32002L0022



Official Journal L 108 , 24/04/2002 P. 0051 - 0077


Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-7 ta' Marzu 2002

dwar servizz universali u d-drittijiet ta' l-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Il-liberalizzazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet u l-kompetizzjoni dejjem tikber u l-għażla għal servizz ta' komunikazzjonijiet jimxu id f'id ma’ azzjoni parallela biex jinħoloq qafas regolatorju armonizzat li jassigura t-twassil ta' servizz universali. Il-kunċett ta' servizz universali għandu jevolvi biex jirrifletti l-avvanzi fit-teknoloġija, fl-iżviluppi tas-suq u fil-bidliet fit-talba ta' l-utent. Il-qafas regolatorju stabbilit għal-liberalizzazzjoni sħiħa tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet fl-1998 fil-Komunità jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni minimu ta' servizz universali u jistabbilixxi r-regoli għall-ispiża u l-iffinanzjar tiegħu.

(2) Taħt l-Artikolu 153 tat-Trattat, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

(3) Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha assumew obbligi dwar qafas regolatorju ta' networks u servizzi ta' telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-ftehim ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) dwar telekomunikazzjonijiet bażiċi. Kull membru tat-WTO għandu d-dritt li jiddefinixxi x-xorta ta' obbligi ta' servizz universali li jixtieq iżomm. Dawk l-obbligi m'għandhomx jitqiesu anti-kompetittivi fihom infushom, sakemm jiġu amministrati b'mod trasparenti, mhux diskriminatorju u kompetittivament newtrali u ma jkunux ta' piż aktar minn dak li hu meħtieġ għax-xorta ta' servizz universali definit mill-membru.

(4) L-assigurazzjoni ta' servizz universali (jiġifieri, l-forniment ta' sett minimu definit ta' servizzi lill-utenti finali bi prezz li jista' jintlaħaq) jista' jinvolvi l-forniment ta' xi servizzi lill-xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. Iżda, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi maħtura biex jfornu servizzi bħal dawk f'dawk iċ-ċirkostanzi m'għandux jirriżulta f'distorsjoni ta' kompetizzjoni, sakemm l-impriżi maħtura jiġu kompensati għall- ispiża netta speċifika nvoluta u sakemm il-piż ta' l-ispiża netta jiġi rkuprat b'mod newtrali kompetittiv.

(5) F'suq kompetittiv, ċerti obbligi għandhom japplikaw għall-impriżi kollha li jfornu servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss u oħrajn għandhom japplikaw biss għal impriżi li jgawdu saħħa sinjifikanti fis-suq jew li ġew maħtura bħala operaturi ta' servizz universali.

(6) Il-punt tat-terminazzjoni ta' network jirrappresenta konfini għall-iskopijiet regolatorji bejn il-qafas regolatorju għan-networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-regolazzjoni ta' tagħmir terminali ta' telekomunikazzjoni. Id-definizzjoni tal-lok tal-punt tat-terminazzjoni ta' network hija r-responsabbiltà ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali, fejn meħtieġ fuq il-bażi ta' proposta mill-impriżi relevanti.

(7) L-Istati Membri għandhom ikomplu jassiguraw li s-servizzi stipulati fil-Kapitolu II jintgħamlu disponibbli bil-kwalità speċifikata għall-utenti finali kollha fit-territorju tagħhom irrespettivament mil-lok ġeografiku, u, fid-dawl ta' kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista' jintlaħaq. L-Istati Membri jistgħu, fil-kuntest ta' obbligi ta' servizz universali u fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jieħdu miżuri speċifiċi għall-konsumaturi f'żoni rurali jew ġeografikament iżolati biex jassiguraw l-aċċess tagħhom għas-servizzi stipulati fil-Kapitolu II u li l-prezz ta' dawk is-servizzi jkun jista' jintlaħaq, kif ukoll biex jassiguraw taħt l-istess kondizzjonijiet dan l-aċċess, b'mod partikolari għall-anzjani, persuni b'disabilità u għall-persuni bi ħtiġiet soċjali speċjali. Dawn il-miżuri jistgħu wkoll jinkludu miżuri direttament immirati lejn konsumaturi bi ħtiġiet soċjali speċjali li jfornu appoġġ lill-konsumaturi indetifikati, per eżempju permezz ta' miżuri speċifiċi, meħuda wara l-eżami ta' talbiet individwali, bħall-ħlas ta' djun.

(8) Ħtieġa speċjali ta' servizz universali hija l-forniment lill-utenti fuq talba b'konnessjoni ma' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss, bi prezz li jista' jintlaħaq. Il-ħtieġa hija limitata għall-konnessjoni waħda ma' network b'firxa dejqa, li l-forniment tagħha jista' jiġi ristrett mill-Istati Membri għar-residenza/lok primarju ta' l-utent finali, u ma jestendix għal Network Integrat ta' Servizzi Diġitali (ISDN) li jipprovdi żewġ konnessjonijiet jew aktar li kapaċi jintużaw simultanjament. M'għandu jkun hemm ebda limitazzjoni fuq il-mezzi tekniċi li bihom il-konnessjoni hija fornuta, hekk li jippermettu għal teknoloġiji bil-wire jew bla wire, lanqas xi limitazzjoni dwar liema operaturi jfornu l-obbligi kollha ta' servizz universali jew parti minnhom. Konnessjoni ma' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss għandha tkun kapaċi li ssostni komunikazzjonijiet tal-vuċi u data b'rati suffiċjenti għall-aċċess għall-servizzi online bħal dawk fornuti permezz ta' l-Internet pubbliku. Il-veloċità għall-aċċess ta' l-Internet esperjenzjata minn utent partikolari tista' tiddependi fuq numru ta' fatturi inkluż il-fornitur/i tal-konettività ma' l-Internet kif ukoll l-applikazzjoni partikolari li għaliha l-konnessjoni qed tintuża. Ir-rata tat-data li tista' tiġi sostnuta b'konnessjoni waħda b'firxa dejqa għal -network pubbliku tat-telefon tiddependi fuq il-kapaċitajiet tat-tagħmir terminali ta' l-abbonat kif ukoll fuq il-konnessjoni. Għal din ir-raġuni m'huwiex xieraq li jkun magħmulha obbligatorja f'livell tal-Komunità rata data speċifika ta' data jew bit. Il-modems disponibbli bħalissa għall-firxa tal-vuċi joffru rata ta' data ta' 56 kbit/s u jużaw adattazzjoni awtomatika ta' rata ta' data biex tipprovdi għall-kwalità varjabbli tal-linja, bir-riżultat li r-rata miksuba tad-data tista' tkun aktar baxxa minn 56 kbit/s. Flessibilità hija meħtieġa minn-naħa 'l waħda biex tippermetti lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri fejn meħtieġ biex jassiguraw li l-konnessjonijiet ikunu kapaċi li jsostnu dik ir-rata tad —data, u minn-naħa 'l oħra biex jippermettu lill-Istati Membri fejn relevanti biex jippermettu rati ta' data taħt dan il-limitu ta' fuq ta' 56 kbits/s sabiex, per eżempju, jesplojtjaw il-kapaċitajiet tat-teknoloġiji mingħajr wajer (inklużi networks ċellulari mingħajr wajer) biex iwasslu servizz universali lill-proporzjon ogħla tal-popolazzjoni. Dan jista' jkun ta' importanza partikolari f'xi pajjiżi ta' adeżjoni fejn il-penetrazzjoni fil-familji ta' konnessjonijiet tradizzjonali tat-telefon tibqa' relattivament baxxa. F'każi speċifiċi fejn il-konnessjoni ta' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss hija kjarament insuffiċjenti biex issostni aċċess sodisfaċjenti għall-Internet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu li l-konnessjoni tiġi mqiegħda fil-livell li jgawdu l-maġġoranza ta' l-abbonati sabiex issostni rati ta' data suffiċjenti għall-aċċess ta' l-Internet. Fejn dawn il-miżuri speċifiċi jipproduċu piż ta' spiża netta għal dawk il-konsumaturi konċernati, l-effett nett jista' jiġi nkluż fil-kalkolu ta' spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali.

(9) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jipprekludux lill-Istati Membri milli jaħtru mpriżi differenti biex ifornu elementi ta' network u ta' servizz ta' servizz universali. L-impriżi maħtura biex ifornu elementi ta' network jistgħu jiġu meħtieġa li jassiguraw l-kostruzzjoni u l-manutenzjoni li huma meħtieġa u proporzjonati biex jilħqu t-talbiet raġonevoli kollha għal konnessjoni f'lok fiss għan-network pubbliku tat-telefon u għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss.

(10) Prezz li jista' jintlaħaq ifisser prezz definit mill-Istati Membri f'livell nazzjonali fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, u jista' jinvolvi l-iffissar ta' tariffi komuni irrespettivament mil-lok jew għażliet ta' tariffa speċjali biex jittrattaw il-ħtiġiet ta' utenti bi dħul baxx. Prezz li jista' jintlaħaq għall-konsumaturi ndividwali huwa relatat mal-kapaċità tagħhom li jissorveljaw u jikkontrollaw l-infieq tagħhom.

(11) Is-servizzi ta' informazzjoni tad-direttorju u ta' konsultazzjoni tad-direttorju jikkostitwixxu għodda essenzjali għall-aċċess għal servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u jiffurmaw parti mill-obbligu ta' servizz universali. L-utenti u l-konsumaturi jixtiequ direttorji komprensivi u servizz ta' konsultazzjoni tad-direttorju li jkopru l-abbonati kollha elenkati tat-telefon u n-numri tagħhom (inklużi numri fissi u mobbli) u jridu li din l-informazzjoni tiġi presentata b'mod mhux preferenzjali. Id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet [5] tassigura d-dritt ta' l-abbonati għall-privatezza fir-rigward ta' l-inklużjoni ta' l-informazzjoni personali tagħhom f'direttorju pubbliku.

(12) Għaċ-ċittadin, huwa mportanti li jkun hemm forniment adegwat ta' telefons pubbliċi bi ħlas, u għall-utenti li jkunu jistgħu jsejħu numri ta' emerġenza u, b'mod partikolari, in-numru ta' sejħa ta' emerġenza Ewropew ("112") mingħajr ħlas minn kull telefon, inklużi telefons pubbliċi bi ħlas, mingħajr l-użu ta' xi mezz ta' ħlas. Informazzjoni nsuffiċjenti dwar l-eżistenza ta' l-"112" iċċaħħad liċ-ċittadini mis-sigurezza addizzjonali assigurata bl-eżistenza ta' dan in-numru f'livell Ewropew speċjalment matul il-vjaġġi tagħhom fi Stati Membri oħra.

(13) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxu aċċess għal u prezz li jista' jintlaħaq għas-servizzi kollha tat-telefon disponibbli pubblikament f'lok fiss għal utenti b'disabilità u utenti bi ħtiġiet soċjali speċjali. Dawk il-miżuri speċjali għal utenti b'disabilità jisgħtu jinkludu, fejn xieraq, it-tagħmil disponibbli ta' l-aċċess għal telefons pubbliċi, telefons pubbliċi bit-test jew miżuri ekwivalenti għat-torox jew persuni b'impediment fid-diskors, li jfornu servizzi bħal servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju jew miżuri ekwivalenti bla ħlas għall-għomja jew persuni li jaraw ftit, u l-forniment ta' kontijiet dettaljati f'format alternattiv fuq talba għall-għomja jew persuni li jaraw ftit. Miżuri speċifiċi jistgħu wkoll ikunu meħtieġa li jittieħdu biex jippermettu lill-utenti b'disabilità jew utenti bi ħtiġiet soċjali speċjali aċċess għas-servizzi ta' emerġenza "112" u biex tingħatalhom possibbiltà simili li jagħżlu bejn operaturi differenti jew fornituri ta' servizz bħall-konsumaturi l-oħra. Standards tal-kwalità tas-servizz ġew żviluppati għal firxa ta' parametri biex jistmaw il-kwalità tas-servizzi riċevuti mill-abbonati u kemm dawn l-impriżi maħtura b'obbligi ta' servizz universali jaħdmu tajjeb biex jiksbu dawn li-standards. Standards tal-kwalità tas-servizz s'issa għadhom ma jeżistux fir-rigward ta' utenti b'disabilità. Standards ta' prestazzjoni u parametri relevanti għandhom jiġu żviluppati għal utenti b'disabilità u huma previsti fl-Artikolu 11 ta' din id-Direttiva. B'żieda, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu l-pubblikazzjoni ta' tagħrif -data ta' prestazzjoni tal-kwalità tas-servizz jekk u meta dawn li-standards u l-parametri jiġi żviluppati. Il-fornitur ta' servizz universali m'għandux jieħu miżuri li jipprevjenu lill-utenti milli jibbenefikaw bis-sħiħ mis-servizzi offruti minn operaturi jew fornituri ta' servizz differenti, f'kombinazzjoni mas-servizzi tiegħu stess offruti bħala parti minn servizz universali.

(14) L-importanza ta' aċċess għal u l-użu tan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss hija tali li għandu jkun disponibbli lil kull min raġonevolment jitlobu. Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi liema mpriżi għandhom obbligi ta' servizz universali għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, fejn xieraq billi jieħdu kont tal-kapaċità u l-volontà ta' impriżi li jaċċettaw l-obbligi tas-servizz universali kollha jew parti minnhom. Huwa mportanti li l-obbligi ta' servizz universali jiġu sodisfatti bl-aktar mod effiċjenti sabiex l-utenti ġeneralment iħallsu prezzijiet li jikkorrispondu ma' prestazzjoni effiċjenti fir-rigward ta' l-ispejjeż. Daqstant ieħor huwa mportanti li l-operaturi ta' servizz universali jżommu l-integrità tan-network kif ukoll il-kontinwità u l-kwalità tas-servizz. L-iżvilupp ta' kompetizzjoni akbar u għażla jipprovdu aktar possibiltajiet għall-obbligi kollha ta' servizzi universali jew parti minnhom li jiġu fornuti minn impriżi barra minn dawk li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq. Għalhekk, l-obbligi ta' servizz universali jistgħu f'xi każi jiġu allokati lill-operaturi li juri l-aktar mezzi effiċjenti fl-ispiża għat-twassil ta' l-aċċess u s-servizzi, inkluż bi proċeduri ta' għażla kompetittivi u komparattivi. Obbligi korrispondenti jistgħu jiġu nklużi bħala kondizzjonijiet fl-awtorizzazzjonijiet għal forniment ta' servizzi disponibbli pubblikament.

(15) L-Istati Membri għandhom jissorveljaw is-sitwazzjoni tal-komsumaturi fir-rigward ta' l-użu tagħhom ta' servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament u b'mod partikolari dwar prezzijiet li jkunu jistgħu jintlaħqu. Il-forniment ta' prezzijiet li jistgħu jintlaħqu għal servizz tat-telefon huwa relatat ma' l-informazzjoni li l-utenti jirċievu fir-rigward ta' l-ispejjeż ta' l-użu tat-telefon kif ukoll tal-ispiża relattiva ta' l-użu tat-telefon mqabbel ma' servizzi oħra, u huwa wkoll relatat mal-kapaċità tagħhom li jikkontrollaw l-infieq. Prezzijiet li jistgħu jintlaħqu għalhekk tfisser l-għoti tal-poter lill-konsumaturi permezz ta' obbligi imposti fuq impriżi maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali. Dawn l-obbligi jinkludu livell speċifiku ta' kontijiet dettaljati, il-possibiltà tal-konsumaturi li selettivament jimblukkaw ċerti sejħiet (per eżempju sejħiet bi prezz għoli lill-servizzi primjum), il-possibiltà tal-konsumaturi li jikkontrollaw l-infieq permezz ta' mezzi ta' ħlas minn qabel u l-possibiltà tal-konsumaturi li jpaċu tariffi ta' konnessjoni minn qabel. Dawn il-miżuri jistgħu jeħtieġu li jiġu riveduti u mibdula fid-dawl ta' l-iżviluppi tas-suq. Il-kondizzjonijiet kurrenti ma jiġġustifikawx il-ħtieġa li l-operaturi b'obbligi ta' servizz universali jiġbdu l-attenzjoni ta' l-abbonati meta livell ta' nefqa stabbilit minn qabel jinqabeż jew xejra annormali ta' sejħiet isseħħ. Ir-reviżjoni tad-dispożizzjonijiet relevanti leġislattivi fil-futur għandha tikkonsidra jekk hemmx il-ħtieġa li tinġibed l-attenzjoni ta' l-abbonati għal dawn ir-raġunjiet.

(16) Ħlief fil-każi ta' ħlas tard persistenti tal-kontijiet jew nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet, il-konsumaturi għandhom ikunu protetti mill-iskonnettjar immedjat min-network għal raġuni ta' kont mhux imħallas, u, b'mod partikolari fil-każ ta' disputi dwar kontijiet għolja għall-servizzi b'rati primjum, u għandhom jibqgħu jkollhom aċċess għas-servizzi essenzjali tat-telefon sakemm id-disputa tkun risolta. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dak l-aċċess jista' jibqa' jiġi fornut biss jekk l-abbonat ikompli jħallas it-tariffi tal-kiri tal-linja.

(17) Il-kwalità u l-prezz huma fatturi prinċipali f'suq kompetittiv u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li jissorveljaw il-kwalità tas-servizz miksuba għall-impriżi li jkunu ġew maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali. B'relazzjoni mal-kwalità ta' servizz miksuba minn dawk l-impriżi, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jieħdu miżuri adatti fejn iqiesu li dan huwa meħtieġ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu wkoll kapaċi li jissorveljaw il-kwalità tas-servizz miksuba ta' impriżi oħra li jfornu networks pubbliċi tat-telefon u/jew servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament lill-utenti f'lok fiss.

(18) L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-iffinanzjar ta' l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b'telf jew bi spiża netta li jaqgħu barra li-standards kummerċjali normali. Huwa mportanti li jiġi assigurat li l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali tiġi kkalkolata kif imiss u li kull iffinanzjar jitwettaq b'distorsjoni minima għas-suq u għall-impriżi, u jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat.

(19) Kull kalkolu ta' spiża netta ta' servizz universali għandu jieħu kont debitu ta' l-ispejjeż u d-dħul, kif ukoll tal-benefiċċji ntanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizz universali, iżda m'għandux ifixkel l-għan ġenerali li jiġi assigurat li l-istrutturi tal-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż. Kull spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali għandha tiġu kalkolata fuq il-bażi ta' proċeduri trasparenti.

(20) Li jittieħed kont tal-benefiċċji ntanġibbli tfisser li estimu f'termini monteraji, tal-benefiċċji indiretti li mpriża tikseb minħabba l-pożizzjoni tagħha bħala fornitur ta' servizz universali, għandu jitnaqqas mill- ispiża netta diretta ta' l-obbligi ta' servizz universali sabiex jiġi stabbilit il-piż globali ta' l-ispiża.

(21) Meta obbligu ta' servizz universali jirrappresenta piż inġust fuq impriża, huwa xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu mekkaniżmi għall-irkupru effiċjenti ta' l-ispejjeż netti. L-irkupru permezz ta' fondi pubbliċi jikkostitwixxi metodu wieħed ta' rkupru ta' l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali. Huwa wkoll raġonevoli li l-ispejjeż netti stabbiliti jiġu rkuprati mill-utenti kollha b'mod trasparenti permizz ta' mposti fuq l-impriżi. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-ispejjeż netti ta' elementi differenti ta' servizz universali permezz ta' mekkaniżmi differenti, u/jew li jiffinanzjaw ta' l-ispejjeż netti ta' xi wħud mill-elementi jew kollha minn xi wieħed mill-mekkaniżmi jew minn kombinazzjoni tat-tnejn. Fil-każ ta' l-irkupru ta' l-ispejjeż permezz ta' mposti fuq l-impriżi, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dak il-metodu ta' allokazzjoni bejniethom huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u huwa skond il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan il-prinċipju ma jipprevjenix lill-Istati Membri milli jeżentaw operaturi ġodda li ma jkunux għadhom kisbu xi presenza sinjifikani fis-suq. Kull mekkaniżmu ta' ffinanzjar għandu jassigura li l-parteċipanti fs-suq jikkontribwixxu biss għall-iffinanzjar ta' obbligi ta' servizz universali u mhux għal attivitajiet oħra li m'humiex direttament marbuta mal-forniment ta' obbligi ta' servizz universali. Il-mekkaniżmi ta' l-irkupru għandhom fil-każi kollha jirrispettaw il-prinċipji tal-liġi tal-Komunità, u b'mod partikolari fil-każ ta' mekkaniżmi ta' qsim dawk tan-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Kull mekkaniżmu ta' l-iffinanzjar għandu jassigura li l-utenti fi Stat Membru wieħed ma jikkontribwixxux għall-ispejjeż ta' servizz universali fi Stat Membru ieħor, per eżempju meta jsiru sejħiet minn Stat Membru għall-ieħor.

(22) Fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jiffinanzjaw l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali minn fondi pubbliċi, dan għandu jiftiehem li jinkludi ffinanzjar mill-estimi tal-gvern ġenerali nklużi sorsi oħra ta' ffinanzjar pubbliku bħall-lotteriji ta' l-istat.

(23) L-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali jista' jinqasam bejn l-impriżi kollha jew ċerti klassijiet speċifikati tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-mekkaniżmu tal-qsim jirrispetta il-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. L-anqas distorsjoni tas-suq tfisser li l-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu rkuprati b'mod li sa fejn hu possibbli jimminimizza l-impatt li l-piż finanzjarju li jaqa' fuq l-utenti finali, per eżempju billi jitqassmu l-kontribuzzjonijiet fl-aktar firxa wiesa' possibbli.

(24) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissodisfaw lilhom infushom li dawk l-impriżi li jibbenefikaw minn finanzjar ta' servizz universali jfornu livell suffiċjenti ta' dettal ta' l-elementi speċifiċi li jeħtieġu dak l-iffinanzjar sabiex jiġġustifikaw it-talba tagħhom. L-iskemi ta' l-Istati Membri għal-istima u l-iffinanzjar ta' obbligi ta' servizzi universali għandhom jiġu komunikati lill-Kummissjoni għall-verifikazzjoni tal-kompatibilità mat-Trattat. Hemm inċentivi biex operaturi maħtura jgħollu l-ispiża netta stmata ta' obbligi ta' servizz universali. Għalhekk l-Istati Membri għandhom jassiguraw trasparenza u kontroll effettivi ta' l-ammonti mitluba biex jiffinanzjaw obbligi ta' servizz universali.

(25) Is-swieq tal-komunikazzjonijiet ikomplu jevolvu f'termini tas-servizzi wżati u l-mezzi tekniċi wżati biex iwassluhom lill-utenti. L-obbligi ta' servizz universali, li huma definiti fil-livell tal-Komunità, għandhom jiġu perjodikament riveduti bil-ħsieb li jsiru proposti li jitbiddel jew jiġi ridefinit il-kamp ta' applikazzjoni. Din ir-reviżjoni għandha tieħu kont tal-kondizzjonijiet li jevolvu soċjali, kummerċjali u teknoloġiċi u l-fatt li kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni għandha tkun suġġetta għat-test doppju ta' servizzi li jsiru disponibbli lill-maġġoranza sostanzjali tal-popolazzjoni, bir-riskju konsegwenti ta' l-esklużjoni soċjali għal dawk li ma jifilħux iħallsu għalihom. Għandha tittieħed attenzjoni f'kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali biex jiġi assigurat li ċerti għażliet teknoloġiċi ma jiġux promossi artifiċjalment fuq oħrajn, li piż finanzjarju disproporzjonat ma jiġix impost fuq mpriżi tas -settur (b'hekk jiġu perikolati l-iżviluppi tas-suq u l-innovazzjoni) u li l-piż finanzjarju ma jaqgħax inġustament fuq konsumaturi bi dħul aktar baxx. Kull bidla tal-kamp ta' applikazzjoni awtomatikament tfisser li kull spiża netta tista' tiġi ffinanzjata permezz tal-metodi permessi f'din id-Direttiva. L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji li jirrelataw ma' miżuri li m'humiex parti mill-obbligi ta' servizz universali. L-Istati Membri ndividwali jibqgħu ħielsa li jimponu miżuri speċjali (barra mill-kamp ta' applikazzjoni i ta' obbligi ta' servizz universali) u jiffinanzjawhom b'konformità mal-liġi tal-Komunità iżda mhux permezz ta' kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq.

(26) Aktar kompetizzjoni effettiva matul is-swieq kollha ta' l-aċċess u s-servizz għandha tagħti għażla akbar lill-utenti. Il-firxa ta' kompetizzjoni u għażla effettivi jvarjaw mal-Komunità u jvarjaw fl-Istati Membri bejn żoni ġeografiċi u bejn swieq ta' l-aċċess u s-servizzi. Xi utenti jistgħu jkunu dipendenti għal kollox fuq il-forniment ta' aċċess u servizzi minn impriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq. B'mod ġenerali, għal raġunijiet ta' effiċjenza u biex tiġi nkoraġġita l-komptetizzjoni effettiva, huwa mportanti li s-servizzi fornuti minn impriża b'saħħa sinjifikani fis-suq jirriflettu l-ispejjeż. Għal reġunijiet ta' effiċjenza u raġunijiet soċjali, it-tariffi ta' l-utent finali għandhom jirriflettu l-kondizzjonijiet tad-domanda, kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-ispiża, sakemm dan ma jirriżultax f'distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Hemm ir-riskju li mpriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq tista' taġixxi b'modi differenti biex biex timpedixxi d-dħul jew tiddistorta il-kompetizzjoni, per eżemġju billi titlob prezzijiet eċċessivi, tiffissa prezzijiet predatorji, tassoċja flimkien b'mod obbligatorju servizzi bl-imnut jew turi preferenza ndebita għal ċerti klijenti. Għalhekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom is-setgħa li jimponu, bħala l-aħħar sforz u wara konsiderazzjoni debita, regolament ta' bejgħ bl-imnut fuq impriża b'saħħa sinjifikanti fis-suq. Regolament dwar il-limitu tal-prezz, medjar ġeografiku jew strumenti simili, kif ukoll miżuri mhux regolatorji bħal paraguni pubblikament disponibbli tat-tariffi tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jintużaw biex tinkiseb il-mira doppja tal-promozzjoni ta' kompetizzjoni effettiva waqt li jitħarsu l-ħtiġiet ta' l-interess pubbliku, bħaż-żamma ta' prezz li jkun jintlaħaq ta' servizzi tat-telefon disponibbli publikament għal xi konsumaturi. L-aċċess għalinformazzjoni ta' kontabilità ta' l-ispejjeż xierqa huwa meħtieġ, sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu d-dmirijiet regolatorji tagħhom f'dan il-qasam, inkluża l-imposizzjoni ta' xi kontroll tat-tariffi. Iżda, l-kontrolli regolatorji fuq il-bejgħ ta' servizzi bl-imnut għandhom jiġu mposti biss fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li l-miżuri relevanti ta' bejgħ bl-ingrossa jew miżuri fir-rigward ta' għażla jew għażla minn qabel tal-carrier jonqsu li jilħqu l-mira ta' l-assigurazzjoni ta' kompetizzjoni effettiva u nteress pubbliku.

(27) Fejn awtorità regolatorja nazzjonali timponi obbligi li tiġi mplimentata sistema ta' kontabilità ta' l-ispejjeż sabiex jiġu appoġġati l-kontrolli tal-prezzijiet, tista' hi stess twettaq verifika ta' kull sena biex tiżgura l-konformità ma' dik is-sistema ta' kontabilità ta' l-ispejjeż, sakemm ikollha l-impjegati mħarrġa meħtieġa, jew tista' teħtieġ li l-verifika titwettaq minn korp ieħor kwalifikat, indipendenti mill-operatur konċernat.

(28) Huwa meqjus meħtieġ li tiġi żgurata l-applikazzjoni li titkompla tad-dispożizzjonijiet eżistenti li jirrelataw mas-sett minimu ta' servizzi ta' linji mikrija fil-leġislazzjoni tal-Komunità dwar it-telekomunikazzjonijiet, b'mod partikolari fid-Direttiva tal-Kunsill 92/44/KEE tal-5 ta' Ġunju 1992 dwar l-appikazzjoni tal-forniment ta' network miftuħ għall-linji mikrija [6], sa dak iż-żmien li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu, skond il-proċeduri ta' l-analiżi tas-suq stabbiliti fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar qafas komuni regolatorju għal networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Kwadru) [7], li dawk id-dispożizzjonijiet m'humiex aktar meħtieġa minħabba li suq suffiċjentement kompetittiv ikun żviluppa fit-territorju tagħhom. Il-livell ta' kompetizzjoni x'aktarx li jvarja bejn swieq differenti ta' linji mikrija fis-sett minimu, u f'partijiet differenti tat-territorju. Fit-twettieq ta' l-analiżi tas-suq, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu stimi separati għal kull suq ta' linji mikrija fis-sett minimu, waqt li jieħdu kont tad-dimensjoni ġeografika tagħhom. Servizzi ta' linji mikrija jikkostitwixxu servizzi obbligatorji li għandhom jiġu fornuti mingħajr rikors għal xi mekkaniżmu ta' kumpens. Il-forniment ta' linji mikrija barra mis-sett minimu ta' linji mikrija għandu jkun kopert b'dispożizzjonijiet regolatorji ġenerali ta' bejgħ bl-imnut pjuttost milli minn ħtiġiet speċifiċi li jkopru l-forniment tas-sett minimu.

(29) L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu wkoll, fid-dawl ta' l-analiżi tas-suq relevanti, jeħtieġu operaturi mobbli b'saħħa sinjifikanti fis-suq li jippermettu lill-abbonati tagħhom li jaċċessaw is-servizzi ta' kull fornitur interkonnes ta' servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament fuq il-bażi ta' sejħa b'sejħa jew permezz ta' għażla minn qabel.

(30) Il-kuntratti huma għodda mportanti għall-utenti u l-konsumaturi biex jiġi assigurat livell minimu ta' trasparenza ta' informazzjoni u sigurtà legali. Il-parti 'l kbira tal-fornituri tas-servizzi f'ambjent kompetittiv jikkonkludu kuntratti mal-klijenti tagħhom għal raġunijiet ta' xewqiet kummerċjali. B'żieda mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, il-ħtiġiet tal-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li tirrelata mal-kuntratti, b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar kondizzjonijiet inġusti fil-kuntratti tal-konsumatur [8] u d -Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti li jsiru f'ċertu distanza [9], japplikaw għal transazzjonijiet tal-konsumatur li jirrelataw ma' networks u servizzi elettroniċi. Speċifikament, il-konsumaturi għandhom igawdu minn livell minimu ta' ċertezza legali fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali tagħhom mal-fornitur dirett tagħhom ta' servizz tat-telefon, sabiex it-termini kuntrattwali, il-kondizzjonijiet, il-kwalità tas-servizz, il-kondizzjoni għat-terminazzjoni tal-kuntratt u tas-servizz, il-miżuri ta' kumpens u r-riżoluzzjoni ta' disputi jiġu speċifikati fil-kuntratti tagħhom. Fejn il-fornituri tas-servizz barra minn fornituri ta' servizz dirett tat-telefon jikkonkludu kuntratti mal-konsumaturi, l-istess informazzjoni għandha tiġi nkluża wkoll f'dawk il-kuntratti. Il-miżuri biex jassiguraw it-trasparenza tal-prezzijiet, it-tariffi, it-termini u l-kondizzjonijiet jkabbru l-kaâċità tal-konsumaturi li jottimizzaw l-għażliet tagħhom u b'hekk jibbenefikaw bis-sħiħ mill-kompetizzjoni.

(31) L-utenti finali għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni pubblikament disponibbli dwar is-servizzi ta' komunikazzjoni. L-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jissorveljaw il-kwalità tas-servizzi li jiġu offruti fit-territorju tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu kapaċi li sistematikament jiġbru informazzjoni dwar il-kwalità tas-servizzi offruti fit-territorji tagħhom fuq il-bażi ta' kriterji li jippermettu l-komparabilità bejn il-fornituri tas-servizzi u bejn l-Istati Membri. L-impriżi li jfornu servizzi ta' komunikazzjonijiet, li joperaw f'ambjent kompetittiv, aktarx li jagħtu nformazzjoni adegwata u aġġornata dwar is-servizzi tagħhom pubblikament disponibbli għal raġunijiet ta' vantaġġ kummerċjali. L-awtopritajiet regolatorji nazzjonali għandhom madanakollu jkunu jistgħu jeħtieġu il-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni fejn jiġi muri li din l-informazzjoni mhix effettivament disponibbli għall-pubbliku.

(32) L-utenti finali għandhom ikunu jistgħu jgawdu garanzija ta' interoperabilità fir-rigward tat-tagħmir kollu mibjugħ fil-Komunità għar-riċeviment tat-televiżjoni diġitali. L-Istati membri għandhom ikunu jistgħu jeħtieġu standards minimi armonizzati fir-rigward ta' dak it-tagħmir. Dawn li-standards jistgħu jiġu adattati minn żmien għal żmien fid-dawl ta' l-iżviluppi tekonoloġiċi u tas-suq.

(33) Huwa mixtieq li l-konsumaturi jkunu jistgħu jiksbu l-aktar konnettività sħiħa possibbli għas-settijiet tat-televiżjoni diġitali. L-interoperabilità hija kunċett li qiegħed jevolvi fis-swieq dinamiċi. Il-korpi ta' li-standards għandhom jagħmlu minn kollox biex jassiguraw li standards adatti jevolvu flimkien mat-teknoloġiji konċernati. Huwa daqstant ieħor importanti li jiġi assigurat li konnetturi jkunu disponibbli fuq settijiet tat-televiżjoni li jkunu kapaċi jgħaddu l-elementi kollha meħtieġa ta' sinjal diġitali, inklużi faxex tas-smiegħ u tal-video, informazzjoni dwar aċċess kondizzjonat, informazzjoni dwar is-servizz, informazzjoni dwar interface ta' programmi applikattivi (API) u informazzjoni dwar il-protezzjoni kontra l-ikkupjar. Din id-Direttiva għalhekk tassigura li l-funzjonalità ta' interface miftuħ għas-settijiet tat-televiżjoni diġitali ma tiġix limitata mill-operaturi tan-network, fornituri tas-servizz jew manifatturi tat-tagħmir u tkompli tevolvi f'konformità ma' l-iżviluppi teknoloġiċi. Għat-turija u l-presentazzjoni tas-servizzi tat-televiżjoni diġitali interattivi, ir-realizzazzjoni ta' standard komuni permezz ta' mekkaniżmu mmexxi mis-suq hija rikonoxxuta bħala benefiċċju għall-konsumatur. L-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jieħdu inizjattivi ta' politika, konsistenti mat-Trattat biex jinkoraġġixxu dan l-iżvilupp.

(34) L-utenti finali kollha għandhom jibqgħu jgawdu aċċess għas-servizzi bl-għajnuna ta' l-operatur tkun xi tkun l-organizzazzjoni li tipprovdi aċċess għan-network pubbliku tat-telefon.

(35) Il-forniment ta' servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju u d-direttorji huwa diġà miftuħ għall-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/66/KE billi jagħtu d-dritt lill-abbonati li jkollhom id-dettalji personali nklużi f'direttorju stampat jew elettroniku. Il-fornituri kollha tas-servizz li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati tagħhom huma obbligati li jagħmlu l-informazzjoni relevanti disponibbli, b'mod ġust, orjentat mal-ispiża u mhux diskriminatorju.

(36) Huwa mportanti li l-utenti jkunu jistgħu jsejħu in-numru uniku ta' emerġenza Ewropew "112", u n-numri l-oħra tat-telefon ta' emerġenza nazzjonali, mingħajr ħlas, minn kull telefon, inklużi telefons pubbliċi bi ħlas, mingħajr l-użu ta' xi mezz ta' ħlas. L-Istati Membru suppost li diġa għamlu l-arranġamenti ta' organizzazzjoni meħtieġa l-aktar adatti għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta' emerġenza, sabiex jiġi assigurat li s-sejħiet għal dan in-numru jiġu adegwatament imwieġba u ttrattati. L-informazzjoni dwar il-lok ta' min jagħmel is-sejħa, li għandha tintgħamel disponibbli għas-servizzi ta' l-emerġenza, ttejjeb il-livell ta' protezzjoni u s-sigurtà ta' l-utenti tas-servizzi ta' "112" u tgħin lis-servizzi ta' l-emerġenza, sal-limitu teknikament fattibbli, fil-qadi tad-dmirijiet tagħhom, basta illi t-trasferiment tas-sejħiet u tagħrif assoċjat għas-servizzi ta' emerġenza konċernati jiġi garantit. Ir-riċeviment u l-użu ta' dik l-informazzjoni għandhom jikkonformaw mal-liġi relevanti tal-Komunità dwar l-ipproċessar tat-tagħrif personali. It-titjib kostanti fit-teknoloġija ta' l-informazjoni għandu progressivament isostni l-immaniġġar simultanju ta' diversi lingwi fuq in-networks bi spiża raġonevoli. Dan allura jassigura sigurezza addizzjonali għaċ-ċittadini Ewropej li jużaw in-numru tas-sejħa ta' l-emerġenza "112".

(37) L-aċċess faċli għas-servizzi nternazzjonali tat-telefon huwa vitali għaċ-ċittadini Ewropej u għan-negozji Ewropej. Iż-"00" ġia ġie stabbilit bħala l-kodiċi standard ta' aċċess internazzjonali tat-telefon għall-Komunità. Arranġamenti speċjali għat-tagħmil ta' sejħiet bejn lokien adjaċenti bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu stabbiliti jew jitkomplew. L-ITU assenjat, skond ir-Rakkomandazzjoni ITU E.164, kodiċi "3883" għall-Ispazju Ewropew ta' l-Enumerar tat-Telefonija (ETNS). Sabiex tiġi assigurata l-konnessjoni ta' sejħiet lill-ETNS, l-impriżi li joperaw networks pubbliċi tat-telefon għandhom jassiguraw li sejħiet li jużaw "3883" jiġu direttament jew indirettament inter-konnessi man-networks li jservu ta' l-ETNS speċifikati fli-standards ta' l-Istitut Ewropew ta' li-Standards tat-Telekomunikazzjonijiet (ETSI). Dawk l-arranġamenti ta' interkonnessjoni għandhom jiġu regolati bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnesjoni ma', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta' Aċċess) [10].

(38) L-aċċess mill-utenti finali għar-riżorsi kollha ta' numerar fil-Komunità huwa kondizzjoni vitali minn qabel għal suq wieħed. Għandu jinkludi telefon bla ħlas, rata primjum, u numri mhux ġeografiċi oħrajn ħlief fejn l-abbonat li jirċievi t-telefonata jkun għażel, għal raġunijiet kummerċjali, li jillimita l-aċċess minn ċerti żoni ġeografiċi. It-tariffi mposti fuq partijiet li jagħmlu sejħa minn barra l-Istat Membru konċernat mhux meħtieġa li jkunu l-istess bħal dawk tal-partijiet li jagħmlu sejħa minn ġewwa dak l-Istat Membru.

(39) L-idaljaljar bit-ton u l-faċilitajiet ta' l-identifikazzjoni tal-linja li tagħmel is-sejħa huma normalment disponibbli fuq l-exchanges tat-telefon moderni u jistgħu għalhekk jiġu fornuti aktar u aktar bi spiża żgħira jew mingħajr ebda spiża. L-iddajaljar bit-ton qiegħed kull ma jmur jintuża għall-interazzjoni ta' l-utent ma' servizzi speċjali u faċilitajiet, inklużi servizzi b'valur miżjud, u n-nuqqas ta' din il-faċilità jista' jipprevjeni lill-utent milli jagħmel użu ta' dawn is-servizzi. L-Istati Membri m'humiex meħtieġa li jimponu obbligi għall-forniment ta' dawn il-faċilitajiet fejn huma diġa disponibbli. Id-Direttiva 97/66/KE tissalvagwarda l-privatezza ta' l-utenti fir-rigward ta' kontijiet dettaljatp, billi tagħtihom il-mezzi biex jipproteġu d-dritt tagħhom għall-privatezza meta l-identifikazzjoni tal-linja li tagħmel is-sejħa tiġi mplimentata. L-iżvilupp ta' dawn is-servizzi fuq bażi pan-Ewropew għandu jibbenefika lill-konsumaturi u huwa nkoraġġit b'din id-Direttiva.

(40) Il-portabilità tan-numru hija faċilitatur prinċipali għall-għażla tal-konsumatur u kompetizzjoni effettiva f'ambjent kompetittiv tat-telekomunikazzjonijiet hekk li l-utenti finali li jitolbu dan għandhom ikunu jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom fuq in-network pubbliku tat-telefon indipendentement mill-organizzazzjoni li tipprovdi s-servizz. Il-forniment ta' din il-faċilità bejn konnessjonijiet għan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss u mhux fiss mhux kopert b'din id-Direttiva. Iżda, l-Istati Membri jistgħu japplikaw dispożizzjonijiet għall-portabilità tan-numru bejn networks li jfornu servizzi f'lok fiss u networks mobbli.

(41) L-impatt tal-portabilità tan-numri jissaħħaħ konsiderevolment meta jkun hemm informazzjoni trasparenti dwar it-tariffi, kemm għall-utenti finali li jġorru n-numru tagħhom kif ukoll għall-utenti finali li jagħmlu sejħa lil dawk li jkun ġarrew in-numru tagħhom. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fejn possibbli, jiffaċilitaw it-trasparenza tat-tariffi adatta bħala parti mill-implimentazzjoni tal-portabilità tan-numri.

(42) Meta jiġi assigurat li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment ta' portabilità tan-numri tkun orjentata mal-ispiża, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu wkoll jieħdu kont tal-prezzijiet disponibbli fi swieq komparattivi.

(43) Fil-present, l-Istati Membri jimponu ċerti obbligi ta' trasmissijoni ("must carry") fuq networks għad-distribuzzjoni tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni lill-pubbliku. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jistipulaw obbligi proporzjonati fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, fl-interess ta' konsiderazzjonijiet leġittmi ta' politika pubblika, iżda dawk l-obbligi għandhom ikunu mposti biss fejn ikunu meħtieġa biex jissodisfaw il-miri ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar mill-Istati Membri b'konformità mal-liġi tal-Komunità u għandhom ikunu proporzjonati, trasparenti u suġġetti għal reviżjoni perjodika. L-obbligi ta' trasmissjoni (must carry) imposti mill-Istati Membri għandhom ikunu raġonevoli, jiġifieri għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti fid-dawl ta' miri ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar, u jistgħu, fejn xieraq, jinvolvu dispożizzjoni għal remunerazzjoni proporzjonata. Dawn l-obbligi ta' trasmissjoni (must carry) jistgħu jinkludu t-trasmissjoni ta' servizzi speċifikament maħsuba biex jippermettu aċċess adatt minn utenti b'disabilità.

(44) Networks użati għad-distribuzzjoni ta' xandir bir-radju jew bit-televiżjoni lill-pubbliku jinkludu networks ta' xandir bil — cable, bis-satellità jew terrestru. Jistgħu wkoll jinkludu networks oħra safejn u sakemm n-numru sinjifikanti ta' utenti finali jużaw dawk in-networks bħala l-mezz prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bitat-televiżjoni.

(45) Servizzi li jfornu kontenut bħall-offerta għall-bejgħ ta' pakkett ta' kontenut ta' xandir bil-ħoss jew bit-televiżjoni m'humiex koperti bil-qafas regolatorju komuni għal networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-fornituri ta' dawk is-servizzi m'għandhomx ikunu suġġetti għall-obbligi ta' servizz universali fir-rigward ta' dawn l-attivitajiet. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda fil-livell nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-Komunità, fir-rigward ta' dawk is-servizzi.a(46) Fejn Stat Membru jfittex li jassigura l-forniment ta' servizzi speċifiċi oħra mat-territorju nazzjonali kollu tiegħu, dawk l-obbligi għandhom ikunu mplimentati fuq bażi ta' effiċjenza ta' l-ispiża u barra l-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri addizzjonali (bħall-iffaċilitar ta' l-iżvilupp ta' infrastruttura jew servizzi fiċ-ċirkostanzi fejn is-suq ma jittrattax b'mod sodisfaċjenti il-ħtiġijiet ta' l-utenti finali jew il-konsumaturi), b'konformità mal-liġi tal-Komunità. Bħala reazzjoni għall-inizjattiva tal-Kummissjoni e-Europe, il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 talab lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-iskejjel kollha jkollhom aċċess għall-Internet u għar-riżorsi multimedia.

(47) Fil-kuntest ta' ambjent kompetittiv, il-veduti tal-partijiet interessati, nklużi l-utenti u l-konsumaturi, għandhom jitqiesu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali meta jittrattaw kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet ta' l-utenti finali. Proċeduri effettivi għandhom ikunu disponibbli biex jittrattaw disputi bejn il-konsumaturi, min-naħa 'l waħda, u mpriżi li jfornu servizzi ta' komunikazzjonijiet disponibbli pubblikament, min-naħa 'l oħra. L-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta' Marzu 1998 dwar il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni extra — ġudizzjarji ta' disputi tal-konsumaturi [11].

(48) Il-ko-regolazzjoni tista' tkun mod adatt biex jistimula standards imtejba ta' kwalità u prestazzjoni imtejba ta' servizz. Il-ko-regolazzjoni għandha tkun iggwidata mill-istess prinċipji bħar- regolazzjoni formali, jiġifieri għandha tkun oġġettiva, ġustifikata, proporzjonata, mhux diskriminatorja u trasparenti.

(49) Din id-Direttiva għandha tipprovdi għall-elementi tal-protezzjoni tal-konsumatur, inklużi kondizzjonijiet kuntrattwali ċari u riżoluzzjoni ta' disputi, u trasparenza tariffarja għall-konsumaturi. Għandha wkoll tinkoraġġixxi l-estensjoni ta' dank il-benefiċċji lil kategoriji oħra ta' utenti finali, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

(50) Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jipprevjenux lil Stat Membru milli jieħu miżuri ġustifikati fuq il-bażi stipulati fl-Artikoli 30 u 46 tat-Trattat, u b'mod partikolari fuq il-bażi ta' sigurtà pubblika, politika pubblika u moralità pubblika.

(51) Billi l-miri ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-istabbiliment ta' livell komuni ta' servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet għall-utenti Ewropej kollha u l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet għall-aċċess għal u l-użu ta' networks pubbliċi tat-telefon f'lok fiss u servizzi tat-telefon disponibbli pubblikament relatati kif ukoll il-ksib ta' qafas armonizzat għar-regolazzjoni ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà kif stipulati fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk il-miri.

(52) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistipula l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [12],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

IL-KAPITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI, MIRI U TIFSIR

L-Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u miri

1. Fi ħdan il-qafas tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), din id-Direttiva tikkonċerna l-forniment ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi lill-utenti finali. L-għan huwa li tiġi żgurata d-disponibilità mal-Komunità kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' kwalità tajba permezz ta' kompetizzjoni effettiva u għażla u biex tittratta maċ-ċirkostanzi li fihom il-ħtiġiet ta' l-utenti finali ma jitħarsux b'mod sodisfaċjenti mis-suq.

2. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet ta' l-utenti finali u l-obbligi li jikkorrispondu fuq impriżi li jfornu networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta' l-assigurazzjoni ta' forniment ta' servizz universali fl-ambjent ta' swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta' servizzi ta' kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista' jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-Direttiva tistipula wkoll l-obbligi fir-rigward tal-forniment ta' ċerti servizzi obbligatorji bħal l-forniment bl-imnut ta' linji mikrija.

L-Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, t-tifsiriet stipulati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) għandhom japplikaw.

It-tifsiriet li ġejjin għandhom ukoll japplikaw:

(a) "telefon pubbliku bi ħlas" tfisser telefon disponibbli għall-pubbliku ġenerali, li għall-użu tiegħu l-mezz ta' ħlas jista' jinkludi muniti u/jew karti ta' kreditu/debitu u/jew karti mħallsin bil-quddiem, inklużi karti għall-użu ma' kodiċi ta' l-iddajaljar;

(b) "network pubbliku tat-telefon" tfisser network ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li jintuża biex jipprovdi servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon; jappoġġa it-trasferiment bejn punti tat-terminazzjoni ta' network tal-komunikazzjonijiet bil-leħen, u wkoll forom oħra ta' komunikazzjoni, bħal fax u data;

(ċ) "servizz pubblikament disponibbli tat-telefon" tfisser servizz disponibbli għall-pubbliku biex joriġinaw jew jiġu riċevuti sejħiet nazzjonali u internazzjonali u aċċess għas-servizzi ta' emerġenza permezz ta' numru jew numri fi pjan nazzjonali jew internazzjonali ta' enumerar tat-telefon, u b'żieda jista', fejn relevanti, jinkludi wieħed jew aktar mis-servizzi li ġejjin: il-forniment ta' għajnuna mill-operatur, servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju, direttorji, forniment ta' telefons pubbliċi bi ħlas, forniment ta' servizz taħt kondizzjonijiet speċjali, forniment ta' faċilitajiet speċjali għall-konsumaturi b'disabilità jew bi ħtiġiet soċjali speċjali u/jew il-forniment ta' servizzi mhux ġeografiċi;

(d) "numru ġeografiku" tfisser numru mill-pjan nazzonali ta' enumerar fejn parti mill-istruttura tan-numru tiegħu jkun fiha sinjifikat ġeografiku wżat biex jittrasferixxi sejħiet għall-lok fiżiku tal-punt tat-terminazzjoni tan-network (NTP);

(e) "punt tat-terminazzjoni tan-network" (NTP) tfisser il-punt fiżiku li bih l-abbonat jiġi provdut b'aċċess għal network pubbliku ta' komunikazzjonijiet; fil-każ ta' networks li jinvolvu l-iswiċċjar jew it-trasferiment, l-NTP huwa identifikat permezz ta' indirizz speċifiku tan-network, li jista' jitqabbad ma' numru ta' abbonat jew isem;

(f) "numri mhux ġeografiċi" tfisser numru minn pjan nazzjonali ta' enumerar li ma jkunx numru ġeografiku. Jinkludi fost ħwejjeġ oħra numri mobbli, bla ħlas u b'rati primjum.

IL-KAPITOLU II

OBBLIGI TA' SERVIZZ UNIVERSALI NKLUŻI OBBLIGI SOĠJALI

L-Artikolu 3

Disponibilità ta' servizz universali

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li s-servizzi stipulati f'dan il-Kapitolu jintgħamlu disponibbli skond il-kwalità speċifikata lill-utenti kollha fit-territorju tagħhom, independentement mill-lok ġeografiku, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi, bi prezz li jista' jintlaħaq.

2. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta' servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta' l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b'mod partikolari l-forniment ta' servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.

L-Artikolu 4

Forniment ta' aċċess f'lok fiss

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li t-talbiet kollha raġonevoli għal konnessjoni f'lok fiss għal network pubbliku tat-telefon u għall-aċċess għal servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon f'lok fiss jkunu sodisfatti minn ta' l-anqas impriża waħda.

2. Il-konnessjoni provduta għandha tkun kapaċi li tippermetti lill-utenti finali li jagħmlu u jirċievu sejħiet tat-telefon lokali, nazzjonali u internazzjonali, komunikazzjonijiet bil-fax u komunikazzjonijiet ta' data, b'rati ta' data li huma suffiċjenti biex jippermettu l-aċċess funzjonali ta' l-Internet, waqt li jittieħed kont tat-teknoloġiji prevalenti wżati mill-maġġoranza ta' l-abbonati u l-possibiltajiet teknoloġiċi.

L-Artikolu 5

Servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi:

(a) ta' l-anqas direttorju wieħed komprensiv ikunu disponibbli għall-utenti finali f'forma approvata mill-awtorità relevanti, sew jekk stampat jew elettroniku, jew it-tnejn, u jiġi aġġornat fuq bażi regolari, ta' lanqas darba fis-sena;

(b) ta' l-anqas direttorju komprensiv tat-telefon tas-servizzi ta' konsultazzjoni jkun disponibbli għall-utenti finali kollha, inklużi l-utenti ta' telefons pubbliċi bi ħlas.

2. Id-direttorji fil-paragrafu 1 għandhom jikkomprendu, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66/KE, l-abbonati kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriża/i li jfornu s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 japplikaw il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni għat-trattament ta' l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lilhom minn impriżi oħra.

L-Artikolu 6

Telefons pubbliċi bi ħlas

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jistgħu jimponu obbligi fuq impriżi sabiex jiġi assigurat li t-telefons pubbliċi bi ħlas jiġu provduti biex jilħqu l-ħtiġiet raġonevoli ta' utenti finali f'termini ta' kopertura ġeografika, in-numru ta' telefons, l-aċċessibilità ta' dawk it-telefons għal utenti b'disabilità u l-kwalità tas-servizzi.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tiddeċiedi li ma timponix obbligi taħt il-paragrafu 1 fit-territorju kollu tagħha jew f'parti minnu, jekk tkun sodisfatta li dawn il-faċilitajiet jew servizzi komparabbli jkunu disponibbli b'mod wiesa', fuq il-bażi ta' konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati kif imsemmija fl-Artikolu 33.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun possibbli li jsiru sejħiet ta' emerġenza mit-telefons pubbliċi bi ħlas bl-użu tan-numru uniku Ewropew ta' sejħa ta' emerġenza "112" u numri oħra nazzjonali ta' emerġenza, kollha mingħajr ħlas u mingħajr ma jkollu jintuża xi mezz ta' ħlas.

L-Artikolu 7

Miżuri speċjali għal utenti b'disabilità

1. L-Istati Membri għandhom, fejn xieraq, jieħdu miżuri speċifiċi għal utenti finali b'disabilità sabiex jiġi assigurat aċċess għal u bi prezz li jista' jintlaħaq ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon, inkluż aċċess għas-servizzi ta' emerġenza, servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju u direttorji, ekwivalenti għal dak li jgawdu utenti finali oħra.

2. L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri speċifiċi, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, biex jassigiraw li utenti finali b'disabilità jkunu wkoll jistgħu jieħdu vantaġġ ta' l-għażla ta' impriżi u fornituri tas-servizz disponibbli għall-maġġoranza ta' utenti finali.

L-Artikolu 8

Ħatra ta' impriżi

1. L-Istati Membri jistgħu jaħtru impriża waħda jew aktar biex tiggarantixxi l-forniment ta' servizz universali kif identifikat fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 u, fejn japplika, l-Artikolu 9(2) sabiex ikun jista' jiġi kopert it-territorju kollu nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jaħtru mpriżi differenti jew settijiet ta' impriżi biex ifornu elementi differenti ta' servizz universali u/jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju nazzjonali.

2. Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f'parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta' servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta' ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta' ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b'mod effiċjenti fl-ispiża u jista' jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.

L-Artikolu 9

Tariffi bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni u l-livell tat-tariffi bl-imnut tas-servizzi identifikati fl-Artikoli 4, 5, 6 u 7 bħala li jaqgħu taħt l-obbligi ta' servizz universali u provduti mill-impriżi maħtura, b'mod partikolari b'relazzjoni mal-prezzijiet u d-dħul tal-konsumaturi nazzjonali.

2. L-Istati Membri jistgħu, fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali, jeħtieġu li l-impriżi maħtura jfornu għażliet ta' tariffi jew pakketti lill-konsumaturi li jitilqu minn dawk provduti taħt kondizzjonijiet normali kummerċjali, b'mod partikolari biex jiġi assigurat li dak bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali ma jiġux prevenuti milli jaċċessaw jew jużaw is-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon.

3. L-Istati Membri jistgħu, minbarra kull dispożizzjoni li l-impriżi maħtura jfornu għażliet speċjali ta' tariffi jew li jikkonformaw ma' limiti ta' prezz jew medjar ġeografiku jew skemi oħra simili, jassiguraw li appoġġ jiġi provdut lil konsumaturi identifikati bħala li għandhom dħul baxx jew ħtiġiet soċjali speċjali.

4. L-istati Membri jistgħu jeħtieġu li mpriżi b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, u 7 japplikaw tariffi komuni, inkluż medjar ġeografiku mat-territorju kollu, fid-dawl taċ-ċirkostanzi nazzjonali jew li jikkonformaw ma' limiti ta' prezzijiet.

5. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li, fejn impriża maħtura jkollha obbligu li tipprovdi għażliet speċjali ta' tariffi, tariffi komuni, nkluż medjar ġeografiku, jew li tikkonforma ma' limiti ta' prezz, il-kondizzjonijiet ikunu trasparenti bis-sħiħ u jiġu ppublikati u applikati skond il-prinċipji tan-non-diskriminazzjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu li skemi speċifiċi jiġu modifikati jew irtirati.

L-Artikolu 10

Kontroll ta' l-infiq

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriżi maħtura, waqt li jfornu faċilitajiet u servizzi addizzjonali għal dawk imsemmija fl-Artikoli 4, 5, 6, 7, u 9(2), jistabbilixxu t-termini u l-kondizzjonijiet b'tali mod li l-abbonat ma jkunx obbligat li jħallas għal faċilitajiet jew servizzi li ma jkunux neċessarji jew li ma jkunux meħtieġa għas-servizz mitlub.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mpriżi maħtura b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) jfornu l-faċilitajiet speċifiċi u s-servizzi stipulati fl-Anness I, Taqsima A, sabiex l-abbonati jistgħu jissorveljaw u jikkontrollaw l-infiq u jevitaw skonessjoni mhux ġustifikata tas-servizz.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtorità relevanti tkun tista ma tapplikax l-ħtiġiet tal-paragrafu 2 fit-territorju nazzjonali tagħha jew f'parti minnu jekk tkun sodisfatta li l-faċilità tkun disponibbli b'mod wiesa'.

L-Artikolu 11

Kwalità tas-servizz ta' mpriżi maħtura

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi kollha maħtura b'obbligi taħt l-Artikoli 4, 5, 6, 7 u 9(2) jippublikaw informazzjoni adegwata u aġġornata li tikkonċerna l-prestazzjoni tagħhom fil-forniment ta' servizz universali, bbażata fuq parametri ta' kwalità ta' servizz, tifsiriet u metodi ta' kejl stipulati fl-Anness III. L-informazzjoni ppublikata għandha wkoll tiġi provduta lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċifikaw, fost ħwejjeġ oħra, kwalità addizzjonali ta' standards tas-servizz, fejn parametri relevanti jkunu ġew żviluppati, biex jagħmlu stima tal-prestazzjoni ta' l-impriżi fil-forniment ta' servizzi lill-utenti finali b'disabilità u lill-konsumaturi b'disabilità. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-informazzjoni li tikkonċerna l-prestazzjoni ta' l-impriżi b'relazzjoni ma' dawn il-parametri tiġi wkoll ippublikata u magħmula disponibbli lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu, b'żieda, jispeċifikaw il-kontenut, il-forma u l-mod ta' l-informazzjoni li għandha tiġi ppublikata, sabiex jiġi assigurat li l-utenti finali u l-konsumaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli u faċli li tiftiehem.

4. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jiffissaw miri ta' prestazzjoni għal dawk l-impriżi b'obbligi ta' servizz universali ta' l-anqas taħt l-Artikolu 4. Waqt li jagħmlu dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu kont ta' l-opinjoni tal-partijiet interessati, b'mod partikolari kif imsemmija fl-Artikolu 33.

5. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet i regolatorji nazzjonaljkunu jistgħu jissorveljaw il-konformità ma' dawn il-miri ta' prestazzjoni mill-impriżi maħtura.

6. Nuqqas persistenti minn impriża li tilħaq il-miri ta' prestazzjoni jista' jwassal li jittieħdu miżuri speċifiċi skond id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta' Awtorizzazzjoni) [13]. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jordnaw verifiki ndipendenti jew reviżjonijiet simili tad-data tal-prestazzjoni, imħallsa mill-impriża konċernata, sabiex tiġi assigurata l-eżattezza u l-komparabilità tad-data magħmula disponibbli mill-impriża b'obbligi ta' servizz universali.

L-Artikolu 12

Stima ta' l-ispejjeż ta' obbligi ta' servizz universali

1. Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta' servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista' jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:

(a) jikkalkolaw l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta' xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

(b) jagħmlu użu ta' l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).

2. Il-kontabilità u/jew informazzjoni oħra li sservi bħala bażi għall-kalkolu ta' l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali taħt il-paragrafu 1 (a) għandhom jiġu awditjati jew verifikati mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-partijiet relevanti u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali. Ir-riżultat tal-kalkolu ta' l-ispejjeż u l-konklużjonijiet tal-verifika għandhom jintgħamlu pubblikament disponibbli.

L-Artikolu 13

Iffinanzjar ta' obbligi ta' servizz universali

1. Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta' l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

(a) li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

(b) jaqsmu l-ispiża netta ta' l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi.

2. Fejn l-ispiża netta tinqasam taħt il-paragrafu 1 (b), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu ta' qsim amministrat mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew korp indipendenti mill-benefiċjarji taħt is-sorveljanza ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali. L-ispiża netta biss, kif stabbilita taħt l-Artikolu 12, ta' l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 tista' tiġi ffinanzjata.

3. Il-mekkaniżmu tal-qsim għandu jirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità skond il-prinċipji ta' l-Anness IV, Taqsima B. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jeħtieġux kontribuzzjonijiet minn impriżi li l-valur tal-bejgħ nazzjonali tagħhom ikun anqas minn limitu ffissat.

4. Kull ħlasijiet relatati mal-qsim ta' l-ispiża ta' obbligi ta' servizz universali għandhom jiġu disassoċċjati u identifikati separatament għal kull impriża. Dawk il-ħlasijiet m'għandhomx ikunu mposti jew miġbura minn impriżi li ma jfornux servizzi fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun stabbilixxa l-mekkaniżmu tal-qsim.

L-Artikolu 14

Trasparenza

1. Fejn il-mekkaniżmu għall-qsim ta ta' l-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizzi universali kif imsemmi fl-Artikolu 13 jiġi stabbilit, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-prinċipji għall-qsim ta' l-ispiża, u d-dettalji tal-mekkaniżmu wżat, jkunu pubblikament disponibbli.

2. Bla ħsara għar-regoli tal-Komunità u nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità tan-negozju, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li rapport ta' kull sena jiġi ppublikat li jagħti l-ispiża kalkolata ta' l-obbligi tas-servizz universali, waqt li jidentifika l-kontribuzzjonijiet magħmula mill-impriżi kollha nvoluti, u jidentifika kull benefiċċju tas-suq, li jistgħu jkun inġemgħu għall-impriża/i maħtura biex ifornu servizz universali, fejn fond ikun attwalment stabbilit u jaħdem.

L-Artikolu 15

Reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz universali

1. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-kamp ta' applikazzjoni ta' servizz universali, b'mod partikolari bil-ħsieb li tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li l-kamp ta' applikazzjoni jinbidel jew jiġi ridefinit. Reviżjoni għandha titwettaq fl-ewwel okkażżjoni fi żmien sentejn mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu, u sussegwentement kull tlett snin.

2. Din ir-reviżjoni għandha titwettaq fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali, ekonomiċi u teknoloġiċi, waqt li jittieħed kont, fost ħwejjeġ oħra, tar-rati tal-mobilità u d-data fid-dawl tat-teknoloġiji prevalenti wżati mill-maġġoranza ta' l-abbonati. Il-proċess tar-reviżjoni għandu jitwettaq skond l-Anness V. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tar-riżultat tar-reviżjoni.

IL-KAPITOLU III

KONTROLLI REGOLATORJI FUQ IMPRIŻI B'SAĦĦA SINJIFIKANTI FIS-SUQ FI SWIEQ SPEĊIFIĊI

L-Artikolu 16

Reviżjoni ta' l-obbligi

1. L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha li jirrelataw ma:

(a) tariffi bl-imnut għall-forniment ta' aċċess għal u l-użu tan-network pubbliku tat-telefon, imposti taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-26 ta' Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-forniment ta' network miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f'ambjent kompetittiv [14];

(b) għażla jew għażla minn qabel tal-carrier, imposta taħt id-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 1997 dwar l-interkonnesjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta'l-assigurazzjoni ta' servizz universali u interoperabilità permezz ta' l-appilkazzjoni tal-prinċipji tal-forniment ta' network miftuħ (ONP) [15];

(ċ) linji mikrija, mposti taħt l-Artikoli 3, 4, 6, 7, 8 u 10 tad-Direttiva 92/44/KEE,

sakemm titwettaq reviżjoni u determinazzjoni magħmula skond il-proċedura tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

2. Il-Kummissjoni għandha tindika s-swieq relevanti għall-obbligi li jirrelataw mas-swieq bl-imnut fir-rakkomandazzjoni inizjali dwar swieq rilevanti tal-prodotti u servizzi u d-Deċiżjoni li tidentifika swieq transnazzjonali li għandha tiġi adottata skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, kemm jista' jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, u kull tant żmien wara dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu analiżi tas-suq, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) biex jistabbilixxu jekk iżommux, jemendawx jew jirtirawx l-obbligi li jirrelataw mas-swieq bl-imnut. Il-miżuri għandhom jittieħdu bla ħsara għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

L-Artikolu 17

Kontrolli regolatorji fuq servizzi bl-imnut

1. L-istati Membri għandhom jassiguraw li, fejn:

(a) bħala riżultat ta' l-analiżi tas-suq imwettaq skond l-Artikolu 16(3) awtorità regolatorja nazzjonali tistabbilixxi li suq partikolari bl-imnut identifikat skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) ma jkunx effettivament kompetittiv, u

(b) l-awtorità regolatorja nazzjonali tikkonkludi li obbligi imposti taħt id-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess), jew l-Artikolu 19 ta' din id-Direttiva ma jirriżultawx fil-ksib tal-miri stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas),

l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jimponu obbligi regolatorji adatti fuq l-impriżi identifikati bħala li jkollhom saħħa sinjifikanti fis-suq f'suq partikolari ta' l-imnut skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

2. L-obbligi imposti taħt il-paragrafu 1 għandhom ikunu bbażati fuq in-natura tal-problema identifikata u għandhom ikunu proporzjonati u ġustifikati fid-dawl tal-miri stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). L-obbligi imposti jistgħu jinkludu ħtiġiet li l-impriżi identifikati ma jitobux prezzijiet eċċessivi, ifixklu d-dħul fis-suq jew jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jiffissaw prezzijiet predatorji, juri preferenza indebita għal utenti finali speċifiċi jew mingħajr raġuni jassoċċjaw servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu japplikaw għal dawn l-impriżi miżuri adatti ta' limitu għall-prezz bl-imnut, miżuri biex jikkontrollaw tariffi individwali, jew miżuri biex jorjentaw tariffi lejn l-ispejjeż jew prezzijiet fi swieq komparabbli, sabiex jipproteġu l-interessi ta' l-utent finali waqt li jippromwovu kompetizzjoni effettiva.

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fuq talba, jissottomettu nformazzjoni lill-Kummissjoni dwar kontrolli ta' l-imnut applikati u, fejn xieraq, is-sistemi tal-kontabilità ta' l-ispejjeż wżati mill-impriżi konċernati.

4. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li, fejn impriża tkun suġġetta għar-regolazzjoni tat-tariffa bl-imnut jew kontrolli oħra relevanti ta' l-imnut, is-sistemi meħtieġa u adatti ta' kontabilità ta3 l-ispejjeż jiġu mplimentati. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jispeċifikaw il-format u l-metodoloġija tal-kontabilità li għandhom jintużaw. Il-konformità mas-sistema tal-kontabilità ta' l-ispejjeż għandha tiġi verifikata minn korp kwalifikat indipendenti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li dikjarazzjoni li tikkonċerna l-konformità tiġi ppublikata ta' kull sena.

5. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 10, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m'għandhomx japplikaw mekkaniżmi ta' kontroll ta' l-imnut taħt il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu lil swieq ġeografiċi jew ta' l-utenti fejn ikunu sodisfatti li jkun hemm kompetizzjoni effettiva.

L-Artikolu 18

Kontrolli regolatorji fuq is-sett minimu ta'linji mikrija

1. Fejn, bħala riżultat ta' l-analiżi tas-suq imwettaq skond l-Artikolu 16(3), awtorità regolatorja nazzonali tistabbilixxi li s-suq għall-forniment ta' sett minimu sħiħ jew parti minnu ta' linji mikrija ma jkunx effettivament kompetittiv, għandha tidentifika mpriżi b'saħħa sinjifikanti fis-suq fil-forniment ta' dawk l-elementi speċifiċi tas-sett minimu ta' servizzi ta' linji mikrija fit-territorju tagħha kollu kemm hu jew parti minnu skond l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha timponi obbligi fir-rigward tal-forniment ta' sett minimu ta' linji mikrija, kif identifikat fil-lista ta' standards ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas), u l-kondizzjonijiet ta' dik il-forniment stipulati fl-Anness VII li jinsab ma din id-Direttiva, fuq dawk l-impriżi b'relazzjoni ma' dawk is-swieq speċifiċi ta' linja mikrija.

2. Fejn bħala riżultat ta' l-analiżi tas-suq imwettaq skond l-Artikolu 16(3), awtorità regolatorja nazzjonali tistabbilixxi li suq relevanti għall-forniment ta' linji mikrija fis-sett minimu jkun effettivament kompetittiv, għandha tirtira l-obbligi imsemmija fil-paragrafu 1 b'relazzjoni ma' dak is-suq speċifiku ta' linja mikrija.

3. Is-sett minimu ta' linji mikrija b'karatteristiċi armonizzati, u standards assoċjati, għandu jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej bħala parti mill-lista ta' li-standards msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas). Il-Kummissjoni tista' tadotta l-emendi meħtieġa biex tadatta s-sett minimu ta' linji mikrija għal żviluppi tekniċi ġodda u għall-bidliet fid-domanda tas-suq, nkluża l-possibiltà tat-tħassir ta' ċerti tipi ta' linji mikrija mis-sett minimu, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2) ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 19

Għażla ta' carrier u għażla minn qabel ta' carrier

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jeħtieġu lill-impriżi notifikati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq għall-forniment ta' konnessjoni ma' u l-użu ta' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss skond l-Artikolu 16(3) biex jippermettu lill-abbonati tagħhom li jaċċessaw is-servizzi ta' kull fornitur interkonness ma' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon:

(a) fuq il-bażi ta' sejħa b'sejħa billi jiddajaljaw kodiċi ta' għażla tal-carrier; u

(b) permezz ta' għażla minn qabel, b'faċilità li jinjoraw kull għażla magħżula minn qabel fuq il-bażi ta' sejħa b'sejħa billi jiddajaljaw kodiċi ta' għażla tal-carrier.

2. Il-ħtiġiet ta' l-utenti għal dawn il-faċilitajiet li għandhom jiġu mplimentati fuq networks oħra jew b'modi oħra li għandhom jiġi stmati skond il-proċedura ta' l-analiżi tas-suq stabbilita fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u mplimentati skond l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess).

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-ipprezzar għall-aċċess u l-interkonnessjoni relatati mal-forniment tal-faċilitajiet fil-paragrafu 1 tkun orjentata skond l-ispejjeż u li l-ħlasijiet diretti għall-abbonati, jekk ikun hemm, ma jservux bħala disinċentiv għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.

IL-KAPITOLU IV

INTERESSI U DRITTIJIET TA' L-UTENTI FINALI

L-Artikolu 20

Kuntratti

1. Il-paragrafi 2, 3 u 4 japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità għall-protezzjoni tal-konsumatur, b'mod partikolari d-Direttiva 97/7/KE u 93/13/KE, u r-regoli nazzjonali b'konformità mar-regoli tal-Komunità.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, meta jsir abbonament għas-servizzi li jfornu konnessjoni u/jew aċċess għal network pubbliku tat-telefon, il-konsumaturi jkollhom id-dritt għall-kuntratt ma' impriża jew impriżi li jfornu dawk is-servizzi. Il-kuntratt għandu jispeċifika ta' l-anqas:

(a) l-identità u l-indirizz tal-fornitur;

(b) is-servizzi offruti, l-livelli tal-kwalità ta' servizz offruti, kif ukoll iż-żmien għall-konnessjoni inizjali;

(ċ) it-tipi ta' servizz ta' manutenzjoni offruti;

(d) partikolaritajiet tal-prezzijiet u t-tariffi u l-mezzi li bihom informazzjoni aġġornata dwar it-tariffi u l-ħlasijiet tal-manutenzjoni kollha applikabbli jistgħu jinkisbu;

(e) it-tul tal-kuntratt, il-kondizzjonijiet għat-tiġdid u t-terminazzjoni tas-servizzi u tal-kuntratt;

(f) kull kumpens u arranġamenti ta' rifużjoni li japplikaw jekk il-livelli tal-kwalità tas-servizz ikkuntrattat ma jintlaħqux; u

(g) il-metodu ta' kif jinbdew proċeduri għar-riżoluzzjoni ta' disputi skond l-Artikolu 34.

L-istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru utenti finali oħra.

3. Fejn il-kuntratti huma konklużi bejn konsumaturi u fornituri ta' servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, barra minn dawk li jfornu konnessjoni u/jew aċċess għal network pubbliku tat-telefon, l-informazzjoni fil-paragrafu 2 għandha tiġi wkoll inkluża f'dawk il-kuntratti. L-istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru utenti finali oħra.

4. L-abbonati għandu jkollhom id-dritt li jirtiraw mill-kuntratti tagħhom mingħajr penalità fuq avviż tal-modifikazzjonijiet proposti fil-kondizzjonijiet kuntrattwali. L-abbonati għandhom jingħataw avviż adegwat, mhux anqas minn xahar, bil-quddiem ta' modifikazzjonijiet bħal dawk u għandhom ikunu nfurmati fl-istess waqt bid-dritt tagħhom li jirtiraw, mingħajr penalità minn dawk il-kuntratti, jekk ma jeċċettawx il-kondizzjonijiet il-ġodda.

L-Artikolu 21

Trasparenza u pubblikazzjoni ta' l-informazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li informazzjoni trasparenti u aġġornata dwar il-prezzijiet u t-tariffi applikabbli, u t-termini u kondizzjonijiet standard, fir-rigward ta' l-aċċess għal u l-użu ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon tkun disponibbli għall-utenti finali u l-konsumaturi, skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinkoraġġixxu l-forniment ta' informazzjoni biex jippermettu lill-utenti finali, sa fejn hu xieraq, u lill-konsumaturi biex jagħmlu evalwazzjoni ndipendenti tal-ispiża ta' pakketti ta' użu alternattivi, permezz ta' per eżempju, gwidi interattivi.

L-Artikolu 22

Kwalità tas-servizz

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma, wara li jittieħed kont ta' l-opinjonijiet tal-partijiet interessati, kapaċi li jeħtieġu impriżi li jfornu servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi li jippublikaw informazzjoni komparabbli, adegwata u aġġornata għall-utenti finali dwar il-kwalità tas-servizzi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha, fuq talba, tiġi wkoll provduta lill-awtorità regolatorja nazzjonali minn qabel il-pubblikazzjoni tagħha.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jispeċikaw, fost ħwejjeġ oħra, il-parametri tal-kwalità tas-servizz li għandhom jiġu mkejla, u l-kontenut, forma u mod ta' l-informazzjoni li għandha tiġi ppublikata, sabiex jiġi żgurat li l-utenti finali jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva, komparabbli u faċli li tiftiehem. Fejn xieraq, il-parametri, it-tifsiriet u l-metodu tal-kejl mogħtija fl-Anness III jistgħu jintużaw.

L-Artikolu 23

Integrità tan-network

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jassiguraw l-integrità tan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss u, fil-każ ta' ħsara katastrofika tan-network jew fil-każi ta' forza maġġuri, id-disponibilità tan-network pubbliku tat-telefon u tas-servizzi pubblikament disponibbli f'lok fiss. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriżi li jfornu servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon f'lok fiss jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jassiguraw aċċess mhux interrott tas-servizzi ta' emerġenza.

L-Artikolu 24

Interoperabilità tat-tagħmir tal-konsumatur tat-televiżjoni diġitali

Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness VI, l-Istati Membri għandhom jassiguraw l-interoperabilità tat-tagħmir tal-konsumatur tat-televiżjoni diġitali msemmi fih.

L-Artikolu 25

Għajnuna mill-operatur u servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon ikollhom id-dritt li jkunu mniżżlaa fid-direttorju pubblikament disponibbli msemmi fl-Artikolu 5(1)(a).

2. L-Istati Membri għandhom jassigiraw li l-impriżi kollha li jassenjaw numri tat-telefon lill-abbonati jissodisfaw it-talbiet raġonevoli kollha li jagħmlu disponibbli għall-iskopijiet tal-forniment ta' konsultazzjoni tad — direttorji pubblikament disponibbli u direttorji, l-informazzjoni kollha relevanti f'format miftiehem fuq termini li jkunu ġusti, oġġettivi, orjentati ma' l-ispejjeż u mhux diskriminatorji.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-utenti finali kollha provduti b'konnessjoni ma’ network pubbliku tat-telefon jistgħu jaċċessaw is-servizzi ta' l-għajnuna ta' l-operatur u s-servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju skond l-Artikolu 5(1)(b).

4. L-Istati Membri m'għandhomx iżommu fis-seħħ xi restrizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu lill-utenti finali fi Stat Membru wieħed milli jaċċessaw direttament is-servizz ta' konsultazzjoni tad-direttorju fi Stat Membru ieħor.

5. Il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 japplikaw bla ħsara għall-ħtiġiet tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar il-protezzjoni tad —data personali u l-privatezza u, b'mod partikolari l-Artikolu 11 tad-Direttiva 97/66/KE.

L-Artikolu 26

Numru uniku Ewropew għal sejħa ta' emerġenza

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, b'żieda ma’ kull numri oħra nazzjonali għall-sejħa ta' emerġenza speċifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, l-utenti finali kollha tas-servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon, inklużi l-utenti ta' telefons pubbliċi bi ħlas, ikunu jistgħu jsejħu s-servizzi ta' emerġenza mingħajr ħlas, billi jużaw in-numru uniku Ewropew ta' sejħa ta' emerġenza "112".

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li sejħiet għan-numru uniku Ewropew ta' emerġenza "112" jitwieġbu kif imiss u mmaniġġati bil-mod l-aktar adatt għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta' emerġenza u fil-possibilitajiet teknoloġiċi tan-networks.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriżi li joperaw networks pubbliċi tat-telefon jagħmlu t-tagħrif dwar il-lok ta' min jagħmel is-sejħa disponibbli lill-awtoritajiet li jimmaniġġaw l-emerġenzi, sal-limitu teknikament possibbli, għas-sejħiet kollha lin-numru uniku Ewropew ta' sejħa ta' emerġenza "112".

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini jkunu adegwatament infurmati dwar l-eżistenza u l-użu tan-numru uniku Ewropew ta' sejħa ta' emerġenza "112".

L-Artikolu 27

Kodiċi ta' aċċess għat-telefon Ewropej

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kodiċi "00" jkun il-kodiċi standard ta' aċċess internazzjonali. Arranġamenti speċjali għat-tagħmil ta' sejħiet bejn lokien adjaċenti bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri jistgħu jiġu stabbiliti jew jitkomplew. L-utenti finali ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon fil-lokien konċernati għandhom ikunu għal kollox infurmati b'dawk l-arranġamenti.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-impriżi kollha li joperaw networks pubbliċi tat-telefon jimmaniġġaw is-sejħiet kollha lill-ispazju ta' enumerar tat-telefonija Ewropew, mingħajr preġudizzju għal ħtieġa ta' impriża li topera network pubbliku tat-telefon li tirkupra l-ispejjeż tat-twassil ta' dawk is-sejħiet fuq in-network tagħha.

L-Artikolu 28

Numri mhux ġeografiċi

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-utenti finali mill-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jaċċessaw numri mhux ġeografiċi ġewwa t-territorju tagħhom fejn teknikament u ekonomikament possibbli, ħlief fejn abbonat li jissejjaħ ikun għażel għal raġunijiet kummerċjali li jillimita l-aċċess billi jsejjaħ partijiet lokati f'żoni speċifiċi ġeografiċi.

L-Artikolu 29

Forniment ta' faċilitajiet addizzjonali

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jeħtieġu lill-impriżi kollha li joperaw networks pubbliċi tat-telefon li jagħmlu disponibbli lill-utenti finali l-faċilitajiet elenkati fl-Anness I, Taqsima B, bla ħsara għall fattibilità teknika u l-vijabilità ekonomika.-

2. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma japplikax il-paragrafu 1 fit-territorju kollu tiegħu jew parti minnu jekk iqies, wara li jieħu kont tal-veduti tal-partijiet interessati, li jkun hemm aċċess suffiċjenti għal dawn il-faċilitajiet.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(2), l-Istati Membri jistgħu jimponu l-obbligi fl-Anness I, Taqsima A, il-punt (e), li jikkonċernaw l-iskonnessjoni bħala ħtieġa ġenerali fuq l-impriżi kollha.

L-Artikolu 30

Portabilità tan-numru

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-abbonati kollha ta' servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon, li hekk jitolbu li jkunu jistgħu jżommu n-numru/i tagħhom indipendentement mill-impriża li tipprovdi s-servizz:

(a) fil-każ ta' numri ġeografiċi, f'lok speċifiku; u

(b) fil-każ ta' numri mhux ġeografiċi, f'kull lok.

Dan il-paragrafu ma japplikax għall-portabilità ta' numri bejn networks li jfornu servizzi f'lok fiss u networks mobbli.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-ipprezzar għal interkonnessjoni relatata mal-forniment tal-portabilità tan-numru tkun orjentata ma' l-ispejjeż u li ħlasijiet diretti mitluba mill-abbonati, jekk ikun hemm, ma jservux ta' disinċentiv għall-użu ta' dawn il-faċilitajiet.

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali m'għandhomx jimponu tariffi bl-imnut għall-portabilità tan-numri b'mod li jiddistortjaw il-kompetizzjoni, bħal per eżempju billi jiffissaw tariffi bl-imnut speċifiċi jew komuni.

L-Artikolu 31

Obbligi ta' trasmissjoni (must carry)

1. L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi raġonevoli ta' trasmissjoni (must carry), għat-trasmissjoni ta' kanali u servizzi speċifiċi tax-xandir tar-radju u tat-televiżjoni, fuq impriżi taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom li jfornu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi użati għad-distribuzzjoni ta' xandir tar-radju jew tat-televiżjoni lill-pubbliku fejn numru sinjifikanti ta' utenti finali ta' dawk in-networks jużawhom bħala l-mezzi prinċipali tagħhom biex jirċievu xandir bir-radju jew bit-televiżjoni. Dawk l-obbligi għandhom jiġu mposti biss fejn huma meħtieġa biex jilħqu miri ta' interess ġenerali definiti b'mod ċar u għandhom ikunu proporzjonati u trasparenti. L-obbligi għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni perjodika.

2. La l-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u lanqas l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva ta' Aċċess) m'għandhom jippreġudikaw il-kapaċità ta' Stat Membru li jistabbilixxi, remunerazzjoni adatta, jekk ikun hemm, dwar miżuri meħuda skond dan l-Artikolu waqt li jassiguraw li, f'ċirkostanzi simili, ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni fit-trattament ta' impriżi li jfornu networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi. Fejn hemm previst remunerazzjoni, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li tiġi applikata b'mod proporzjonat u trasparenti.

IL-KAPITOLU V

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

L-Artikolu 32

Servizzi addizzjonali obbligatorji

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta' servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f'dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta' kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista' jiġi mpost.

L-Artikolu 33

Konsultazzjoni ma’ partijiet interessati

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw sal-limitu li huwa xieraq li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jieħdu kont tal-veduti ta' l-utenti finali, u l-konsumaturi (inklużi, b'mod partikolari, utenti b'disabilità), manifatturi, mpriżi li jfornu networks u/jew servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċidwar kwistjonijiet li jirrelataw mad-drittijiet kollha ta' l-utenti finali u konsumaturi li jikkonċernaw servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjonijiet elettroniċi, b'mod partikolari fejn ikun hemm impatt sinjifikanti fuq is-suq.

2. Fejn xieraq, il-partijiet interessati jistgħu jiżviluppaw, bil-gwida ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, mekkaniżi, li jinvolvu l-konsumaturi, gruppi ta' utenti jew fornituri tas-servizzi, biex tittejeb il-kwalità ġenerali tal-forniment tas-servizz billi, fost ħwejjeġ oħra, jiżviluppaw u jissorveljaw kodiċi ta' kondotta u standards ta' operazzjoni.

L-Artikolu 34

Riżoluzzjonijiet extra — ġudizzjarji ta' disputi

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li proċeduri extra — ġudizzjarji sempliċi, trasparenti u li ma jkunux għaljin ikunu disponibbli għall-itrattar ta' disputi mhux riżolti, li jinvolvu konsumaturi, li jirrelataw ma’ kwistjonijiet koperti b'din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri biex jassiguraw li dawk il-proċeduri jippermettu li disputi jiġu riżolti b'mod ġust u malajr u jistgħu, fejn ġustifikat, jadottaw sistema ta' rimborż u/jew kumpens. L-Istati Membri jistgħu jestendu dawn l-obbligi biex ikopru disputi li jinvolvu utenti finali oħra.

2. L-Istati Membru għandhom jassiguraw li l-leġislazzjoni tagħhom ma tfixkilx t-twaqqif ta' uffiċċji ta' l-ilmenti u l-forniment ta' servizzi on-line fil-livell territorjali adatt biex jiffaċilitaw l-aċċess għar-riżoluzzjoni ta' disputi mill-konsumaturi u l-utenti finali.

3. Fejn dawk id-disputi jinvolvu partijiet fi Stati Membri differenti, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-isforzi tagħhom bil-ħsieb li sseħħ riżoluzzjoni għad-disputa.

4. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għall-proċeduri tal-qorti nazzjonali.

L-Artikolu 35

Aġġustament tekniku

L-emendi meħtieġa biex jiġu adattati l-Annessi I, II, III, VI u VII għall-iżviluppi teknoloġiċi u għall-bidliet fid-domanda tas-suq għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni, waqt li taġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 37(2).

L-Artikolu 36

Notifikazzjoni, sorveljanza u proċeduri ta' reviżjoni

1. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mid-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu, u minnufih fil-każ ta' kull bidla wara bl-ismijiet ta' mpriżi maħtura bħala li għandhom obbligi ta' servizz universali taħt l-Artikolu 8(1).

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli f'forma faċilment aċċessibbli, u għandha tqassamha lill-Kumitat ta' Komunikazzjonijiet imsemmi fl-Artikolu 37.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet ta' l-operaturi meqjusa li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, u l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Direttiva. Kull bidliet li jaffettwaw l-obbligi imposti fuq impriżi jew ta' l-impriżi affettwati taħt id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom jiġu notifikati lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

3. Il-Kummissjoni għandha perjodikament tirrevedi l-iffunzjonar ta' din id-Direttiva u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fl-ewwel okkażjoni mhux aktar tard minn tlett snin wara d-data ta' l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 38(1), it-tieni subparagrafu. L-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom ifornu l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni għal dan l-iskop.

L-Artikolu 37

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat ta' Komunikazzjonijiet stabbilit bl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas).

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wwaqt li jittieħed kont ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

L-Artikolu 38

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-24 ta' Lulju 2003 l-aktar tard. Għandhom minnufih javżaw b'dan lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawk il-miżuri mill-25 ta' Lulju 2003.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għall din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modi ta' kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva u b'kull modifikazzjoni sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet.

L-Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komuniyajiet Ewropew.

L-Artikolu 40

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lil l-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta' Marzu 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

J. C. Aparicio

[1] ĠU C 365 E, tad-19.12.2000, p. 238 u ĠU C 332 E, tas-27.11.2001, p. 292.

[2] ĠU C 139, tal-11.5.2001, p. 15.

[3] ĠU C 144, tas-16.5.2001, p. 60.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2001 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-17 ta' Settembru 2001 (ĠU C 337, tat-30.11.2001, p. 55) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2001 (għada mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Frar 2002.

[5] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

[6] ĠU L 165, tad-19.6.1992, p. 27. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 98/80/KE (ĠU L 14, ta' l-20.1.1998, p. 27).

[7] Ara paġna 33 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[9] ĠU L 144, 04.6.1997, p. 19.

[10] Ara paġna 7 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[11] ĠU L 115, tas-17.4.1998, p. 31.

[12] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[13] Ara paġna 21 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[14] ĠU L 101, ta' l-1.4.1998, p. 24.

[15] ĠU L 199, tas-26.7.1997, p. 32. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/61/KE (ĠU L 268, 03.10.1998, p. 37).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

DESKRIZZJONI TAL-FAĊILITAJIET U S-SERVIZZI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 10 (KONTROLL TA' L-INFIQ) U L-ARTIKOLU 29 (FAĊILITAJIET ADDIZZJONALI)

Taqsima A: Faċilitajiet u servizzi msemmija fl-Artikolu 10

(a) Kontijiet dettaljati

L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, bla ħsara għall-ħtiġiet tal-leġislazzjoni relevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, jistgħu jistipulaw il-livell bażiku għall-kontijiet dettaljati li għandhom jiġu provduti minn impriżi maħtura (kif stabbilit fl-Artikolu 8) lill-konsumaturi mingħajr ħlas sabiex ikunu jistgħu:

(i) jippermettu l-verifikazzjoni u l-kontroll tal-ħlasijiet li jeħlu fl-użu tan-network pubbliku tat-telefon f'lok fiss u/jew servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon relatati, u

(ii) jissorveljaw adegwatament l-użu tagħhom u l-infiq u b'hekk jeżerċitaw livell raġonevoli ta' kontroll fuq il-kontijiet tagħhom.

Fejn xieraq livelli addizzjonali ta' dettal jistgħu jiġu offruti lill-abbonati b'tariffi raġonevoli jew mingħajr ebda ħlas.

Is-sejħiet li huma mingħajr ħlas mill-abbonat li jagħmel is-sejħa, inklużi sejħiet lil linji ta' għajnuna, m'għandhomx jiġu identifikati fil-kont dettaljat ta' l-abbonat li jagħmel is-sejħa.

(b) Imblukkar selettiv ta' sejħiet li jsiru, mingħajr ħlas

Jiġifieri l-faċilità li biha l-abbonat jista' fuq talba lill-fornitur tas-servizz tat-telefon, jimblokka sejħiet 'l barra ta' tipi definiti jew llejn tipi definiti ta' numri mingħajr ħals.

(ċ) Sistemi ta' ħlas minn qabel

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkunu jistgħu jeħtieġu lill-impriżi maħtura li jfornu mezzi għall-konsumaturi li jħallsu għall-aċċess għal network pubbliku tat-telefon u jużaw servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon fuq termini ta' ħlas minn qabel.

(d) Ħlas gradwali ta' tariffi ta' konnessjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jeħtieġu lill-impriżi maħtura li jippermettu lill-konsumaturi li jħallsu għal konnessjoni ma' network pubbliku tat-telefon fuq il-bażi ta' ħlasijiet imqassma fuq perjodu ta' żmien.

(e) Nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw miżuri speċifiċi li għandhom ikunu proporzjonati, mhux diskriminatorji u ppublikati, li jkopru n-nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet tat-telefon għall-użu ta' network pubbliku tat-telefon f'lok fiss. Dawn il-miżuri għandhom jassiguraw li twissija debita ta' kull interuzzjoni konsegwenti tas-servizz jew skonnessjoni tingħata lill-abbonat minn qabel. Ħlief fil-każi ta' frodi, ħlas persistenti tard jew nuqqas ta' ħlas, dawn il-miżuri għandhom jassiguraw, sa fejn hu teknikament possibbli, li kull interruzzjoni tas-servizz tiġi konfinata għas-servizz konċernat. L-iskonnessjoni għan-nuqqas ta' ħlas tal-kontijiet għandha sseħħ biss wara li tingħata t-twissija debita lill-abbonat. L-Istati Membri jistgħu jippermettu żmien limitat ta' servizz qabel l-iskonnessjoni kompleta, li matulu sejħiet biss li ma jinvolvux ħlas mill-abbonat (per eżempju sejħiet "112") jiġu permessi.

Taqsima B: Lista tal-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 29

(a) Iddijaljar bit-ton jew DTMF (operazzjoni b'ton doppju multi-frekwenza)

Jjiġifieri n-network pubbliku tat-telefon isostni l-użu ta' toni DTMF kif definiti fl-ETSI ETR 207 għas-senjalar minn tarf sa tarf man-network kollu kemm hu fi Stat Membru kif ukoll bejn Stati Membri.

(b) Identifikazzjoni tal-linja li tagħmel is-sejħa

Jiġifieri n-numru tal-parti li tagħmel is-sejħa jiġi presentat lill-persuna msejjħa qabel mas-sejħa tiġi stabbilita.

Din il-faċilità għandha tiġi provduta skond il-leġislazzjoni relevanti dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza, b'mod partikolari d-Direttiva 97/66/KE.

Sal-limitu teknikament possibbli, l-operaturi għandhom ijfornu data u sinjali li jiffaċilitaw l-offerta ta' l-identità tal-linja li tagħmel is-sejħa u ton ta' ddajaljar minn naħa għall-oħra tal- konfini ta' l-Istati Membri.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

INFORMAZZJONI LI GĦANDA TIĠI PPUBLIKATA SKOND L-ARTIKOLU 21 (TRASPARENZA U L-PUBBLIKAZZJONI TA' INFORMAZZJONI)

L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha r-responsabbiltà li tassigura li l-informazzjoni f'dan l-Anness tiġi ppublikata, skond l-Artikolu 21. Għandha tkun l-awtorità regolatorja nazzjonali li tiddeċiedi liema nformazzjoni għandha tiġi ppublikata mill-impriżi li jfornu networks pubbliċi tat-telefon u/jew servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon u liema nformazzjoni għandha tiġi ppublikata mill-awtorità regolatorja nazzjonali nnifisha, sabiex jiġi assigurat li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

1. L-isem/ismijiet u indirizz/i ta' l-impriża/i

Jiġifieri l-ismijiet u l-indirizz ta' l-uffiċċju prinċipali ta' impriżi li jfornu networks pubbliċi tat-telefon u/jew servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon.

2. Servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon offruti

2.1. Il-kamp ta' applikazzjoni tas-servizz pubblikament disponibbli tat-telefon

Deskrizzjoni tas-servizzi pubblikament disponibbli tat-telefon offruti, li tindika dak li għandu jiġi nkluż fil-ħlas ta' l-abbonament u l-ħlas tar-renta għal kull perjodu (jiġifieri servizzi ta' l-operatur, direttorji, servizzi ta' konsultazzjoni tad — direttorji, imblukkar selettiv ta' sejħiet, kontijiet dettaljati, manutenzjoni, eċċ.).

2.2. Tariffi standard li jkopru l-aċċess, it-tipi kollha ta' ħlasijiet għall-użu, manutenzjoni, u nklużi d-dettalji ta' l-iskonti standard applikati u skemi speċjali u skemi mmirati tat-tariffa.

2.3. Politika ta' kumpens/rifużjoni, inklużi dettalji speċifiċi ta' xi skemi ta' kumpens/rifużjoni offruti.

2.4. Tipi ta' servizzi ta' manutenzjoni offruti.

2.5. Kondizzjonijiet kuntrattwali standard, inkluż kull perjodu minimu kuntrattwali, fejn relevanti.

3. Mekkaniżmi tar-riżoluzzjoni tad-disputi nklużi dawk żviluppati mill-impriża.

4. Informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta' servizz universali, inklużi l-faċilitajiet u s-servizzi msemmija fl-Anness I.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

PARAMETRI TAL-KWALITÀ TAS-SERVIZZ

Tul ta' żmien tal-forniment u parametri tal-kwalità tas-servizz, tifsiriet u metodi ta' kejl imsemmija fl-Artikoli 11 u 22

Nota:

Numru tal-verżjoni ta' l-ETSI EG201769— 1 huwa 1.1.1 (April 2000).

Parametru | Tifsira | Metodu tal-kejl |

Tul ta' żmien għall-konnessjoni iniżjali | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Rata ta' ħsara għal kull linja ta' aċċess | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħin tat-tiswijja tal-ħsara | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Proporzjon ta' sejħiet mingħajr suċċess | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħin tat-twaqqif tas-sejħa | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħinjiet ta' risposta tas-servizzi ta' l-operatur | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ħinijiet ta' risposta tas-servizzi ta' konsultazzjoni tad-direttorju | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Proporzjon tat-telefons pubbliċi bi ħlas permezz ta'munita jew karta li jkunu jaħdmu | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

Ilmenti dwar l-eżattezza tal-kontijiet | ETSI EG 201 769-1 | ETSI EG 201 769-1 |

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

KALKOLU TA' L-ISPIŻA NETTA, JEKK IKUN HEMM, TA' OBBLIGI TA' SERVIZZ UNIVERSALI U L-ISTABBILIMENT TA' KULL MEKKANIŻMU TA' RKUPRU JEW QSIM SKOND L-ARTIKOLI 12 U 13

Taqsima A: Kalkolu ta' l-ispiża netta

L-obbligi għal servizz universali jirreferu għall-obbligi imqegħda fuq impriża minn Stat Membru li jikkonċernaw il-forniment ta' network u servizz f'żona speċifikata ġeografika kollha, inkluż, fejn meħtieġ, il-prezzijiet medji f'dik iż-żona ġeografika għall-forniment ta' dak is-servizz jew forniment ta' għażliet speċifiċi ta' tariffi għall-konsumaturi bi dħul baxx jew bi ħtiġiet soċjali speċjali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkonsidraw il-mezzi kollha biex jassiguraw inċentivi adatti għall-impriżi (maħtura jew le) biex ifornu obbligi ta' servizz universali b'effiċjenza fl-ispiża. Fit-twettieq ta' eżerċizzju ta' kalkolu, l-ispiża netta ta' obbligi ta' servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta' obbligi ta' servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta' servizz universali. Dan japplika sew jekk in-network fi Stat Membru partikolari jkun żviluppa kollu kemm hu jew jekk ikun għadu jkun qiegħed jiżviluppa u jespandi. Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta l-ispejjeż li x'impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta' servizz universali. Il-kalkolu ta' l-ispiża netta għandu jistma l-benefiċċji, nklużi benefiċċji ntanġibbli, għall-operatur ta' servizz universali.

Il-kalkolu għandu jiġi bbażat fuq in-nefqiet attribwibbli għal:

(i) l-elementi tas-servizzi identifikati li jistgħu jiġu biss provduti b'telf jew provduti taħt kondizzjonijiet ta' spiża li jaqgħu barra li-standards normali kummerċjali.

Din il-kategorija tista' tinkludi elementi ta' servizz bħal aċċess għas-servizzi ta' emerġenza bit-telefon, il-forniment ta' ċerti telefons pubbliċi bi ħlas, il-forniment ta' ċerti servizzi jew tagħmir għal persuni b'disabilità, eċċ;

(ii) utenti finali jew gruppi ta' utenti finali speċifiċi li, waqt li jittieħed kont ta' l-ispiża għall-forniment tan-network u servizz speċifiku, id-dħul ġenerat u kull medjar ġeografiku tal-prezzijiet imposti mill-Istat Membru, li s-servizz għalihom jista' jsir biss b'telf jew taħt kondizzjonjiet ta' l-ispiża li jaqgħu barra li-standards normali tal-kummerċ.

Din il-kategorija tinkludi wkoll dawk l-utenti finali jew gruppi ta' utenti finali li ma kienux jiġu servuti minn operatur kummerċjali li ma kellux obbligu li jipprovdi servizz universali.

Il-kalkolu ta' l-ispiża netta ta' aspetti speċifiċi ta' obbligi ta' servizz universali għandu jsir separatament u sabiex jiġi evitat għadd doppju ta' xi benefiċċji u nefqiet diretti jew indiretti. L-ispiża netta globali ta' obbligi ta' servizzi universali għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma ta' l-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-komponenti speċifiċi ta' obbligi ta' servizz universali, waqt li jittieħed kont ta' kull benefiċċju ntanġibbli. Ir-responsabbiltà għall-verifikar ta' l-ispiża netta hija ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali.

Taqsima B: Irkupru ta' spejjeż netti ta' obbligi ta' servizz universali

L-irkupru jew l-iffinanzjar ta' kull spiża netta ta' obbligi ta' servizz universali jeħtieġ li mpriżi maħtura b'obbligi ta' servizz universali jiġu kumpensati għas-servizzi li jfornu taħt kondizzjonijiet mhux kummerċjali. Minħabba li dak il-kumpens jinvolvi trasferimenti finanzjarji, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li dawn jitwettqu b'mod oġġettiv, trasparenti, mhux diskriminatorju u proporzjonat. Dan ifisser li t-trasferimenti jirriżultaw fl-anqas distorsjoni ta' kompetizzjoni u tad-domanda ta' l-utent.

Skond l-Artikolu 13(3), mekkaniżmu ta' qsim ibbażat fuq fond għandu juża mezzi trasparenti u newtrali għall-ġbir ta' kontribuzzjonijiet li jevitaw il-perikolu ta' impozizzjon doppja ta' kontribuzzjonijiet li jaqgħu kemm fuq l — outputs u fuq l-inputs ta' l-impriżi.

Il-korp indenpendenti li jamministra l-fond għandu jkun responsabbli għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet minn impriżi li huma stmati bħala li għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu għall-ispiża netta ta' l-obbligi ta' servizz universali fl-Istat Membru u għandu jissorvelja it-trasferiment tas-somom dovuti u/jew ħlasijiet amministrattivi lill-impriżi ntitolati li jirċievu l-ħlasijiet minn dak il-fond.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

PROĊESS GĦAR-REVIŻJONI TAL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TA' SERVIZZ UNIVERSALI SKOND L-ARTIKOLU 15

Fil-konsiderazzjoni dwar jekk reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta' obbligi universali għandhiex issir, il-Kummissjoni għandha tieħu kont ta' l-elementi li ġejjin:

- żviluppi soċjali u tas-suq f'termini tas-servizzi wżati mill-konsumaturi,

- żviluppi soċjali u tas-suq f'termini ta' disponibiltà u għażla ta' servizzi għall-konsumaturi,

- żviluppi teknoloġiċi f'termini tal-mod kif is-servizzi huma provduti lill-konsumaturi.

Fil-konsiderazzjoni dwar jekk l-obbligi ta' servizz universali għandhomx jinbidlu jew jiġu definiti mill-ġdid, il-Kummissjoni għandha tieħu konsiderazzjoni ta' l-elementi li ġejjin:

- jekk servizzi speċifiċi humiex disponibbli għal u wżati mill-maġġoranza tal-konsumaturi u jekk in-nuqqas ta' disponibilità jew nuqqas ta' użu minn minoranza ta' konsumaturi tirriżulta f'esklużjoni soċjali, u

- jekk id-disponibilità u l-użu ta' servizzi speċifiċi twassalx benefiċċju nett ġenerali lill-konsumaturi kollha tali li l-intervent pubbliku jkun ġustifikat f'ċirkostanzi fejn is-servizzi speċifiċi m'humiex provduti lill-pubbliku taħt ċirkostanzi normali tal-kummerċ?

--------------------------------------------------

L-ANNESS VI

INTEROPERABILITÀ TAT-TAGĦMIR DIĠITALI TAL-KONSUMATUR IMSEMMI FL-ARTIKOLU 24

1. l-scrambling algorithm komuni u reċiviment ħieles fl-arja

It-tagħmir kollu tal-konsumatur maħsub għar-riċeviment ta' sinjali diġitali tat-televiżjoni, għall-bejgħ jew kera jew xort'oħra magħmula disponibbli fil-Komunità, kapaċi li jħollu s-sinjali diġitali tat-televiżjon, għandu jkollu l-kapaċità li:

- jippermetti li jinħallu dawk is-sinjali skond l-scrambling alogarith komuni Ewropew kif amministrat mill-organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea ta' li-standards, fil-present ETSI;

- juri sinjali li jkunu ġew trasmessi mhux f'kodiċi, b'dan illi fil-każ li dak it-tagħmir jiġi mikri il-kerrej għandu jkun f'konformità mal-ftehim relevanti tal-kiri.

2. Interoperabilità għal settijiet tat-televiżjoni analogi u diġitali

Kull sett analogu tat-televiżjoni bi skrijn integrali bi djagunal viżibbli ta' aktar minn 42 ċm li jitqiegħed fis-suq għall-bejgħ jew kera fil-komunità għandu jkun iffittjat b'ta' l-anqas konnessjoni waħda miftuħa, kif standardised minn organizzazzjoni rikonoxxuta Ewropea ta' li-standards, per eżempju kif mogħtija fis-CENELEC EN50049— 1:1997 standard, li tkun tippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, speċjalment apparat għad-dikodifikar jew riċevituri diġitali.

Kull sett diġitali tat-televiżjoni bi skrijn integrali viżibbli ta' djagunal akbar minn 30 ċm li jitqiegħed għall-bejgħ jew kera fil-Komunità għandu jkun iffittjat b'ta' lanqas konnessjoni waħda miftuħa (jew standardised minn, jew li tikkonforma ma' standard adottat minn, minn organizzazzjoni ta' li-standards Ewropej rikonoxxuta, jew li tikkonforma ma' speċifikazzjoni ta' ndustrija kollha) per eżempju konnettur komuni ta' konnessjoni DVB, li jippermetti konnessjoni sempliċi għall-periferali, u li jkun jista' jgħaddi l-elementi kollha ta' sinjal diġitali televiżiv, nkluża nformazzjoni li tirrelata ma' servizzi nterattivi u kondizzjonalment aċċessati.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VII

KONDIZZJONIJIET GĦAS-SETT MINIMU TA' LINJI MIKRIJA MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 18

Nota:

Skond il-proċedura ta' l-Artikolu 18, il-forniment ta' sett minimu ta' linji mikrija taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 92/44/KE għandha tibqa' sa dak iż-żmien li l-awtorità regolatorja nazzjonali tistabbilixxi li jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq relevanti tal-linji mikrija.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-forniment ta' sett minimu ta' linji mikrija msemmija fl-Artikolu 18 issegwi l-prinċipji bażiċi ta' non-diskriminazzjoni, orjentazzjoni lejn l-ispejjeż u trasparenza.

1. Non-diskriminazzjoni

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li organizzazzjonijiet identifikati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq skond l-Artikolu 18(1) jaderixxu mal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni meta jfornu l-linji mikrija msemmija fl-Artikolu 18. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom japplikaw kondizzjonijiet simili f'ċirkustanzi simili għall-organizzazzjonijiet li jfornu servizzi simili, u għandhom ifornu linji mikrija lill-oħrajn taħt l-istess kondizzjonijiet u ta' l-istess kwalità bħal dawk li jfornu għas-servizzi tagħhom stess, jew dawk tas-sussidjarji tagħhom jew sħab, fejn japplika.

2. Orjentazzjoni ta' l-ispejjeż

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fejn japplika, jassiguraw li t-tariffi għall-linji mikrija msemmija fl-Artikolu 18 jsegwu l-prinċipji bażiċi ta' l-orjentazzjoni ta' l-ispejjeż.

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-impriżi identifikati bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq skond l-Artikolu 18(1) jifformulaw u jwettqu fil-prattika sistema adatta tal-kontabilità ta' l-ispejjeż.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom iżommu disponibbli, b'livell adegwat ta' dettal, it-tagħrif dwar is-sistemi ta' kontabilità ta' l-ispejjeż applikati minn dawk l-impriżi. Għandhom jibgħatu din l-informazzjoni lill-Kummissjoni fuq talba.

3. Trasparenza

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jassiguraw li l-informazzjoni li ġejja dwar is-sett minimu ta' linji mikrija msemmi fl-Artikolu 18 tiġi ppublikata f'forma faċilment aċċessibbli.

3.1. Il-karatteristiċi tekniċi, nklużi l-karatteristiċi fiżiċi u elettriċi kif ukoll l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati u ta' prestazzjoni li japplikaw għall-punt tat-terminazzjoni tan-network.

3.2. It-tariffi, nklużi il-ħlas inizjali tal-konnessjoni, il-ħlas perjodiku tal-kera u ħlas ieħor. Fejn it-tariffi jkunu differenzjati, dan għandu jkun indikat.

Fejn, bi tweġiba għal-talba partikolari, organizzazzjoni identifikata bħala li għandha saħħa sinjifikanti fis-suq skond l-Artikolu 18(1) tikkonsidra li ma jkunx raġonevoli li tipprovdi linja mikrija fis-sett minimu skond it-tariffi ppublikati tagħha u l-kondizzjonijiet ta' forniment, għandha tfittex il-ftehim ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali biex tvarja dawk il-kondizzjonijiet f'dak il-każ.

3.3. Kondizzjonijiet ta' forniment, li jinkludu ta' l-anqas l-elementi li ġejjin:

- informazzjoni dwar il-proċedura ta' kif isiru l-ordnijiet,

- il-perjodu tipiku ta' kunsinna, li huwa l-perjodu, li jibda jgħodd mid-data meta l-utent ikun għamel talba soda għal linja mikrija, li fiha 95 % tal-linji kollha mikrijin ta' l-istess tip jkunu ngħaddew lill-klijenti.

Dan il-perjodu għandu jiġi stabbilit fuq il-bażi tal-perjodi attwali tat-twassil ta' linji mikrija matul intervall ta' żmien reċenti ta' tul raġonevoli. Il-kalkolu m'għandhux jinkludi każi fejn il-perjodi ta' kunsinna tard kienu mitluba mill-utenti,

- il-perjodu tal-kuntratt, li jinkludi l-perjodu li b'mod ġenerali huwa stabbilit fil-kuntratt u l-perjodu minimu ta' kuntratt li l-utenti ikun obbligat li jaċċetta,

- iż-żmien tipiku ta' tiswija, li huwa l-perjodu, li jibda jgħodd miż-żmien li fih messaġġ tal-ħsara jkun ingħata lill-unità responsabbli fi ħdan l-impriża identifikata bħala li għandha saħħa sinjifikanti fis-suq bis-saħħa ta' l-Artikolu 18(1) sal-mument li fih 80 % tal-linji kollha mikrija ta' l-istess tip ikunu ġew stabbiliti mill-ġdid u f'każijiet xierqa l-operazzjoni tagħhom notifikata lura lill-utenti. Fejn klassijiet differenti ta' kwalità ta' tiswija jkunu offruti għall-istess tip ta' linji mikrija, iż-żminijiet differenti tipiċi ta' tiswija għandhom jiġu ppublikati,

- kull proċedura ta' rifużjoni.

B'żieda, fejn Stat Membru jikkonsidra li l-prestazzjoni miksuba għall-forniment tas-sett minimu tal-linji mikrija ma jissodisfax il-ħtiġiet ta' l-utenti, jista' jiddefinixxi miri adatti għall-kondizzjonijiet tal-forniment elenkati hawn fuq.

--------------------------------------------------