32002D0772



Official Journal L 283 , 21/10/2002 P. 0001 - 0004


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-25 ta' Ġunju u tat-23 ta' Settembru 2002

li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, Anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom

(2002/772/KE, Euratom)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 190(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u partikolarment Artikolu 108(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-abbozz mill-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tal-membri għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali għandu jkun emendat biex jiffaċilita li l-membri jkunu eletti b'vot dirett universali bi qbil mal-prinċipji komuni għall-Istati Membri kollha waqt li jħalli li l-Istati Membri jkunu ħielsa li japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom fir-rigward ta' l-aspetti li ma humiex irregolati b'din id-Deċiżjoni.

(2) Biex ittejjeb il-leġibilità ta' l-Att kif emendat b'din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom ikunu innumerati mill-ġdid, b'hekk jipproduċu test aktar ċar u kkonsolidat,

STABBILIXXA d-dispożizzjonijiet li ġejjin li hu jirrakkomanda lill-Istati Membri għall-adozzjoni bi qbil mal-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

Artikolu 1

L-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti lejn il-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom [3], (minn hawn il-quddiem irreferutt bħala "l-Att tal-1976"), huwa b'hekk emendat bi qbil ma dan artikolu.

1. Fl-Att ta' l-1976, bl-eċċezzjoni ta' Artikolu 13, il-kliem "rappreżentant" jew "rappreżentant fil-Parlament Ewropew" għandhom ikunu mibdula bi "membru tal-Parlament Ewropew".

2. Artikolu 1 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 1

1. F'kull Stat Membru, membri tal-Parlament Ewropew għandhom ikunu eletti fuq il-bażi ta' rapreżentanza proporzjonali, bl-użu tas-sistema ta' lista jew tal-vot wieħed trasferibbli.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw votazzjoni ibbażata fuq sistema ta' lista preferenzjali bi qbil mal-proċedura li huma jadottaw.

3. L-elezzjonijiet għandhom ikunu b'vot dirett universali u għandhom ikunu ħielsa u sigrieti."

3. Artikolu 2 għandu jkun mibdul bl-Artikoli segwenti:

"Artikolu 2

Bi qbil mas-sistwazzjoni nazzjonali speċifika, kull Stat Membru jista jistabbilixxi kostitwenti għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew jew jissuddividi iż-żona elettorali tiegħu f'maniera differenti, mingħajr ma ġeneralment jaffettwa n-natura proporzjonali tas-sistema tal-votazzjoni.

Artikolu 2A

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu minimu għall-allokazzjoni ta' siġġijiet. F'livell nazzjonali dan il-limitu ma jistax jeċċedi 5 fil-mija tal-voti mitfuha.

Artikolu 2B

Kull Stat Membru jista jistabbilixxi limitu massimu għall-ispejjeż tal-kampanja elettorali tal-kandidati."

4. Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 għandu jkun imħassar u l-paragrafi 2 u 3 għandhom isiru l-paragrafi 1 u 2;

(b) fil-paragrafu 1 il-ġdid, il-kliem "Dan il-perijodu ta' ħames-snin" ghandhom ikunu mibdula bi "It-terminu ta' ħames snin li għalih il-membri tal-Parlament Ewropew huma eletti";

(ċ) fil-paragrafu 2 il-ġdid, ir-referenza lejn "il-paragrafu 2" għandha tkun mibdula b'referenza lejn "il-paragrafu 1".

5. Artikolu 4(2) għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"2. Il-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet applikabbli lilhom bis-saħħa tal-Protokoll tat-8 ta' April 1965 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej."

6. Artikolu 5 għandu jkun imħassar.

7. Artikolu 6 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1:

(i) fit-tmiem tat-tielet subinċiż, il-kelmiet "jew fil-Qorti tal-Prima Istanza" għandhom jiġu miżjuda;

(ii) bejn it-tielet u r-raba' subinċiżi preżenti, is-subinċiż segwenti għandu jkun miżjud:

"— membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ċentrali Ewropew,";

(iii) bejn ir-raba' u l-ħames subinċiżi preżenti, is-subinċiż segwenti għandu jkun miżjud:

"— Ombudsman tal-Komunitajiet Ewropej,";

(iv) fil-ħames subinċiż preżenti, il-kliem "membru tal-Kumitat Konsultattiv tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jew" għandhom ikunu mħassra;

(v) fis-sitt subinċiż preżenti, il-kliem "Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar" għandhom ikunu mħassra;

(vi) it-tmien subinċiż preżenti għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— uffiċjal jew impjegat attiv ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropew jew tal-korpi speċjalizzati marbuta magħhom jew tal-Bank Ċentrali Ewropew.";

(b) wara l-paragrafu 1, il-paragrafu segwenti għandu jkun miżjud u l-paragrafi 2 u 3 preżenti għandhom isiru l-paragrafi 3 u 4:

"2. Mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004, l-uffiċċju ta' membru tal-Parlament Ewropew għandu jkun inkompattibli ma dak ta' membru tal-Parlament nazzjonali.

Bħala derogazzjoni minn dik ir-regola u mingħajr preġudizzju lejn il-paragrafu 3:

- membri tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż li huma eletti lejn il-Parlament Ewropew f'votazzjoni sussegwenti jistgħu jkollhom mandatt doppju sa l-elezzjoni li tmiss tal-Parlament Nazzjonali Irlandiż, meta allura l-ewwel sub-paragrafu ta' dan il-paragrafu jsir applikabbli;

- membri tal-Parlament tar-Renju Unit li huma wkoll membri tal-Parlament Ewropew ma tul it-terminu ta' ħames snin li jippreċiedu l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2004 jistgħu jkollhom mandat doppju sa l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2009, meta l-ewwel sub-paragrafu ta' dan il-paragrafu għandu jkun applikabbli.",

(ċ) fil-paragrafu 3 l-ġdid il-kliem "jistabbilixxi" għandhom ikunu mibdula bi "jestendi" u r-referenza lejn Artikolu 7(2) għandha tkun mibdula b'referenza lejn "Artikolu 7";

(d) fil-paragrafu 4 il-ġdid, "il-paragrafi 1 u 2" għandha tkun mibdula bi "il-paragrafi 1, 2 u 3".

8. Artikolu 7 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 7

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, il-proċedura elettorali għandha tkun regolata f'kull Stat Membru bid-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu.

Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jistgħu, jekk xieraq, jieħdu akkont tas-sitwazzjoni speċifika fl-Istati Membri, m'għandhomx jaffettwaw in-natura proporzjonali essenzjali tas-sistema tal-votazzjoni."

9. Artikolu 9 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-kliem "fid-data stabbilita" għandhom ikunu mibdula bi "fid-data u l-ħinijiet stabbiliti";

(b) fil-paragrafu 2, il-kliem "L-għadd tal-voti ma jistax jibda" għandhom ikunu mibdula bi "L-Istati Membri ma jistgħux uffiċjalment jippubblikaw ir-riżultati ta' l-għadd tagħhom";

(ċ) il-paragrafu 3 għandu jkun imħassar;

10. Artikolu 10 għandu jkun emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 1, il-kliem "perijodu li hemm referenza għalih fartikolu 9(1)" għandhom ikunu mibdula bi "perijodu elettorali";

(b) fit-tieni sub-paragrafu tal-paragrafu 2, il-kliem "jiddettermina perijodu ieħor li m'għandux ikun aktar minn xhar wieħed qabel" għandhom ikunu mibdula bi "jiddetermina, mill-anqas xhar wieħed qabel it-tmiem tat-terminu ta' ħames snin li hemm hemm referenza għalih f'Artikolu 3, perijodu elettorali ieħor li m'għandux ikun aktar minn xharejn qabel";

(ċ) fil-paragrafu 3, il-kliem "lejn Artikolu 22 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar" għandhom ikunu mħassra, il-kliem "Il-Komunità Ekonomika Ewropea" għandhom ikunu mibdula bi "Il-Komunità Ewropea", u l-kliem "il-perijodu li hemm referenza għalih f'Artikolu 9(1)" għandhom ikunu mibdula bi "il-perijodu elettorali".

11. F'Artikolu 11, il-kliem "Sakemm tidħol fis-seħħ il-proċedura elettorali uniformi li hemm referenza għaliha f'Artikolu 7(1)" għandhom ikunu mħassra.

12. Artikolu 12 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 12

1. Siġġu li jispiċċa vojt meta l-mandat ta' membru tal-Parlament Ewropew jispiċċa bħala riżultat ta' riżenja, mewt jew tneħħija ta' dak il-mandatt.

2. Suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan l-Att, kull Stat Membru jista jistabbilixxi l-proċeduri xierqa għall-mili ta' kwalunkwe siġġu li jispiċċa vojt ma tul it-terminu ta' ħames snin tal-offiċċju li hemm referenza għalih f'Artikolu 3 għall-kumplament ta' dak il-perijodu.

3. Meta l-liġi ta' Stat Membru tgħamel dispożizzjoni espliċita għat-tneħħija tal-mandatt ta' membru tal-Parlament Ewropew, dak il-mandatt għandu jispiċċa permezz ta' dawk id-dispożizzjonijiet legali. L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw lil-Parlament Ewropew b'dan.

4. Meta siġġu jsir vojt bħala riżultat ta' riżenja jew mewt, il-President tal-Parlament Ewropew għandu immedjatament jinforma b'dan lil-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru konċernat."

13. Artikolu 14 għandu jkun imħassar.

14. Artikolu 15 għandu jkun mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 15

Dan l-Att huwa mħejji fil-lingwi Danis, Olandiż, Inglis, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Griek, Irlandiz, Taljan, Portugiż, Spanjol u Svediż, it-test f'kull waħda minn dawn il-lingwi huwa ugwalment awtentiku.

Annesi II u III għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan l-Att."

15. Anness I għandu jkun imħassar.

16. F'Anness III, id-dikkjarazzjoni mill-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun imħassra.

Artikolu 2

1. Artikoli ta' u l-Annessi ta' l-Att tal-1976, kif emendati b'din id-Deċiżjoni, għandhom ikunu innumerati mill-ġdid bi qbil mat-tabella ta' ekwivalenza stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, li għandu jifforma parti integrali tagħha.

2. Ir-referenzi mill- u għall-Artikoli ta' u l-Annessi ta' l-Att tal-1976 għandhom b'konsegwenza jkunu addattati. L-istess għandu japplika f'dak li jirrigwardja referenzi għal dawk l-artikoli u s-sub-diviżjonijiet tagħhom li jinstabu fit-Trattati tal-Komunità.

3. Ir-referenzi għall-artikoli ta' l-Att tal-1976 li jinsabu fi strumenti jew atti oħra għandhom jinfthiemu bħala referenzi għall-artikoli ta' l-Att tal-1976 kif innumerati mill-ġdid bis-saħħa tal-paragrafu 1 u, rispettivament, il-paragrafi ta' dawk l-artikoli, kif innumerati mill-ġdid b'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1. L-emendi li hemm referenza għalihom f'Artikoli 1 u 2 għandhom ikollhom effett fl-ewwel jum tax-xhar li jsegwi l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni mill-Istati Membri, bi qbil mal-ħtiġiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bit-twettiq tal-proċedura nazzjonali tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta' Ġunju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Matas I Palou

Magħmula fi Brussel, it-23 Settembru 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Fischer Boel

[1] ĠU Ċ 292, tal- 21.9.1998, p. 66.

[2] L-Opinjoni mogħtija fit-12 Ġunju 2002 (li għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[3] ĠU L 278, tat-8.10.1976, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Tabella ta' ekwivalenzi li hemm referenza għaliha f'Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom tal-25 ta' Ġunju u tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda l-Att li jikkonċerna l-elezzjoni tar-rapreżentanti għall-Parlament Ewropew b'vot dirett universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom

Kif kien numerat | Kif numerat mill-ġdid |

Artikolu 1 | Artikolu 1 |

Artikolu 2 | Artikolu 2 |

Artikolu 2A | Artikolu 3 |

Artikolu 2B | Artikolu 4 |

Artikolu 3 | Artikolu 5 |

Artikolu 4 | Artikolu 6 |

Artikolu 5 (imħassar) | - |

Artikolu 6 | Artikolu 7 |

Artikolu 7 | Artikolu 8 |

Artikolu 8 | Artikolu 9 |

Artikolu 9 | Artikolu 10 |

Artikolu 10 | Artikolu 11 |

Artikolu 11 | Artikolu 12 |

Artikolu 12 | Artikolu 13 |

Artikolu 13 | Artikolu 14 |

Artikolu 14 (imħassar) | - |

Artikolu 15 | Artikolu 15 |

Anness I (imħassar) | - |

Anness II | Anness I |

Anness III | Anness II |

--------------------------------------------------