Official Journal L 270 , 08/10/2002 P. 0010 - 0013
Id-Direttiva 2002/74/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni ta’ l-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni, Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) Il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Fundamentali Soċjali tal-Ħaddiema adottata fid-9 ta’ Diċembru 1989 tiddikjara, fil-punt 7, illi t-tkomplija tas-suq intern trid twassal għal titjib fil-kondizzjonijiet ta’ l-għixien u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea u li dan it-titjib irid ikopri, fejn meħtieġ, l-iżvilupp ta’ ċerti aspetti tar-regolamenti tax-xogħol bħalma huma l-proċeduri rigward is-sensji kollettivi u dawk li jirrigwardaw l-fallimenti. (2) Id-Direttiva tal-KEE 80/987 [4] timmira li tipprovdi livell minimu ta’ protezzjoni lill-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom. Għal dan il-għan, tobbliga lill-Istati Membri li jistabbilixxu korp li jiggarantixxi l-ħlas tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati kkonċernati. (3) Il-bidliet fil-liġijiet ta’ l-insolvenza fl-Istati Membri u l-iżvilupp tas-suq intern ifissru illi jridu jiġu addattati ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. (4) Iċ-ċertezza u t-trasparenza legali wkoll jeħtieġu kjarifika rigwardi l-qasam u ċerti definizzjonijiet tad-Direttiva 80/987/KEE. B’mod partikolari l-esklużjonijiet possibbli konċessi lill-Istati Membri għandhom jiġu indikati fid-dispożizzjonijiet li jagħmlu liġi lil din id-Direttiva u b’konsegwenza ta’ dan għandu jitħassar l-Anness ta’ magħha. (5) Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni imparzjali lill-impjegati interessati, id-definizzjoni ta’ l-istat ta’ l-insolvenza għandha tiġi aġġustata għax-xejriet leġislattivi ġodda fl-Istati Membri u għandha tinkludi wkoll f’dan il-kunċett il-proċeduri ta’ l-insolvenza minħabba kull kawża oħra għajr l-istralċ. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom, sabiex jistabbilixxu r-responsabbiltà ta’ l-istituzzjoni tal-garanzija, ikunu jistgħu jistabbilixxu illi fejn sitwazzjoni ta’ insolvenza tirriżulta fi proċeduri diversi ta’ l-insolvenza, is-sitwazzjoni tiġi ttrattata bħala proċedura waħdanija ta’ l-insolvenza. (6) Għandu jiġi żgurat illi l-impjegati riferiti fid-Direttiva 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tirrigwarda l-ftehim qafas dwar ix-xogħol fuq skond fiss iffirmat mill-UNICE, is-CEEPu l-ETUC [5], u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tirrigwarda l-ftehim qafas dwar ix-xogħol fuq skond fiss konkluż mill-ETUC, l-UNICE u s-CEEP [6] u d-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE tal-25 ta’ Ġunju 1991 li tissupplimenta l-miżuri sabiex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u saħħa fuq ix-xogħol tal-ħaddiema fejn għandhom x’jaqsmu l-impjiegi fuq tul taż-żmien fiss jew fejn għandhom x’jaqsmu l-impjiegi temporanji [7] ma jkunux esklużi mill-iskop ta’ din id-Direttiva. (7) Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali lill-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ l-impriżi li jkunu jwettqu ħidmiethom f’għadd ta’ Stati Membri, u sabiex jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema skonda il-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom jiddaħħlu dispożizzjonijiet li espressament jiddikjaraw liema istituzzjoni hija responsabbli sabiex tħallas il-pretensjonijiet f’dawn il-każijiet u sabiex tistabbilixxi bħala l-għan ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta’ l-Istati Membri l-konklużjoni bikrija tal-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati. Barra minn hekk, huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-arranġamenti rilevanti jiġu implimentati b’mod xieraq billi ssir dispożizzjoni għall-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fl-Istati Membri. (8) L-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitazzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija li għandhom ikunu kompatibbli ma’ l-għan soċjali tad-Direttiva u jistgħu jikkunsidraw il-livelli differenti tal-pretensjonijiet. (9) Sabiex titħaffef l-identifikazzjoni tal-proċeduri ta’ l-insolvenza b’mod partikolari fis-sitwazzjonijiet b’dimensjoni li taqsam il-fruntieri, għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-Istati Membri jinnotofikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tipi ta’ proċeduri ta’ l-insolvenza li jwasslu għal intervent minn istituzzjoni tal-garanzija. (10) Id-Direttiva 80/987/KEE għandha tiġi emendata kif mistħoqq. (11) Ġaladarba l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-emenda ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 80/987KEE biex jitqiesu l-bidliet fl-attivitajiet ta’ l-impriżi fil-Komunità, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex tikseb dan il-għan. (12) Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’mod partikolari rigward l-għamliet ġodda ta’ l-impjiegi li qegħdin jinħolqu fl-Istati Membri, ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA: L-Artikolu 1 Id-Direttiva 80/987/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej: 1. "It-Titolu għandu jinbidel b’dan li ġej: Id-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE ta’ l-20 ta’ Ottubru 1980 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom" ; 2. It-Taqsima I għandha tinbidel b’dan li ġej: "IT-TAQSIMA I Qasam u definizzjonijiet L-Artikolu 1 1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pretensjonijiet ta’ l-impjegati li jinħolqu mill-kuntratti tax-xogħol jew mir-relazzjonijiet tax-xogħol u dawk eżistenti kontra dawk li jħaddmu meta jkunu fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(1). 2. L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet minn ċerti kategoriji ta’ impjegati mill-iskop ta’ din id-Direttiva, bis-saħħa ta’ l-eżistenza ta’ għamliet oħra ta’ garanziji jekk jiġi stabbilit illi dawn joffru lill-persuni interessati livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jirriżulta minn din id-Direttiva. 3. Meta din id-dispożizzjoni tkun diġà teżisti fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jissoktaw jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva: (a) is-servi domestiċi impjegati minn persuna naturali; (b) is-sajjieda bi sħab. L-Artikolu 2 1. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, min iħaddem għandu jitqies bħala fi stat ta’ insolvenza meta tkun saret talba għall-ftuħ ta’ proċeduri kollettivi msejsa fuq il-insolvenza ta’ min iħaddem, ipprovduti skond il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru, u li jinvolvu d-divestiment parzjali jew totali ta’ l-attiv ta’ min iħaddem u l-ħatra ta’ stralċjarju jew persuna li tagħmel xogħol simili, u ta’ l-awtorità li hija kompetenti skond id-dispożizzjonijiet imsemmija tkun: (a) jew iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri, jew (b) stabbiliet illi l-impriża jew in-negozju ta’ min iħaddem jingħalqu b’mod definittiv u li l-attiv disponibbli ma jkunx biżżejjed sabiex jiġġustifika l-ftuħ tal-proċeduri. 2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali rigward id-definizzjoni ta’ l-espressjonijiet "impjegat", "min iħaddem", "paga", "dritt li jagħti titolu immedjat" u "dritt li jagħti titolu prospettiv". Madankollu, l-Istati Membri jistgħu ma jeskludux mill-iskop ta’ din id-Direttiva: (a) lill-impjegati part-time fit-tifsira tad-Direttiva 97/81/KE; (b) lill-ħaddiema fuq kuntratt ta’ skond fiss fit-tifsira tad-Direttiva 1999/70/KE; (ċ) lill-ħaddiema li għandhom x’jaqsmu ma’ impjieg temporanju fit-tifsira ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383/KEE. 3. L-Istati Membri jistgħu ma jistabbilixxux tul minimu taż-żmien għall-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg sabiex il-ħaddiema jikkwalifikaw għall-pretensjonijiet skond din id-Direttiva. 4. Din id-Direttiva ma tipprevienix lill-istati Membri milli jestendu l-protezzjoni tal-ħaddiema minn sitwazzjonijiet oħra ta’ insolvenza, per eżempju fejn il-ħlasijiet ikunu twaqqfu de facto fuq bażi permanenti, stabbiliti bi proċeduri differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ipprovduti fil-liġijiet nazzjonali. Dawn il-proċeduri m’għandhomx b’dankollu joħolqu obbligu ta’ garanzija għall-istituzzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra fil-każijiet riferiti fit-Taqsima IIIa." ; 3. L-Artikoli 3 u 4 għandhom jinbidlu b’dan li ġej: "L-Artikolu 3 L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi l-istituzzjonijiet tal-garanzija jiggarantixxu, bla ħsara għall-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjoniet pendenti li jirriżultaw mill-kuntratti ta’ l-impjieg jew ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, inkluża, fejn ipprovdut bil-liġijiet nazzjonali, paga terminali fi tmiem ir-relazzjoniiet ta’ l-impjieg. Il-pretensjonijiet li l-kontroll tagħhom jittieħed mill-istituzzjoni tal-garanzija għandhom ikunu l-pretensjonijiet pendenti tal-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-perjodu taż-żmien ta’ qabel u/jew, meta japplika, wara data mogħtija stabbilita mill-Istati Membri. L-Artikolu 4 1. L-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ l-istituzzjonijiet tal-garanzija riferiti fl-Artikolu 3. 2. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-għażla riferita fil-paragrafu 1, għandhom jispeċifikaw it-tul tal-perjodu taż-żmien li fih għandhom jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanzija. Madankollu, dan ma jistax ikun iqsar minn perjodu taż-żmien li jkopri l-ħlas ta’ l-aħħar tliet xhur tar-relazzjoni ta’ l-impjieg qabel u/jew wara d-data riferita fl-Artikolu 3. L-Istati Membri jistgħu jinkludu dan il-perjodu minimu taż-żmien ta’ tliet xhur f’perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn sitt xhur. L-Istati Membri li għandhom perjodu taż-żmien ta’ referenza ta’ mhux anqas minn 18-il xahar jistgħu jillimitaw il-perjodu taż-żmien li fih jiġu sodisfatti l-pretensjonijiet pendenti mill-istituzzjoni tal-garanziji għal tmien ġimgħat. F’dan il-każ, dawk il-perjodi taż-żmien li huma l-aktar favorevoli għall-impjegat jintużaw għall-kalkolu tal-perjodu minimu taż-żmien. 3. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti massimi rigward il-ħlasijiet magħmula mill-istituzzjoni tal-garanzija. Dawn il-limiti massimi ma għandhomx jaqgħu taħt livell li huwa kompatibbli soċjalment ma’ l-għan soċjali ta’ din id-Direttiva. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw din il-għażla, għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-metodi wżati sabiex jiġu stabbiliti l-limiti massimi."; 4. għandha tiddaħħal it-Taqsima li ġejja: "IT-TAQSIMA IIIa Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw sitwazzjonijiet transnazzjonali L-Artikolu 8a 1. Meta impriża b’ ħidmiet fit-territorji f’mill-inqas żewġ Stati Membri tkun fi stat ta’ insolvenza fit-tifsira ta’ l-Artikolu 2(l), l-istituzzjoni responsabbli mill-ħlas tal-pretensonijiet pendenti ta’ l-impjegati għandha tkun dik fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn jaħdmu jew jaħdmu normalment. 2. Il-kobor tad-drittijiet ta’ l-impjegati jiġi stabbilit mil-liġijiet li jirregolaw l-istituzzjoni kompetenti tal-garanzija. 3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi, fil-każijiet riferiti fil-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza riferiti fl-Artikolu 2(1), li jkunu ntalbu fi Stat Membru ieħor, jitqiesu fil-waqt li jkun qiegħed jiġi deċiż l-istat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem fit-tifsira ta’ din id-Direttiva. L-Artikolu 8b 1. Għall-għanijiet sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 8a, l-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjoni sabiex jaqsmu bejniethom it-tagħrif rilevanti bejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew l-istituzzjonijiet tal-garanzija tagħhom imsemmija fl-Artikolu 3, biex b’hekk jagħmluha possibbli b’mod partikolari li jgħarrfu lill-istituzzjoni tal-garanzija responsabbli sabiex tħallas il-pretensjonijiet pendenti ta’ l-impjegati. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bid-dettalji tal-kuntatt ta’ l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti u/jew l-istituzzjonijiet tal-garanzija tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn il-komunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku." ; 5. fl-Artikolu 9 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej: "L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma għandha fl-ebda ċirkustanza tkun raġuni suffiċjenti għal rigress fejn għandha x’taqsam is-sitwazzjoni korrenti fl-Istati Membri u fejn għandu x’jaqsam il-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam inkluż fiha."; 6. fl-Artikolu 10 għandu jiżdied il-punt li ġej: "(ċ) biex tiċħad jew tnaqqas ir-responsabbiltà riferita fl-Artikolu 3 jew l-obbligu tal-garanzija riferit fl-Artikolu 7 fil-każijiet fejn l-impjegat, f’ismu jew f’isimha jew flimkien mal-qraba viċini tagħhom, kienu s-sid ta’ parti essenzjali ta’ l-impriża jew tan-negozju ta’ min iħaddem u kellu influwenza konsiderevoli fuq l-attivitajiet tagħha."; 7. għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej: "L-Artikolu 10a L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bit-tipi tal-proċeduri nazzjonali dwar il-insolvenza li jidħlu fl-iskop ta’ din id-Direttiva, u b’kull emenda li għandha x’taqsam magħha. Il-Kummissjoni għandha tippubblika dawn il-komunikazzjonijiet fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej."; 8. l-Anness għandu jitħassar. L-Artikolu 2 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel it-8 ta’ Ottubru 2005. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet riferiti fl-ewwel subparagrafu għal kull stat ta’ insolvenza ta’ min iħaddem li jiġri wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. 2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva. L-Artikolu 3 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil- Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-Artikolu 4 Mhux aktar tard mit-8 ta’ Ottubru 2010, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri. L-Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Settembru 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President M. Fischer Boel [1] ĠU C 154 E, tad-29.5.2001, p. 109. [2] ĠU C 221, tas-7.8.2001, p. 110. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ Novembru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2002 (ĠU C 119 E, tat-22.5.2002, p. 1) (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Mejju 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002. [4] ĠU L 283, tas-28.10.1980, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994. [5] ĠU L 14, ta’ l-20.1.1998, p. 9. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/23/KEE (ĠU L 131, tal-5.5.1998, p. 10). [6] ĠU L 175, ta’ l-10.7.1999, p. 43. [7] ĠU L 206, tad-29.7.1991, p. 19. --------------------------------------------------