32001R2464



Official Journal L 331 , 15/12/2001 P. 0025 - 0027


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2464/2001

ta’ l-14 ta’ Diċembru, 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid rigward il-mekkaniżmi tas-suq

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2], u partikolarment l-Artikoli 26, 33, 36 u 37 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikoli 52 sa 57 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2047/2001 [4], jipprovdi regoli dwar inbid magħmul minn għeneb ta’ varjetà bi klassifikazzjoni doppja, jiġifieri bħala għeneb għall-inbid u għeneb għal użu ieħor. Dawn ir-regoli għandhom ikunu adattati għas-sitwazzjoni reali li hemm bħalissa fis-suq, u aġġornati.

(2) Ir-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jipprovdi li dik il-parti ta’ l-inbid li mhix meqjusa li hija magħmula b’mod normali għandha tkun distillata. Sabiex jitneħħa kull dubju fl-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jkun hemm tifsira ċara ta’ dik il-kwantità.

(3) Dwar inbid magħmul minn għeneb ta’ varjetà bi klassifikazzjoni doppja, bħala għeneb għall-inbid u għeneb għal produzzjoni ta’ spirti distillati mill-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini, il-kwantià ta’ dak l-inbid li mhix meqjusa li hija magħmula b’mod normali għandha tkun adattata f’ċerti reġjuni u dan biex jittieħed kont tan-nuqqas sewwa fil-produzzjoni ta’ spirti distillati mill-inbid f’dawk ir-reġjuni. Iżda l-applikazzjoni ta’ dak l-adattament għandha tkun tgħodd għal sentejn ta’ l-inbid peress li huwa maħsub li jsir studju fil-fond dwar it-tħaddim ta’ din is-sistema fir-reġjuni konċernati.

(4) Fir-rigward ta’ reġjuni li huma produtturi ewlenin ta’ dawn l-inbejjed u li, minħabba dan, aktarx jiddistillaw kwantitajiet kbar ta’ nbid, sabiex jitħaffef it-tħaddim tas-sistema u l-kontroll fil-Komunità, il-kwantità ta’ inbid għad-distillazzjoni għandha tkun stabbilita fuq livell reġjonali, u li l-mod ta’ l-applikazzjoni sewwa ta’ l-obbligazzjoni li ssir distillazzjoni minn produtturi individwali għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri. F’dak il-każ, ikun għalhekk xieraq, fl-ewwel lok, li d-distillazzjoni m’għandhiex tibda qabel ma l-produzzjoni totali maħsuba ta’ nbid fir-reġjun taqbeż il-kwantità totali li normalment tkun prodotta fir-reġjun, u, fit-tieni lok, sabiex ikun sgurat li din is-sistema l-oħra tkun tista’ tiġi applikata mill-Istati Membri, biex ikun hemm differenza bejn l-għadd ta’ obbligazzjonijiet individwali u l-kwantità reġjonali totali għad-distillazzjoni.

(5) Fl-aħħarnett, xi Artikoli jeħtiġilhom li jerġgħu jinkitbu.

(6) Billi l-miżuri pprovduti mhumiex ta’ ħsara għad-drittijiet ta’ l-operaturi konċernati, u billi jridu jkopru s-sena kollha ta’ l-inbid, huma għandhom ikunu implimentati mill-bidu tas-sena kurrenti ta’ l-inbid.

(7) Il-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid ma tax opinjoni fiż-żmien lilu mogħti mill-president tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

L-Artikoli 52 sa 57 tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huma sostitwiti b’dan li ġej:

"L-Artikolu 52

Tifsira tal-kwantità normalment prodotta

1. Fil-każ ta’ nbid magħmul minn għeneb ta’ varjetà bi klassifikazzjoni doppja, jiġifieri bħala għeneb għall-inbid u għeneb għal użu ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, il-kwantità totali normalment prodotta għandha tkun stabbilita b’referenza għal kull reġjun konċernat.

Il-kwantità totali normalment prodotta għandha tinkludi:

- prodotti ta’ l-inbid maħsuba għall-produzjoni ta’ nbid tal-mejda u nbid tajjeb biex minnu jsir inbid tal-mejda,

- għeneb magħsur qabel ma jeħmer maħsub għall-produzzjoni ta’ konċentrat imsoffi ta’ għeneb magħsur qabel ma jeħmer bil-għan li jtejjeb aktar it-togħma,

- għeneb magħsur qabel ma jeħmer għall-produzzjoni ta’ nbejjed likuri b’denominazzjoni ta’ oriġini,

- prodotti ta’ l-inbid għall-produzzjoni ta’ spirti distillati mill-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini.

Il-perjodu ta’ referenza għandu jkopri s-snin ta’ l-inbid li ġejjin:

- 1974/75 sa l-1979/80 fil-Komunità ta’ Għaxra,

- 1978/79 sa l-1983/84 fi Spanja u fil-Portugal,

- 1988/89 sa l-1993/94 fl-Awstrija.

Iżda fil-każ ta’ nbid magħmul minn għeneb ta’ varjetà bi klassifikazzjoni doppja, bħala għeneb għall-inbid u għeneb għal produzzjoni ta’ spirti distillati mill-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini, il-kwantità totali normalment prodotta fir-reġjun, ikkalkulata għal dak il-perjodu ta’ referenza, għandha titnaqqas bil-kwantitajiet li kienu ttieħdu għal distillazzjoni li ma tipproduċix spirti distillati mill-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini għal dak il-perjodu. Barra dan, meta l-kwantità normalment prodotta fir-reġjun tkun aktar minn 5 miljun el, din il-kwantità totali normalment prodotta għandha titnaqqas b’1,4 miljun el għas-snin ta’ l-inbid 2001/02 u 2002/03.

2. Fir-reġjuni msemmija fil-paragrafu 1, il-kwantità normalment prodotta għal kull ettaru għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri konċernati, u dan billi jkun stabbilit għall-istess perjodu ta’ referenza msemmi f’dak il-paragrafu il-porzjon ta’ nbid magħmul minn għeneb ta’ varjetajiet klassifikati fl-istess unità amministrattiva, kemm bħala varjetajiet ta’ għeneb għall-inbid kif ukoll varjetajiet għal użu ieħor.

Mis-sena ta’ l-inbid 1998/1999 ‘il quddiem, fir-rigward ta’ nbid magħmul minn għeneb ta’ varjetajiet klassifikati fl-istess unita’ amministrattiva, kemm bħala varjetajiet ta’ għeneb għall-inbid u varjetajiet għall-produzzjoni ta’ spirti mill-inbid b’denominazzjoni ta’ oriġini, l-Istati Membri għandhom ikunu awtorizzati li jħallu lill-produtturi li ħadu żjieda ta’ flus fis-sena ta’ l-inbid 1997/98 biex jabbandunaw għal kollox parti miż-żoni tagħhom għat-tkabbir tal-għeneb, kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, biex iżommu, għall-ħames snin ta’ l-inbid wara li jkunu għażqu ż-żoni, il-kwantità normalment prodotta fil-livell milħuq qabel ma għażquhom.

L-Artikolu 53

Tifsira tal-kwantità ta’ nbid għad-distillazzjoni.

1. Il-produtturi kollha li huma obbligati jiddistillaw taħt l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, għandhom jiddistillaw il-kwantità totali tal-produzzjoni tagħhom, maħsuba għall-produzzjoni ta’ l-inbid, wara li jkunu naqqsu l-kwantità tagħhom li tkun normalment prodotta, kif imfisser fl-Artikolu 52(2), u l-kwantità tagħhom li jkunu bagħtu għall-esportazzjoni mill-Komunità matul is-sena ta’ l-inbid in kwistjoni.

B’żjieda ma’ dan, produtturi jistgħu inaqqsu mhux aktar minn 10 el. mill-kwantità għad-distillazzjoni li tirriżulta minn dak il-kalkolu.

2. Meta l-kwantità normalment prodotta tkun aktar minn 5 miljun el, il-kwantità totali ta’ nbid għad-distillazjoni skond l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandha tkun stabbilita mill-Istat Membru għal kull reġjun konċernat. Din għandha tinkludi l-kwantità totali maħsuba biex isir l-inbid wara li titnaqqas il-kwantità totali normalment prodotta, kif imfisser fl-Artikolu 52, u l-kwantità ta’ nbid esportata mill-Komunità fis-sena ta’ l-inbid in kwistjoni.

F’dawk ir-reġjuni:

- l-Istati Membri għandhom iqassmu l-kwantità totali ta’ l-nbid għad-distillazzjoni fir-reġjun konċernat fost il-produtturi ndividwali ta’ l-inbid f’dak ir-reġjun skond kriterji oġġettivi u mingħajr diskriminazzjoni, u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan,

- distillazzjoni għandha tkun awtorizzata biss jekk il-kwantità totali maħsuba biex isir l-inbid in kwistjoni fir-reġjun fis-sena ta’ l-inbid konċernata taqbeż il-kwantità totali normalment prodotta f’dak ir-reġjun,

- għal kull sena ta’ l-nbid għandha titħalla differenza ta’ 200000 ettolitri bejn il-kwantità reġjonali għad-distillazzjoni u l-kwantitajiet individwali miġbura kollha flimkien.

L-Artikolu 54

Dati għal konsenja ta’ nbid għad-distillazzjoni

L-inbid għandu jkun ikkonsenjat lil distillatur approvat mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ l-inbid konċernata.

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-Regolament, l-inbid għandu jkun ikkonsenjat lil produttur approvat ta’ nbid imsaħħaħ għad-distillazjoni mhux aktar tard mill-15 ta’ Ġunju tas-sena ta’ l-inbid konċernata.

Sabiex jitnaqqas l-inbid mill-kwantità għad-distillazzjoni, l-inbid għandu jkun esportat mill-Komunità mhux aktar tard mill-15 ta’ Lulju tas-sena ta’ l-inbid konċernata.

L-Artikolu 55

Prezz tax-xiri

1. Fi żmien tlett xhur mill-konsenja lid-distillerija, id-distillaturi għandhom iħallsu lill-produtturi l-prezz tax-xiri msemmi fl-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għall-kwantità kkonsenjata. Dak il-prezz għandu jgħodd għal merkanzija bil-kwantità meta din toħroġ mill-azjenda tal-produttur.

2. Fil-każ ta’ nbid magħmul minn għeneb ta’ varjetà bi klassifikazzjoni doppja, bħala għeneb għall-inbid u għeneb għal produzzjoni ta’ spirti distillati mill-inbid, skond l-Artikolu 28(3) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, l-Istati Membri jistgħu ivarjaw il-prezz tax-xiri mħallas lill-produtturi, bla ħsara għall-obbligu li ssir distillazzjoni bħala funzjoni tal-prodott għal kull ettaru. Id-dispożizzjonijiet addottati mill-Istati Membri għandhom jisguraw li l-prezz medju fil-fatt imħallas għall-inbid kollu distillat huwa ta’ EUR 1,34/% vol/el.

L-Artikolu 56

Għajnuna fi ħlas lid-distillaturi

L-għajnuna msemmja fl-Artikolu 28(5)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għandha tkun stabbilita skond il-qawwa alkoħolika bil-volum għal kull ettolitru tal-prodott miksub mid-distillazzjoni, skond kif ġej:

(a)alkoħol newtrali | EUR 0,7728 |

(b)spirti distillati mill-inbid, alkoħol puru distillat ta' l-inbid | EUR 0,6401 |

Meta l-prezz tax-xiri jkun jista’ jiġi varjat skond l-Artikolu 55(2), l-għajnuna msemmija fl-ewwel paragrafu għandu jvarja b’ammont ekwivalenti.

Ebda għajnuna m’għandha titħallas għal alkoħol miksub minn kwantitajiet ta’ nbid ikkonsenjati għad-distillazzjoni li jaqbżu 2 % ta’ l-ammont li l-produttur kellu jiddistilla skond l-Artikolu 53 ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikolu 57

Eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni dwar il-moviment ta’ l-inbid

Meta tingħata deroga skond l-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, l-inbid milqut b’dak l-Artikolu jista’ jittieħed:

(a) f’uffiċċju tad-dwana biex jitlestew il-formalitajiet tad-dwana għall-esportazzjoni u wara jinħareġ mit-territorju tad-dwana tal-Komunità, jew

(b) fl-azjenda ta’ produttur approvat ta’ nbid imsaħħaħ għad-distillazzjoni bil-għan li jkun imsaħħaħ."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Awissu, 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 14 ta’ Diċembru, 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

[3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[4] ĠU L 276, tad-19.10.2001, p. 15.

--------------------------------------------------