32001R0214



Official Journal L 037 , 07/02/2001 P. 0100 - 0111


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2001

tat-12 ta’ Jannar 2001

li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward interventi fis-suq tat-trab tal-ħalib xkumat

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib [1], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1040/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999 issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68 [3] u wkoll, inter alia, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 777/87 [4] li jittratta dwar l-arranġamenti ta' xiri għal ħażna ta' butir u trab tal-ħalib xkumat. Minħabba dawk l-arranġamenti ġodda u fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, ir-regoli dettaljati li jirregolaw l-intervent fis-suq tat-trab tal-ħalib xkumat għandhom ikunu emendati. Biex ikun hemm ċarezza, għalhekk, il-kitba mill-ġdid tar-regolamenti speċifiċi li qabel kienu jirregolaw l-aspetti diversi ta’ interventi, jiġifieri r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2213/76 ta’ l-10 ta’ Settembru 1976 dwar il-bejgħ tat-trab tal-ħalib xkumat minn ħażna pubblika [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2080/96 [6], (KEE) Nru 1362/87 tat-18 ta’ Mejju 1987 li jippreskrivi regolamenti dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 777/87 dwar ix-xiri għal ħażna u l-għoti ta’ għajnuna għall-ħażna privata ta' trab tal-ħalib xkumat [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 569/96 [8], (KEE) Nru 1158/91 tat-3 ta’ Mejju 1991 dwar ix-xiri għal ħażna bl-offerti tat-trab tal-ħalib xkumat lill-aġenziji ta' intervent [9], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 124/1999 [10], u (KE) Nru 322/96 tat-22 ta’ Frar 1996 li jippreskrivi regoli dettaljati ta’ applikazzjoni għall-ħażna pubblika tat-trab tal-ħalib xkumat [11], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 419/98 [12], għandhom ikunu implimentati u d-disposizzjonijiet tagħhom għandhom jinġabru flimkien f’regolament wieħed.

(2) L-aġenziji ta' intervent jistgħu jixtru biss dak it-trab tal-ħalib xkumat għal ħażna li jikkonforma mal-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 kif ukoll mal-kondizzjonijiet ta' kwalità u preżentazzjoni, li jeħtieġu jkunu definiti. Il-metodi ta’ analiżi u r-regoli dettaljati li jirregolaw il-kwalità tal-kontroll għandhom ikunu speċifikati wkoll u, jekk is-sitwazzjoni hekk tirrikjedi, għandha ssir disposizzjoni għal kontrolli dwar radjoattività fit-trab tal-ħalib xkumat, li l-livelli massimi tiegħu jeħtieġ li jkunu stabbiliti, fejn ikun il-każ, mill-liġijiet tal-Komunità.

(3) Biex ikun żgurat li l-arranġamenti ta’ intervent jaħdmu sew, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kondizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ l-impriżi ta' manifattura u għall-verifika ta' konformità magħhom. Biex ikun żgurat li l-arranġamenti huma effettivi, għandha ssir disposizzjoni biex tittieħed azzjoni jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jitħarsux. Peress li t-trab tal-ħalib xkumat jista’ jinxtara għal ħażna minn aġenzija ta’ intervent li tappartjeni għal Stat Membru ieħor għajr dak li fit-territorju tiegħu kien prodott, l-aġenzija ta’ intervent li tagħmel ix-xiri għal ħażna għandha tkun kapaċi tivverifika li l-kondizzjonijiet dwar il-kwalità u l-preżentazzjoni jkunu mħarsa f'dawn il-każi.

(4) In-nuqqas ta' tħaris ta' dawn il-kondizzjonijiet m’għandux ikun ta' piż fuq il-budget tal-Komunità; it-trab tal-ħalib xkumat li ma jikkonformax għandu għalhekk jittieħed lura mill-operatur, li għandu jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-ħażna li tħallsu.

(5) Il-kwantità minima offerta għall-bejgħ għandha tkun speċifikata. L-offerti għandhom ikunu akkumpanjati minn garanzija, sabiex ikun żgurat li l-offerta tinżamm u li t-trab tal-ħalib xkumat jitwassal fil-limiti ta’ żmien li għandhom ikunu stabbiliti.

(6) Skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, l-aġenziji ta’ intervent jistgħu jixtru għal ħażna biss it-trab tal-ħalib xkumat li fih kontenut minimu ta’ proteina. Barra minn hekk, il-prezz tax-xiri għal ħażna jista’ jvarja skond il-kontenut ta’ proteina. Il-metodu biex ikun ikkalkolat il-prezz tax-xiri għal ħażna għandu jkun definit.

(7) L-obbligi ta’ l-Istati Membri għandhom ikunu speċifikati bl-għan ta’ amministrazzjoni korretta ta’ ħażniet f’magażinaġġ, billi tkun stabbilita distanza massima għall-post tal-ħażna u l-ispejjeż li għandhom jitħallsu meta dik id-distanza tinqabeż, u jeħtieġu, partikolarment, li l-ħażniet ikunu aċċessibbli, li l-lottijiet ikunu identifikati u li t-trab tal-ħalib xkumat maħżun ikun assigurat kontra riskji. Sabiex tkun żgurata uniformità fil-frekwenza u l-livell ta’ kontrolli, jeħtieġ li tkun speċifikata n-natura u n-numru ta’ spezzjonijiet tal-postijiet tal-ħażna li għandhom jitwettqu mill-aworitajiet nazzjonali. Peress li l-aġenziji ta’ intervent huma marbuta b' kuntratti eżistenti għall-perjodu kurrenti ta’ ħażna, għandha ssir disposizzjoni fejn il-ħtiġijiet il-ġodda li għandhom jitħarsu fil-postijiet tal-ħażna dwar id-dħul u l-ħruġ mill-ħażna jkunu japplikaw biss għall-kwantitajiet tat-trab tal-ħalib xkumat mixtri għall-intervent mill-1 ta’ Settembru 2000.

(8) Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, ix-xiri għal ħażna ta' trab tal-ħalib xkumat jista’ jkun sospiż hekk kif il-kwantitajiet offerti għal intervent fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu sa 31 t’Awissu kull sena jaqbżu 109000 tunnellati metriċi. Meta jiġri dan, xiri għal ħażna jista’ jsir b'sejħa permanenti għal offerti, li għalihom iridu jiġu preskritti regoli dettaljati. Il-komponenti ta' l-offerta, partikolarment il-kwantità minima, il-limiti ta’ żmien għas-sottomissjoni u l-prezz massimu tax-xiri għal ħażna għandhom ikunu definiti. Biex tiġi żgurata konformità mal-ħtiġijiet rigward il-kwalità u l-preżentazzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat fiż-żmien ta’ l-offerta u wara d-dħul għall-ħażna, dawk li jitfgħu l-offerti huma meħtieġa jagħtu garanzija bil-miktub għal dan l-iskop, flimkien ma’ l-offerta tagħhom. Garanzija għandha wkoll takkumpanja l-offerta, sabiex ikun żgurat li l-offerta tinżamm sa wara d-data ta’ l-egħluq għat-tfigħ ta’ l-offerti u li t-trab tal-ħalib xkumat jitwassal f’ċerti limiti ta’ żmien li għandhom ikunu stabbiliti. Barra minn hekk, il-metodu użat biex ikun ikkalkolat il-prezz tax-xiri għal ħażna bir-riferenza għall-kontenut ta’ proteini tat-trab tal-ħalib xkumat mixtri għal ħażna għandu jkun definit.

(9) L-amministrazzjoni korretta ta’ l-istokk ta’ intervent teħtieġ li t-trab tal-ħalib xkumat jerġa’ jinbiegħ hekk kif postijiet tal-bejgħ ikunu disponibbli. Biex ikun żgurat aċċess indaqs għat-trab tal-ħalib xkumat għall-bejgħ, il-partijiet kollha interessati jridu jkunu jistgħu jixtru. Sabiex ma jkunx distabilizzat is-suq, il-prezz tal-bejgħ għandu jkun iffissat skond il-qagħda tas-suq. Kondizzjonijiet tal-bejgħ, li jirrikjedu depożitu ta’ garanzija ta’ esekuzzjoni, għandhom jiġu preskritti, partikolarment rigward it-teħid tat-trab tal-ħalib xkumat u l-limiti ta’ żmien għall-pagament. Sabiex tkun monitorjata s-sitwazzjoni dwar ħażniet, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet tat-trab tal-ħalib xkumat mibjugħa.

(10) L-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jippreskrivi għajnuna li għandha tingħata għall-ħażna privata ta' trab tal-ħalib xkumat. Biex ikun żgurat li l-arranġamenti jkunu monitorjati sew, għandha ssir disposizzjoni għal kuntratt u għal sett ta’ speċifikazzjonijiet rigward il-kondizzjonijiet tal-ħażna. Għall-istess raġuni, regoli dettaljati għandhom ukoll jiġu preskritti rigward id-dokumentazzjoni, il-kontijiet u l-frekwenza ta' proċeduri dwar kontrolli u spezzjonijiet, partikolarment rigward il-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 7(3). Biex ikunu ffaċilitati l-kontrolli dwar il-preżenza ta' prodotti maħżuna skond kuntratti għal ħażna privata, għandu jkun hemm disposizzjoni għalihom biex jitneħħew mill-ħażna f'lottijiet sakemm l-Istat Membru ma jawtorizzax it-tneħħija ta' kwantità iżgħar.

(11) Il-miżuri preskritti f'dan ir-Regolament jikkonformaw ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Ħalib u Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-GĦAN

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jippreskrivi r-regoli dettaljati għal intervent fis-suq tat-trab tal-ħalib xkumat kif previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, rigward:

(a) xiri għal ħażna bil-prezz ta’ l-intervent;

(b) xiri għal ħażna skond sejħa permanenti għal offerti;

(ċ) il-bejgħ bi prezz fiss ta' trab tal-ħalib xkumat minn ħażna pubblika;

(d) l-għoti ta’ għajnuna għall-ħażna fil-privat.

KAPITOLU II

IL-ĦAŻNA PUBBLIKA

Sezzjoni 1

Il-kondizzjonijiet dwar xiri għal ħażna

Artikolu 2

1. L-aġenziji ta’ intervent għandhom jixtru għal ħażna t-trab tal-ħalib xkumat biss li huwa konformi ma’ l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u l-paragrafi 2 sa 7 ta’ dan l-Artikolu u li huwa offrut għal intervent fil-perjodu mill-1 ta’ Marzu sal-31 t’Awissu.

2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżaminaw il-kwalità tat-trab tal-ħalib xkumat billi jużaw il-metodi analitiċi previsti fl-Anness I fuq il-bażi ta’ kampjuni meħuda skond ir-regoli previsti fl-Anness III. Il-kontrolli jridu jistabbilixxu li t-trab tal-ħalib xkumat ma jkunx fih prodotti oħra, partikolarment xorrox tal-butir jew xorrox, kif definit fl-Anness I.

Madankollu, jekk il-Kummissjoni taqbel, Stati Membri jistgħu jagħmlu sistema li biha jikkontrollaw lilhom nnifishom taħt is-sorveljanza tagħhom stess għal ċerti ħtiġijiet ta’ kwalità u ċerti operazzjonijiet approvati.

3. Il-livelli ta' radjoattività fit-trab tal-ħalib xkumat ma jistgħux jaqbżu l-livelli massimi permessi, fejn ikun il-każ, skond ir-regoli tal-Komunità.

Il-livell ta’ kontaminazzjoni radjoattiva tal-prodott għandha tkun monitorjata jekk is-sitwazzjoni hekk titlob u matul il-perjodu meħtieġ biss. Fejn hemm bżonn, iż-żmien u l-iskop tal-kontrolli għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999.

4. It-trab tal-ħalib xkumat irid ikun manifatturat matul it-tletin ġurnata ta’ qabel il-jum meta l-aġenzija ta’ intervent tkun irċeviet l-offerta biex tbiegħ. Jekk it-trab tal-ħalib xkumat ikun maħżun f’silos, irid ikun manifatturat matul l-erba’ ġimgħat qabel dik il-ġimgħa li matulha l-offerta kienet riċevuta.

5. Il-kwantità minima offerta għal bejgħ għandha tkun 20 tunnellata metrika. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li t-trab tal-ħalib xkumat ikun offert f’tunnellati metriċi sħaħ biss.

6. It-trab tal-ħalib xkumat għandu jitpoġġa f’boroż b’toqol nett ta’ 25 kg skond il-ħtiġijiet preskritti fl-Anness II u juru d-dettalji li ġejjin, f’kodiċi fejn ikun approprjat:

(a) in-numru ta’ approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-manifattura;

(b) id-data jew, fejn ikun il-każ, il-ġimgħa tal-manifattura;

(ċ) in-numru tal-lott manifatturat;

(d) id-deskrizzjoni "trab tal-ħalib xkumat għal bexx".

7. It-trab tal-ħalib xkumat għandu jitwassal fuq paletti addattati għal ħażna fit-tul:

Jekk it-twassil isir fuq paletti li jistgħu jintremew, il-prezz tax-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat għal ħażna irid ikopri x-xiri tal-paletta.

Jekk il-konsenja ssir fuq paletti EUR jew fuq paletti ta’ kwalità simili, għandhom ikunu ritornati lura lill-bejjiegħ jew mibdula ma’ paletti ekwivalenti mhux aktar tard minn meta jitneħħew mill-ħażna.

Artikolu 3

1. Impriżi kif imsemmijin fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/95 ikunu approvati biss jekk ikunu:

(a) approvati skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE [13], u għandhom it-tagħmir tekniku appropprjat;

(b) jintrabtu li jżommu reġistri permanenti fil-forma stabbilita mill-aġenzij kompetenti ta’ kull Stat Membru, li jelenkaw l-oriġini tal-materja prima, il-kwantitajiet ta' trab tal-ħalib xkumat, xorrox tal-butir jew xorrox miksuba u l-preparazzjoni għas-suq, identifikazzjoni u d-data tal-ħruġ ta’ kull lott ta' trab tal-ħalib xkumat, xorrox tal-butir u xorrox;

(ċ) jiftiehmu li jibagħtu l-produzzjoni tagħhom tat-trab tal-ħalib xkumat li jista’ jkun offert għal intervent għal spezzjoni uffiċjali speċifika;

(d) jintrabtu li jinformaw il-korp responsabbli mill-ispezzjoni, mill-inqas jumejn tax-xogħol bil-quddiem, mill-intenzjoni tagħhom li jimmanifatturaw it-trab tal-ħalib xkumat għal intervent pubbliku; madankollu, l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ żmien iqsar.

2. Biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetent għandhom iwettqu spezzjonijiet mingħajr avviż fuq il-post, fuq il-bażi ta’ l-iskeda ta’ produzzjoni tat-trab tal-ħalib xkumat għall-intervent ta’ l-impriżi konċernati.

Għandhom iwettqu mill-anqas:

(a) spezzjoni waħda kull 28 jum ta’ manifattura għal intervent, b’mill-anqas spezzjoni waħda kull sitt xhur, biex teżamina r-reġistri msemmija fil-paragrafu 1(b);

(b) spezzjoni waħda kull sitt xhur, biex jivverifikaw konformità mal-ħtiġijiet l-oħra għall-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-approvazzjoni għandha tiġi rtirata jekk il-ħtiġijiet ta’ qabel preskritti fil-paragrafu 1(a) ma jkunux imħarsa aktar. L-approvazzjoni tista’ tingħata lura wara mhux anqas minn sitt xhur, fuq talba ta’ l-impriża kkonċernata, wara li ssir spezzjoni bir-reqqa.

Meta impriża tinstab li ma ħarsitx waħda mir-rabtiet tagħha kif imsemmija fil-paragrafu 1(b), (ċ) u (d), ħlief f’każi ta’ force majeure, l-approvazzjoni tkun sospiża għal perjodu ta’ bejn 1 u 12-il xahar, skond kemm tkun serja l-irregolarità.

Stat Membru m'għandux jimponi l-imsemmija sospensjoni fejn isib li l-irregolarità ma saritx apposta jew bħala riżultat ta’ traskuraġni serja u li hija ta’ importanza mill-anqas fit-termini ta’ kemm huma effettivi l-kontrolli previsti fil-paragrafu 2.

4. Rapport għandu jitħejja dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru skond il-paragrafi 2 u 3 li jispeċifika:

(a) id-data tal-kontroll;

(b) iż-żmien li jkun ħa;

(ċ) l-operazzjonijiet li twettqu.

Ir-rapport irid ikun iffirmat mill-ispettur responsabbli u notifikat lill-impriża.

5. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda rigward l-ispezzjonijiet preskritti fil-paragrafi 2 u 3 fi żmien xahar mill-addozjoni tagħhom.

Artikolu 4

1. Meta trab tal-ħalib xkumat ikun offrut għal intervent fi Stat Membru għajr dak li fih kien manifatturat, ix-xiri għal ħażna jrid ikun suġġett għal preżentazzjoni, mhux aktar tard minn 45 jum wara l-jum li fiha l-offerta kienet riċevuta, ta’ ċertifikat provdut mill-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-manifattura.

Iċ-ċertifikat irid ikun fih l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (ċ) ta’ l-Artikolu 2(6) u konferma li t-trab tal-ħalib xkumat kien prodott direttament u esklussivament minn ħalib xkumat, fis-sens ta’ l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, f’impriża approvata fil-Komunità.

2. Meta l-Istat Membru tal-manifattura jkun wettaq il-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 2(2), iċ-ċertifikat irid ikun fih ukoll ir-riżultati ta’ dawk il-kontrolli u jikkonferma li l-prodott konċernat huwa trab tal-ħalib xkumat fis-sens ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999. F’dak il-każ, il-boroż imsemmijin fl-Artikolu 2(6) għandhom ikunu ssiġillati b’tabella nnumerata maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-manifattura. In-numru għandu jitniżżel fuq iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1.

Sezzjoni 2

Il-proċedura għax-xiri għal ħażna bil-prezz ta’ intervent

Artikolu 5

1. L-offerti għandhom jinkludu:

(a) l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ;

(b) il-kwantità offerta;

(ċ) il-post fejn jinżamm it-trab tal-ħalib xkumat.

2. L-aġenzija ta’ intervent għandha tirreġistra d-data meta l-offerta tkun riċevuta, il-kwantitajiet korrispondenti u d-dati ta’ manifattura u l-post fejn it-trab tal-ħalib xkumat ikun maħżun.

Meta x-xiri għal ħażna bil-prezz ta’ l-intervent ikun sospiż skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, l-ilqugħ u r-reġistrazzjoni ta’ offerti għandhom jiġu interrotti mill-ġurnata ta’ wara dik li fiha ttieħdet id-deċiżjoni tas-sospensjoni.

3. Offerti jkunu validi biss jekk:

(a) jirrigwardaw kwantità ta’ trab tal-ħalib xkumat li jħares il-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 2(5);

(b) huma akkumpanjati minn garanzija bil-miktub mill-bejjiegħ li se jħares l-Artikoli 2(4) u 9;

(ċ) evidenza tkun provduta li l-bejjiegħ iddepożita garanzija ta’ 2 EUR għal kull 100 kg fl-Istat Membru li fih intefgħet l-offerta, mhux aktar tard mid-data li fiha tkun waslet l-offerta.

4. Il-garanzija prevista fil-paragrafu 3(b), jekk għall-ewwel tkun mibgħuta lill-aġenzija ta’ l-intervent, tkun valida b’tiġdid taċitu għall-offerti ta’ wara sakemm tkun kanċellata espliċitament mill-bejjiegħ jew mill-aġenzija ta’ l-intervent, sakemm:

(a) l-offerta oriġinali tippreskrivi li l-bejjiegħ bi ħsiebu juża din id-disposizzjoni;

(b) l-offerti ta’ wara jirriferixxu għal din id-disposizzjoni (b’riferenza għall-"Artikolu 5(4)")u għad-data ta’ l-offerta oriġinali.

Artikolu 6

Manteniment ta’ l-offerta u t-twassil tat-trab tal-ħalib xkumat fil-post nominat mill-aġenzija ta’ l-intervent fil-limitu taż-żmien preskritt fl-Artikolu 7(2) jikkostitwixxi l-ħtiġijiet ewlenin fis-sens ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 [14].

Artikolu 7

1. Wara li tkun eżaminat l-offerta u fi żmien ħamest ijiem wara l-ġurnata ta’ l-irċevuta, l-aġenzija ta’ l-intervent għandha toħroġ ordni ta' konsenja datata u nnumerata li turi:

(a) il-kwantità tat-trab tal-ħalib xkumat li għandu jiġi kkonsenjat;

(b) id-data finali għall-konsenja;

(ċ) il-post tal-ħażna fejn trid tiġi kkonsenjata.

2. It-trab tal-ħalib xkumat irid jitwassal fi żmien 28 ġurnata mill-ġurnata ta’ l-irċevuta ta’ l-offerta għall-bejgħ. It-twassil jista’ jsir f’ħafna konsenji.

3. Il-garanzija msemmija fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 5(3) trid tiġi rilaxxata hekk kif il-kwantità indikata fl-offerta tkun twasslet.

Madankollu, fejn il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 2(2) juru li t-trab tal-ħalib xkumat mhux konformi mal-ħtiġijiet preskritti f’dak l-Artikolu, il-garanzija xorta waħda għandha tkun rilaxxata għall-kwantitajiet li għadhom ma twasslux.

4. It-trab tal-ħalib xkumat jitqies li jkun ittieħed mill-aġenzija ta’ l-intervent fil-ġurnata meta l-kwantità kollha tat-trab tal-ħalib xkumat kopert mill-offerta jidħol fil-post tal-ħażna nominat mill-aġenzija ta’ intervent, iżda mhux aktar tard mill-ġurnata wara li tinħareġ l-ordni tal-konsenja.

5. Ħlief għall-każi ta’ force majeure, meta l-bejjiegħ jonqos li jikkonsenja fil-limitu ta’ żmien preskritt, mhux biss tintilef il-garanzija prevista fil-punt (ċ) ta’ l-Artikolu 5(3) fil-proporzjon tal-kwantitajiet mhux ikkonsenjati, iżda x-xiri għal ħażna wkoll ikun ikkanċellat għar-rigward tal-kwantitajiet li jibqa'.

Artikolu 8

1. L-aġenzija ta’ intervent għandha tħallas tat-trab tal-ħalib xkumat li ttieħed bejn il-120 u l-140 ġurnata wara d-data tat-teħid, sakemm jinstab li dan ikun konformi mal-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 2.

2. Fejn il-kontenut ta' proteina tal-materja xotta bla xaħam, stabbilit bl-użu tal-metodu deskritt fl-Anness I, huwa 35,6 % jew iżjed, il-prezz tax-xiri għal ħażna għandu jkun daqs il-prezz ta’ l-intervent applikabbli fil-ġurnata meta t-trab tal-ħalib xkumat kien manifatturat.

Fejn il-kontenut ta' proteina huwa 31,4 % jew iżjed iżda anqas minn 35,6 %, il-prezz tax-xiri għal ħażna għandu jkun daqs il-prezz ta’ l-intervent bin-nuqqas ta' ammont ikkalkolat kif ġej:

prezz ta’ intervent ((0,356 – kontenut ta’ proteina) 1,75).

Artikolu 9

Meta jagħmel l-offerta l-bejjiegħ jintrabat, jekk l-ispezzjoni turi li t-trab tal-ħalib xkumat ma jħarisx il-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 2:

(a) li jieħu lura l-oġġetti kkonċernati;

(b) qabel ma jittieħdu lura l-oġġetti, li jħallas l-ispejjeż tal-ħażna tal-kwantitajiet ikkonċernati mid-data meta jittieħdu sad-data tat-tneħħija tagħhom mill-ħażna.

L-ispejjeż tal-ħażna dovuti jkunu stabbiliti fuq il-bażi ta’ l-ammonti b’rati xorta għal spejjeż ta' dħul, tneħħija u ħażna, iffissati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1883/78 [15].

Sezzjoni 3

Dħul fil-ħażna u tneħħija.

Artikolu 10

1. L-imħażen imsemmija fir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 għandhom ikunu:

(a) nexfin, miżmuma fi stat tajjeb u ħielsa minn annimali parassiti;

(b) ħielsa minn irwejjaħ estranji;

(ċ) jippermettu ventilazzjoni tajba;

(d) ta’ kapaċità ta’ mill-anqas 1000 tunellata metrika u b’faċilitajiet ta’ tneħħija li kapaċi jakkomodaw it-tneħħija kuljum ta’ mill-anqas 3 % tal-kwantità fil-maħżen, b’rata minima ta’ 100 tunnellata metrika kuljum. Għall-finijiet ta’ din il-ħtieġa, il-kwantitajiet biss tat-trab tal-ħalib xkumat li nxtara mill-1 ta’ Settembru 2000 ikunu kkunsidrati.

Ir-riskji tal-ħażna tat-trab tal-ħalib xkumat ikunu koperti b’assikurazzjoni f’forma jew ta’ obbligu kuntrattwali minn dawk li jaħżnu jew li tkun assigurata għal kollox ir-responsabbiltà min-naħa ta’ l-aġenzija ta’ intervent. L-Istat Membru jista’ wkoll jagħmilha ta’ l-assikuratur tiegħu stess.

2. L-aġenziji ta’ intervent ikunu jeħtieġu li t-trab tal-ħalib xkumat jitqiegħed u jinżamm maħżun fuq paletti u f’lottijiet li jintgħarfu faċilment u aċċessibbli malajr.

3. L-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispezzjoni għandha tagħmel kontrolli fuq il-preżenza tal-prodotti fil-maħżen kif preskritt fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2148/96 [16].

Artikolu 11

1. L-aġenzija ta’ l-intervent tagħżel il-post tal-ħażna disponibbli li jkun l-eqreb lejn il-post fejn it-trab tal-ħalib xkumat ikun maħżun.

Madankollu, tista’ tagħżel maħżen ieħor li jinsab fid-distanza msemmija fil-paragrafu 2. Tista’ tagħżel maħżen li jinsab il-barra minn dik id-distanza, b’kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż tal-ħażna u tat-trasport. F’dak il-każ l-aġenzija ta’ l-intervent trid tavża minnufih lill-Kummissjoni bl-għażla tagħha.

2. Id-distanza massima msemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 tkun ta’ 350km. Lil hinn minn din id-distanza, l-ispejjeż addizzjonali ta' trasport imħallsa mill-aġenzija ta’ l-intervent ikunu ta’ 0,05EUR kull tunnellata metrika u kull kilometru.

Madankollu, meta l-aġenzija ta’ l-intervent li tixtri t-trab tal-ħalib xkumat offert għal bejgħ tkun fi Stat Membru barra minn dak li huwa maħżun fit-territorju tiegħu, ma tkunx ikkunsidrata d-distanza bejn il-post tal-ħażna tal-bejjiegħ u l-fruntiera ta’ l-Istat Membru ta’ l-aġenzija ta’ l-intervent li tixtri meta tkun kalkolata d-distanza massima msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 12

1. Fil-ħin tat-tneħħija mill-ħażna, l-aġenzija ta’ l-intervent għandha tagħmel it-trab tal-ħalib xkumat disponibbli fuq il-paletti fil-post tal-ħatt fil-maħżen, mgħobbi fuq il-mezzi tat-trasport iżda mhux stivat.

Meta t-trab tal-ħalib xkumat ikun disponibbli fuq il-paletti EUR jew fuq paletti ta’ kwalità komparabbli, ix-xerrej irid jirritorna paletti ekwivalenti lill-aġenzija ta’ l-intervent mat-tneħħija mill-ħażna.

2. L-ispejjeż ta' l-istivar u l-ispejjeż tat-tneħħija mill-paletti jitħallsu mix-xerrej tat-trab tal-ħalib xkumat. Dawn l-ispejjeż ikunu ffissati mill-Istat Membru fuq bażi ta’ rata xorta u avżati fuq talba lil-partijiet interessati. Il-Kummissjoni trid tkun infurmata b'dan fi żmien xahar wara l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u qabel xi tibdiliet li jsiru aktar tard.

Sezzjoni 4

Regoli speċjali applikabbli għax-xiri għal ħażna bi proċedura tat-tfigħ ta’ offerti

Artikolu 13

Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li t-trab tal-ħalib xkumat għandu jinxtara b'sejħa miftuħa permanenti għall-offerti skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u skond il-proċedura taħt l-Artikolu 42 tiegħu, l-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11 u 12 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw sakemm mhux preskritt mod ieħor f’din is-sezzjoni.

Artikolu 14

1. Avviżi ta' sejħa għall-offerti għandhom ikunu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. Il-perjodu għat-tfigħ ta’ l-offerti għal kull serje jkun jiskadi f’nofsinhar (ħin ta’ Brussel), fit-tieni u r-raba’ Tlieta tax-xahar, ħlief għat-tieni Tlieta t’Awissu. Jekk it-Tlieta tkun festa pubblika, id-data ta’ l-egħluq tkun l-aħħar ġurnata tax-xogħol ta’ qabel f’nofsinhar (ħin ta’ Brussel).

Artikolu 15

1. Il-partijiet interessati jieħdu sehem fil-proċedura tat-tfigħ ta’ l-offerti avżati mill-aġenzija ta’ l-intervent ta’ Stat Membru, jew billi jitfgħu offerta bil-miktub kontra rċevuta jew permezz ta’ telekomunikazzjoni bi prova ta' rċevuta.

2. L-offerti għandu jkollhom:

(a) l-isem u l-indirizz ta' l-offerent;

(b) il-kwantità offerta;

(ċ) il-prezz propost għal kull 100 kg ta' trab tal-ħalib xkumat, li ma jinkludix taxxi nazzjonali, imwassal fuq il-paletti sal-post tat-tagħbija fil-maħżen, f’ewro sa mhux aktar minn żewġ punti deċimali;

(d) il-post fejn ikun maħżun it-trab tal-ħalib xkumat.

3. L-offerti jkunu validi biss jekk:

(a) dawn jirrelataw għal trab tal-ħalib xkumat manifatturat matul il-21 ġurnata jew, fejn ikun il-każ, it-tliet ġimgħat ta’ qabel id-data ta’ l-egħluq għat-tfigħ ta’ l-offerti kif imsemmi fl-Artikolu 14(2). Meta l-intervall bejn żewġ sejħiet għal offerti jkun itwal minn 21 ġurnata, it-trab tal-ħalib xkumat seta' kien manifatturat matul dak il-perjodu;

(b) jirrigwardaw kwantità ta’ trab tal-ħalib xkumat konformi ma' l-Artikolu 2(5);

(ċ) huma akkumpanjati minn garanzija bil-miktub mill-offerent li se jħares il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu u ta’ l-Artikolu 9;

(d) tingħata prova li l-offerent iddepożita garanzija ta’ EUR 2 għas-sejħa għall-offerta kkonċernata, fl-Istat Membru li fih intefgħet l-offerta, qabel id-data ta’ l-egħluq għat-tfigħ ta’ l-offerti.

4. Il-garanzija prevista fil-punt (ċ) tal-paragrafu 3, jekk inizjalment mibgħuta lill-aġenzija ta’ l-intervent, tkun valida b’tiġdid taċitu għal offerti ta’ wara sakemm tkun kanċellata espliċitament mill-offerent jew mill-aġenzija ta’ l-intervent, sakemm:

(a) l-offerta oriġinali tippreskrivi li l-offerent bi ħsiebu juża din id-disposizzjoni,

(b) offerti ta’ wara jirriferixxu għal din id-disposizzjoni (b’riferenza għall-"Artikolu 15(4)")u għad-data ta’ l-offerta oriġinali.

5. L-offerti ma jistgħux ikunu rtirati wara d-data ta’ l-egħluq imsemmija fl-Artikolu 14(2) għat-tfigħ ta’ l-offerti dwar is-sejħa għall-offerti konċernata.

Artikolu 16

Il-manteniment ta’ l-offerta wara d-data ta’ l-egħluq għat-tfigħ ta’ l-offerti u l-konsenja tat-trab tal-ħalib xkumat fil-maħżen nominat mill-aġenzija ta’ l-intervent fil-limitu ta' żmien preskritt fl-Artikolu 19(3) jikkostitwixxu ħtiġijiet ewlenin fis-sens ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85.

Artikolu 17

1. L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet u l-prezzijiet offerti mill-offerenti, mhux aktar tard mid-9.00 a.m. (ħin ta’ Brussel) fil-ġurnata wara d-data ta’ l-egħluq imsemmija fl-Artikolu 14(2).

2. Skond l-offerti li jkunu waslu għal kull sejħa għal offerti, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi prezz massimu għax-xiri għal ħażna, b’riferenza għall-prezzijiet ta’ l-intervent applikabbli, skond il-proċedura preskritta fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999.

3. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li ma tagħmel l-ebda għotja għal xi serje.

Artikolu 18

1. Offerti jiġu rifjutati jekk il-prezz offert ikun ogħla mill-prezz massimu msemmi fl-Artikolu 17(2) iffissat għas-sejħa għall-offerti kkonċernata.

2. Drittijiet u obbligi li jinħolqu mis-sejħiet għal offerti ma jkunux trasferibbli.

Artikolu 19

1. L-aġenzija ta’ l-intervent tavża lill-offerenti minnufih bir-riżultat tas-sehem tagħhom fis-sejħa għall-offerti.

Fejn offerti ma jintlaqgħux, il-garanzija msemmija fil-punt (d) ta’ l-Artikolu 15(3) tkun rilaxxata minnufih.

2. L-aġenzija ta’ l-intervent minnufih għandha toħroġ lill-offerenti b'suċċess ordni ta' konsenja datata u nnumerata li turi:

(a) il-kwantità li għandha titwassal;

(b) id-data finali għall-konsenja tat-trab tal-ħalib xkumat;

(ċ) il-maħżen fejn trid titwassal.

3. L-offerenti b'suċċess għandhom iwasslu t-trab tal-ħalib xkumat mhux aktar tard minn 28 ġurnata wara d-data ta’ l-egħluq għat-tfigħ ta’ l-offerti. It-twassil jista’ jsir f’diversi konsenji.

4. Il-garanzija tkun rilaxxata hekk kif dak li ntlaqgħatlu l-offerta jwassal il-kwantità indikata fuq l-ordni tal-konsenja fil-limitu ta' żmien preskritt.

5. Ħlief f'każi ta’ force majeure, meta dak li ntlaqgħatlu l-offerta jonqos li jikkonsenja fil-limitu ta’ żmien preskritt, mhux biss il-garanzija prevista fil-punt (d) ta’ l-Artikolu 15(3) tintilef fil-proporzjon tal-kwantitajiet mhux imwassla, iżda x-xiri għal ħażna wkoll ikun ikkanċellat rigward il-kwantitajiet li jibqa'.

Artikolu 20

1. L-aġenzija ta’ l-intervent tħallas lil dak li ntlaqgħatlu l-offerta l-prezz muri fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, bejn il-120 u l-140 ġurnata ta’ wara d-data meta t-trab tal-ħalib xkumat jittieħed, sakemm jinstab li qed iħares l-Artikolu 2(1), (2), (3), (5), (6) u (7) u l-Artikolu 15(3)(a).

2. Fejn il-kontenut ta' proteina tal-materja xotta bla xaħam, stabbilit bl-użu tal-metodu deskritt fl-Anness I, huwa 35,6 % jew iżjed, il-prezz tax-xiri għal ħażna jkun daqs il-prezz indikat fl-offerta.

Fejn il-kontenut ta' proteina huwa 31,4 % jew iżjed iżda anqas minn 35,6 %, il-prezz tax-xiri għal ħażna għandu jkun daqs il-prezz indikat fl-offerta imnaqqas b’ammont ikkalkolat kif ġej:

prezz mitfugħ fl-offerta ((0,356 – kontenut ta’ proteina) 1,75).

3. It-trab tal-ħalib xkumat jitqies li ttieħed mill-aġenzija ta’ l-intervent fil-ġurnata meta l-kwantità kollha tat-trab tal-ħalib xkumat kopert mill-offerta jidħol fil-maħżen nominat mill-aġenzija ta’ l-intervent, iżda mhux qabel il-ġurnata wara li tinħareġ l-ordni tal-konsenja.

Sezzjoni 5

Il-bejgħ

Artikolu 21

L-aġenziji ta’ l-intervent fl-Istati Membri għandhom ibiegħu lil kull parti interessata t-trab tal-ħalib xkumat li għandhom u li nħażen qabel l-1 ta’ Settembru 1997.

Artikolu 22

1. Trab tal-ħalib xkumat għandu jinbiegħ kif joħroġ mill-maħżen bi prezz daqs il-prezz ta’ l-intervent iffissat fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u li japplika fil-ġurnata meta l-kuntratt tal-bejgħ ikun konkluż, bl-addizzjoni ta’ EUR 1 għal kull 100 kg.

2. L-applikazzjonijiet għax-xiri jridu juru:

(a) l-isem u l-indirizz tax-xerrej;

(b) il-kwantità mixtieqa;

(ċ) fejn japplika, il-maħżen fejn it-trab tal-ħalib xkumat ikun maħżun u, jekk mixtieq, maħżen sostitut.

3. L-applikazzjonijiet għax-xiri jkunu validi biss jekk:

(a) jirrigwardaw mill-anqas 10 tunnellati metriċi: madankollu, fejn il-kwantità li jibqa’ fil-maħżen tkun anqas minn 10 tunnellati metriċi, il-bejgħ għandu jkun jirrigwarda dik il-kwantità li jkun baqa’;

(b) prova tkun mogħtija li x-xerrej iddepożita garanzija ta' EUR 7 għal kull 100 kg, sabiex ikun żgurat li l-ħtiġijiet ewlenin fis-sens ta’ l-Artikolu 20 tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 jitħarsu dwar it-teħid tat-trab tal-ħalib xkumat fil-limitu ta' żmien preskritt fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 24(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 23

1. Għall-għanijiet ta' bejgħ, l-aġenzija ta’ l-intervent għandha tagħti t-trab tal-ħalib xkumat skond id-data meta tqiegħed fil-ħażna, tibda mill-aktar antik tal-kwantità kollha disponibbli jew, kif ikun il-każ, il-kwantità disponibbli fil-maħżen jew imħażen nominati mix-xerrej.

2. Meta aċċettazzjoni ta’ applikazzjoni għax-xiri tirriżulta f’bejgħ ta’ kwantità aktar mit-trab tal-ħalib xkumat li għad hemm disponibbli fil-maħżen ikkonċernat, il-kwantità disponibbli biss tingħata lix-xerrej in kwestjoni. Madankollu, l-aġenzija ta’ l-intervent tista’ tinnomina mħażen oħra biex tagħmel tajjeb għall-kwantità li jkunu applikaw għaliha, sakemm ix-xerrej jaqbel.

3. Meta l-aċċettazzjoni ta’ żewġ applikazzjonijiet jew aktar għax-xiri tat-trab tal-ħalib xkumat f’maħżen partikolari twassal għall-bejgħ ta’ kwantità aktar minn dik disponibbli, l-għotja ssir bl-allokazzjoni tal-kwantità disponibbli fil-proporzjon tal-kwantitajiet li applikaw għalihom. Madankollu, jekk dik l-allokazzjoni twassal għall-għoti ta’ kwantitajiet ta’ anqas minn ħames tunnellati metriċi, l-għotja ssir billi tittella' x-xorti.

4. L-applikazzjonijiet validi kollha tax-xiri li jaslu għand l-aġenzija ta’ l-intervent fl-istess ġurnata jitqiesu li waslu fl-istess ħin.

5. L-aġenziji ta’ l-intervent jagħmlu l-arranġamenti li hemm bżonn biex il-partijet interessati jeżaminaw kampjuni tat-trab tal-ħalib xkumat li tpoġġew għal bejgħ a spejjeż tagħhom qabel jikkonkludu l-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 24

1. Ix-xerrej għandu jieħu f’idejh it-trab tal-ħalib xkumat fi żmien xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.

Il-konsenja tista’ ssir f’lottijiet ta’ mhux anqas minn 10 tunnellati metriċi kull waħda. Madankollu, fejn il-kwantità li tibqa’ f'maħżen tkun anqas minn 10 tunnellati metriċi, dik il-kwantità li baqa’ tista’ titwassal.

2. Qabel isir it-twassil ta’ kull kwantità ta' trab tal-ħalib xkumat, ix-xerrej iħallas lill-aġenzija ta’ l-intervent il-prezz li jikkorrispondi għall-kwantità li qed titwassal.

3. Ħlief f’każi ta’ force majeure, il-kuntratt tal-bejgħ jiġi terminat għal xi kwantitajiet li x-xerrej ma ħax fil-perjodu speċifikat fil-paragrafu 1.

4. Il-garanzija preskritta fil-punt (b) ta’ l-Artikolu 22(3) tintilef fir-rigward ta' xi kwantitajiet li għalihom il-kuntratt tal-bejgħ ikun itterminat skond il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Għandha tkun rilaxxata mill-ewwel fuq dawk il-kwantitajiet li t-twassil tagħhom isir fil-perjodu preskritt.

5. Fil-każ ta’ force majeure l-aġenzija ta’ l-intervent tieħu dik l-azzjoni li tikkunsidra li hemm bżonn wara li tkun ikkunsidrat ċ-ċirkostanzi li jkunu jinqalgħu.

KAPITOLU III

ĦAŻNA FIL-PRIVAT

Sezzjoni 1

Kuntratt u kondizzjonijiet tal-ħażna

Artikolu 25

Għall-għanijiet ta' dan il-kapitolu:

(a) "lott ta' ħażna" tfisser kwantità li tiżen mill-anqas 10 tunnellati metriċi u ta’ kompozizzjoni u kwalità omoġenji, li ġejja minn fabbrika waħda, li tittieħed għall-ħażna f’maħżen wieħed f’ġurnata waħda;

(b) "ġurnata tal-bidu tal-ħażna kuntrattwali" tfisser ġurnata wara dik tad-dħul fil-ħażna;

(ċ) "l-aħħar ġurnata tal-ħażna kuntrattwali" tfisser il-ġurnata qabel dik tat-tneħħija mill-ħażna.

Artikolu 26

Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti għajnuna għal ħażna fil-privat ta' trab tal-ħalib xkumat skond l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, kuntratti ta’ ħażna fil-privat għandhom ikunu konklużi bejn l-aġenzija ta’ l-intervent ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun qed jinħażen it-trab tal-ħalib xkumat u l-persuni naturali jew legali, minn hawn ’il quddiem imsejħa "kuntratturi".

Artikolu 27

Kuntratti ta' ħażna fil-privat jistgħu jkunu konklużi biss għal trab tal-ħalib xkumat, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, li:

(a) fih mhux aktar minn 11 % xaħam u 5 % ilma u għandu kontenut ta’ proteina ta’ materja xotta bla xaħam ta’ mill-anqas 31,4 %;

(b) kien manifatturat matul it-28 ġurnata jew erba’ ġimgħat qabel il-ġurnata tal-bidu tal-ħażna kuntrattwali f’impriża approvata skond il-punti (a) u (b) ta’ l-Artikolu 3(1) u li taqbel li tibgħat il-produzzjoni tagħha ta' trab tal-ħalib xkumat suġġetta għal li tkun koperta b' kuntratt ta' ħażna għal spezzjoni uffiċjali speċifika;

(ċ) għandu livell ta’ radjoattività li ma jeċċedix il-livelli massimi msemmija fl-Artikolu 2(3);

(d) ikun maħżun f’boroż ta' kontenut nett ta’ 25 kg jew f’"boroż kbar" li ma jiżnux aktar minn 1500 kg, li jkollhom l-informazzjoni li ġejja, fejn hemm bżonn f’kodiċi:

(i) in-numru ta’ approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-manifattura,

(ii) id-data jew il-ġimgħa tal-manifattura,

(iii) in-numru tal-lott manifatturat,

(iv) il-piż nett;

(e) ma tpoġġiex skond l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 565/80 [17]; tqegħid ta' wara li jsir skond dawk l-arranġamenti jitqies bħala t-tmiem tal-perjodu tal-ħażna kuntrattwali.

Artikolu 28

1. Il-kuntratti għal ħażna għandhom ikunu konklużi bil-miktub għal lott wieħed jew aktar għal ħażna u jkunu jinkludu, partikolarment, disposizzjonijiet dwar:

(a) il-kwantità ta' trab tal-ħalib xkumat li għalih ikun japplika l-kuntratt;

(b) l-ammont ta’ għajnuna;

(ċ) id-dati dwar l-esekuzzjoni tal-kuntratt, bla ħsara għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u skond il-proċedura skond l-Artikolu 42 tiegħu;

(d) l-identità tal-postijiet tal-ħażna.

2. Il-kontrolli, partikolarment dawk imsemmijin fl-Artikolu 33, ikunu s-suġġett ta’ speċifikazzjonijiet imħejjija mill-aġenzija ta’ l-intervent ta’ l-Istat Membru tal-ħażna. Il-kuntratt tal-ħażna irid jirriferixxi għal dawn l-ispeċifikazzjonijiet.

Artikolu 29

1. Il-perjodi tad-dħul fil-ħażna u t-tneħħija jkunu stabbiliti fil-ħin tad-deċiżjoni biex tingħata għajnuna għall-ħażna privata tat-trab tal-ħalib xkumat.

2. It-tneħħija mill-ħażna ssir f’lottijiet sħaħ mil-ħażna. Madankollu, fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 33(2), kwantità ssiġillata biss tista’ titneħħa mill-ħażna.

Artikolu 30

1. Applikazzjonijiet biex ikunu konklużi kuntratti ma’ l-aġenziji ta’ l-intervent jistgħu jirrelataw biss għal lottijiet ta' trab tal-ħalib xkumat li jkunu ddaħħlu kompletament fil-ħażna.

Applikazzjonijiet iridu jaslu għand l-aġenzija ta’ l-intervent f'mhux aktar minn 30 ġurnata mid-data tad-dħul fil-ħażna. Aġenziji ta’ l-intervent għandhom jirreġistraw id-data ta’ l-irċevuta.

Jekk applikazzjoni tasal għand l-aġenzija ta’ l-intervent f'perjodu ta' 10 ġranet tax- xogħol wara ż-żmien, kuntratt ta' ħażna xorta jista’ jkun konkluż iżda l-għajnuna titnaqqas bi 30 %.

2. Kuntratti tal-ħażna għandhom ikunu konklużi f'mhux aktar minn 30 ġurnata mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

Artikolu 31

Meta t-trab tal-ħalib xkumat jinħażen fi Stat Membru għajr l-Istat Membru tal-manifattura, kuntratt tal-ħażna kif imsemmi fl-Artikolu 30 jista’ jkun konkluż biss bil-kondizzjoni li ċertifikat provdut mill-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-manifattura jkun ippreżentat fi żmien 50 ġurnata mid-data meta t-trab tal-ħalib xkumat ikun daħal għall-ħażna.

Dan iċ-ċertifikat għandu juri n-numru ta’ l-approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-manifattura, id-data jew il-ġimgħa tal-manifattura u n-numru tal-lott manifatturat, u jikkonferma li l-prodott ikkonċernat huwa trab tal-ħalib xkumat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan l-Artikolu, kuntratti tal-ħażna jridu jkunu konklużi f'mhux aktar minn 60 ġurnata mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni.

Sezzjoni 2

Kontrolli

Artikolu 32

1. L-Istat Membru għandu jiżgura li l-kondizzjonijiet kollha li jagħtu dritt għal pagament ta’ l-għajnuna jitħarsu.

2. Il-kuntrattur jew, fuq talba ta’ l-Istat Membru jew bl-awtorizzazzjoni tiegħu, il-persuna responsabbli mill-post tal-ħażna, irid jagħmel għad-disposizzjoni ta’ l-awtorità kompetenti responsabbli għall-ispezzjoni kull dokumentazzjoni li tiffaċilita l-verifika tad-dettalji li ġejjin tal-prodotti li tqiegħdu f'ħażna fil-privat:

(a) in-numru ta’ approvazzjoni li jidentifika l-fabbrika u l-Istat Membru tal-manifattura;

(b) id-data tal-manifattura;

(ċ) id-data tad-dħul fil-ħażna;

(d) in-numru tal-lott manifatturat;

(e) il-preżenza fil-post tal-ħażna u l-indirizz tal-post tal-ħażna;

(f) id-data tat-tneħħija mill-ħażna.

3. Il-kuntrattur jew, fejn ikun il-każ, il-persuna responsabbli mill-post tal-ħażna għandu jżomm rapporti ta’ l-istokk disponibbli fil-post tal-ħażna għal kull kuntratt, li jkopru:

(a) in-numru tal-lott tal-ħażna tal-prodotti li tpoġġew fil-ħażna fil-privat;

(b) id-dati tad-dħul fil-ħażna u t-tneħħija;

(ċ) il-kwantità tat-trab tal-ħalib xkumat, indikata għal kull lott tal-ħażna;

(d) il-lokazzjoni tal-prodotti fil-post tal-ħażna.

4. Il-prodotti maħżuna iridu jkunu faċilment identifikati u aċċessibbli faċilment. Iridu jkunu identifikati individwalment b’kuntratt.

Artikolu 33

1. Mad-dħul fil-ħażna l-awtorità kompetenti trid tagħmel kontrolli fil-perjodu li jibda fid-data tad-dħul fil-ħażna u jintemm 28 ġurnata wara d-data tar-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni għall-konklużjoni tal-kuntratt.

Biex ikun żgurat li l-prodotti maħżuna huma eliġibbli għall-għajnuna, il-kontrolli jsiru fuq kampjun li jirrappreżenta mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet li tpoġġew fil-ħażna biex jiżguraw li l-lottijiet tal-ħażna kollha kemm huma fiżikament huma konformi ma’ l-applikazzjoni għall-konklużjoni ta’ kuntratt dwar il-piż, l-identifikazzjoni u n-natura tal-prodotti.

2. L-awtorità kompetenti għandha:

(a) jew tissiġilla l-prodotti skond il-kuntratt, il-lott tal-ħażna jew ta' kwantità iżgħar fil-ħin tal-kontroll previst fil-paragrafu 1;

(b) jew tagħmel kontroll mingħajr avviż, b’teħid bl-addoċċ ta’ kampjun, biex ikun żgurat li l-prodotti huma preżenti fil-post tal-ħażna. It-teħid bl-addoċċ tal-kampjun ikkonċernat ikun rappreżentattiv u jikkorrispondi għal mill-anqas 10 % tal-kwantità totali tal-kuntratt għal miżura ta’ għajnuna dwar ħażna fil-privat.

3. Fl-aħħar tal-perjodu tal-ħażna kuntrattwali, l-awtorità kompetenti trid twettaq kontroll, b’teħid bl-addoċċ ta’ kampjuni, biex tivverifika l-piż u l-identifikazzjoni. Madankollu, meta t-trab tal-ħalib xkumat ikun għadu fil-ħażna wara li skada l-perjodu massimu tal-ħażna kuntrattwali, dan il-kontroll jista’ jsir meta l-prodott jitneħħa mill-ħażna.

Għall-finijiet tal-kontroll, il-kuntrattur għandu javża lill-awtorità kompetenti, u jindika l-lottijiet tal-ħażna kkonċernati, mill-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel:

(a) it-tmiem tal-perjodu massimu tal-ħażna fil-privat ta’ 180 ġurnata;

jew

(b) il-bidu ta’ l-operazzjonijiet tat-tneħħija, meta dawn isiru waqt jew wara l-perjodu ta’ 180 ġurnata.

L-Istat Membru jista’ jaċċetta limitu ta’ żmien iqsar minn ħamest ijiem ta’ xogħol.

4. Rapport għandu jitħejja fuq il-kontrolli li jkunu saru taħt il-paragrafi 1, 2 u 3, li jispeċifikaw:

(a) id-data tal-kontroll;

(b) it-tul ta’ żmien li ħa;

(ċ) l-operazzjonijiet li twettqu.

Ir-rapport irid ikun iffirmat mill-ispettur responsabbli u kontrafirmat ukoll mill-kuntrattur jew, skond il-każ, il-persuna responsabbli mill-post tal-ħażna, u jkun inkluż fl-inkartament tal-pagament.

5. Fil-każ ta’ irregolaritajiet li jaffettwaw mill-anqas 5 % tal-kwantitajiet ikkontrollati, il-kontroll irid jinfirex għal fuq kampjun akbar li jkun stabbilit mill-awtorità kompetenti.

L-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni b'każi bħal dawn fi żmien erba’ ġimgħat.

Sezzjoni 3

Għajnuna għall-ħażna

Artikolu 34

1. Għajnuna għal ħażna fil-privat kif preskritta fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 tista’ tingħata biss meta l-perjodu tal-ħażna kuntrattwali jkun bejn 60 u 180 ġurnata.

Fejn il-kuntrattur jonqos li jħares il-limitu taż-żmien imsemmi fl-Artikolu 33(3) ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuna titnaqqas bi 15 % u titħallas biss fuq il-perjodu li għalih il-kuntrattur jipprovdi prova sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li t-trab tal-ħalib xkumat baqa’ f’ħażna kuntrattwali.

2. Bla ħsara għall-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tiffissa l-ammont ta’ l-għajnuna skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999.

3. L-għajnuna titħallas fuq applikazzjoni mill-kuntrattur, fl-aħħar tal-perjodu tal-ħażna kuntrattwali, fi żmien 120 ġurnata wara l-irċevuta ta’ l-applikazzjoni, sakemm il-kontrolli msemmijin fl-Artikolu 33(3) ikunu saru u l-kondizzjonijiet għad-dritt għall-għajnuna jkunu tħarsu.

Madankollu, jekk tkun għaddejja inkjesta amministrattiva dwar id-dritt għall-għajnuna, il-pagament ma jsirx qabel dan id-dritt ikun rikonoxxut.

Artikolu 35

Jekk il-qagħda tas-suq titlob hekk, l-ammont ta’ l-għajnuna, il-perjodi tad-dħul fil-ħażna u t-tneħħija, u t-tul massimu tal-ħażna jistgħu jitbiddlu matul is-sena għal kuntratti li għadhom iridu jkunu konklużi.

KAPITOLU IV

IN-NOTIFIKA

Artikolu 36

Mhux aktar tard minn nofsinhar (ħin ta’ Brussel) ta’ kull nħar t’Erbgħa, l-Istati Membri għandhom javżaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta' trab tal-ħalib xkumat li, matul il-ġimgħa ta’ qabel, kienu s-suġġett ta’:

(a) offerta ta’ bejgħ skond l-Artikolu 5;

(b) kuntratt ta’ bejgħ skond l-Artikolu 22(1);

(ċ) kuntratt ta’ ħażna fil-privat skond l-Artikolu 28.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2213/76, (KEE) Nru 1362/87, (KEE) Nru 1158/91 u (KE) Nru 322/96 huma b'dan imħassrin.

Ir-riferenzi għar-regolamenti mħassra għandhom jiġu interpretati bhala riferenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 38

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-12 ta’ Jannar 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48.

[2] ĠU L 118, tad-19.5.2000, p. 1.

[3] ĠU L 148, tat-28.6.1968, p. 13.

[4] ĠU L 78, ta' l-20.3.1987, p. 10.

[5] ĠU L 249, tal-11.9.1976, p. 6.

[6] ĠU L 279, tal-31.10.1996, p. 15.

[7] ĠU L 129, tad-19.5.1987, p. 9.

[8] ĠU L 80, tat-30.3.1996, p. 48.

[9] ĠU L 112, ta' l-4.5.1991, p. 65.

[10] ĠU L 16, tal-21.1.1999, p. 19.

[11] ĠU L 45, tat-23.2.1996, p. 5.

[12] ĠU L 52, tal-21.2.1998, p. 20.

[13] ĠU L 268, ta' l-14.9.1992, p. 1.

[14] ĠU L 205, tat-3.8.1985, p. 5.

[15] ĠU L 216, tal-5.8.1978, p. 1.

[16] ĠU L 288, tad-9.11.1996, p. 6.

[17] ĠU L 62, tas-7.3.1980, p. 5.

--------------------------------------------------

ANNESS I

ĦTIĠIJIET GĦALL-KOMPOŻIZZJONI, KARATTERISTIĊI TA' KWALITÀ U METODI ANALITIĊI

Parametri | Kontenut u karatteristiċi tal-kwalità | Metodu ta' riferenza |

Kontenut ta' proteina | Minimu ta' 31.4 % ta' materja niexfa bla xaħam | |

Kontenut ta' xaħam | Massimu ta' 1.00 % | |

Kontenut ta' ilma | Massimu ta' 3,5 % | |

Aċidità tratabbli f'ml ta' soluzzjoni ta' sodju idrossidu deċinormali | Massimu ta' 19,5 ml | |

Kontenut ta' lactate | Massimu ta' 150 mg/100 g | |

Addittivi | Xejn | |

Eżami tal-phosphatase | Negattiv, i.e. daqs jew anqas minn 4 µg ta' phenol għal kull gramma ta' ħalib kostitwit | |

Indiċi ta' solubilità | Massimu ta' 0,5 ml (24°C) | |

Indiċi ta' partiċelli maħruqin | Massimu ta' 15,0 mg, i.e. disc B minimu | |

Kontenut ta' mikro-organismi | Massimu ta' 40 000 kull gramma | |

Preżenza ta' koliformi | Negattiv f'0,1 g | |

Preżenza ta' xorrox tal-butir | Negattiv | |

Preżenza ta' xorrox tat-tames | Xejn | |

Preżenza ta' xorrox aċiduż | Xejn | Metodu approvat mill-awtorità kompetenti |

Togħma u riħa | Nadifa | |

Dehra | Abjad jew ta' kulur safrani, ħieles minn impuritajiet u partiċelli kuluriti | |

Sustanzi kontra l-mikrobi | Negattiv | |

--------------------------------------------------

ANNESS II

L-IPPAKKETTJAR

1. It-trab tal-ħalib xkumat għandu jkun ippakkettjat f’boroż ġodda, nodfa, nexfin u sħaħ b’piż nett ta’ 25 kg.

2. Il-boroż irid ikollhom mill-anqas tliet saffi, li flimkien jikkorrispondu mill-anqas għal medja ta’ 420 J/m2 TEA.

It-tieni saff għandu jkun miksi b’saff ta’ polietilina ta’ mill-anqas 15 g/m2.

Ġewwa s-saffi tal-karti, borża tal-polietilina bi ħxuna ta’ mill-anqas 0,08 mm tkun mgħaqqda mal-qiegħ.

3. Il-boroż iridu jkunu konformi ma’ l-istandard EN 770.

4. Waqt il-mili, it-trab irid jiġi ppressat sew l-isfel. Trab waħdu mhux ippressat għall-ebda raġuni m’għandu jitħalla jidħol bejn is-saffi diversi.

--------------------------------------------------

ANNESS III

IT-TEĦID TA' KAMPJUNI U L-ANALIŻI TAT-TRAB TAL-ĦALIB XKUMAT OFFERT GĦALL-INTERVENT

1. Il-kampjuni jittieħdu skond il-proċedura preskritta fl-Istandard Internazzjonali ISO 707. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodu ieħor għat-teħid tal-kampjuni sakemm dan jikkonforma mal-prinċipji ta’ l-istandard imsemmi hawn fuq.

2. In-numru ta’ pakketti li għandhom jintgħażlu għall-kontrolli fuq il-kampjuni:

(a) offerti li fihom sa 800 borża ta’ 25kg: mill-anqas tmienja,

(b) offerti li fihom aktar minn 800 borża ta’ 25kg: mill-anqas tmienja, u wieħed għal kull 800 borża addizzjonali jew parti minnhom.

3. Il-piż tal-kampjun: kampjuni ta’ mill-anqas 200g għandhom jittieħdu minn kull pakkett.

4. Formazzjoni ta' gruppi ta’ kampjuni: mhux aktar minn disa’ kampjuni m’għandhom jingħaqdu f’kampjun globali.

5. Analiżi ta' kampjuni: kull kampjun globali jrid jgħaddi minn analiżi biex ikunu verifikati l-karatteristiċi kollha ta' kwalità preskritti fl-Anness I.

6. Meta l-kampjuni juru difetti:

(a) meta kampjun kompost juri difett dwar parametru wieħed, il-kwantità minn fejn ittieħed il-kampjun titwarrab;

(b) meta kampjun kompost juri difett dwar aktar minn parametru wieħed, il-kwantità minn fejn ittieħed il-kampjun titwarrab u kampjuni jittieħdu mill-kwantitajiet li jkun baqa’ mill-istess impjant; l-analiżi ta’ dawk il-kampjuni tkun deċiżiva. F'dak il-każ:

- in-numru ta’ kampjuni preskritt fil-punt 2 ikun irduppjat,

- meta kampjun kompost juri difett dwar parametru wieħed jew aktar, il-kwantità minn fejn ittieħed il-kampjun titwarrab;

--------------------------------------------------