32002D0358



Official Journal L 130 , 15/05/2002 P. 0001 - 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tal-25 ta’ April 2002

dwar l-approvazzjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u t-twettiq konġunt ta’ l-obbligi tiegħu

(2002/358/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u, b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) flimkien ma’ l-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu, u l-Artikolu 300(3), l-ewwel subpara/grafu tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) L-għan aħħari tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ("il-Konvenzjoni"), li kienet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/KE tal-15 ta’ Diċembru 1993, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima [3], huwa li tinkiseb l-istabbilizzazzjoni tal-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet li jikkawżaw l-effett serra fl-atmosfera, f’livell li ma jħallix interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika.

(2) Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, fl-ewwel sessjoni tagħha, ikkonkludiet illi l-impenn tal-pajjiżi żviluppati li jimmiraw li jirritornaw, flimkien jew b’mod konġunt, l-emissjonijiet tagħhom tad-diossidu tal-karbonju u ta’ gassijiet oħra li jipproduċu l-effett serra, u li m’humiex kontrollati mill-Protokoll ta’ Montreal tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tas-Saff ta’ l-Ożonju, għal-livelli ta’ l-1990 sas-sena 2000, ma kienx biżżejjed biex jinkisbu l-għanjijiet fuq tul ta’ żmien tal-Konvenzjoni li tipprevjeni interferenza antropoġenika perikoluża mas-sistema klimatika. Il-Konferenza qablet ukoll li tibda proċess sabiex tippermetti li tittieħed azzjoni xierqa għall-perijodu ta’ wara l-2000, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ protokoll jew ta’ strument legali ieħor [4].

(3) Dan il-proċess irriżulta fl-adozzjoni fil-11 ta’ Diċembru 1997 tal-Protokoll ta’ Kyoto fil-Qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ("il-Protokoll"). [5].

(4) Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni, fir-raba’ sessjoni tagħha, iddeċidiet li tadotta l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Buenos Aires, biex jintlaħaq ftehim dwar l-implimentazzjoni ta’ elementi ewlenin tal-Protokoll fis-sitt sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet. [6].

(5) Il-qbil dwar l-elementi l-aktar importanti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Buenos Aires, sar permezz ta’ konsensus mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tkomplija tas-sitt sessjoni tagħha f’Bonn mid-19 sas-27 ta’ Lulju 2001. [7].

(6) Firxa ta’ deċiżjonijiet li jdaħħlu fis-seħħ il-Ftehim ta’ Bonn, ġew adottati b’konsensus mill-Konferenza tal-Partijiet fis-sebaÌ sessjoni tagħha f’Marrakech mid-29 ta’ Ottubru sa l-10 ta’ Novembru 2001 [8].

(7) Il-Protokoll, taħt l-Artikolu 24, hu miftuħ għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni mill-Istati u mill-organizzazzjonijiet dwar l-integrazzjoni ekonomika reġjonali li ffirmawh.

(8) Il-Protokoll, taħt l-Artikolu 4, jipprovdi biex il-Partijiet iwettqu l-obbligi li għandhom taħt l-Artikolu 3 b’mod konġunt, u biex jaħdmu fi ħdan fil-qafas ta’, u flimkien ma’ organizzazzjoni dwar l-integrazzjoni ekonomika reġjonali.

(9) Meta l-Protokoll ġie ffirmat fi New York fid-29 ta’ April 1998, il-Komunità ddikjarat li hi, flimkien ma’ l-Istati Membri tagħha, kienu se jwettqu l-obbligi rispettivi tagħhom taħt l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll b’mod konġunt skond l-Artikolu 4 tiegħu.

(10) Waqt li ddeċiedew li jwettqu l-obbligi tagħhom b’mod konġunt skond l-artikolu 4 tal-Protokoll ta’ Kyoto, il-Komunità u l-Istati Membri huma responsabbli b’mod konġunt, taħt il-paragrafu 6 ta’ dak l-artikolu u skond l-artikolu 24(2) tal-Protokoll, għat-twettiq mill-KomunitaÌ tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet b’mod kwantifikat, skond l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll. Konsegwentement, u skond l-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-Istati Membri, individwalment u kollettivament, għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri xierqa kollha, ġenerali jew partikolari, biex jassiguraw it-twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-azzjoni meħuda mill-Istituzzjonijiet tal-Komunità, li jinkludu l-impenn tal-Komunità li tnaqqas l-emissjonijiet b’mod kwantifikat taħt il-Protokoll, biex ikun faċilitat it-twettiq ta’ din l-impenn u biex jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq ta’ dan l-impenn.

(11) Il-bażi legali ta’ kull Deċiżjoni oħra dwar l-approvazzjoni mill-Komunità ta’ obbligi futuri fir-rigward tat-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet, se tiġi stabbilita mill-kontenut u mill-effett ta’ dik id-Deċiżjoni.

(12) Il-Kunsill qabel mal-kontribuzzjonijiet ta’ kull Stat Membru għall-impenn biex ikun hemm tnaqqis ġenerali mill-Komunità fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 1998 [9]. Ċerti Stati Membri esprimew assunzjonijiet dwar emissjonijiet bażiċi fis-sena u politika u miżuri kordinati. Il-kontribuzzjonijiet huma differenzati biex jittieħed kont i.a. ta’ l-aspettattivi għat-tkabbir ekonomiku, it-taħlit ta’ l-enerġija u ta’ l-istruttura industrijali ta’ l-Istati Membri rispettivi. Il-Kunsill qabel ukoll, li t-termini tal-ftehim għandhom jiġu inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill ma’ l-approvazzjoni tal-Protokoll mill-Komunità. L-Artikolu 4(2) tal-Protokoll jirrikjedi li l-Komunità u l-Istati Membri tagħha jinfurmaw lis-Segretarjat, stabbilit mill-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, dwar it-termini ta’ dan il-ftehim fid-data tad-depożitu ta’ l-istrumenti tagħhom ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni. Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom l-obbligu li jieħdu miżuri sabiex jippermettu lill-Komunità twettaq l-obbligi tagħha taħt il-Protokoll mingħajr preġudizzju għar-responsabbilità li kull Stat Membru għandu lejn il-KomunitàÌ u lejn l-Istati Membri l-oħra biex iwettaq l-obbligi tiegħu.

(13) L-emissjonijiet tal-KomunitàÌ fis-sena bażi u ta’ l-Istati Membri tagħha m’humiex se jiġu stabbiliti b’mod definit qabel id-dħul fis-seħħ tal-Protokoll. Kif dawn l-emissjonijiet bażiċi għal sena jiġu stabbiliti b’mod definittiv, u, l-aktar tard qabel jibda l-perijodu ta’ l-obbigu, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jistabbilixxu dawn il-livelli ta’ emissjonijiet f’termini ekwivalenti għal tunnellati metriċi ta’ diossidu tal-karbonju skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/389/KEE ta’ l-24 ta’ Ġunju ta’ 1993 għall-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet tal-KomunitaÌ ta’ CO2 u ta’ gassijiet oħra li jikkawżaw l-effett serra. [10].

(14) Il-Kunsill Ewropew ta’ Gotenburg tal-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 tenna d-determinazzjoni tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-obbligi tagħhom taħt il-Protokoll, u stqarr li l-Kummissjoni se tipprepara proposta għar-ratifika qabel tmiem l-2001, u b’hekk tagħmilha possibbli għall-Komunità u għall-Istati Membri li jilħqu l-obbligi tagħhom malajr sabiex jirratifikaw il-Protokoll.

(15) Il-Kunsill Ewropew ta’ Laeken ta’ l-14 u l-15 ta’ Diċembru 2001 ikkonferma d-determinazzjoni ta’ l-Unjoni li tonora l-impenn tagħha taħt il-Protokoll ta’ Kyoto u x-xewqa tagħha li l-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ qabel is-Sammit Dinji ta’ Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, mis-26 ta’ Awissu sa l-4 ta’ Settembru 2002.

(16) Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottatati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implementattivi mogħtija lill-Kummissjoni. [11],

ADDOTTADIN ID-DEĊIZJONI

Artikolu 1

Il-Protokoll ta’ Kyoto dwar il-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima ("il-Protokoll") iffirmat fid-29 ta’ April 1998 fi New York qiegħed jiġi approvat hawnhekk f’isem il-KomunitaÌ Ewropea.

It-test tal-Protokoll jinsab fl-Anness I.

Artikolu 2

Il-KomunitaÌ Ewropea u l-Istati Membri tagħha, għandhom iwettqu l-obbligi li huma marbuta bihom taħt l-Artikolu 3(1) tal-Protokoll b’mod konġunt, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 tiegħu u b’attenzjoni sħiħa għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-KomunitaÌ Ewropea.

L-obbligi dwar il-limitazzjonijiet u t-tnaqqis kwantifikat ta’ emissjonijiet maqbula bejn il-KomunitaÌ Ewropea u l-Istati Membri bl-għan li jiġu stabbiliti l-livelli rispettivi ta’ emissjonijiet allokati għal kull wieħed minnhom għall-ewwel perijodu ta’ limitazzjonijiet u tnaqqis kwantifikat ta’ emissjonijiet, mill-2008 sa l-2012, huma mniżżla fl-Anness II.

Il-KomunitaÌ Ewropea u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jikkonformaw mal-livelli ta’ emissjonijiet li jinsabu fl-Anness II, kif stabbilit skond l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 u skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Deċiżjoni, tistabbilixxi l-livelli ta’ emissjonijiet allokati lill-KomunitaÌ Ewropea u lil kull Stat Membru rispettivament, f’termini ta’ tunnellati metriċi ta’ diossidu tal-karbonju skond il-figuri ta’ emissjonijiet definittivi għas-sena bażi, u fuq il-bażi ta’ obbligi fuq il-limiti u t-tnaqqis kwantifikat ta’ emissjonijiet li jinsabu fl-Anness II, skond il-metodoloġiji għall-istima ta’ l-emissjonijiet antropoġeniċi mill-għejun u t-tneħħija permezz ta’ sinks li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5(2) tal-Protokoll u l-modalitajiet għall-kalkolu ta’ l-ammont assenjat skond l-Artikoli 3(7) u (8) tal-Protokoll.

L-ammont assenjat lill-KomunitaÌ Ewropea u lil kull Stat Membru għandu jkun ugwali għal-livell ta’ emissjoni rispettiv, determinat skond dan l-Artikolu.

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat istitwit bl-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 93/389/KEE.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 5

1. Il-President tal-Kunsill hawnhekk qiegħed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li għandhom il-poter li jinnotifikaw, f’isem il-KomunitaÌ Ewropea, din id-Deċiżjoni lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima skond l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll.

2. Il-President tal-Kunsill hawnhekk qiegħed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li għandhom il-poter li jiddepożitaw, fl-istess data tan-notifika li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, l-istrument ta’ aprovazzjoni, mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti skond l-Artikolu 24(1) tal-Protokoll, sabiex jesprimi l-kunsens tal-KomunitàÌ li timpenja ruħha.

3. Il-President tal-Kunsill hawnhekk qiegħed jiġi awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li għandhom il-poter li jiddepożitaw, fl-istess data tan-notifika li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1, id-dikjarazzjoni tal-kompetenza imniżżla fl-Anness III, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 24(3) tal-Protokoll.

Artikolu 6

1. Meta jiddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni tal-Protokoll tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fl-istess ħin u f’isimhom stess, din id-Deċiżjoni lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil tal-Klima skond l-Artikolu 4(2) tal-Protokoll.

2. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni tagħhom fl-istess ħin ma’ dawk tal-Komunità Ewropea u ta’ l-Istati Memrbi l-oħra, u sa fejn ikun possibbli, mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2002.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2002 dwar id-deċiżjoni tagħhom li jirratifikaw jew li japprovaw il-Protokoll jew, skond iċ-ċirkostanzi, dwar id-data probabbli tat-tkomplija tal-proċeduri meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri, tiffissa data għad-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni, fl-istess ħin.

Artikolu 7

Dan id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fil-25 ta’April 2002.

F’isem il-Kunsill

Il-President

M. Rajoy Brey

[1] ĠU C 75 E, 26.03.2002, p. 17.

[2] Opinjoni mogħtija fis-6 ta’ Frar 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali).

[3] ĠU L 33, 07.02.1994, p. 11.

[4] Deċiżjoni 1/CP.1: "Il-Mandat ta’ Berlin: Reviżjoni ta’ l-adekwatezza ta’ l-Artikolu 4, paragrafu 2(a) u (b), tal-Konvenzjoni, inkluż il-proposti relatati mal-protokoll u deċiżjonijiet dwar dak li għandu jsir".

[5] Deċiżjoni 1/CP.3: "Adozzjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto għall-Konvenzjoni Kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima".

[6] Deċiżjoni I/CP.4: "Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Buenos Aires."

[7] Deċiżjoni 5/CP.6: "L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Buenos Aires".

[8] Deċiżjoni 2-24/CP.7: "Il-Ftehim ta’ Marrakech".

[9] Dok. 9702/98 tad-19 ta’ Ġunju 1998 tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea li jirrifletti dak li ħareġ mill-eventwalitajiet tal-Kunsill ta’ l-Ambjent tas-16-17 ta’ Ġunju 1998, l-Anness I.

[10] ĠU L 167, tad-9.7.1993, p. 31. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 1999/296/EC (ĠU L 117, tal-5.5.1999, p. 35).

[11] ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.

--------------------------------------------------