32001R1282



Official Journal L 176 , 29/06/2001 P. 0014 - 0023


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1282/2001

tat-28 ta’ Ġunju 2001

li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 rigward il-ġbir ta’ informazzjoni sabiex jiġu identifikati l-prodotti tal-inbid u sabiex jiġi sorveljat is-suq tal-inbid u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-176 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fl-inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikoli 23, 33 u 73 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jiddikjara li l-produtturi tal-għeneb ta’ l-inbid u l-produtturi tal-most tal-għeneb u l-inbid huma meħtieġa li jibagħtu prospetti dwar il-ħsad fir-rigward tal-ħsad l-aktar riċenti u li produtturi tal-inbid u tal-most u l-operaturi kummerċjali għajr il-bejjiegħa bl-imnut iridu jiddikjaraw il-ħażniet tagħhom kull sena.

(2) Dak l-Artikolu jistabbilixxi wkoll li l-Istati Membri jistgħu wkoll jeħtieġu li l-bejjiegħa tal-għeneb jiddikjaraw il-kwantitajiet ta’ għeneb mqiegħda fis-suq.

(3) Sabiex jiġu faċilitati l-operazzjonijiet tal-ġestjoni tas-suq, għandu jiġi stabbilit terminu ta’ skadenza sabiex isiru l-prospetti. Minħabba li l-ħsad isir fi żminijiet differenti fl-Istati Membri differenti, it-termini ta’ skadenza għall-prospetti tal-produtturi għandhom ikunu mqassma. Għandu jiġi stabbilit ukoll li għandhom jintbagħtu prospetti mill-operaturi li jbiegħu prodotti ta’ l-inbid qabel id-dati speċifikati għall-prospetti.

(4) Madanakollu, il-produtturi li jistgħu jipprovdu t-tagħrif kollu meħtieġ fi prospett wieħed tal-produzzjoni ta’ l-inbid m’għandhomx għalfejn jagħmlu żewġ prospetti. Produtturi żgħar ħafna jistgħu jiġu eżentati milli jimlew il-prospetti minħabba li l-produzzjoni totali tagħhom tkun tirrappreżenta perċentwal żgħir ħafna tal-produzzjoni Komunitarja.

(5) Sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, id-dettalji li jridu jingħataw fil-prospetti għandhom jiġu stabbiliti f’forma tabulari waqt li l-Istati Membri għandhom jitħallew jiddeċiedu dwar il-forma li fiha l-operaturi jridu jipprovduhom. It-termini ta’ skadenza sa meta l-Istati Membri għandhom jiċċentralizzaw u jibagħtu d-data li jkunu ġabru lill-Kummissjoni u l-mod kif id-data għandha tintbagħat għandu jiġi speċifikat ukoll.

(6) Il-kategorija ta’ "inbejjed oħra" għandha tiġi definita fil-limiti tal-klassifikazzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli li jistgħu jiġu kkultivati fil-Komunità, kif stabbilit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

(7) It-tagħrif li għandu x’jaqsam maż-żoni jista’ ma jkunx preċiż meta d-dikjaranti ma jkollhomx mezzi xierqa ta’ verifika għad-dispożizzjoni tagħhom. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti penalitajiet għal dawn il-każijiet li jkunu jvarjaw skond is-serjetà ta’ l-ineżattezzi fil-prospetti preżentati.

(8) L-arranġamenti tal-penali għandhom jistabbilixxu grad suffiċjenti ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-prospetti sottomessi minn dawk li jkabbru l-għeneb għall-inbid li fihom jinstabu xi nuqqasijiet jew żbalji. Il-penali għandhom għalhekk ivarjaw skond il-korrezzjoni magħmula fil-prospetti.

(9) Il-prospetti tal-ħsad u tal-ħażniet sottomessi mid-diversi partijiet interessati huma fil-preżent l-uniku mezz sabiex ikunu magħrufa l-kwantitajiet ta’ nbid prodott u l-ħażniet ta’ l-inbid. Għaldaqstant għandhom jittieħdu passi xierqa sabiex jiġi żgurat li l-prospetti jiġu preżentati mill-partijiet interessati u li dawn ikunu kompluti u preċiżi billi jiġu stabbiliti penalitajiet meta l-prospetti ma jingħatawx jew ikunu foloz jew mhux kompluti meta preżentati. Sabiex jiġi faċilitat l-ipproċessar tad-data għar-rigward tal-prospetti ppreżentati f’dipartiment amministrattiv kompetenti għandhom jitqiesu separatament mill-oħrajn li l-istess produttur jista’ jkun ppreżenta f’dipartimenti amministrattivi oħrajn fl-Istat Membru.

(10) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2392/86 [3], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1631/98 [4], jipprovdi għall-istabbiliment ta’ reġistru tad-dwieli tal-Komunita. L-Istati Membri li jkollhom reġistru sħiħ għandhom jitħallew jużaw ċerta data minn dak ir-reġistru jekk il-prospetti ma jipprovduhomx.

(11) Ċertu tagħrif dwar is-suq tal-inbid għandu jkun disponibbli sabiex jiġi żgurat li jkun jista’ jiġi sorveljat. Minbarra d-data mogħtija fis-sommarji tad-diversi prospetti, it-tagħrif dwar il-provvisti ta’ l-inbid, l-utilizzazzjoni u l-prezzijiet huwa essenzjali. Għaldaqstant jinħtieġ li l-Istati Membri jiġbru dan it-tagħrif u jibagħtuh lill-Kummissjoni f’ċerti dati fissi.

(12) F’dan ir-rigward wieħed għandu jiftakar li, sabiex tiġi żgurata sorveljanza effettiva tas-suq u sabiex jitħallew isiru tbassir tal-budget ta’ min joqgħod fuqhom fi żmien tajjeb, id-dati stabbiliti sabiex tintbagħat l-informazzjoni għandhom jiġu mħarsa.

(13) Bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza meħtieġa bejn il-penali stabbiliti f’dan ir-Regolament u dawk stabbiliti bl-istess mod fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [5], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 545/2001 [6], dak ir-Regolament għandu jiġi emendat u l-penali għandhom jiġu adattati kif mistħoqq,

(14) Il-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolment huma b’mod koformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għar-rigward il-ġbir tat-tagħrif sabiex jiġu identifikati l-prodotti tal-inbid u sabiex jiġi sorveljat is-suq ta’ l-inbid għandhom ikunu kif stabbilit f’dan ir-Regolament.

Il-KAPITOLU I Prospetti dwar il-ħsad

L- Artikolu 2

1. Il-persuni naturali jew ġuridiċi jew gruppi ta’ persuni bħal dawn li jaħsdu l-għeneb, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejjħa "ħassada", għandhom kull sena jissottomentu lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri prospett tal-ħsad għad-dipartiment amministrattiv speċifikat, li jkun fih it-tagħrif speċifikat fit-Tabella A u, fejn xieraq, it-Tabella B ta’ l-Anness ta’ dan.

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-preżentazzjoni ta’ prospett wieħed għal kull azjenda.

2. Dawn li ġejjin m’humiex meħtieġa jissottomettu prospett tal-ħsad:

(a) il-ħassada li l-produzzjoni tal-għeneb kollha tagħhom tkun maħsuba għall-konsum mhux proċessat jew għat-tnixxif jew għall-ipproċessar direttament f’meraq tal-għeneb;

(b) il-ħassada li l-impriżi tagħhom jkopru inqas minn 1000 metru kwadru ta’ żona bid-dwieli, li l-ebda parti mill-ħsad tagħhom ma tkun tqiegħdet jew tkun sejra titqiegħed fuq is-suq f’ebda forma;

(ċ) il-ħassada li l-impriżi tagħhom ikopru inqas minn 1000 metru kwadru ta’ żona bid-dwieli u li jikkunsinnaw il-produzzjoni maħsuda tagħhom kollha lill-kooperattiva tal-fabbrika ta’ l-inbid jew lill-grupp li minnu jifformaw parti jew li miegħu huma assoċjati. F’dan il-każ il-ħassada għandhom jipprovdu lill-kooperattiva tal-fabbrika ta’ l-inbid jew lill-grupp bi prospett li jispeċifika:

(i) il-kunjom, l-isem u l-indirizz ta’ min ikabar l-għeneb għall-inbid;

(ii) il-kwantità ta’ għeneb kunsinnat;

(iii) id-daqs u lok taż-żoni bid-dwieli partikolari.

Il-kooperattiva tal-fabbrika ta’ l-inbid jew il-grupp għandhom jivverifikaw l-eżattezza tad-data mogħtija f’fdan il-prospett billi jqabblu mat-tagħrif li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

3. Minkejja l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw minn l-Artikolu 4, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu li jissottomettu prospetti tal-ħsad:

(a) il-ħassada li jipproċessaw huma stess il-ħsad tal-għeneb kollu tagħhom f’inbid jew li jqabbdu lil ħaddieħor biex jipproċessah għalihom;

(b) il-ħassada li huma assoċjati ma’ jew li jappartjenu lil kooperattiva jew grupp ta’ l-inbejjed li jikkunsinnaw il-ħsad kollu tagħhom lil dik il-koperattiva jew grupp ta’ l-inbejjed bħala għeneb u/jew most, inklużi l-ħassada msemmija f’ l-Artikolu 4(4).

L- Artikolu 3

Iż-żona li għandha titniżżel fil-prospett msemmi f’ l-Artikolu 2 għandha tkun iż-żona bid-dwieli fil-produzzjoni tad-dipartiment amministrattiv speċifikat mill-Istat Membru.

Il-KAPITOLU II Prospetti ta’ produzzjoni, trattament u/jew tqegħid fis-suq

L- Artikolu 4

1. Il-persuni naturali jew ġuridiċi jew grupp ta’ dawn il-persuni, inklużi l-kooperattivi ta’ l-inbejjed, li mill-ħsad tas-sena kurrenti jkunu produċew l-inbid u/jew iżommu, fid-dati speċifikati f’ l-Artikolu 11(1), prodotti oħra għajr inbid għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti nominati mill-Istati Membri prospett tal-produzzjoni għal kull sena li jkun fih ta’ mill-inqas it-tagħrif speċifikat fit-Tabella Ċ ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2. L-Istati Membri jistħu jistabbilixxu li l-persuni naturali jew ġuridiċi jew gruppi ta’ dawn il-persuni, inklużi l-kooperattivi ta’ l-inbejjed li, qabel id-dati speċifikati f’ l-Artikolu 11(1), ikunu trattaw u/jew qiegħdu fis-suq prodotti upstream ta’ l-inbid għas-sena tas-suq korrenti għandhom jissottomettu lill-awtoritajiet kompetenti prospett tat-trattament u/jew tat-tqegħid fis-suq li jkun fih ta’ mill-inqas it-tagħrif speċifikat fit-Tabella Ċ.

3. Il-ħassada msemmija f’ l-Artikolu 2(2) u l-produtturi li jiksbu, permezz tal-qlib tal-meraq ta’ prodotti mixtrija f’inbid fuq il-fond tagħhom, inqas minn 10 ettolitri ta’ inbid li ma jkunx tpoġġa fuq is-suq jew li ma jkunx sejjer jitpoġġa fuq is-suq f’ebda forma m’għandhomx ikunu meħtieġa jissottomettu prospett tal-produzzjoni jew, fejn applikabbli, prospett tat-trattament jew tat-tqegħid fuq is-suq.

4. Għandha tingħata wkoll eżenzjoni mill-obbligu li jiġi preżentat prospett tal-produzzjoni lill-ħassada li jiffurmaw parti minn jew li huma assoċjati ma’ kooperattiva fabbrika ta’ l-inbid li hija meħtieġa tissottometti prospett, li jikkunsinnaw il-produzzjoni tal-għeneb tagħhom lil dik il-fabbrika ta’ l-inbid imma jirriservaw id-dritt li jiksbu permezz tal-qlib tal-meraq tal-għeneb f’inbid kwantità ta’ inbid ta’ inqas minn 10 ettolitri għall-konsum tal-familja tagħhom.

5. Fil-każ ta’ persuni jew gruppi naturali jew ġuridiċi ta’ persuni bħal dawn li jqiegħdu fis-suq prodotti ta’ l-inbid upstream, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-produtturi li huma meħtieġa jissottomettu l-prospetti tagħhom jkunu jistgħu jiksbu d-data li jridu jniżżlu fil-prospett.

L- Artikolu 5

Minkejja l-Artikolu 4, l-Istati Membri li, skond ir-Regolament (KEE) Nru 2392/86, stabbilixxiew reġistru tad-dwieli aġġornat kull sena jew strumenti ta’ kontroll amministrattivi simili jistgħu jeħilsu lill-persuni naturali jew ġuridiċi, gruppi ta’ persuni bħal dawn jew ħassada msemmija f’dak l-Artikolu mill-obbligu li jiddikjaraw iż-żona.

F’każijiet bħal dawn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom huma stess jimlew il-prospetti msemmija f’dak l-Artikolu billi jindikaw iż-żona fuq il-bażi tad-data fir-reġistru.

Il-KAPITOLU III Prospetti ta’ ħażniet

L- Artikolu 6

1. Kull sena l-persuni naturali jew ġuridiċi jew gruppi oħra ta’ persuni bħal dawn għajr konsumaturi privati u bejjiegħa bl-imnut għandhom jiddikjaraw il-ħażniet ta’ most tal-għeneb, most tal-għeneb konċentrat, most tal-għeneb konċentrat u rettifikat u nbid miżmum minnhom fl-31 ta’ Lulju lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Għar-rigward tal-prodotti ta’ l-inbid tal-Komunità, prospetti bħal dawn m’għandhomx jinkludu dawk miksuba mill-għeneb maħsud fl-istess sena kalendarja.

Madanakollu, l-Istati Membri fejn il-produzzjoni annwali ta’ l-inbid ma taqbiżx il-25000 ettolitri jistgħu jeżentaw lin-negozjanti l-oħra għajr bejjiegħa bl-imnut milli jżommu ħażniet żgħar mill-obbligu li jsiru l-prospetti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu jekk l-awtoritajiet kompetenti jkunu f’pożizzjoni li jagħtu lill-Kummissjoni evalwazzjoni statistika ta’ dawk il-ħażniet miżmuma fl-Istat Membru.

2. "Bejjiegħ bl-imnut" fit-tifsira tal-paragrafu 1 tfisser kull persuna naturali jew ġuridika jew grupp ta’ persuni bħal dawn li l-attività tan-negozju tagħhom tinkludi l-bejgħ ta’ inbid fi kwantitajiet żgħar direttament lill-konsumatur, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jużaw kantini mgħammra għall-ħażna u t-tqandil ta’ l-inbid fi kwantitajiet kbar.

Il-kwantitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu stabbiliti minn kull Stat Membru wara li jiġu meqjusa b’mod partikolari il-karatteristiċi speċjali tal-kummerċ u tad-distribuzzjoni.

3. Il-prospett imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi ta’ mill-inqas l-informazzjoni speċifikata fit-Tabella D fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Il-KAPITOLU IV Dispożizzjonijiet komuni

L- Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom iħejju l-formoli ta’ mudell għad-diversi prospetti u għandhom jiżguraw li dawn il-formoli jkun fihom ta’ mill-inqas l-oġġetti speċifikati fit-Tabelli A, B, Ċ u D ta’ l-Anness.

Il-formoli msemmija hawn fuq m’għandhomx għalfejn jinkludu referenza espliċita għaż-żona jekk l-Istat Membru jkun kapaċi jistabbilixxi dan b’ċertezza mit-tagħrif l-ieħor li jinsab fil-prospett, bħaż-żona tal-produzzjoni u l-ħsad totali ta’ l-azjenda, jew fir-reġistru tad-dwieli.

It-tagħrif li jinsab fil-prospetti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jiġi ċentralizzat fuq livell nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jadottaw kull miżura ta’ kontroll meħtieġa sabiex jiżguraw l-eżattezza tal-prospetti.

Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’ dawn il-miżuri u għandhom jibagħtu l-formoli ta’ mudell mfassla skond l-ewwel subparagrafu.

2. L-Istati Membri li ż-żoni bid-dwieli tagħhom m’humiex ikbar minn 100 ett u li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom:

- xi ftit mit-tagħrif li jrid jidher fil-prospetti msemmija fil-Kapitoli I u II minn atti amministrattivi oħrajn jistgħu jħallu l-prospetti vojta f’dan ir-rigward;

- it-tagħrif kollu li jrid jidher fil-prospetti msemmija fil-Kapitoli I u II minn atti amministrattivi oħra jistgħu jeħilsu lill-operaturi mill-obbligu li jissottomettu dawn il-prospetti.

L-Istati Membri li għalihom il-Kapitoli I u II tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 ma japplikawx skond l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament u li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom:

- xi ftit mit-tagħrif li jrid jidher fil-prospetti msemmija fil-Kapitolu III minn atti amministrattivi oħra jistgħu jħallu l-prospetti vojta f’dan ir-rigward,

- it-tagħrif kollu li jrid jidher fuq il-prospetti msemmija fil-Kapitolu III minn atti amministrattivi oħra jistgħu jeħlisu lill-operaturi mill-ħtieġa li jissottomettu dawn il-prospetti.

L- Artikolu 8

Għall-iskopijiet tal-mili tal-prospetti msemmija f’ l-Artikoli 2 u 4, "inbejjed oħra" tfisser inbejjed miksuba minn għeneb tal-varjetajiet elenkati fil-klassifikazzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli mfassla mill-Istati Membri skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għall-istess dipartiment amministrattiv bħal ma huma l-varjetajiet ta’ għeneb għall-inbid u, skond kif ikun il-każ, il-varjetajiet ta’ għeneb tal-mejda, il-varjetajiet għall-produzzjoni ta’ għeneb mqadded jew varjetajiet għall-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku mill-inbid.

Madanakollu, għall-iskopijiet tal-prospett li għalih issir referenza f’ l-Artikolu 4, "inbejjed oħra" skond it-tifsira ta’ l-ewwel subparagrafu biss tfisser inbejjed maħsuba għall-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku mill-inbid b’deskrizzjoni ta’ oriġini reġistrata jew inbid maħsub għad-distillazzjoni obbligatorja kif imsemmi f’ l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999.

L- Artikolu 9

Il-kwantitajiet ta’ prodotti li jridu jiġu mniżżla fil-prospetti stabbiliti f’ l-Artikoli 2, 4 u 6 għandhom jiġu espressi f’ettolitri ta’ inbid. Il-kwantitajiet ta’ most tal-għeneb ikkonċentrat u most tal-għeneb ikkonċentrat u rettifikat mniżżla fil-prospetti msemmija f’ l-Artikolu 4 għandhom jiġu espressi bħala ettolitri ta’ dawn il-prodotti.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-kwantitajiet fil-prospetti msemmija f’ l-Artikolu 2 iridu jiġu espressi bħala qnatar minflok f’ettolitri.

Sabiex jinqalbu l-kwantitajiet ta’ prodotti oħra għajr l-inbid f’ettolitri ta’ nbid, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu koeffiċjenti li jistgħu jvarjaw bi kriterji oġġettivi differenti li jkollhom effett fuq il-konverżjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-koeffiċjenti lill-Kummissjoni flimkien mas-sommarju provdut f’ l-Artikolu 14.

Il-kwantità ta’ nbid li trid tiddaħħal fil-prospetti tal-produzzjoni stabbiliti f’ l-Artikolu 4 għandha tkun il-kwantità totali miksuba mat-tlestija tal-fermentazzjoni alkolika prinċipali, inkluż il-fond ta’ l-inbid.

L- Artikolu 10

Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa ebda dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri dwar prospetti tal-ħsad, tal-produzzjoni, tat-trattament u/jew tqegħid fis-suq jew ta’ ħażna li jipprovdu għall-provvista ta’ tagħrif aktar sħiħ, u b’mod partikolari billi jiġu milquta firxa aktar wiesgħa ta’ persuni minn dawk imsemmija f’ l-Artikoli 2, 4 u 6.

L- Artikolu 11

1. Il-prospetti msemmija f’ l-Artikoli 2 u 4 għandhom jiġu sottomessi sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Diċembru. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data jew dati aktar kmieni. Jistgħu wkoll jistabbilixxu data meta jitqiesu l-kwantitajiet miżmuma għall-iskopijiet tal-prospett.

2. Il-prospetti msemmija f’ l-Artikolu 6 għandhom isiru sa mhux aktar tard mill-10 ta’ Settembru għar-rigward tal-kwantitajiet miżmuma fil-31 ta’ Lulju. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data jew dati aktar kmieni.

Il-KAPITOLU V Penali

L- Artikolu 12

Il-persuni li huma meħtieġa jissottomettu l-prospetti tal-ħsad, tal-produzzjoni, tat-tqegħid fis-suq u/jew trattament jew ħażna li ma jissottomettux dawn il-prospetti sad-dati stabbiliti f’ l-Artikolu 11 m’għandhomx, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri, jikkwalifikaw għall-miżuri stabbiliti f’ l-Artikoli 24, 29, 30, 34 u 35 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 għas-sena ta’ l-inbid in kwestjoni jew għas-sena ta’ l-inbid ta’ wara.

Madankollu, jekk it-termini ta’ skadenza speċifikati fl-ewwel paragrafu jinqabżu b’mhux aktar minn ħames ġranet tax-xogħol dan għandu jwassal għal tnaqqis ta’ 15 % biss fl-ammonti mħallsa għas-sena tal-inbid in kwestjoni u tnaqqis ta’ 30 % jekk dawk it-termini ta’ skadenza jinqabżu b’mhux aktar minn 10 ġranet tax-xogħol.

L- Artikolu 13

1. Il-persuni li huma meħtieġa jissottomettu l-prospetti tal-ħsad, tal-produzzjoni, tat-tqegħid fis-suq u/jew trattament jew ħażna li jissottomettu prospetti li jinstabu li m’humiex kompluti jew mhux eżatti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkwalifikaw biss għall-miżuri msemmija f’ l-Artikoli 24, 29, 30, 34 u 35 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jekk id-dettalji li jkunu neqsin jew mhux eżatti ma jkunux essenzjali għall-applikazzjoni tajba ta’ dawk il-miżuri.

2. Minbarra f’każijiet ta’ forza maġġuri, meta l-prospetti msemmija f’dan ir-Regolament jinstabu li m’humiex kompluti jew m’humiex eżatti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri u meta t-tagħrif nieqes jew mhux eżatt ikun essenzjali għall-applikazzjoni tajba tal-miżuri in kwestjoni, l-Istat Membru jista’ japplika l-penali li ġejjin, irrispettivament minn kull penali nazzjonali applikati:

(a) fil-każ tal-miżuri msemmija f’ l-Artikoli 24, 34 u 35 tar- Regolament (KE) Nru 1493/1999, l-għajnuna għandha titnaqqas:

- bl-istess perċentwal bħall-aġġustament tal-perċentwal li jkun sar għall-kwantità ddikjarata, meta dak l-aġġustament ikun 5 % jew inqas,

- bid-doppju tal-perċentwal ta’ l-aġġustament li jkun sar lill-kwantità ddikjarata, meta dak l-aġġustament ikun aktar minn 5 % imma mhux aktar minn 20 %.

La din l-għajnuna u lanqas dik għas-sena ta’ l-inbid li ġejja m’għandha tingħata meta l-aġġustament magħmul lill-kwantità ddikjarata jkun aktar minn 20 %.

Meta l-iżball misjub fil-prospett ikun jirriżulta minn tagħrif mogħti minn operaturi oħra u/jew assoċjati li l-ismijiet tagħhom huma mniżżla fid-dokumenti meħtieġa u dik l-informazzjoni ma tistax tiġi verifikata a priori mid-dikjarant, l-għajnuna għandha titnaqqas biss bil-perċentwal ta’ l-aġġustament li jkun sar;

(b) fil-każ tal-miżuri msemmija f’ l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999, meta l-inbid ikkunsinnat għad-distillazzjoni jkun għadu ma ġiex imħallas, il-prezz li jrid jitħallas mid-distillatur lill-produttur li jagħmel il-prospett għandu jiġi mnaqqas skond kif ġej:

- bl-istess perċentwal bħall-aġġustament li sar lill-volum iddikjarat, f’termini ta’ perċentwal, meta dak l-aġġustament ikun ta’ 5 % jew inqas,

- bid-doppju tal-perċentwal ta’ l-aġġustament li sar lill-volum iddikjarat, meta dak l-aġġustament huwa aktar minn 5 % imma mhux aktar minn 20 %.

La dawn il-prezzijiet u lanqas dawk għas-sena ta’ l-inbid li ġejja m’għandhom jiġu mħallsa meta l-aġġustament li jsir għall-kwantità jkun ta’ aktar minn 20 %.

Meta l-iżball li jinstab fil-prospett jirriżulta minn tagħrif fornit minn operaturi oħra u/jew assoċjati li l-ismijiet tagħhom huma mniżżla fid-dokumenti meħtieġa u dak it-tagħrif ma jistax jiġi verifikat a priori mid-dikjarant, l-għajnuna għandha titnaqqas biss bil-perċentwal ta’ l-aġġustament li jkun sar.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġustaw l-għajnuna li trid titħallas lid-distillatur f’proporzjon mal-prezz imħallas lill-produttur.

3. Meta l-għajnuna msemmija taħt il-paragrafu 2(a) tkun diġà ġiet imħallsa, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirkupraw l-għajnuna żejda mħallsa, magħduda ma’ l-interessi skond ir-rata kurrenti fl-Istat Membru mid-data tal-ħlas tal-għajnuna sa ma’ jiġi rkuprat. Kull ammont żejjed imħallas bil-quddiem fuq l-għajnuna miksuba taħt ir-regoli li japplikaw għandu jitħallas lura lill-aġenzija kompetenti, flimkien ma’ l-interessi skond ir-rata kurrenti ta’ l-Istat Membru mid-data tal-ħlas bil-quddiem sa meta jiġi rkuprat.

Il-KAPITOLU VI Il-komunikazzjonijiet li għandhom isiru mill-Istati Membri

L- Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’ dati li jippermettu li jsiru l-komunikazzjonijiet msemmija f’ l-Artikolu 16:

(a) sommarju nazzjonali tal-prospetti tal-produzzjoni msemmija f’ l-Artikolu 4 u, fejn xieraq, il-koeffiċjenti wżati sabiex jinqalbu l-kwantitajiet ta’ prodotti oħra għajr l-inbid minn qnatar għal ettolitri ta’ inbid fid-diversi reġjuni ta’ produzzjoni;

(b) sommarju nazzjonali tal-prospetti tal-ħażna stabbiliti fl-Artikolu 6;

(ċ) stima għas-sena tas-suq kurrenti tal-volum mistenni tal-prodotti ta’ l-inbid miksuba ft-territorju tagħhom;

(d) evalwazzjoni għas-sena tas-suq kurrenti ta’ dawk id-dettalji li jippermettu li ssir stima tal-provvisti tal-prodotti ta’ l-inbid u l-kwantitajiet użati fit-territorju tagħhom;

(e) rapport proviżorju dwar is-sena tas-suq preċedenti u rapport finali dwar is-sena tas-suq ta’ qabel din.

L- Artikolu 15

1. Bil-għan li jiġu reġistrati l-prezzijiet, l-Istati Membri, ħlief għal dawk li għalihom il-Kapitoli I u II tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 ma japplikawx skond l-Artikolu 21 ta’ dak ir-Regolament, għandhom jidentifikaw żoni ta’ produzzjoni li jikkonsistu f’reġjuni ta’ tkabbir tal-għeneb għall-inbid fejn il-produzzjoni hija ta’ natura uniformi suffiċjenti.

2. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw is-swieq f’ kull żona fejn il-prezzijiet għandhom jiġu reġistrati.

3. Kull 14-il jum, il-prezziijet ta’ l-inbejjed tal-mejda ħomor u bojod mingħajr indikazzjoni ġeografika u l-kwantità mqiegħda fis-suq għandhom jiġu reġistrati f’dawk is-swieq permezz ta’ mezzi approprjati.

4. Il-prezzijiet imsemmija hawn fuq għandhom ikunu dawk għal oġġetti mhux ippakkjati kif joħorġu mill-fond tal-produttur.

L- Artikolu 16

1. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Settembru u t-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ l-inbid kurrenti, l-estimi msemmija f’ l-Artikolu 14(ċ) tal-kwantità mistennija tal-prodotti ta’ l-inbejjed miksuba fuq it-territorju tagħhom;

(b) sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru, is-sommarju tal-prospetti tal-ħażna msemmija f’ l-Artikolu 14(b);

(ċ) sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru, l-evalwazzjonijiet msemmija f’ l-Artikolu 14(d) ta’ dawk id-dettalji li jippermettu li jiġu evalwati provvisti tal-prodotti ta’ l-inbid u l-kwantitajiet użati fuq it-territorju tagħhom;

(d) sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Novembru, ir-rapport provviżorju dwar is-sena ta’ l-inbid ta’ qabel u sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu, ir-rapport finali għas-sena ta’ l-inbid ta’ qabel dik imsemmija f’ l-Artikolu 14(e). Dawk ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Eurostat, l-Uffiċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej;

(e) sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar, is-sommarju tal-prospetti tal-produzzjoni msemmi f’ l-Artikolu 14(a) jew stima ta’ dak is-sommarju. Meta tintbagħat stima, għandu jintbagħat riżultat definittiv sa mhux aktar tard mill-15 ta’ April.

In-notifiki permezz ta’ l-e-mail għandhom jiġu konfermati permezz ta’ kunsinna bil-posta sat-termini ta’ skadenza hawn fuq imsemmija, kif jidher mit-timbru tal-posta.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a) qabel l-1 ta’ Awissu 2001:

- id-dimarkazzjoni ta’ l-oqsma tal-produzzjoni stabbiliti,

- l-istima tal-produzzjoni tar-reġjunijiet li jiffurmaw dawn iż-żoni ta’ produzzjoni għall-ħames snin ta’ l-inbid preċedenti,

- l-ismijiet tas-swieq magħżula f’żona fejn il-prezzijiet iridu jiġu reġistrati.

- l-arranġamenti adottati għar-reġistrazzjoni tal-prezzijiet;

(b) kull ħmistax nhar ta’ Tlieta mill-1 ta’ Awissu 2001, il-prezzijiet u l-kwantitajiet mqiegħda fuq is-suq, flimkien ma’ xi tagħrif ieħor meqjus bħala utli għall-evalwazzjoni ta’ l-iżviluppi fis-suq fl-oqsma ta’ produzzjoni;

(ċ) kull tibdil fid-dettalji msemmija fl-ewwel u t-tielet inċiż tal-punt (a).

Il-KAPITOLU VII Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

L- Artikolu 17

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-fatti ġodda kollha importanti li huma mistennija li jibdlu sostanzjalment l-evalwazzjoni tal-kwantitajiet disponibbli u l-kwantitajiet użati bbażati fuq tagħrif definittiv għas-snin mogħdija.

L- Artikolu 18

Flimkien ma’ l-użu tagħhom għal skopijiet ta’ statistika, id-data fil-prospetti għandha tintuża għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999. B’mod partikolari, id-data dwar l-analiżi sistematika tal-produzzjoni f’inbejjed tal-mejda, inbejjed ta’ kwalità psr u inbejjed oħra għandhom jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-produtturi skond dak ir-Regolament.

L- Artikolu 19

Il-Kummissjoni għandha tagħmel ċert li l-informazzjoni li tirċievi taħt dan ir-Regolament tkun imqassma sew.

L- Artikolu 20

L-Artikolu 74(4) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000 huwa hawnhekk mibdul b’dan li ġej:

"4. L-aġenzija ta’ intervent għandha tirkupra mingħand il-produttur ammont ugwali għal parti mill-għajnuna jew l-għajnuna kollha mħallsa lid-distillatur f’każijiet meta l-produttur ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fir-regoli tal-Komunita dwar l-operazzjoni tad-distillazzjoni in kwestjoni, għal waħda mir-raġunijiet li ġejin:

(a) nuqqas mill-produttur li jippreżenta l-prospett tal-ħsad, tal-produzzjoni jew tal-ħażna fiż-żmien stabbilit.

L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jiġi stabbilit skond ir-regoli stabbiliti f’ l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1282/2001 [7];

(b) il-preżentazzjoni ta’ waħda mill-prospetti msemmija fil-punt (a) li tinstab mill-awtoritajiet kompetenti li m’hijiex kompluta jew m’hijiex eżatta, meta d-data nieqsa jew li ma tkunx eżatta tkun essenzjali għall-applikazzjoni tal-miżura nvoluta.

L-ammont li jrid jiġi rkuprat għandu jiġi stabbilit skond ir-regoli stabbiliti f’ l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1282/2001;

(ċ) jekk ma jiġux sodisfatti l-obbligi stabbiliti f’ l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 meta n-nuqqas jinstab jew jiġi notifikat lid-distillatur wara l-ħlas tal-prezz minimu fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonjiet preċedenti.

L-għajnuna kollha mħallsa lid-distillatur għandha tiġi rkupata."

L- Artikolu 21

Revoki

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2396/84 [8] u (KE) Nru 1294/96 [9] huwa hawnhekk imħassar.

L- Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ f’ l-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Ġunju 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 4.

[3] ĠU L 208, tal-31.7.1986, p. 1.

[4] ĠU L 210, tat-28.7.1998, p. 14.

[5] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[6] ĠU L 81, tal-21.3.2001, p. 21.

[7] ĠU L 176, tad-29.6.2001, p. 14.

[8] ĠU L 224, tal-21.8.1984, p. 14.

[9] ĠU L 166, tal-5.7.1996, p. 14.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------