32001L0115



Official Journal L 015 , 17/01/2002 P. 0024 - 0028


Id-Direttiva tal-Kunsill tal-KE 2001/115

ta' l-20 ta' Diċembru 2001

li temenda d-Direttiva tal-KEE 77/388 bil-għan li tissimplifika, timmodernizza u tqabbel il-kondizzjonijiet stabbiliti biex tinħareġ il-fattura rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Il-kondizzjonijiet preżenti stabbiliti biex issir il-fattura u elenkati fl-Artikolu 22(3), fil-verżjoni mogħtija fl-Artikolu 28h tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill tal-KEE 77/388 tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mat-taxxi fuq il-qligħ - sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażijiet uniformi ta' stima [4], huma relattivament ftit fil-għadd, b'hekk huwa f'idejn l-Istati Membri biex jiddefinixxu dawn l-aktar kondizzjonijiet importanti. Fl-istess ħin, il-kondizzjonijiet ma jibqgħux aktar adattati meta wieħed jikkunsidra l-iżvilupp ta' teknoloġiji u metodi ġodda ta' fattura.

(2) Ir-rapport tal-Kummissjoni fuq it-tieni fażi ta' l-eżerċizzju SLIM (Leġislazzjoni iktar sempliċi għas-Suq Komuni) irrikkmanda li jitwettaq studju biex ikun deċiż liema dettalji għandhom ikunu meħtieġa għal finijiet tal-VAT meta tkun qed toħroġ fattura u liema huma r-rekwiżiti legali u tekniċi rigward ħruġ ta' fattura elettronika.

(3) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Ecofin ta' Ġunju 1998 enfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku ġab il-bżonn li jkun stabbilit qafas legali għall-użu ta' ħruġ ta' fattura elettronika biex amministrazzjonijiet ta' taxxa jkunu jistgħu jkomplu jwettqu l-kontrolli tagħhom.

(4) Huwa għalhekk neċessarju, biex ikun żgurat li s-suq intern jiffunzjona sewwa, li jitfassal elenku, konformi fuq livell tal-Komunità, tad-dettalji li għandhom jidhru fuq il-fatturi għal finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u biex ikunu stabbiliti għadd ta' arranġamenti komuni li jirregolaw l-użu ta' ħruġ ta' fattura elettronika u l-ħażna elettronika ta' fatturi, kif ukoll biex jikkontjaw lilhom infushom u biex jikkuntrattaw l-operazzjonijiet ta' ħruġ ta' fatturi.

(5) Fl-aħħarnett, il-ħażna ta' fatturi għandha tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva tal-KE 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 fuq il-protezzjoni ta' individwi rigward l-ipproċessar ta' data personali u fuq il-moviment ħieles ta' din id-data [5].

(6) Mill-introduzzjoni ta' l-arranġamenti transizzjonali tal-VAT ta' l-1993, il-Greċja adottat il-prefiss EL aktar mill-prefiss GR stabbilit fl-Istandard Internazzjonali ta' l-ISO Nru 3166 - alpha 2 riferut fl-Artikolu 22(1)(d). Minħabba l-konsegwenzi ta' l-emendar tal-prefiss fl-Istati Membri kollha, huwa importanti li tkun stabbilita eċċezzjoni għall-Greċja kemm-il darba l-Istandard ISO ma japplikax fil-Greċja.

(7) Id-Direttiva tal-KEE 77/388 għandha għalhekk tkun emendata f'dan is-sens,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva tal-KEE 77/388 hija b'dan emendata skond l-Artikoli li ġejjin.

Artikolu 2

Fl-Artikolu 28h (li jibdel l-Artikolu 22 ta' l-istess Direttiva), l-Artikolu 22 għandu jkun emendat kif ġej:

1. Is-sentenza li ġejja għandha tiżdied mal-paragrafu 1(d):"Madankollu, ir-Repubblika Ellenika għandha tkun awtorizzata li tuża l-prefiss "EL"."

2. Il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"3. (a) Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li tinħareġ fattura, jew minnha nnifisha jew mill-klijent tagħha jew, f'isimha u għan-nom tagħha, minn terza parti, rigward oġġetti jew servizzi li tkun issuplixxiet jew tat lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura wkoll li tinħareġ fattura, jew minnha nnifisha jew mill-klijent tagħha jew, f'isimha u għan-nom tagħha, minn terza parti, rigward il-provvisti ta' oġġetti riferuti fl-Artikolu 28b(B)(1) u rigward oġġetti fornuti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28ċ(A).

Kull persuna taxxabbli għandha bl-istess mod tiżgura li tinħareġ fattura, jew minnha nnifisha jew mill-klijent tagħha jew, f'isimha u għan-nom tagħha, minn terza parti, rigward kull ħlas fuq kont magħmul lilha qabel kull provvista ta' oġġetti riferuta fl-ewwel sottoparagrafu u rigward kull ħlas fuq kont magħmul lilha minn persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli qabel il-forniment ta' servizzi jkun tlesta.

L-Istati Membri jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli obbligu li joħorġu fattura rigward oġġetti jew servizzi oħra barra minn dawk riferuti fis-sottoparagrafi preċedenti li jkunu fornew jew taw fit-territorju tagħhom. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jimponu inqas obbligi rigward dawn il-fatturi minn dawk elenkati taħt punti (b), (ċ) u (d).

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw persuni taxxabbli mill-obbligu li joħorġu fattura rigward oġġetti jew servizzi li jkunu fornew jew taw fit-territorju tagħhom u li jkunu eżenti, b'rimbors tat-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti jew mingħajru, skond l-Artikolu 13, l-Artikolu 28(2)(a) u l-Artikolu 28(3)(b).

Kull dokument jew messaġġ li jemenda u jirreferi speċifikament u mingħajr ambigwità għall-fattura oriġinali għandu jitqies bħala fattura. L-Istati Membri li fit-territorju tagħhom oġġetti jew servizzi jkunu fornuti jew mogħtija jistgħu jippermettu uħud mid-dettalji obbligatorji li jitħallew barra minn dawn id-dokumenti jew messaġġi.

L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta' żmien għall-ħruġ ta' fatturi fuq persuni taxxabbli li jfornu oġġetti u servizzi fit-territorju tagħhom.

Taħt kondizzjonijiet li għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri li fit-territorju tagħhom oġġetti jew servizzi jkunu fornuti jew mogħtija, jista' jinħareġ sommarju ta' fattura għal diversi provvisti separati ta' oġġetti jew servizzi.

Fatturi jistgħu jinħarġu mill-klijent ta' persuna taxxabbli rigward oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija lilha minn dik il-persuna taxxabbli, bil-kondizzjoni li jkun hemm ftehim mill-bidu bejn iż-żewġ partijiet, u bil-kondizzjoni li teżisti proċedura għall-aċċettazzjoni ta' kull fattura mill-persuna taxxabbli li tkun tforni l-oġġetti jew is-servizzi. L-Istati Membri li fit-territorju tagħhom l-oġġetti jew is-servizzi jkunu pprovduti jew mogħtija għandhom jiddeterminaw it-termini u l-kondizzjonijiet tal-ftehim u tal-proċeduri ta' l-aċċettazzjoni bejn il-persuna taxxabbli u l-klijent tagħha.

L-Istati Membri jistgħu jimponu aktar kondizzjonijiet fuq il-ħruġ ta' fatturi mill-klijenti ta' persuni taxxabbli li jfornu oġġetti jew servizzi fit-territorju tagħhom. Bħala eżempju, jistgħu jitolbu li dawn il-fatturi jinħarġu f'isem u għan-nom tal-persuna taxxabbli. Dawn il-kondizzjonijiet iridu jkunu dejjem l-istess kull fejn il-klijent ikun stabbilit.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għal persuni taxxabbli li jissupplixxu oġġetti jew servizzi fit-territorji tagħhom f'każi fejn it-terza parti, jew il-klijent, li joħroġ il-fatturi jkun stabbilit f'pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma' għajnuna reċiproka simili fl-iskop għal dak stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill tal-KEE 76/308 tal-15 ta' Marzu 1976 fuq għajnuna reċiproka għall-irkuprar ta' talbiet relatati ma' ċertu ħlas impost, dazji, taxxi u miżuri oħra [6], id-Direttiva tal-Kunsill tal-KEE 77/799 tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fil-qasam ta' tassazzjoni diretta u indiretta [7] u bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 218/92 tas-27 ta' Jannar 1992 fuq koperazzjoni amministrattiva fil-qasam ta' tassazzjoni indiretta (VAT) [8].

(b) Mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti speċifiċi stabbiliti b'din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għal finijiet ta' VAT fuq fatturi maħruġa skond l-ewwel, it-tieni u t-tielet sottoparagrafu ta' punt(a):

- id-data tal-ħruġ;

- numru ta' sekwenza, ibbażat fuq serje waħda jew aktar, li jidentifika l-fattura b'mod uniku,

- in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT riferut fil-paragrafu 1(ċ) li taħtu l-persuna taxxabbli forniet l-oġġetti jew servizzi;

- fejn il-klijent ikun responsabbli li jħallas taxxa fuq oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija jew li kien fornut b'oġġetti kif inhu riferut fl-Artikolu 28ċ(A), in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT kif inhu riferut fil-paragrafu 1(ċ) li taħtu l-oġġetti kienu fornuti jew is-servizzi kienu mogħtija lilu;

- l-isem sħiħ u l-indirizz tal-persuna taxxabbli u tal-klijent tagħha;

- il-kwantità u n-natura ta' l-oġġetti fornuti jew il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija;

- id-data li fiha l-provvista ta' oġġetti jew servizzi kienet saret jew tlestiet jew id-data li fiha l-ħlas fuq il-kont riferut fit-tieni sottoparagrafu tal-punt (a) kien sar, sakemm dik id-data tkun tista' tkun iddeterminata u tkun tiddifferixxi mid-data tal-ħruġ tal-fattura;

- l-ammont taxxabbli għal kull rata jew eżenzjoni, il-prezz ta l-unità mingħajr taxxa u kull roħs jew ħlas lura jekk ma jkunux inklużi fil-prezz ta l-unità;

- ir-rata ta' VAT applikata;

- l-ammont ta' VAT li għandu jitħallas, għajr fejn ikun applikat arranġament speċifiku li għalih din id-Direttiva teskludi dan id-dettall;

- fejn tkun involuta eżenzjoni jew fejn il-klijent ikun obbligat li jħallas it-taxxa, ir-riferenza għad-dispożizzjoni approprjata ta' din id-direttiva, għad-disposizzjoni nazzjonali korrispondenti, jew għal kull indikazzjoni li l-provvista hija eżenti jew bla ħsara għall-proċedura ta' ħlas minn min ta s-servizz jew għamel il-fornitura;

- fejn il-fornitura ta' mezz ġdid ta' trasport fi ħdan il-Komunità tkun involuta, il-partikolaritajiet speċifikati fl-Artikolu 28a(2);

- fejn l-iskema ta' marġni tkun applikata, riferenza għall-Artikolu 26 jew 26a, għad-disposizzjonijiet nazzjonali korrispondenti, jew għal kull indikazzjoni oħra li l-iskema ta' marġni kienet applikata;

- fejn il-persuna obbligata li tħallas it-taxxa hija rappreżentant tat-taxxa fis-sens ta' l-Artikolu 21(2), in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-paragrafu 1(ċ) ta' dak ir-rappreżentant tat-taxxa, flimkien ma' l-isem sħiħ u l-indirizz tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jitolbu li persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom u li jfornu oġġetti jew servizzi fit-territorju tagħhom jindikaw in-numru ta' identifikazzjoni tal-VAT riferut fil-paragrafu 1(ċ) tal-klijent tagħhom f'każijiet għajr dawk riferuti fir-raba' inċiż ta' l-ewwel sottoparagrafu.

L-Istati Membri m'għandhomx jitolbu li l-fatturi jkunu ffirmati.

L-ammonti li jidhru fuq il-fattura jistgħu jkunu f'kull munita, kemm-il darba l-ammont ta' taxxa li għandu jitħallas ikun espress fil-munita nazzjonali ta' l-Istat Membru fejn isseħħ il-provvista ta' oġġetti jew servizzi, billi jużaw il-mekkaniżmu ta' kambju stabbilit fl-Artikolu 11 Ċ(2).

Fejn meħtieġ għal skopijiet ta' kontroll, l-Istati Membri jistgħu jitolbu li fatturi ta' oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija fit-territorju tagħhom u fatturi li persuni taxxabbli jirċievu fit-territorju tagħhom biex ikunu tradotti fil-lingwi nazzjonali tagħhom.

(ċ) Fatturi maħruġa skond il-punt (a) jistgħu jintbagħtu kemm fuq karta jew, bla ħsara għal jekk jaċċettax il-klijent, b'mezzi elettroniċi.

Fatturi mibgħuta b'mezzi elettroniċi għandhom ikunu aċċettati mill-Istati Membri sakemm l-awtentiċità ta' l-oriġini u l-integrità tal-kontenut ikunu ggarantiti:

- permezz ta' firma elettronika avvanzata fis-sens ta' l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-KE 1999/93 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 f'qafas tal-Komunità għal firem elettroniċi [9]; l-Istati Membri jistgħu b'danakollu jitolbu biex il-firma elettronika avvanzata tkun ibbażata fuq ċertifikat ikkwalifikat u maħluq minn strument li jikrea firma żgura, fis-sens ta' l-Artikolu 2(6) u [10] tad-Direttiva msemmija iktar 'il fuq;

- jew permezz ta' skambju ta' data elettronika (EDI) kif imfissra fl-Artikolu 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-KE 1994/820 tad-19 ta' Ottubru 1994 relatata ma' l-aspetti legali ta' skambju ta' data elettronika (10) meta l-ftehim relatat ma' l-iskambju jipprovdi għall-użu ta' proċeduri li jiggarantixxu l-awtentiċità ta' l-oriġini u l-integrità tad-data; b'danakollu l-Istati Membri jistgħu, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, jitolbu li jkun meħtieġ dokument ta' sommarju addizzjonali fuq il-karta.

Il-fatturi jistgħu, b'danakollu, jintbagħtu b'mezzi elettroniċi oħra bla ħsara għall-aċċettazzjoni mill-Istat(i) Membru(i) kkonċernat(i). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008, rapport, flimkien ma' proposta, jekk ikun xieraq, li temenda l-kondizzjonijiet fuq fatturi elettroniċi sabiex tikkunsidra żviluppi teknoloġiċi futuri possibbli f'dan il-qasam.

L-Istati Membri ma jistgħu jimponu fuq persuni taxxabbli li jkunu qed ifornu oġġetti jew servizzi fit-territorju tagħhom ebda obbligu jew formalità oħra relatata mat-trasmissjoni ta' fatturi b'mezzi elettroniċi. B'danakollu kollu, huma jistgħu jipprovdu, sal-31 ta' Diċembru 2005, li l-użu ta' din is-sistema għandha tkun bla ħsara għal avviż minn qabel.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għal fatturi maħruġa b'mezzi elettroniċi għal oġġetti jew servizzi fornuti fit-territorji tagħhom minn pajjiż li miegħu ma jeżisti l-ebda strument legali relatat ma' għajnuna reċiproka simili fl-iskop għal dik stabbilita bid-Direttivi tal-KEE 76/308 u KEE 77/799 u bir-Regolament (KEE) Nru 218/92.

Meta lottijiet li jkun fihom diversi fatturi jintbagħtu lill-istess riċevitur b'mezzi elettroniċi, id-dettalji li jkunu komuni għall-fatturi individwali jistgħu jkunu msemmija darba biss jekk, l-informazzjoni kollha tkun aċċessibbli għal kull fattura.

(d) Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li l-kopji ta' fatturi maħruġa minnha, mill-klijent tagħha jew, f'isimha u għan-nom tagħha, minn terza parti, u l-fatturi kollha li hija rċiviet jkunu maħżuna.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-persuna taxxabbli tista' tiddeċiedi l-post ta' ħażna kemm-il darba tagħmel il-fatturi jew l-informazzjoni maħżuna hemm disponibbli mingħajr telf ta' żmien lill-awtoritajiet kompetenti kull meta jitolbu dan. L-Istati Membri jistgħu, b'danakollu, jitolbu biex persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom jgħarrfuhom bil-post tal-ħażna, jekk dan ikun barra mit-territorju tagħhom. L-Istati Membri jistgħu, barra dan, jitolbu biex persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom jaħżnu ġewwa l-pajjiż fatturi maħruġa minnhom stess jew mill-klijenti tagħhom jew, f'isimhom u għan-nom tagħhom, minn terza parti, kif ukoll il-fatturi kollha li jkunu rċivew, meta l-ħażna ma tkunx b'mezzi elettroniċi li tiggarantixxi aċċess sħiħ on-line għad-data relatata.

L-awtentiċità ta' l-oriġini u l-integrità tal-kontenut tal-fatturi, kif ukoll kemm huma leġġibbli, għandhom ikunu ggarantiti matul il-perijodu ta' ħażna. Rigward il-fatturi riferuti fit-tielet sottoparagrafu ta' punt (ċ), l-informazzjoni li jkollhom ma tistax tkun mibdula; għandha tibqa' leġġibbli matul il-perijodu msemmi aktar 'il fuq.

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-perjodu li għalih persuni taxxabbli jkollhom jaħżnu l-fatturi relatati ma' oġġetti jew servizzi fornuti fit-territorju tagħhom u l-fatturi li jirċievu persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tagħhom.

Sabiex jiżguraw li l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tielet sottoparagrafu jkunu obduti, l-Istati Membri riferuti fir-raba' sottoparagrafu jistgħu jitolbu li l-fatturi jinħażnu fil-forma oriġinali li jkunu ntbagħtu fiha, sew jekk tkun karta sew jekk elettronika. Huma jistgħu wkoll jitolbu li meta l-fatturi jinħażnu b'mezzi elettroniċi, id-data li tiggarantixxi l-awtentiċità ta' l-oriġini u l-integrità tal-kontenut tinħażen ukoll.

L-Istati Membri riferuti fir-raba' sottoparagrafu jistgħu jimponu kondizzjonijiet speċifiċi li jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-ħażna ta' fatturi f'pajjiż li miegħu ma jkun jeżisti l-ebda strument legali relatat ma' għajnuna reċiproka simili fl-iskop għal dak stabbilit bid-Direttivi tal-KEE 76/308, KEE77/799 u bir-Regolament (KEE) Nru 218/92 u għad-dritt ta' aċċess b'mezzi elettroniċi, tniżżil u użu riferut fl-Artikolu 22a.

L-Istati Membri jistgħu, bla ħsara għal kondizzjonijiet li huma jistabbilixxu, jitolbu l-ħażna ta' fatturi li jkunu rċevew persuni mhux taxxabbli.

(e) Għall-finijiet tal-punti (ċ) u (d), trasmissjoni u ħażna ta' fatturi "b’meżżi elettroniċi" għandha tfisser trasmissjoni jew li tagħmel disponibbli lir-riċevitur u ħażna li tuża tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkuż kompressjoni diġitali) u ħażna ta' data, u tuża wajers, trasmissjoni tar-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi elettromanjetiċi oħra.

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dokumenti jew messaġġi f'forma ta' karta jew elettronika bħala fatturi jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan il-paragrafu."

3. Is-sottoparagrafu li ġej għandu jiżdied ma' paragrafu 8:

"L-għażla li hemm ipprovdut għaliha fl-ewwel sottoparagrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-paragrafu 3."

4. Is-sottoparagrafu li ġej għandu jiżdied mal-paragrafu 9(a):

"Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet stabbiliti f'punt (d), l-Istati Membri ma jistgħux, b'danakollu, jeħilsu lill-persuni taxxabbli riferuti fit-tielet inċiż mill-obbligi riferuti fl-Artikolu 22(3)."

5. Il-punt li ġej għandu jinżied mal-paragrafu 9:

"(d) Bla ħsara għall-konsultazzjoni mal-Kumitat li hemm ipprovdut għalih fl-Artikolu 29 u skond il-kondizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li fatturi ta' oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija fit-territorju tagħhom m'għandhomx bżonn jissodisfaw uħud mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3(b) fil-każijiet li ġejjin:

- meta l-ammont tal-fattura huwa żgħir, jew

- meta prattika kummerċjali jew amministrattiva fis-settur tan-negozju relatat jew il-kondizzjonijiet tekniċi li taħthom jinħarġu l-fatturi jagħmluha diffiċli li jkunu konformi mar-rekwiżiti kollha riferuti fil-paragrafu 3(b).

- id-data tal-ħruġ,

- identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli,

- identifikazzjoni tat-tip ta' oġġetti fornuti jew servizzi mogħtija,

- it-taxxa dovuta jew l-informazzjoni meħtieġa biex issir stima tagħha.

L-arranġamenti simplifikati li hemm ipprovdut għalihom f'dan il-punt ma jistgħux ikunu applikati għal transazzjonijiet riferuti fil-paragrafu 4(ċ)."

6. Il-punt li ġej għandu jinżied mal-paragrafu 9:

"(e) F'każijiet fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla li hemm ipprovdut għaliha fit-tielet inċiż ta' punt (a) li jastjenu milli jallokaw numru kif riferut fil-paragrafu 1(ċ) lil persuni taxxabbli li ma jwettqu l-ebda waħda mit-transazzjonijiet riferuti fil-paragrafu 4(ċ), u fejn il-fornitur jew il-klijent ma jkunux ġew allokati numru ta' identifikazzjoni ta' dan it-tip, il-fattura għandha turi minflok numru ieħor magħruf bħala n-numru ta' riferenza tat-taxxa, kif inhu definit mill-Istati Membri kkonċernati.

Meta l-persuna taxxabbli tkun ġiet allokata numru ta' identifkazzjoni kif riferut fil-paragrafu 1(ċ), l-Istati Membri riferuti fl-ewwel sottoparagrafu jistgħu wkoll jitolbu li l-fattura turi:

- għal servizzi mogħtija riferuti fl-Artikolu 28b(Ċ), (D), (E) u (F) u għall-provvista ta' oġġetti riferuta fl-Artikolu 28ċ(A) u (E) punt 3, in-numru riferut fil-paragrafu 1(ċ) u n-numru ta' riferenza tat-taxxa tal-fornitur;

- għall-provvisti ta' oġġetti u servizzi oħra, in-numru ta' riferenza tat-taxxa tal-fornitur biss jew in-numru riferut fil-paragrafu 1(ċ) biss."

Artikolu 3

"Artikolu 22a

Dritt għall-aċċess għall-fatturi maħżuna b'mezzi elettroniċi fi Stat Membru ieħor

Meta persuna taxxabbli taħżen fatturi li toħroġ jew tirċievi b'mezzi elettroniċi waqt li tiggarantixxi aċċess on-line għad-data u meta l-post ta' ħażna jkun fi Stat Membru għajr dak li fih il-persuna tkun stabbilita, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita għandu jkollhom id-dritt, għall-fini ta' din id-direttiva, biex jaċċessaw b'mezzi elettroniċi, iniżżlu u jużaw dawn il-fatturi fil-limiti stipulati bir-regolamenti ta' l-Istat Membru fejn il-persuna taxxabbli tkun stabbilita u sa fejn dak l-Istat jeħtieġ għal raġunijiet ta' kontroll."

Artikolu 4

1. Il-kliem "jew tad-dokument li jservi ta' fattura" għandu jitħassar mill-ewwel u t-tielet inċiż tat-tielet sottoparagrafu ta' l-Artikolu 10(2).

2. Il-kliem "jew fuq id-dokumenti l-oħra kollha li jservu bħala fattura" għandu jitħassar mill-Artikolu 24(5) u l-kliem "jew fuq kull dokument ieħor li jservi bħala fattura" għandu jitħassar mill-Artikolu 26a(B), punt 9.

3. Il-kliem "jew dokument minfloku" għandu jitħassar minn punt 4 ta' l-Artikolu 26a(Ċ).

4. Il-kliem "jew dokument ieħor li jservi bħala fattura" u "jew dokument" għandu jitħassar mill-Artikolu 28d(3) u mit-tieni sottoparagrafu ta' l-Artikolu 28d(4).

5. Fl-Artikolu 28g (li jieħu post l-Artikolu 21 ta' l-istess Direttiva), l-Artikolu 21 għandu jkun emendat kif ġej:

- Il-kliem "jew dokument ieħor li jservi bħala fattura" għandu jitħassar mill-paragrafu 1(d).

6. Il-kliem "jew fuq kull dokument ieħor minfloku" għandu jitħassar mill-Artikolu 28o(1)(e).

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva b'seħħ mill-1 ta' Jannar 2004. Huma għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif jagħmlu din ir-riferenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

C. Picqué

[1] ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 145.

[2] Fehma mogħtija fit-13 ta' Ġunju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 193, ta' l-10.7.2001, p. 53.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-KE 2001/4 (ĠU L 22, ta' l-24.1.2001, p. 17).

[5] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[6] ĠU L 73, tad-19.3.1976, p. 18. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-KE 2001/44 (ĠU L 175, tat-28.6.2001, p. 17).

[7] ĠU L 336, tas-27.12.1977, p. 15. Direttiva kif emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[8] ĠU L 24, ta' l-24.7.1997, p. 1.

[9] ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 12.

[10] ĠU L 338, tat-28.12.1994, p. 98.

--------------------------------------------------