32002L0013



Official Journal L 077 , 20/03/2002 P. 0017 - 0022


Id-Direttiva 2002/13/ke tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-5 ta' Marzu 2002

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE fir-rigward tal-ħtiġiet tal-marġini ta' likwidità għal intrapriżi ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) u l-Artikolu 55 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-pjan ta' azzjoni ta' servizzi finanzjarji, kif iffirmat mil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f'Cologne fit-3 u 4 ta' Ġunju 1999 u f'Lisbona fit-23 u l-24 ta' Marzu 2000, jirrikonoxxi l-importanza tal-marġini ta' likwidità għal intrapriżi ta' l-assigurazzjoni għall-protezzjoni ta' titolari ta' poloz fis-suq singolu billi jiġi assigurat li intrapriżi ta' l-assigurazzjoni għandhom ħtiġiet kapitali adegwati inrelazzjoni man-natura tar-riskju tagħhom.

(2) L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE ta' l-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-bidu u t-twettieq tan-negozju ta' l-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja [4] teħtieġ li intrapriżi ta' l-assigurazzjoni jkollhom marġini ta' likwidità.

(3) Il-ħtieġa li intrapriżi ta' l-assigurazzjoni jistabilixxu marġini ta' likwidità sabiex taġixxi bħala buffer kontra movimenti avversi ta' negozju, minbarra d-dispożizzjonijiet tekniċi biex jissodisfaw ir-resposabbilitajiet ta' underwriting tagħhom, huwa element importanti fis-sistema ta' sorveljanza prudenti għall-protezzjoni ta' persuni u titolari ta' poloz assigurati.

(4) Ir-regoli eżistenti dwar il-marġini ta' likwidità kif stabbilit bid-Direttiva 73/239/KEE ma tbiddlux sostanzjalment b'leġislazzjoni Komunitarja u d-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi relatati ma' assigurazzjoni diretta barra assigurazzjoni tal-ħajja (it-tielet Direttiva mhux dwar l-assigurazzjoni tal-ħajja) [5] ħtieġet li l-Kummissjoni biex tissottometti rapport lill-Kumitat ta' l-Assigurazzjoni stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 91/675/KEE [6], dwar il-bżonn ta' aktar armonizzazzjoni tal-marġini ta' likwidità.

(5) Il-Kummissjoni ppreparat dak ir-rapport fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport dwar il-likwidità ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni ppreparat mill-Konferenza ta' l-Awtoritajiet ta' Sorverljanza ta' l-Assigurazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea.

(6) Waqt li r-rapport ikkonkluda li n-natura sempliċi, robusta tas-sistema kurrenti operat b'mod sodisfaċenti u hi bbażata fuq prinċipji sodi li jibbenefikaw minn trasparenza wiesgħa, ġew identifikati ċerti nuqqasijiet f'każijiet speċifiċi, partikolarment għal profili sensittivi ta' riskju.

(7) Hemm il-bżonn li jiġu simplifikati u jiżdiedu l-fondi minimi ta' garanzija eżistenti, b'mod partikolari bħala riżultat ta' inflazzjoni fil-livelli ta' pretensjoni u l-ispejjeż operazzjonali mill-adozzjoni oriġinali tagħhom. L-egħtiebi li fuqhom ir-rata tal-perċentwali l-iktar baxxa tapplika għad-determinazzjoni tal-ħtieġa tal-likwidità tal-marġini fuq il-bażi ta' premiums u pretensjonijiet għandha wkoll tiżdied kif suppost.

(8) Sabiex jiġu evitati żidiet maġġuri u f' daqqa fl-ammont tal-fondi minimi ta' garanzija u l-egħtiebi fil-futur, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu li jipprovdi għaż-żieda tagħhom flimkien ma' l-indiċi Ewopew ta' prezzijiet tal-konsumaturi.

(9) F'sitwazzjonijiet speċifiċi meta d-drittijiet tat-titolari tal-poloz huma mhedda, hemm il-bżonn li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa jintervienu bi stadju kmieni biżżejjed, imma fl-eżerċizzju ta' dawk il-poteri, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni bir-raġunijiet li jimmotivaw din l-azzjoni ta' sorveljanza, skond il-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u proċess dovut. Sakemm teżisti s-sitwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinżammu milli jiċċertifikaw li l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni għandha marġini suffiċjenti ta' likwidità.

(10) Fid-dawl ta' żviluppi tas-suq fin-natura ta' koperta ta' assigurazzjoni mill-ġdid mixtrija minn assiguraturi primarji, hemm il-bżonn għal awtoritajiet kompetenti li jkollhom is-setgħa jnaqqsu t-tnaqqis għall-ħtieġa tal-marġini ta' likwidità f' ċerti ċirkostanzi.

(11) Meta assiguratur inaqqas sostanzjalment jew iwaqqaf l-iskrizzjoni ta' negozju ġdid, hemm il-bżonn li tiġi stabbilita marġini adegwata ta' likwidità fir-rigward tar-responsabbiltajiet residwi għal negozju eżistenti kif rifless mill-livell ta' dispożizzjonijiet tekniċi.

(12) Għal klassijiet speċifiċi ta' negozju mhux tal-ħajja li huma soġġetti għal profil ta' riskju partikolarment volatili, il-ħtieġa eżistenti tal-marġini ta' likwidità għandha tiżdied sostanzjalment sabiex il-marġini meħtieġa ta' likwidità titqabbel aħjar mal-profil tar-riskju vera tan-negozju.

(13) Sabiex jiġi rifless l-impatt ta' approċi ta' kontabilità u attwarjali differenti, huwa approprjat li jsiru aġġustamenti korrispondenti għall-metodoloġija għall-ħtieġa tal-kalkolu tal-marġini ta' likwidità sabiex tiġi kkalkolata b' mod koerenti u konsistenti, u hekk l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni jitqiegħdu fuq livell ugwali.

(14) Din id-Direttiva għandha tistabilixxi standards minimi għall-ħtiġiet ta' marġini ta' likwidità u Stati Membri lokali għandhom ikunu jistgħu jistabilixxu regoli iktar stretti għal intrapriżi ta' l-assigurazzjoni awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti proprji tagħhom.

(15) Id-Direttiva 73/239/KEE għandha tiġi emendata kif dovut,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 73/239/KEE

Id-Direttiva 73/239/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b dan li ġej:

"1. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal mutual associations li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) l-artikoli ta' assoċjazzjoni għandu jkollhom dispożizzjonijiet biex jissejħu kontribuzzjonijiet addizzjonali jew jitnaqqsu l-benefiċċji tagħhom;

(b) in-negozju tagħhom ma jkoprix riskji ta' responsabbiltà sakemm dawn ma jikkostitwixxux kopertura anċillari fis-sens tal-punt Ċ ta' l-Anness jew riskji ta' kreditu u pleġġ;

(ċ) l-introjtu tal-kontribuzzjoni annwali għall-attivitajiet koperti b'din id-Direttiva m'għandhomx jeċċedu EUR 5 miljun; u

(d) mill-inqas nofs l-introjtu ta' kontribuzzjoni mill-attivitajiet koperti b'din id-Direttiva għandu jiġi minn persuni li huma membri tal-mutual association.

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal intrapriżi li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

- l-intrapriża ma twettaq ebda attività li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva ta' xort'oħra minn dak deskritt fil-klassi 18 fil-punt A ta' l-Anness,

- din l-attività titwettaq esklussivament fuq bażi lokali u tikkonsisti biss f'benefiċċji innatura, u

- l-introjtu annwali totali miġbur fir-rigward ta' l-attività ta' assistenza lil persuni li jiġu f'diffikultajiet ma jeċċedix EUR 200000.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu ma jipprevenux intrapriża ta' l-assigurazzjoni mutual milli tapplika, jew tkompli, tiġi liċenzjata taħt din id-Direttiva";

2. L-Artikolu 16 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 16

1. Kull Stat Membru għandu jeħtieġ minn kull intrapriża ta' l-assigurazzjoni li l-uffiċċju prinċipali tagħha jinstab fit-territorju tiegħu marġini adegwata ta' likwidità fir-rigward tan-negozju kollu tiegħu f'kull ħin, li hi mill-inqas ugwali għall-ħtiġiet f'din id-Direttiva.

2. Il-marġini disponibbli ta' likwidità għandha tikkonsisti fl-assi ta' l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni ħielsa minn kull responsabbiltà prevista, naqqas kull oġġett intanġibbli, inkluż:

(a) l-ishma tal-kapital imħallsa jew, fil każ ta' intrapriża ta' assigurazzjoni mutual, il-fond effettiv inizjali u kull kont tal-membri li jissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(i) il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw li ħlasijiet jistgħu isiru minn dawn il-kontijiet lil membri biss safejn dan ma jikkawżax il-marġini disponibbli ta' likwidità li jaqa' taħt il-livell meħtieġ, jew, wara d-dissoluzzjoni ta' l-intrapriża, jekk id-debiti kollha l-oħra ta' l-intrapriża ġew riżoluti;

(ii) il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw, fir-rigward ta' kull pagament imsemmi fil-punt (i) għal raġunijiet barra mit-terminazzjoni individwali ta' sħubija, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu nnotifikati mill-inqas xahar bil-quddiem u jistgħu jipprojbixxu l-ħlas f' dak il-perjodu;

(iii) id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-memorandum u ta' l-artikoli ta' assoċjazzjoni jistgħu jiġu emendati biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw li ma għandhom ebda oġġezzjoni għall-emenda, mingħajr preġudizzju għall-kriterji msemmija fil-punti (i) u (ii);

(b) riservi (statutorji u b'xejn) li ma jikkorrispondux għal responsabbiltajiet ta' underwriting;

(ċ) il-profitt jew it-telf miġjub 'il quddiem wara tnaqqis ta' dividendi li għandhom jitħallsu.

Il-marġini disponibbli ta' likwidità għandu jitnaqqas bl-ammont ta' ishma proprji miżmuma direttament bill-intrapriża ta' l-assigurazzjoni.

Għal dawk l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni li jagħtu skont jew inaqqsu d-dispożizzjonijiet tekniċi għal pretensjonijiet pendenti biex jieħdu kont ta' introjtu ta' investiment kif permess bl-Artikolu 60(1)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni [7], il-marġini disponibbli ta' likwidità għandu jitnaqqas bid-differenza bejn id-dispożizzjonijiet tekniċi mhux skontati jew id-dispożizzjonijiet tekniċi qabel tnaqqis kif żvelat fin-noti dwar il-kontijiet, u d-dispożizzjonijiet skontati jew tekniċi wara t-tnaqqis. Dan l-aġġustament għandu jsir għar-riskji kollha elenkati fil-punt A ta' l-Anness, ħlief għal riskji elenkati taħt il-klassijiet 1 u 2. Għal klassijiet barra l-1 u 2, ma hemm bżonn isir ebda aġġustament fir-rigward ta' l-iskontar ta' annwitajiet inklużi fid-dispożizzjonijiet tekniċi.

3. Il-marġini disponibbli ta' likwidità jista' wkoll jikkonsisti f':

(a) kapital ta' l-ishma preferenzjali kumulattiv u kapital subordinat ta' self sa 50 % ta' l-inqas tal-marġini disponibbli ta' likwidità u l-marġini meħtieġ ta' likwidità, li mhux iktar minn 25 % minnu għandu jikkonsisti f'self subordinat b' maturità fissa, jew kapital ta' ishma preferenzjali kumulattiv għal terminu fiss, sakemm fil-każ ta' falliment jew likwidazzjoni ta' l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni, ma jeżistuz ftehim ta' rbit li taħthom il-kapital tas-self subordinat jew il-kapital preferenzjali ta' ishma ma jiġix wara l-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħra kollha u m'għandux jitħallas lura sakemm id-debiti l-oħra kollha pendenti f'dak il-ħin ma jiġux riżoluti.

Kapital subordinat ta' self għandu wkoll jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i) biss fondi mħallsa kompletament għandhom jitqiesu;

(ii) għal self b'maturità fissa, il-maturità oriġinali għandha tkun mill-inqas ħames snin. Sa mhux iktar tard minn sena qabel id-data ta' ħlas lura l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti għall-approvazzjoni tagħhom pjan li juri kif il-marġini disponibbli ta' likwidità jinżamm jew jinġjieb għal-livell meħtieġ f'maturità, sakemm il-limitu li għalih is-self jista' joqgħod bħala komponent tal-marġini disponibbli ta' likwidità ma jitnaqqasx gradwalment tul mill-inqas l-aħħar ħames snin qabel id-data ta' ħlas lura. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw il-ħlas lura kmieni ta' dan is-self sakemm issir applikazzjoni mill-intrapriża li toħroġ l-assigurazzjoni u l-marġini dispoibbli tagħha ta' likwidità ma taqax taħt il-livell meħtieġ;

(iii) is-self li l-maturità tiegħu mhijiex iffissata għandu jitħallas lura biss soġġett għal notifika ta' ħames snin sakemm is-self ma jiġix iktar ikkunsidrat bħala komponenti tal-marġini disponibbli ta' likwidità jew sakemm ma jkunx meħtieġ speċifikament il-kunsens minn qabel ta' l-awtoritajiet kompetenti għal ħlas lura kmieni. Fil-każ ta' l-aħħar l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni għandha tinnotifika lill-awtoritajeit kompetenti mill-inqas sitt xhur qabel id-data tal-ħlas lura propost, u tispeċifika l-marġini disponibbli ta' likwidità u l-marġini meħtieġa ta' likwidità kemm qabel u wara dak il-ħlas lura. L-awtoritajeit kompetenti għandhom jawtorizzaw ħlas lura biss jekk il-marġini disponibbli ta' likwidità ta' l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni ma jaqax taħt il-livell meħtieġ;

(iv) il-ftehim tas-self m'għandux jinkludi xi klawżola li tipprovdi li f'ċirkostanzi speċifikati barra mill-egħluq ta' l-intrapriża ta' assigurazzjoni, id-debitu jkun eliġibbli għal ħlas lura qabel id-dati miftiehma ta' ħlas lura;

(v) il-ftehim tas-self jista' jiġi emendat bissa wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw li ma għandhom ebda oġġezzjoni għall-emenda;

(b) titoli b'ebda data ta' maturità speċifikata u strumenti oħra, inklużi ishma preferenzjali kumulattivi barra minn dawk imsemmija fil-punt (a), sa 50 % ta' l-inqas mill-marġini disponibbli ta' likwidità u l-marġini meħtieġa ta' likwidità għat-total ta' dawn it-titoli u l-kapital ta' self subordinat imsemmi fil-punt (a) sakemm jissodisfaw dan li ġej:

(i) ma jistgħux jitħallsu lura fuq l-inizjattiva tal-bearer jew mingħajr kunsens minn qabel ta' l-awtorità kompetenti;

(ii) il-kuntratt tal-ħruġ għandu jippermetti lill-intrapriża ta' l-assigurazzjoni biex tiddiferixxi l-ħlas ta' imgħax fuq is-self;

(iii) il-pretensjonijiet ta' min isellef fuq l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni għandhom ikunu intierament wara dawk tal-kredituri kollha mhux subordinati;

(iv) id-dokumenti li jirregolaw il-ħruġ tat-titoli għandhom jipprovdu għall-kapaċità ta' assorbiment ta' telf tad-debitu u l-imgħax mhux imħallas, waqt li jippermettu lill-intrapriża ta' l-assigurazzjoni tkompli fin-negozju tagħha;

(v) biss ammonti mħallsa kompletament jistgħu jitqiesu.

4. Ma' l-applikazzjoni, mingħajr provi ta' sostenn, mill-intrapriża lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru lokali u bil-ftehim ta' dik l-awtorità kompetenti, il-marġini disponibbli ta' likwidità jista' wkoll jikkonsisti f':

(a) nofs il-kapital ta' l-ishma mhux imħallas jew il-fond inizjali, ladarba l-parti mħallsa tammonta għal 25 % ta' dak il-kapital ta' ismha jew fond, sa 50 % ta' l-inqas tal-marġini disponibbli ta' likwidità u l-marġini meħtieġ ta' likwidità;

(b) fil-każ ta' mutual association jew ta' tip reċiproku b'kontribuzzjonijiet varjabbli, kull pretensjoni li għandha kontra l-membri tagħha permezz ta' sejħa għal kontribuzzjoni supplimentari, fis-sena finanzjarja, sa nofs id-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet massimi u l-kontribuzzjonijiet attwalment imsejħa, u soġġett għal limitu ta' 50 % ta' l-inqas tal-marġini disponibbli ta' likwidità u l-marġini meħtieġa ta' likwidità. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jistabbilixxu linji gwida li jistabilixxu l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu aċċettati kontribuzzjonijiet supplimentari;

(ċ) kull riżerva nett moħbija li toriġina mill-valutazzjoni ta' l-assi, safejn dawn ir-riżervi netti moħbija mhumiex ta' natura eċċezzjonali.

5. Emendi għall-paragrafi 2, 3 u 4 sabiex jieħdu kont ta' żviluppi li jiġġusitifikaw aġġustament tekniku ta' l-elementi eliġibbli għall-marġini disponibbli ta' likwidità, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/675/KEE [8].";

3. L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"L-Artikolu 16a

1. Il-marġini meħtieġ ta' likwidità għandu jiġi determinat abbażi ta' jew l-ammont annwali ta' premiums jew kontribuzzjonijiet, jew tal-piż medju ta' pretensjonijiet għall-aħħar tliet snin finanzjarji.

Fil-każ, madankollu, ta' intrapriżi ta' l-assigurazzjoni li essenzjalment jagħmlu underwriting ta' biss riskju wieħed jew iktar ta' kreditu, maltemp, silġ jew borra, l-aħħar seba' snin finanzjarji għandhom jittieħdu bħala perjodu ta' referenza għall-piż medju ta' pretensjonijiet.

2. Soġġett għall-Artikolu 17, l-ammont ta-marħini meħtieġa ta' likwidità għandu jkun ugwali għall-ogħla miż-żewġ riżultati kif stabbilit fil-paragrafi 3 u 4.

3. Il-bażi tal-premium għandu jiġi kkalkolat bl-użu ta' l-ogħla tal-premiums grossi miktuba jew tal-kontribuzzjoniji kif ikkalkolati taħt, u premiums jew kontribuzzjonijiet grossi mdaħħla.

Premiums jew kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-klassijiet 11, 12 u 13 elenkati fil-punt A ta' l-Anness għandhom jiżdiedu b'50 %.

Il-Premiums jew il-kontribuzzjonijiet (inklużi piżijiet anċillari lil premiums jew kontribuzzjonijiet) dovuti fir-rigward ta' negozju dirett fl-aħħar sena finanzjarja għandhom jiġu aggregati.

Għal din is-somma għandhom jiżdiedu l-ammont ta' premiums aċċettati għar-riassigurazzjoni kollha fl-aħħar sena finanzjarja.

Minn din is-somma għandhom imbagħad jitnaqqsu l-ammont totali ta' premiums jew kontribuzzjonijiet ikkanċellati fl-aħħar sena finanzjarja, kif ukoll l-ammont totali ta' taxxi u imposti li jappartjenu għall-premiums jew kontribuzzjonijiet li jidħlu fl-aggregat.

L-ammont hekk ottenut għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon li jestendi għal EUR 50 miljun, it-tieni li jinkludi l-eċċess; 18 % u 16 % ta' dawn il-porzjonijiet rispettivament għandhom jiġu kkalkolati u magħduda flimkien.

Is-somma hekk ottenuta għandha tiġi mmoltiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma ta' l-aħħar tliet snin finanzjarji bejn l-ammont tal-pretensjonijiet li jibqa' biex tidħol responsabbli għalih l-intrapriża wara t-tnaqqis ta' ammonti rekuperabbli taħt riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-pretenzjonijiet; dan il-proporżjon ma jista' f'ebda każ ikun inqas minn 50 %.

Bl-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, metodi statistiċi jistgħu jintużaw biex jiġu allokati premiums jew kontribuzzjonijiet fir-rigward tal-klassijiet 11, 12 u 13.

4. Il-bażi tal-pretensjonijiet għandha tiġi kkalkolata, kif ġej, bl-użu fir-rigward tal-klassijiet 11, 12 u 13 elenkati fil-punt A ta' l-Anness, ta' pretensjonijiet, dispożizzjonijiet u rkupri miżjuda b'50 %.

L-ammonti ta' pretensjonijiet imħallsa fir-rigward ta' negozju dirett (mingħajr ebda tnaqqis ta' pretensjonijiet li jidħlu responsabbli għalihom assiguraturi mill-ġdid u retroċessjonarji) fil-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aggregati.

Għal din is-somma għandhom jiżdiedu l-ammont ta' pretensjonijiet fir-rigward ta' assigurazzjonijiet mill-ġdid jew retroċessjonijiet aċċettati tul l-istess perjodi u l-ammont ta' dispożizzjonijiet għal pretensjonijiet pendenti stabbiliti fl-aħħar ta' l-aħħar sena finanzjarja kemm għal negozju dirett u għal aċċettazzjonijiet ta' riassigurazzjoni.

Minn din is-somma għandu jitnaqqas l-ammont ta' rkupri effettwati tul il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1.

Mis-somma li mbagħad jibqa', għandhom jitnaqqsu l-ammont ta' dispożizzjonijiet għal pretensjonijiet pendenti stabbiliti fil-bidu tat-tieni sena finanzjarja li tippreċedi l-aħħar sena finanzjarja li hemm kontijiet għaliha, kemm għal negozju dirett u għal aċċettazzjonijiet ta' assigurazzjoni mill-ġdid. Jekk il-perjodu ta' referenza stabbilit fil-paragrafu 1 huwa ugwali għal seba' snin, l-ammont ta' dispożizzjonijiet għal pretensjonijiet pendenti stabbilit fil-bidu tas-sitt sena finanzjarja li tippreċedi l-aħħar sena finanzjarja li għaliha hemm kontijiet għandu jitnaqqas.

Terz, jew wieħed minn sebgħa, ta' l-ammont hekk ottenut, skond il-perjodu ta' referenza stabbilit fil-paragrafu 1, għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel jestendi sa EUR 35 miljun u t-tieni li jinkudi l-eċċess: 26 % u 23 % ta' dawn il-porzjonijiet ripsettivament għandhom jiġu kkalkolati u miżjuda flimkien.

Is-somma hekk ottenuta għandha tiġi mmultipplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma ta' l-aħħar tliet snin finanzjarji bejn l-ammont ta' pretensjonijiet li jibqa' biex tidħol responsabbli għalih l-intrapriża wara tnaqqis ta' ammonti rekuperabbli taħt riassigurazzjoni u l-ammont gross ta' pretensjonijiet; dan il-porzjon ma jista' f'ebda każ ikun inqas minn 50 %.

Bl-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, jistgħu jintużaw metodi statistiċi biex jiġu allokati pretensjonijiet, dispożizzjonijiet u rkurpi fir-rigward tal-klassijiet 11, 12 u 13. Fil-każ ta' riskji elenkati taħt il-klassi 18 fil-punt A ta' l-Anness, l-ammont ta' pretensjonijiet imħallsa użat għall-kalkolu tal-bażi tal-pretensjonijiet għandu jkun l-ispejjeż li tidħol responsabbli għalihom l-intrapriża fir-rigward ta' assistenza mogħtija. Dawn l-ispejjeż għandhom jiġu kkalkolati skond id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru lokali.

5. Jekk il-marġini meħtieġ ta' likwidità kif ikkalkolat fil-paragrafi 2, 3 u 4 huwa iktar baxx mill-marġini meħtieġa ta' likwidità tas-sena ta' qabel, il-marġini meħtieġa ta' likwidità għandu jkun għall-inqas ekwivalenti għall-marġini meħtieġa ta' likwidità tas-sena ta' qabel immoltipplikat bil-proporzjon ta' l-ammont ta' dispożizzjonijiet tekniċi għal pretensjonijiet pendenti fl-aħħar ta' l-aħħar sena finanzjarja u l-ammont tad-dispożizzjonijiet tekniċi għal pretensjonijiet pendenti fil-bidu ta' l-aħħar sena finanzjarja. F'dawn il-kalkoli dispożizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu kkalkolati netti mir-riassigurazzjoni imma l-proporzjon ma jista' f'ebda każ ikun ogħla minn 1.

6. Il-frazzjonijiet applikabbli għall-porzjonijiet imsemmija fis-sitt subparagrafu tal-paragrafu 3 u s-sitt paragrafu tal-paragrafu 4 għandhom kull wieħed jitnaqqsu għal terz fil-każ ta' assigurazzjoni tal-ħajja pprattikata fuq bażi teknika simili għal dik ta' assigurazzjoni tal-ħajja, jekk

(a) il-premiums imħallsa huma kkalkolati abbażi tat-tabelli tal-mard skond il-metodu matematiku applikat fl-assigurazzjoni;

(b) tiġi stabbilita dispożizzjoni għaż-żieda ta' l-età;

(ċ) premium addizzjonali huwa miġbur sabiex jiġi stabbilit marġini ta' sigurtà ta' ammont approprjat;

(d) l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni tista' tikkanċella l-kuntratt qabel l-aħħar tat-tielet sena ta' l-assigurazzjoni fl-iktar tard;

(e) il-kuntratt jipprovdi għall-possibiltà li jiżdiedu l-premiums jew jitnaqqsu l-pagamenti anke għal kuntratti kurrenti";

4. L-Artikolu 17 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 17

1. Terz mill-marġini meħtieġ ta' likwidità kif speċifikat fl-Artikolu 16a għandu jikkostitwixxi l-fond ta' garanzija. Dan il-fond għandu jikkonsisti f'partiti elenkati fl-Artikolu 16(2), (3) u, bil-ftehim ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru lokali, (4)(ċ).

2. Il-fond ta' garanzija ma jistax ikun inqas minn EUR 2 miljun. Meta, madankollu, ftit mir-riskji jew ir-riskji kollha inklużi f'wieħed mill-klassijiet 10 sa 15 elenkati fil-punt A ta' l-Anness huma koperti, għandu jkun EUR 3 miljun.

Kull Stat Membru jista' jipprovdi għal kwart mit-tnaqqis tal-fond minimu ta' garanzija fil-każ ta' assoċjazzjonijiet reċirpoċi u assoċjazzjonijiet ta' tip reċiproku";

5. L-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit

"L-Artikolu 17a

1. L-ammonti f'euro kif stabbilit fl-Artikolu 16a(3) u (4) u l-Artikolu 17(2) għandhom jiġu riveduti annwalment mill-20 ta' Settembru 2003 sabiex jittieħed kont ta' bidliet fl-indiċi Ewropew ta' prezzijiet tal-konsumatur li jinkludu l-Istati Membri kollha kif ippubblikat mill-Ewrostat.

L-ammonti għandhom jiġu adattati awtomatikament billi jiżdied l-ammont bażi f'euro bil-kambju tal-perċentwali f'dak l-indiċi tul il-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u d-data ta' reviżjoni u jiġi arrotondit għal multiplu ta' EUR 100000.

Jekk il-bidla fil-perċentwali mill-aħħar adattament hija inqas minn 5 %, ebda adattament m'għandu jseħħ.

2. Il-Kummissjoni għandha tinforma annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-reviżjoni u bl-ammonti adattati msemmija fil-paragrafu 1";

6. fl-Artikolu 20(2), l-espressjoni "L-Artikolu 16(3)" għandha tiġi sostitwita bl-espressjoni "L-Artikolu 16a";

7. l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"L-Artikolu 20a

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poter jeħtieġu pjan finanzjarju ta' rkupru għal dawk l-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni meta l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li d-drittijiet tat-titolari tal-poloz huma mhedda. Il-pjan finanzjarju ta' rkupru għandu bħala minimu jinkludi dettalji jew prova li tikkonċerna għat-tliet snin li ġejjin:

(a) stimi ta' spejjeż ta' amministrazzjoni, b'mod partikolari spejjeż kurrenti ġenerali u kommissjonijiet;

(b) pjan li jistabbilixxi stimi dettaljati ta' dħul u infiq fir-rigward ta' negozju dirett, aċċettazzjonijiet ta' assigurazzjoni mill-ġdid u ċessjonijiet ta' assigurazzjoni mill-ġdid;

(ċ) balance sheet ta' previżjoni;

(d) stimi tar-riżorsi finanzjarji intiżi biex ikopru responsabbiltajiet ta' underwriting u l-marġini ta' likwidità meħtieġa;

(e) il-politika globali ta' assigurazzjoni mill-ġdid.

2. Meta d-drittijiet tat-titolari tal-poloz huma mhedda minħabba li l-pożizzjoni finanzjarja ta' l-intrapriża qed tiddeterjora, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poter jobbligaw lill-intrapriżi ta' l-assigurazzjoni biex ikollhom marġini ogħla ta' likwidità meħtieġ, sabiex jiġi assigurat li l-intrapriża ta' l-assigurazzjoni tkun tista' tissodisfa l-ħtiġiet ta' likwidità fil-futur qarib. Il-livell ta' din il-marġini ogħla ta' likwidità meħtieġa għandu jkun ibbażat fuq il-pjan finanzjarju ta' rkupru msemmi fil-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poter jirrivalutaw 'l isfel l-elementi kollha eliġibbli għall-marġini ta' likwidità disponibbli, b'mod partikolari, meta kien hemm bidla sinifikanti fil-valur tas-suq ta' dawn l-elementi minn l-aħħar ta' l-aħħar sena finanzjarja.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-poter inaqqsu t-tnaqqis, ibbażat fuq assigurazzjoni mill-ġdid, għall-marġini ta' likwidità kif determinat skond l-Artikolu 16a fejn:

(a) in-natura jew il-kwalità ta' kuntratti ta' assigurazzjoni mill-ġdid tbiddlu b'mod sinifikanti mill-aħħar sena finanzjarja;

(b) ma hemm ebda trasferiment ta' riskju jew wieħed insinifikanti tatħ il-kuntratti ta' assigurazzjoni mill-ġdid.

5. Jekk l-awtoritajiet kompetenti ħtieġu pjan ta' rkupru finanzjarju għall-intrapriża ta' assigurazzjoni skond il-paragrafu 1, għandhom joqogħdu lura milli joħorġu ċertifikat skond l-Artikolu 10(3), it-tieni subparagrafu ta' din id-Direttiva, l-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE (it-tieni Direttiva ta' assigurazzjoni mhux tal-ħajja) [9] u l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE (it-tielet Direttiva ta' l-assigurazzjoni mhux tal-ħajja) [10], sakemm jikkunsidraw li d-drittijiet tat-titolari tal-poloz huma mhedda fis-sens tal-paragrafu 1."

L-Artikolu 2

Perijodu transitorju

1. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil intrapriżi ta' l-assigurazzjoni li fid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva jipprovdu assigurazzjoni fit-territorji tagħhom fi klassi waħda jew iktar minn dawk imsemmija fl-Anness mad-Direttiva 73/239/KEE, perjodu ta' ħames snin, li jibda bid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, sabiex jikkonformaw mal-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil kull intrapriża msemmija fil-paragrafu 1, li ma l-iskadenza tal-perjodu ta' ħames snin ma tkunx stabbiliet kompletament il-marġini ta' likwidità meħġtieġ, perjodu ulterjuri li ma jeċċedix sentejn biex jagħmlu dan sakemm dawn l-intrapriżi, skond l-Artikolu 20 tad-Direttiva 73/239/KEE, ikunu ssottomettew għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti l-miżuri li huma jipproponu li jieġdu għal dan l-iskop.

L-Artikolu 3

It-Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw sa l-20 ta' Settembru 2003 fl-iktar tard il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-riferenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-ewwel japplikaw għas-sorveljanza ta' kontijiet għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta' Jannar 2004 jew tul dik is-sena kalendarja.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

4. Sa mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 2007, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, jekk neċessarju, dwar il-bżonn għal armonizzazzjoni ulterjuri. Ir-rapport għandu jindika kif Stati Membri għamlu użu mill-possibbiltajiet f'din id-Direttiva, u, b'mod partikolari, jekk il-poteri ta' diskrezzjoni mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza rriżultawx f'differenzi maġġuri ta' sorveljanza fis-suq singolu.

L-Artikolu 4

Id-Dħul fis-seħħ

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-5 ta' Marzu 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

R. De Rato Y Figaredo

[1] ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 129.

[2] ĠU C 193, ta' l-10.7.2001, p. 16.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 228, tas-16.8.1973, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, ta' l-20.7.2000, p. 65).

[5] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 27).

[6] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 32.

[7] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 7.

[8] ĠU L 374, tal-31.12.1991, p. 32.

[9] ĠU L 172, ta' l-4.7.1988, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 181, ta' l-20.7.2000, p. 65).

[10] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 27).

--------------------------------------------------