Official Journal L 003 , 05/01/2002 P. 0053 - 0054
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Diċembru 2001 li tippreskrivi l-metodi għall-identifikazzjoni ġenetika ta’ annimali tat-trobbija ta’ razza pura ta’ annimali bovini u li temenda d-Deċiżjonijiet 88/124/KEE u 96/80/KE (innotifikati bid-dokument numru C(2001) 4709) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (2002/8/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li ikkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li ikkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/504/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 dwar annimali ta’ razza pura ta’ l-annimali bovini [1], kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KEE) Num. 3768/85 [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 6(1) tiegħu, Wara li ikkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 87/328/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1987 dwar l-aċċettazzjoni għal skopijiet ta’ trobbija ta’ annimali tat-trobbija bovini [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, Billi: (1) Id-Direttiva 77/504/KEE tippermetti lill-Kummissjoni tiddetermina l-partikularitajiet li għandhom jidhru fuq iċ-ċertifikati ta’ razza pura. (2) Id-Direttiva 87/328/KEE tippermetti lill-Kummissjoni li tadotta, minbarra l-analiżi tal-grupp tad-demm, metodi adattati oħrajn għall-identifikazzjoni ġenetika ta’ annimali rġiel ta’ razza pura tal = bovini li jkunu ġew aċċettati għal skopijiet ta’ trobbija. (3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 88/124/EEC tal-21 ta’ Jannar 1988 li tippreskrivi l-kampjuni taċ-ċertifikati ta’ razza pura għas-semen u l-embriji ta’ annimali tat-trobbija ta’ razza pura tal-bovini u l-partikularitajiet li jridu jidhru f’dawk iċ-ċertifikati [4] teħtieġ, għaċ-ċertifikazzjoni tas-semen tal-bovini u l-embriji ta’ annimali tat-trobbija ta’ razza pura tal-bovini, dettalji dwar il-gruppi tad-demm tal-baqra donatriċi u l-gendus għalliel. (4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 96/80/KE tat-12 ta’ Jannar 1996, li tippreskrivi l-kampjuni taċ-ċertifikati ta’ razza pura tal-bajd femminili ta’ annimali tat-trobbija tal-bovini u l-partikularitajiet li jridu jidhru fuq dawk iċ-ċertifikati [5], teħtieġ għaċ-ċertifikazzjoni tal-bajd femminili ta’ annimali tat-trobbija ta’ razza pura tal-bovini, dettalji dwar il-grupp tad-demm tal-baqra donatriċi. (5) L-analiżi tal-gruppi tad-demm m’huwiex aktar il-metodu preferut ta’ l-identifikazzjoni ġenetika ta’ l-annimali, u metodi relatati ma’ sett wieħed ta’ kromosomi ta’ organiżmu, b’mod partikulari l-analiżi tad-DNA, huma komunement użati. (6) Għalhekk, għandhom isiru provvedimenti biex jippermettu li ssir ċertifikazzjoni ta’ razza pura ta’ l-annimali tal-bovini tat-trobbija b’mod illi l-użu ta’ metodi ta’ identifikazzjoni ġenetika jagħtu garanziji xjentifiċi ekwivalenti għall-analiżi tal-grupp tad-demm. (7) Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żooteknija, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: L-Artikolu 1 B’żieda ma’ l-analiżi tal-grupp tad-demm, kull test ieħor fuq bażi ta’ l-analiżi b’metodi relatati ma’ sett wieħed ta’ kromosomi ta’ organiżmu, li jipprovdi garanziji ekwivalenti u li jkun speċifiku biżżejjed li jivverifika r-razza pura ta’ annimal b’ċertezza ta’ mill-anqas 99,0 %, huwa approvat għall-identifikazzjoni ta’ annimali tat-trobbija tal-bovini ta’ razza pura. L-Artikolu 2 Id-Deċiżjoni 88/124/EEC hija emendata kif ġej: 1. L-ewwel inċiż f’ l-Artikolu 1 jiġi mibdul b’dan li ġej: "— data aġġornata kif mniżżla f’l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 86/404/KEE li tikkonċerna l-gendus li jipprovdi s-semen kif ukoll il-grupp tad-demm tiegħu jew riżultati tat-testijiet li jipprovdu garanziji xjentifiċi ekwivalenti sabiex tiġi vverifikata r-razza pura,". 2. L-ewwel inċiż f’l-Artikolu 2(1) jiġi mibdul b’dan li ġej: "— data aġġornata kif hemm f’l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 86/404/KEE li tikkonċerna l-baqra donatriċi u l-gendus għalliel kif ukoll il-gruppi tad-demm tagħhom jew riżultati tat-testijiet li jipprovdu garanziji xjentifiċi ekwivalenti li jivverifikaw ir-razza pura tagħhom.". 3. Fil-Kapitlu 1 taċ-Ċertifikat Mudell ta’ Razza Pura f’l-Anness I il-kliem "Grupp tad-demm:…" jiġu mibdula bil-kliem "Grupp tad-demm jew test ekwivalenti approvat skond il-liġijiet tal-Komunità:… (speċifika t-test u r-riżultati)". 4. F’parti A u parti B tal-Kapitlu I taċ-Ċertifikat Mudell ta’ Razza Pura f’l-Anness II il-kliem "Grupp tad-demm:…" jiġu mibdula bil-kliem "Grupp tad-demm jew test ekwivalenti approvat skond il-liġijiet tal-Komunità:… (speċifika t-test u r-riżultati)". L-Artikolu 3 L-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 96/80/KE jiġi mibdul b’dan li ġej: "— data aġġornata kif hemm fl-Artikolu 1tad-Deċiżjoni 86/404/KEE li tikkonċerna l-baqra donatriċi kif ukoll il-grupp tad-demm tagħha jew riżultati tat-testijiet li jipprovdu garanziji xjentifiċi ekwivalenti li jivverifikaw ir-razza pura tagħha," . L-Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Diċembru 2001. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 206, tat-12.8.1977, p. 8. [2] ĠU L 362, tal-31.12.1985, p. 8. [3] ĠU L 167, tas-26.6.1987, p. 54. [4] ĠU L 62, tat-8.3.1988, p. 32. [5] ĠU L 19, tal-25.1.1996, p. 50. --------------------------------------------------