P. 0021 - 0026


Id-direttiva tal-kummissjoni 2002/77/KE

tas-16 ta’ Settembru 2002

dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l- l-Artikolu 86(3) tiegħu,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 90/388/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet [1], kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 1999/64/KE [2], kienet emendata sostanzjalment bosta drabi. Peress li għandhom isiru aktar emendi, għandha tkun immodellata mill-ġdid fl-interess ta’ kjarezza.

(2) L-Artikolu 86 tat-Trattat jinkariga lill-Kummissjoni bil-kompitu li tiżgura li, fil-każ ta’ l-impriżi pubbliċi u l-impriżi li jgawdu drittijiet speċjali jew esklussivi, l-Istati Membri jħarsu l-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Komunità. Skond l-Artikolu 86(3), il-Kummissjoni tista’ tispeċifika u tiċċara l-obbligi li joħorġu minn dak l-Artikolu u, f’dak is-sett, tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li huma meħtieġa biex jippermettu lill-Kummissjoni li twettaq effettivament id-dmir tas-sorveljanza impost fuqha minn dak il-paragrafu.

(3) Id-Direttiva 90/388/KEE ħtieġet l-Istati Membri jneħħu d-drittijiet speċjali u esklussivi għall-provvista tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, għall-bidu għal servizzi oħra għajr il-voice telephony, is-servizzi tas-satellita u r-radjukomunikazzjonijiet mobbli, u mbagħad stabbilixxiet bil-mod kompetizzjoni sħiħa fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet.

(4) Numru ta’ Direttivi oħra f’dan il-qasam ukoll kienu adottati taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill bil-mira, prinċipalment, li jistabbilixxu suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bl-implimentazzjoni ta’ provvista ta’ network miftuħ u provvista ta’ servizz universali f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi. Dawk id-Direttivi għandhom jitħassru b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003 meta l-qafas regolatorju ġdid għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi huwa applikat.

(5) Il-qafas regolatorju ġdid tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jikkonsisti minn Direttiva ġenerali waħda, id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċI (Direttiva ta’ Qafas) [3] u erba’ Direttivi speċifiċi: Id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ l-Awtorizzazzjoni) [4], id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess ta’, u interkonnessjoni ma’, networks tl-komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) [5], id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002dwar is-servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti relatati man-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva tas-Servizz Universali) [6], u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta’ l-informazzjoni personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) sector [7].

(6) Fuq bażi ta’ l-iżviluppi li mmarkaw il-proċess tal-liberalizzazzjoni u l-ftuħ gradwali tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet fl-Ewropa mill-1990, ċerti definizzjonijiet użati fid-Direttiva 90/388/KEE u l-atti emendati tagħha għandu jkunu rranġati sabiex jirriflettu l-aħħar żviluppi teknoloġiċi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, jew mibdula sabiex jikkunsidraw il-fenomenu tal-konverġenza li fformat it-teknoloġija ta’ l-informazzjoni, l-industriji tal-media u tat-telekomunikazzjonijiet matul dawn l-aħħar snin. Il-kliem ta’ ċerti dispożizzjonijiet għandhom, fejn possibbli, ikunu ċċarati sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni tagħhom, wara li jikkunsidraw, fejn ikun il-każ, id-Direttivi relevanti adottati taħt l-Artikolu 95 tat-Trattat, u l-esperjenza akkwistata mill-implimentazzjoni tad-Direttiva 90/388/KEE kif emendata.

(7) Din id-Direttiva tagħmel riferenza għas-"servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi" u "n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi" minflok it-termini użati qabel "servizzi tat-telekomunikazzjonijiet" u "networks tat-telekomunikazzjonijiet". Dawn id-definizzjonijiet il-ġodda huma indispensabbli sabiex jikkunsidraw il-fenomenu tal-konverġenza billi jġibu flimkien taħt definizzjoni waħda s-servizzi u/jew in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li huma kkonċernati bit-tqassim ta’ sinjali bil-wire, radju, meżżi ottiċi jew elettromanjetiċi oħra (jiġifieri, iffissati, mingħajr wire, cable television, networks tas-satelliti). Għalhekk, it-trasmissjoni u x-xandir tal-programmi tar-radju u tat-televiżjoni għandhom ikunu rikonoxxuti bħala servizz ta’ komunikazzjoni elettronika u n-networks użati għat-tali trasmissjoni u x-xandir għandhom l-istess ikunu rikonoxxuti bħala networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Barra minn hekk, għandu jkun iċċarat li d-definizzjoni l-ġdida tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ukoll ikopru n-networks tal-fibre li jippermetti li terzi persuni, billi jużaw it-tagħmir ta’ switching jew routing, biex jibagħtu s-sinjali.

(8) F’dan il-kuntest, għandu jkun ċar li l-Istati Membri jridu jneħħu (jekk mhux diġa’ għamlu hekk) drittijiet esklussivi u speċjali għall-provvista tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u għandna niżguraw li l-impriżi huma intitolati li jipprovdu t-tali servizzi mingħjr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE. Id-definizzjoni ta’ networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandha wkoll tfisser li Stati Membri mhumiex permessi li jirrestrinġu d-dritt ta’ operatur li jistabbilixxi, jestendi u/jew jipprovdi cable network fuq il-bażi li t-tali network jista wkoll jintuża għat-trasmissjoni ta’ programmar tar-radju u tat-televiżjoni. Partikolarment, drittijiet speċjali jew esklussivi li jammontaw għar-restrizzjoni ta’ l-użu tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni tas-sinjali tat-televiżjoni huma kontra l-Artikolu 86(1), li jinqara flimkien ma’ l-Artikolu 43 (dritt għall-istabbiliment) u/jew l-Artikolu 82(b) tat-Trattat tal-KE sakemm għandhom l-effett li jippermettu impriża dominanti li tillimita "il-produzzjoni, l-iżvilupp tas-swieq jew dak tekniku għall-preġudizzju tal-konsumaturi". Dan huwa, madankollu, mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi adottati mill-Istati Membri skond il-liġi tal-Komunità, u, partikolarment, skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 t’Ottubru 1989 [8], dwar il-ko-ordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet imniżżla mill-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jikkonċernaw is-segwiment ta’ attivitajiet tax-xandir tat-televiżjoni, kif emendati mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [9], li jirregolaw id-distribuzzjoni tal-programmi awdjoviżivi maħsuba għall-pubbliku ġenerali.

(9) Skond il-prinċipju tal-proporzjonalita’, l-Istati Membri m’għandhomx aktar jagħmlu l-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u l-istabbiliment u l-provvista tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi suġġetti għal reġim tal-liċenzjar iżda għal reġim ta’ awtorizzazzjoni ġenerali. Din meħtieġa wkoll mid-Direttiva 2002/20/KE, li skond din is-servizzi jew in-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu pprovduti fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u mhux fuq il-bażi ta’ liċenzja. Parti nġurjata għandha jkollha d-dritt li tisfida deċiżjoni li ma tippermettihiex li tipprovdi servizzi jew networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi quddiem korp indipendenti u, fl-aħħar, quddiem qorti jew tribunal. Huwa prinċipju fondamentali tal-liġi tal-Komunità li individwu huwa intitolat għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva kull meta miżura ta’ l-Istat tikser drittijiet mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet ta’ Direttiva.

(0) Awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeserċitaw influenza dominanti fuq l-imġieba ta’ impriżi pubbliċi, bħala riżultat jew tar-regoli li jirregolaw l-impriżi jew tal-manjiera li biha huma mqassma l-pussess ta’ l-ishma. Għalhekk, fejn l-Istati Membri jikkontrollaw operaturi ta’ network integrat vertikalment li joperw networks li kienu stabbiliti taħt drittijiet speċjali jew esklussivi, dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex ikunu evitati ksur potenzjali fir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, it-tali operaturi, meta jgawdu minn pożizzjoni dominanti fis-suq relevanti, ma jiddiskriminawx favur l-attivitajiet tagħhom stess. Isegwi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw kull diskriminazzjoni bejn dawn l-operaturi integrati vertikalment u l-kompetituri tagħhom.

(11) Din id-Direttiva għandha wkoll tiċċara l-prinċipju meħud mid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/2/KE tas-16 ta’ Jannar 1996 li temenda d-Direttiva 90/388/KE rigward il-komunikazzjonijiet mobbli u personali [10], billi jipprovdu li l-Istati Membri m’għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu għall-frekwenzi tar-radju u li d-drittijiet ta’ l-użu ta’ dawk il-frekwenzi għandhom ikunu assenjati skond il-proċeduri oġġettivi, mhux diskriminatorji u trasparenti. Dan m’għandux ikun mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jingħataw it-tali drittijiet lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità.

(12) Kull skema nazzjonali skond id-Direttiva 2002/22/KE, li sservi biex taqsam in-nefqa netta tal-provvista ta’ l-obbligi ta’ servizz universali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, traparenti u mhux diskriminatorji u għandha tkun konsistenti mal-prinċipji tal-proporzjonalita’ u mill-anqas tfixkil fis-suq. Tfixkil mill-anqas fis-suq ifisser li l-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu rkuprati b’mod li sa fejn possibbli jimminima l-impatt tal-piż finanzjarji li jaqa’ fuq l-utenti finali, per eżempju billi l-kontribuzzjonijiet jitferrxu wiesa’ kemm jista’ jkun.

(13) Fejn id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-satelliti mhumiex kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, l-Istati Membri għandhom jieħdu, skond l-Artikolu 307 tat-Trattat tal-KE, il-passi kollha xierqa biex jeliminaw it-tali inkompatibilitajiet. Din id-Direttiva għandha tiċċara dan l-obbligu peress li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/46/KE [11], ħtieġet biss li l-Istati Membri "jikkomunikaw lill-Kummissjoni" l-informazzjoni li kellhom fuq it-tali inkompatibilitajiet. L-Artikolu 11 ta’ din id-Direttiva għandha tiċċara l-obbligu fuq l-Istati Membri biex titneħħa kull restrizzjoni li tista’ tkun għadha fis-seħħ minħabba dawk il-konvenzjonijiet internazzjonali.

(14) Din id-Direttiva għandha żżomm l-obbligu impost fuq l-Istati Membri mid-Direttiva 1999/64/KE, sabiex tiżgura li dawk dominanti li jiprovdu n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament joperaw n-network tal-komunikazzjoni elettronika pubblika u n-network tal-cable television tagħhom bħala entitajiet legali separati.

(15) Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-limiti taż-żmien ippreżentati fl-Anness I, Parti B, li matulhom l-Istati Membri għandhom iħarsu d-Direttivi ta’ qabel.

(16) L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni li hija meħtieġa biex turi li l-leġislazzjoni nazzjonali eżistenti ta’ implimentazzjoni tirrifletti l-kjarifiki pprovduti f’din id-Direttiva kif imqabbla mad-Direttivi 90/388/KE, 94/46/KE, 95/51/KE(12 [12], 96/2/KE, 96/19/KE [13] u 1999/64/KE.

(17) Fuq bażi ta’ dan t’hawn fuq, id-Direttiva 90/388/KE għandha titħassar,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1. "network tal-komunikazzjonijiet elettroniċi" għandu jfisser is-sistemi ta’ trasmissjoni u, fejn ikun il-każ, it-tagħmir tas-switching jew routing u riżorsi oħra li jippermettu t-twassil ta’sinjali bil-wire, bir-radju, b’meżżi ottiċi jew b’meżżi oħra, inklużi networks tas-satelliti, iffissati (circuit - u packet - switched, inkluż l-Internet) u networks mobbli terrestri, u sistemi ta’ cable ta’ l-elettriku, sal-punt li jintużaw għall-iskop li jittrasmettu sinjali, networks użati għal xandir tar-radju u televiżjoni, u networks ta’ cable television, tkun xi tkun l-informazzjoni li tintbagħat;

2. "network tal-komunikazzjonijiet pubbliċi" għandha tfisser network tal-komunikazzjonijiet elettronika wżata kollha jew l-aktar għall-provvista tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi pubbliċi;

3. "servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi" għandha tfisser ervizz normalment ipprovdut għar-remunerazzjoni li jikkonsisti kollu jew l-aktar fit-twassil ta’ sinjali fuq networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet u s-servizzi tat-trasmissjoni fin-networks użati għax-xandir iżda jeskludu s-servizzi li jipprovdu jew jeserċitaw kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi; ma tinkludix is-servizzi ta’ l-informazzjoni tas-soċjeta’ kif definita fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE li ma tikkonsistix kollha jew l-aktar fit-twassil tas-sinjali tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

4. "servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli pubblikament" għandha tfisser is-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku;

5. "drittijiet esklussivi" għandhom ifissru d-drittijiet mgħotija minn Stat Membru lil impriża waħda minn kull istrument leġislattiv, regolatorju jew amministrattiv, li jagħtiha d-dritt li tipprovdi servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew twettaq attivita tal-komunkazzjoni elettroniċi f’ċerta settur ġeografiku;

6. "drittijiet speċjali" għandhom ifissru drittijiet mogħtija minn Stat Membru lil numru limitat ta’ impriżi permezz ta’ strument leġislattiv, regolatorju jew amministrattiv li, f’ċerta settur ġeografiku:

(a) jinnominaw jew jillimitaw għal tnejn jew iżjed in-numru ta’ tali impriżi awtoriżżati li jipprovdu servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew iwettqu attivita’ tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, minflok skond kriterji oġġettivi, proporzjonali u mhux diskriminatorji, jew

(b) jagħtu lil impriżi, minflok skond it-tali kriterji, vantaġġi legali jew regolatorji li jaffettwaw sostanzjalment l-abilta li xi impriża oħra tipprovdi l-istess servizz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew topera l-istess attivita’ tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fl-istess żona ġeografika taħt kundizzjonijiet sostanzjalment ekwivalenti;

7. "network ta’ stazzjon tad-dinja tas-satelliti" għandu jfisser konfigurazzjoni ta’ żewġ stazzjonijiet tad-dinja jew aktar li jaħdmu ma’ xulxin permezz ta’ satellita;

8. "networks tal-cable television" għandhom ifissru kull infrastruttura bbażata l-aktar fuq wire stabbilita l-aktar għt-tqassim jew id-distribuzzjoni tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni lill-pubbliku.

Artikolu 2

Drittijiet esklussivi u speċjali għan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi

1. L-Istati Membri m’għndhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u/jew il-provvediment tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jew għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li kull impriża hija intitolata biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jew li tistabbilixxi, testendi jew tipprovdi n-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda restrizzjoni m’hija imosta jew tinżamm fuq il-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fuq networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi stabbiliti minn min jipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fuq infrastrutturi pprovduti minn terzi persuni, jew permezz ta’ sharing networks, faċilitajiet jew siti oħra mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorizzazzjoni ġenerali mogħtija lil impriża biex tipprovdi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u biex tistabbilixxi u/jew tipprovdi networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll il-kondizzjonijiet mehmuża magħha, għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, proporzjonali u trasparenti.

5. Ir-raġunijiet għandhom jingħataw għal kull deċiżjoni meħuda fuq il-bażijiet ippreżentati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/20/KE li ma tħallix impriża milli tipprovdi servizzi jew networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Kull parti inġurjata għandha jkollha l-possibilta’ li tisfida t-tali deċiżjoni quddiem korp li huwa indipendenti mill-partijiet involuti u fl-aħħar quddiem qorti jew tribunal.

Artikolu 3

Impriżi pubbliċi integrati vertikalment

Barra l-ħtiġijiet ippreżentati fl-Artikolu 2(2), u mingħjr preġudizzju għall-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE, l-Istati Membri, għandhom jiżguraw li impriżi pubbliċi integrati vertikalment li jipprovdu networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u li huma f’pożizzjoni dominanti ma jiddiskriminwx favur l-attivitajiet tagħhom stess.

Artikolu 4

Drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi

Mingħajr preġudizzju għal kriterji u proċeduri speċifiċi adottati mill-Istati Membri biex jagħtu drittijiet ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju lil min jipprovdi s-servizzi tal-kontenut tax-xandir tar-radju jew tat-televiżjoni bil-ħsieb li jfittxu għanijiet ta’ interess ġenerali konformi mal-liġi tal-Komunità:

1. L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu drittijiet esklussivi jew speċjali ta’ l-użu tal-frekwenzi tar-radju għall-provvediment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2. L-assenjament tal-frekwenzi tar-radju għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti, mhux diskriminatorji u proporzjonali.

Artikolu 5

Servizzi tad-direttorju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet esklussivi u/jew speċjali kollha dwar l-istabbiliment u l-provvediment tas-servizzi tad-direttorju fuq it-territorju tagħhom, li jinkludu kemm il-pubblikazzjoni tad-direttorji kif ukoll is-servizzi tat-tiftixa tad-direttorju, jitneħħew.

Artikolu 6

Obbligi tas-servizz universali

1. Kull skema nazzjonali skond id-Direttiva 2002/22/KE, li sservi biex taqsam in-nefqa netta tal-provvista ta’ l-obbligi ta’ servizz universali għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, traparenti u mhux diskriminatorji u għandha tkun konsistenti mal-prinċipji tal-proporzjonalita’ u mill-anqas tfixkil fis-suq. Partikolarment, meta obbligi tas-servizz universali huma imposti kollha jew parzjalment fuq l-impriżi pubbliċi li jipprovdu servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, dan għandu jittieħed in konsiderazzjoni biex tinħadem kull konribuzzjoni tan-nefq netta ta’ l-obbligi tas-servizz universali.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw kull skema tat-tip riferut fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Satelliti

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull projbizzjoni jew restrizzjoni regolatorja fuq l-offerta tal-kapaċita’ ta’ biċċa spazju lil kull operatur awtoriżżat tan-network ta’ stazzjon tad-dinja tas-satelliti titneħħa, u għandhom jawtoriżżaw fit-territorju tagħhom kull min jipprovdi biċċa spazju li jivverifika li n-network ta’ l-istazzjon tad-dinja tas-satelliti għall-użu b’konnessjoni mal-biċċa spazju ta’ dak li jipprovdi in kwestjoni huwa konformi mal-kondizzjonijiet ippubblikati għall-aċċess tal-kapaċita’ tal-biċċa ta’ spazju tat-tali persuna.

2. L-Istati Membri li huma parti għall-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-satelliti għandhom, fejn it-tali konvenzjonijiet m’humiex kompatibbli mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat tal-KE, għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jeliminaw it-tali inkompatibilitajiet.

Artikolu 8

Networks tal-cable television

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-ebda impriża li tipprovdi n-networks pubbliċi tal-komunikzzjonijiet elettroniċi ma topera n-network tal-cable television billi tuża l-istes entita’ legali li tuża għan-network pubbliku ieħor tagħha tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, meta t-tali impriża:

(a) hija kkontrollata minnn dak l-Istat Membru jew tibbenifika minn drittijiet speċjali; u

(b) hija dominanti f’parti sostanzjali taas-suq komuni fil-provvediment tan-networks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u s-servizzi tat-telefon disponibbli għall-pubbliku; u

(ċ) topera network tal-cable television li kien stabbilit taħt dritt speċjali jew esklussiv fl-istess żona ġeografika.

2. It-termini "servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament" għandha tkun ikkunsidrata sinonima mat-termini "servizzi pubbliċi tal-voice telephony" riferuta fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/64/KE.

3. L-Istati Membri li jikkunsidraw li hemm kompetizzjoni biżżejjed fil-provvediment ta’ infrastruttura ta’ loop lokali u servizzi fit-territorji tagħhom għandhom jinformaw dan lill-Kummissjoni.

It-tali informazzjoni għandha tinkludi deskrizzjoni dettaljata ta’ l-istruttura tas-suq. L-informazzjoni provduta għandha ssir disponibbli lil kull parti interessata meta mitluba, b’kunsiderazzjoni tingħata lill-interess leġittimu ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

4. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi matul perjodu raġonevoli, wara li tkun semgħet il-kummenti ta’ dawk il-partijiet, jekk l-obbligu tas-separazzjoni legali tistax tintemm fl-Istat Membru konċernat.

5. Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004.

Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummssjoni mhux aktar tard mill-24 ta’ Lulju 2003 dik l-informazzjoni li tippermetti l-Kummissjoni li tikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva tħarsu.

Artikolu 10

Revoka

Id-Direttiva 90/388/KE, kif emendata mid-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti A, titħassar b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti taż-żmien għat-trasposizzjoni mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Riferenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jitqiesu bħala riferenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 11

Din id-Direttiva tibda sseħħ fl-20 ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Settembru 2002.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 192, ta’ l-24.7.1990, p. 10.

[2] ĠU L 175, ta’ l-10.7.1999, p. 39.

[3] ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 21.

[4] ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 178.

[5] ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 178.

[6] ĠU L 108, ta’ l-24.4.2002, p. 51.

[7] ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

[8] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23.

[9] ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60.

[10] ĠU L 20, tas-26.1.1996, p. 59.

[11] ĠU L 268, tad-19.10.1994, p. 15.

[12] ĠU L 256, tas-26.10.1995, p. 49.

[13] ĠU L 74, tat-22.3.1996, p. 13.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

PARTI A

Lista ta' Direttivi li għandhom jitħassru

Id-Direttiva 90/388/KEE (ĠU L 192, ta' l-24.7.1990, p. 10).

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 94/46/KEE (ĠU L 268, tad-19.1.1994, p. 15).

Id-Direttiva 95/51/KE (ĠU L 256, tas-26.10.1995, p. 49).

Id-Direttiva 96/2/KE (ĠU L 20, tas-26.1.1996, p. 59).

Id-Direttiva 96/19/KE (ĠU L 74, tat-22.3.1996, p. 13).

Id-Direttiva 1999/64/KE (ĠU L 175, ta' l-10.7.1999, p. 39).

PARTI B

Dati ta' traspożizzjoni għad-Direttivi t'hawn fuq

Id Direttiva 90/388/KEE: data tat traspożizzjoni: | il31 ta' Diċembru 1990 |

Id Direttiva 94/46/KE: data tat traspożizzjoni | it8 t'Awissu 1995 |

Id Direttiva 95/51/KE: data tat traspożizzjoni | l1 t'Ottubru 1996 |

Id Direttiva 96/2/KE: data tat traspożizzjoni | il 15 ta' Novembru 1996 |

Id Direttiva 96/19/KE: data tat traspożizzjoni | il 11 ta' Jannar 1997 |

IdDirettiva1999/64/KE:datatat traspożizzjoni: | it30 t'April 2000 |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Skeda ta' korrelazzjoni

Din id-Direttiva | Id-Direttiva 90/388/KEE |

L-Artikolu 1 (Definizzjonijiet) | Artikolu 1 |

L-Artikolu 2 (tneħħija tad-drittijiet esklussivi/speċjali) | Artikolu 2 |

L-Artikolu 3 (impriżi pubbliċi integrati vertikalment) | L-Artikolu 3(a)(ii) |

L-Artikolu 4 (drittijiet ta' l-użu tal-frekwenzi tar-radju) | L-Artikolu 3(b) |

L-Artikolu 5 (servizzi tad-direttorju) | L-Artikolu 4(b) |

L-Artikolu 6 (obbligi tas-servizz universali) | L-Artikolu 4(ċ). |

L-Artikolu 7 (satelliti). | L-Artikolu 3 tad-Direttiva 94/46/KE |

L-Artikolu 8 (cable networks) | Artikolu 9 |

--------------------------------------------------