32001L0108



Official Journal L 041 , 13/02/2002 P. 0035 - 0042


Id-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tal-21 ta' Jannar 2002

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE dwar il-kordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi għal investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS),

b'rigward għal investimenti ta' UCITS.IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li aġixxew skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Il-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE [4] ġie limitat inizjalment għal impriżi ta' investiment kollettiv tat-tip miftuħ li jippromwovu l-bejgħ ta' l-unitajiet tagħhom lill-pubbliku fil-Komunità u li l-mira unika tagħhom hija l-investiment f'titoli trasferibbli (UCITS). Kien maħsub fil-preambolu għad-Direttiva 85/611/KEE li impriżi ta' investiment kollettiv li jaqgħu barra l-qasam ta' applikazzjoni tagħha kienu jkunu s-suġġett ta' kordinazzjoni fi stadju iktar tard.

(2) Meħud kont ta' l-iżviluppi tas-suq, huwa mixtieq li l-mira ta' investiment ta' l-UCITS titwessa' sabiex jitħallew jinvestu fi strumenti finanzjarji, barra minn titoli trasferibbli, li huma suffiċjentement likwidi. L-istrumenti finanzjarji li huma eliġibbli biex ikunu assi ta' investiment tal-portfolio ta' l-UCITS huma elenkati f'din id-Direttiva. L-għażla ta' investimenti għal portfolio permezz ta' indiċi hija teknika ta' amministrazzjoni.

(3) Id-definizzjoni ta' titoli trasferibbli inkluża f'din id-Direttiva hija valida biss għal din id-Direttiva u ma teffettwa b'ebda mod id-definizzjonijiet varji wżati fil-leġislazzjoni nazzjonali għal skopijiet oħrajn bħat tassazzjoni. Konsegwentement, ishma u titoli oħrajn ekwivalenti għal ishma maħruġa minn korpi bħal soċjetajiet tal-bini u soċjetajiet industrijali u providenti, li t-titolarità tagħhom ma tistax fil-prattika tiġi trasferita ħlief permezz tal-korp tal-ħruġ li jixtrihom lura, mhumiex koperti b'din id-definizzjoni.

(4) Strumenti tas-suq tal-flus ikopru dawk l-istrumenti trasferibbli li ma jkunx hemm normalment negozju fuqhom fi swieqi regolati imma jiġu trattati fis-suq tal-flus, per eżempju bills tat-Teżor u ta' l-awtoritajiet lokali, ċertifikati ta' depożitu, karta kummerċjali, noti għal żmien medju u aċċettazzjonijiet bankarji.

(5) Huwa utli li jiġi assigurat li l-kunċett ta' suq regolat f'din id-Direttiva jikkorrispondi għal dak fid-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta' l-10 ta' Mejju 1993 dwar servizzi ta' investiment fil-qasam tat-titoli [5].

(6) Huwa mixtieq li UCITS titħalla tinvesti l-assi tagħha f'unitajiet ta' UCITS u/jew impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv tat-tip miftuħ li wkoll jinvestu f'assi likwidi finanzjarji msemmija f'din id-Direttiva u li joperaw fuq il-prinċipju ta' tixrid tar-riskju. Huwa neċessarju li UCITS jew impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv li fihom tinvesti UCITS ikunu soġġetti għal sorveljanza effettiva.

(7) L-iżvilupp ta' opportunitajiet għal UCITS biex tinvesti f'UCITS u f'impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv għandu jiġi ffaċilitat. Huwa għalhekk essenzjali li jiġi assigurat li din l-attività ta' investiment ma tnaqqasx il-protezzjoni ta' l-investitur. Minħabba possibbiltajiet imtejjba biex UCITS tinvesti fl-unitajiet ta' UCITS oħra u/jew impriżi ta' investiment kollettiv, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ċerti regoli dwar limiti kwantitattivi, l-iżvelar ta' informazzjoni u l-prevenzjoni tal-fenomenu ta' cascade.

(8) Sabiex jittieħed kont ta' żviluppi tas-suq u konsiderazzjoni tal-kompletazzjoni ta' unjoni ekonomika u monetarja huwa mixtieq li UCITS titħalla tinvesti f'depożiti bankarji. Sabiex tiġi assigurata likwidità adegwata ta' investimenti f'depożiti, dawn id-depożiti għandhom jitħallsu lura fuq talba jew ikunu jistgħu jiġu rtirati. Jekk id-depożiti jsiru ma' istituzzjoni ta' kreditu li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jkun jinsab fi Stat mhux membru, l-istituzzjoni ta' kreditu għandha tkun soġġetta għal regoli prudenti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja.

(9) Barra mill-każ li fih UCITS tinvesti f'depożiti bankarji skond ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni taghħa, jista' jkun neċessarju li UCITS titħalla żżomm assi likwidi anċillari, bħal depożiti bankarji in vista. Meta jinżammu dawn l-assi likwidi anċillari dan jista' biss jiġi ġustifikat, per eżempju, fil-każijiet li ġejjin: sabiex jiġu koperti pagamenti kurrenti jew eċċezzjonali; fil każ ta' bejgħ, għaż-żmien neċessarju biex ikun hemm investiment mill-ġdid f'titoli trasferibbli, fi strumenti tas-suq tal-flus u/jew f'assi finanzjarji oħra previsti f'din id-Direttiva; għal perjodu ta' żmien strettament neċessarju meta, minħabba kondizzjonijiet sfavorevoli tas-suq, l-investiment f'titoli trasferibbli, strumenti tas-suq tal-flus u assi finanzjarji oħra għandu jiġi sospiż.

(10) Għal raġunijiet prudenti huwa neċessarju li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva minn UCITS f'investimenti li jesponuhom għal riskju ta' kontraparti lill-istess entità jew lil entitajiet li jappartjenu għall-istess grupp.

(11) UCITS għandhom jitħallew espliċitament, bħala parti mill-politika ġenerali ta' investiment tagħhom u/jew għal skopijiet ta' hedging sabiex jilħqu mira finanzjarja stabbilita jew il-profil tar-riskju indikat fil-porspektus, sabiex jinvestu fi strumenti finanzjarji derivattivi. Sabiex tiġi assigurata protezzjoni ta' l-investituri, huwa neċessarju li tiġi llimitata l-esposizzjoni massima potenzjali li tirrelata għal strumenti derivattivi sabiex ma jkunx eċċedut il-valur totali nett ta' portfolio ta' UCITS. Sabiex ikun żgurat li jkun hemm għarfien kostanti tar-riskji u l-impenni li jirriżultaw minn operazzjonijiet derivattivi u biex ikun hemm kontroll ta' konformità mal-limiti ta' investiment, dawn ir-riskji u impenni jkollhom jitkejjlu u jkun hemm monitoraġġ fuqhom fuq bażi kontinwa. Fl-aħħar, sabiex ikun hemm assigurazzjoni ta' protezzjoni ta' l-investitur permezz ta' żvelar, UCITS għandhom jiddeskrivu l-istrateġiji, t-tekniċi u l-limiti ta' investiment tagħhom li jirregolaw l-operazzjonijiet derivattivi tagħhom.

(12) Fir-rigward ta' derivattivi over-the-counter (OTC), għandhom jiġu stabbiliti ħtiġiet addizzjonali f'termini ta' eliġibbiltà ta' kontrapartijiet u strumenti, likwidità u stima kontinwa tal-posizzjoni. L-iskop ta' dawn il-ħtiġiet addizzjonali hu li jiġi assigurat livell adegwat ta' protezzjoni ta' investitur, qrib lejn dak li jottjenu meta jakkwistaw derivattivi trattati fi swieq regolati.

(13) Operazzjonijiet f'derivattivi ma jistgħu qatt jintużaw biex jevitaw il-prinċipji u r-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva. B'rigward għal derivattivi OTC, regoli addizzjonali ta' tixrid ta' riskju għandhom japplikaw għal kontraparti singola jew grupp ta' kontrapartijiet.

(14) Xi tekniċi ta' amministrazzjoni ta' portfolio għal impriżi ta' investiment kollettiv li jinvestu primarjament f'ishma u/jew titoli ta' debitu huma bażati fuq ir-replikazzjoni ta' indiċi tal-ħażna u/jew indiċi ta' sigurtà ta' debitu. Huwa mixtieq li UCITS jitħallew jirreplikaw indiċi magħrufa u rikonoxxuti ta' ħażna u/jew indiċi ta' sigurtà ta' debitu. Jista' għalhekk ikun neċessarju li jiġu ntrodotti regoli iktar flessibbli ta' tixrid ta' riskju għal UCITS li jinvestu f'ishma u/jew titoli ta' debitu għal dan l-iskop.

(15) Impriżi ta' investiment kolettiv li jaqgħu fl-iskop ta' din id-Direttiva m' għandhomx jintużaw għal skopijiet barra milli l-investiment kollettiv tal-flus akkumulati mill-pubbliku skond ir-regoli stabbiliti f'din id-Direttiva. F'każijiet identifikati minn din id-Direttiva UCITS jista' jkollha sussidjarji biss meta neċessarju sabiex jitwettqu effetivament għan-nom ta' dik l-UCITS ċerti attivitajiet, ukoll definiti f'din id-Direttiva. Huwa neċessarju li tiġi assigurata sorveljanza effettiva ta' UCITS. Għalhekk l-istabbiliment ta' sussidjarja ta' UCITS f'pajjiż terz għandu jitħalla biss fil-każijiet u taħt il-kondizzjonijiet identifikati f'din id-Direttiva. L-obbligu ġenerali li jaġixxu biss fl-interessi tat-titolari ta' l-unitajiet u, b'mod partikolari, l-mira li jiżdiedu l-effiċjenzi ta' l-ispiża, qatt ma jiġġustifikaw UCITS li jieħdu miżuri li jistgħu jimpedixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw effettivament il-funzjonijiet tagħhom ta' sorveljanza.

(16) Hemm il-bżonn li jiġi assigurat tqegħid fis-suq b'xejn transfruntieri ta' l-unitajiet ta' firxa iktar wiesa' ta' impriżi ta' investiment kollettiv, waqt li jiġi pprovdut livell uniformi minimu ta' protezzjoni ta' investitur. Għalhekk, biss Direttiva Komunitarja li torbot li tistabbilixxi standards minimi miftiehma tista' tilħaq il-miri mixtieqa. Din id-Direttiva teffettwa biss l-armonizzazzjoni minimia meħtieġa u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex intlaħqu l-miri segwiti skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat.

(17) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimetazzjoni ikkonferiti lill-Kummisjoni [6],

(18) Il-Kummissjoni tista' tikkunsidra li eventwalment tipproponi kodifikazzjoni wara l-adozzjoni tal-proposti,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 85/611/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 1(2), l-ewwel inċiż għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

- "— li l-unika mira hija l-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli u/jew f'assi likwidi finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 19(1) ta' kapital miġbur mill-pubbliku u li jopera fuq il-prinċipju ta' tixrid tar-riskju u";

2. fl-Artikolu 1 il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"8. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, "titoli trasferibbli"; għandha tfisser:

- ishma f'kumpanniji u f'titoli oħra ekwivalenti għal ishma f'kumpanniji ("ishma";),

- bonds u forom oħra ta' debitu assigurat (titoli ta' debitu),

- kull titolu ieħor negozjabbli li għandu d-dritt li jakkwista kull titolu trasferibbli bħal dan permezz ta' subscription jew skambju,

esklużi t-tekniċi u l-istrumenti msemmija fl-Artikolu 21.

9. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva "strumenti tas-suq tal-flus"; għandha tfisser strumenti normalment trattati fis-suq tal-flus li huma likwidi, u għandhom valur li jista' jiġi determinat b'mod eżatt fi kwalunkwe ħin.";

3. l-Artikolu 19(1)(a) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(a) titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus ammessi għal jew trattati f'suq regolat fis-sens ta' l-Artikolu 1(13) ta' l-ISD, u/jew";

4. fl-Artikolu 19(1)(b) u (ċ), il-kliem "u strumenti tas-suq tal-flus" għandhom jiżdiedu wara l-kliem "titoli trasferibbli";

5. fl-Artikolu 19(1):

- il-kliem "u/jew" għandhom jiżdiedu fl-aħħar tal-punt (d),

- il-punti li ġejjin għandhom jiżdiedu:

"(e) unitajiet ta' UCITS awtorizzati skond din id-Direttiva u/jew impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv fis-sens ta' l-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(2), fil-każ li jkunu jinstabu fi Stat Membru jew le, sakemm:

- dawn l-impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv huma awtorizzati taħt liġijiet li jipprovdu li huma soġġetti għal sorveljanza kkunsidrata mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-UCITS li hi ekwivalenti għal dik stabbilita fil-liġi Komunitarja, u li l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet hi assigurata biżżejjed,

- il-livell ta' protezzjoni għal titolari ta' unitajiet fl-impriżi l-oħrajn ta' investiment kollettiv huwa ekwivalenti għal dak previst għal titolari ta' unitajiet f'UCITS, u b'mod partikolari li r-regoli dwar is-segregazzjoni ta' l-assi, is-self u bejgħ skopert ta' titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus huma ekwivalenti għall-ħtiġiet ta' din id-Direttiva,

- il-kummerċ ta' l-impriżi l-oħrajn ta' investiment kollettiv huwa rrappurtat f'rapporti kull sitt xhur u annwali sabiex tkun tista' ssir stima ta' l-assi u r-responsabbiltajiet, tad-dħul u l-operazzjonijiet tul il-perjodu ta' rappurtar,

- mhux aktar minn 10 % ta' l-UCITS jew l-assi ta' l-impriżi l-oħra ta' investiment kollettiv, li l-akkwist tagħhom huwa kontemplat, ma jista', skond ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tagħhom, jiġi investigat f'aggregat f'unitajiet ta' UCITS oħra jew impriżi oħra ta' investiment kollettiv, u/jew

(f) depożiti ma' istituzzjonijiet ta' kreditu li jitħallsu lura fuq talba jew li jkollhom id-dritt li jiġu rtirati, u li jimmaturaw f'mhux aktar minn 12-il xahar, sakemm l-istituzzjoni ta' kreditu jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru jew, jekk l-uffiċċju rreġistrat ta' l-istituzzjoni ta' kreditu jinsab fi Stat mhux membru, sakemm tkun soġġetta għal regoli prudenti kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-UCITS bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti fil-liġi Komunitarja, u/jew

(g) strumenti derivattivi finanzjarji, inklużi strumenti ekwivalenti riżolti bil-kontanti, trattati f'suq regolat imsemmi fis-subparagrafi (a), (b) u (ċ); u/jew fi strumenti derivattivi finanzjarji trattati f'over-the-counter ("derivattivi OTC";), sakemm:

- ta' hawn taħt jikkonsisti fi strumenti koperti b'dan il-paragrafu, indiċi finanzjarji, rati ta' interessi, rati jew muniti tal-kambju, li fihom l-UCITS tista' tinvesti skond il-miri tagħha ta' investiment kif dikjarat fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni,

- il-kontropartijiet għal operazzjonijiet derivattivi OTC huma istituzzjonijiet soġġetti għal sorveljanza prudenti, u li jappartjenu għall-kategoriji approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-UCITS, u

- id-derivattivi OTC huma soġġetti għal valutazzjoni ta' min joqgħod fuqha u verifikabbli fuq bażi ta' kuljum u jistgħu jinbiegħu, jiġu likwidati jew jingħalqu b'operazzjoni ta' offset fi kwalunkwe ħin fil-valur ġust tagħhom fuq l-inizjattiva ta' l-UCITS, u/jew

(h) strumenti tas-suq tal-flus barra minn dawk trattati f'suq regolat, li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(9), jekk il-ħruġ jew minn joħroġ dawn l-istrumenti hu proprjament regolat għall-iskop ta' protezzjoni ta' investituri u tfaddil, u sakemm ikunu:

- maħruġa jew garantit minn awtorità ċentrali, reġjonali jew lokali jew bank ċentrali ta' Stat Membru, il-Bank Centrali Ewropew, l-Unjoni Ewropea jew il-Bank Ewropew ta' l-Investiment, Stat mhux Membru jew, fil-każ ta' Stat Federali, minn wieħed mill-membri li jagħmlu l-federazzjoni, jew minn korp pubbliku internazzjonali li jappartjenu għalih Stat Membru wieħed jew iktar, jew

- maħruġa minn impriża li kwalunkwe titoli tagħha huma trattati fi swieq regolati msemmija fis-subparagrafi (a), (b) jew (ċ), jew

- maħruġa jew garantiti minn stabbiliment soġġett għal sorveljanza prudenti, skond il-kriterji definiti minn liġi Komunitarja, jew minn stabbiliment li hu soġġett għal u jikkonforma mar-regoli prudenti kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti li huma mill-inqas stretti bħal dawk stabbiliti bil-liġi Komunitarja; jew

- maħruġa minn korpi oħrajn li jappartjenu għall-kategoriji approvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' UCITS sakemm l-investimenti f'dawn l-istrumenti huma soġġetti għal protezzjoni ta' l-investitur ekwivalenti għal dik stabbilita fl-ewwel, fit-tieni jew fit-tielet inċiż u sakemm dik li toħroġhom hija kumpannija li l-kapital u r-riservi tagħha jammontaw għal mill-inqas 10 miljun euro u li tirrappreżenta u tippubblika l-kontijiet annwali tagħha skond id-Direttiva 78/660/KEE [7], hija entità li, fi grupp ta' kumpanniji li jinkludi kumpannija waħda jew diversi elenkati, hija dedikata għall-finanzjament tal-grupp jew hija entità li hija dedikata għall-finanzjament ta' vetturi ta' assigurazzjoni li jibbenefikaw minn linja bankarja ta' likwidità.";

6. fl-Artikolu 19(2)(a), il-kliem "u strumenti tas-suq tal-flus" għandhom jiżdiedu wara l-kliem "titoli trasferibbli";

7. l-Artikolu 19(2)(b) u (3) għandu jitħassar;

8. l-Artikolu 20 għandu jitħassar;

9. l-Artikolu 21 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 21

1. Il-kumpannija ta' amministrazzjoni jew investiment għandha tadotta proċess ta' amministrazzjoni ta' riskju li jippermettilha tagħmel monitoraġġ u tkejjel fi kwalunkwe ħin ir-riskju tal-posizzjonijiet u l-kontribuzzjoni tagħhom għall-profil ġenerali tar-riskju tal-portfolio; għandha tadotta proċess għal stima eżatta u indipendenti tal-valur ta' strumenti derivattivi OTC. Għandha tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti regolarment skond ir-regoli dettaljati li huma għandhom jiddefinixxu, it-tipi ta' strumenti derivattivi, ir-riskji li jeżistu, il-limiti kwantitattivi u l-metodi li jintagħżlu sabiex jiġu stmati r-riskji assoċjati ma' l-operazzjonijiet fi strumenti derivattivi li jirrigwardaw kull UCITS amministrata.

2. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw UCITS biex tadotta tekniċi u strumenti li jirrelataw għal titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus taħt il-kondizzjonijiet u fil-limiti li huma jistabilixxu sakemm dawn it-tekniċi u l-istrumenti jintużaw għall-iskop ta' aministrazzjoni effettiva tal-portfolio. Meta dawn l-operazzjonijiet jikkonċernaw l-użu ta' strumenti derivattivi, dawn il-kondizzjonijiet u l-limiti għandhom jikkonformaw mad-disposizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

Taħt l-ebda ċirkostanza ma għandhom dawn l-operazzjonijiet jikkawżaw lil UCITS biex tiżvija mill-miri tagħha ta' investiment kif stabbilit fir-regoli tal-fondi ta' UCITS, fl-istrumenti ta' inkorporazzjoni jew fil-prospektus.

3. UCITS għandha tassigura li l-esposizzjoni globali tagħha li tirrelata għal strumenti derivattivi ma teċċedix il-valur totali nett tal-portfolio tagħha.

L-esposizzjoni hija kkalkolata b'kont meħud tal-valur kurrenti ta' l-assi bażi, tar-riskju tal-kontraparti, tal-movimenti futuri tas-suq u tal-ħin disponibbli sabiex jiġu likwidati l-posizzjonijiet. Dan għandu wkoll japplika għas-subparagrafi li ġejjin.

UCITS tista' tinvesti, bħala parti mill-politika tagħha ta' investiment u fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 22(5), fi strumenti derivattivi finanzjarji sakemm l-esposizzjoni għall-assi bażi ma teċċedix fl-aggregat il-limiti ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 22. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li, meta UCITS tinvesti fi strumenti derivattivi finanzjarji bbażati fuq indiċi, dawn l-investimenti m' għandhomx għalfejn jiġu kkumbinati mal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22.

Meta titolu trasferibbli jew strument tas-suq tal-flus jinkorpora derivattiv, dan ta' l-aħħar għandu jitqies meta jikkonforma mal-ħtiġiet ta' dan l-Artikolu.

4. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kumissjoni informazzjoni kompleta u kull bidla sussegwenti fir-regolament tagħhom li tikkonċerna l-metodi wżati għall-kalkolu ta' l-espożizzjonijiet tar-riskju msemmija fil-paragrafu 3, inkluża l-esposizzjoni tar-riskju għal kontraparti f'operazzjonijiet derivattivi OTC, sa mhux iktar tard mit-13 ta' Frar 2004. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra. Din l-informazzjoni tkun is-suġġett ta' skambji ta' opinjonijiet fil-Kumitat ta' Kuntatt skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 53(4).";

10. l-Artikolu 22 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 22

1. UCITS ma tistax tinvesti iktar minn 5 % ta' l-assi tagħhom f'titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus maħruġa mill-istess korp. UCITS ma tistax tinvesti iktar minn 20 % ta' l-assi tagħha f'depożiti ma' l-istess korp.

L-espożizzjoni tar-riskju lill-kontraparti ta' l-UCITS f'operazzjoni derivattiva OTC ma tistax teċċedi:

- 10 % ta' l-assi tagħha meta l-kontraparti hija istituzzjoni ta' kreditu msemmija fl-Artikolu 19(1)(f), jew

- 5 % ta' l-assi tagħha, f'każijiet oħra.

2. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu ta' 5 % stabbilit fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għal massimu ta' 10 %. Madankollu, il-valur totali tat-titoli trasferibbli u l-istrumenti tas-suq tal-flus miżmuma mill-UCITS fil-korpi li joħorġu li f'kull wieħed minnhom ma tinvestix iktar minn 5 % ta' l-assi tagħha m' għandux jeċċedi 40 % tal-valur ta' l-assi tagħha. Din il-limitazzjoni ma tapplikax għal depożiti u operazzjonijiet derivattivi OTC magħmula ma' istituzzjonijiet finanzjarji soġġetti għal sorveljanza prudenti.

Minkejja l-limiti individwali stabbiliti fil-paragrafu 1, UCITS ma tistax tikkumbina:

- investimenti f'titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus maħruġa minn,

- depożiti magħmula ma', u/jew

- esposizzjonijiet li joriġinaw minn operazzjonijiet derivattivi OTC meħuda ma

korp singolu in eċċess ta' 20 % ta' l-assi tagħha

3. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu ta' 5 % stabbilit fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għal massimu ta' 35 % jekk it-titoli trasferibbli jew l-istrumenti tas-suq tal-flus jinħarġu jew huma garantiti minn Stat Membru, mill-awtoritajiet lokali tiegħu, minn Stat mhux membru jew minn korpi pubbliċi internazzjonali li jappartjeni għalihom Stat Membru wieħed jew iktar.

4. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu ta' 5 % stabbilit fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għal massimu ta' 25 % fil-każ ta' ċerti bonds meta dawn jinħarġu minn istituzzjoni ta' kreditu li għandhom l-uffiċċju rreġistrati tagħhom fi Stat Membru u huma soġġetti bil-liġi għal sorveljanza pubblika speċjali maħsuba biex tipproteġi titolari ta' bonds. B'mod partikolari, somom li jirriżultaw mill-ħruġ ta' dawn il-bonds għandhom jiġu nvestiti in konformità mal-liġi f'assi li, tul il-perjodu kollu tal-validità tal-bonds, ikunu jistgħu ikopru pretensjonijiet marbuta mal-bonds u li, fil-każ ta' nuqqas minn naħa ta' dak li jkun ħariġhom, ikunu wżati fuq bażi ta' prijorità għar-rimbors tal-prinċipal u l-ħlas ta' l-imgħaxijiet akkumulati.

Meta UCITS tinvesti iktar minn 5 % ta' l-assi tagħha fil-bonds imsemmija fl-ewwel subparagrafu u maħruġa minn wieħed li joħroġhom, il-valur totali ta' dawn l-investimenti ma jistax jeċċedi 80 % tal-valur ta' l-assi ta' l-UCITS.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni lista tal-kategoriji msemmija qabel tal-bonds flimkien mal-kategoriji ta' dawk li joħorġuhom awtorizzati, skond il-liġijiet u l-arranġamenti ta' sorveljanza msemmija fl-ewwel subparagrafu, sabiex jinħarġu bonds li jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fuq. Notifika li tispeċifika l-istatus tal-garanziji offerti għandha tkun mehmuża ma' dawn il-listi. Il-Kummissjoni għandha minnufih tgħaddi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra flimkien ma' xi kummenti li tikkunsidra approprjati, u għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku. Dawn il-komunikazzjonijiet jistgħu ikunu s-suġġett ta' skambji ta' opinjonijiet fil-Kumitat ta' Kuntatt skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 53(4).

5. It-titoli trasferibbli u l-istrumenti ta-suq tal-flus imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 m' għandhomx jitqiesu għall-iskop ta' l-applikazzjoni tal-limitu ta' 40 % msemmi fil-paragrafu 2.

Il-limiti previsti fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ma jistgħux jiġu kkumbinati, u għalhekk investimenti f'titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus maħruġa mill-istess korp jew f'depożiti jew strumenti derivattivi magħmula ma' dan il-korp imwettqa skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4 ma għandhom f'ebda ċirkostanzi jeċċedu fit-total 35 % ta' l-assi ta' l-UCITS.

Kumpanniji li huma nklużi fl-istess grupp għall-iskopijiet ta' kontijiet konsolidati, kif definit skond id-Direttiva 83/349/KEE [8] jew skond ir-regoli internazzjonali rikonoxxuti ta' kontabilità, huma meqjusa bħala korp singolu għall-iskop tal-kalkolu tal-limiti li jinsabu f'dan l-Artikolu.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu investiment kumulattiv f'titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus fl-istess grupp sa limitu ta' 20 %.";

11. l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"Artikolu 22a

1. Mingħajr preġudizzju għall-limiti stabbiliti fl-Artikolu 25, l-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22 sa massimu ta' 20 % għal investimenti f'ishma u/jew titoli ta' debitu maħruġa mill-istess korp meta, skond ir-regoli tal-fond jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni, il-mira tal-politika ta' investiment ta' UCITS hija li tiġi replikata l-komposizzjoni ta' certu indiċi ta' titoli ta' ħażna jew ta' debitu li hu rikonoxxut mill-awtoritajiet kompetenti, fuq il-bażi li ġejja:

- il-komposizzjoni tagħha hija diversifikata biżżejjed,

- l-indiċi jirrappreżenta marka adegwata għas-suq li jirreferi għalih,

- huwa ppubblikat b'mod approprjat.

2. L-Istati Membri jistgħu jgħollu l-limitu stabbilit fil-paragrafu 1 sa massimu ta' 35 % meta dan jidher li hu ġustifikat minn kondizzjonijiet eċċezzjonali tas-suq b'mod partikolari fi swieq regolati meta ċerti titoli trasferibbli jew strumenti tas-suq tal-flus huma dominanti ħafna. L-investiment sa dan il-limitu jitħalla biss għal wieħed li joħroġhom.";

12. fl-Artikolu 23(1), il-kliem "u strumenti tas-suq tal-flus" għandhom jiżdiedu wara l-kliem "titoli trasferibbli";

13. l-Artikolu 24 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 24

1. UCITS tista' tottjeni l-unitajiet ta' UCITS u/jew impriżi kollettivi oħrajn ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 19(1)(e), sakemm mhux iktar minn 10 % ta' l-assi tagħha huma investiti f'unitajiet ta' UCITS singola jew impriża oħra ta' investiment kollettiv. L-Istati Membri jistgħu jgħollu sa limitu ta' 20 %.

2. Investimenti magħmula f'unitajiet ta' impriżi ta' investiment kollettiv ta' xort' oħra minn UCITS ma jistgħux jeċċedu, f'total, 30 % ta' l-assi ta' l-UCITS.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu li, meta UCITS tkun akkwistat unitajiet ta' UCITS u/jew impriżi ta' investiment kollettiv, l-assi ta' l-UCITS rispettiva jew ta' impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv m' għandhomx għalfejn jiġu kkumbinati għall-iskopijiet tal-limiti stabbiliti fl-Artikolu 22.

3. Meta UCITS tinvesti fl-unitajiet ta' UCITS oħrajn u/jew impriżi oħrajn ta' investiment kollettiv li huma amministrati, direttament jew b'delegazzjoni, mill-istess kumpannija ta' amministrazzjoni jew minn kwalunkwe kumpannija oħra li magħha l-kumpannija ta' amministrazzjoni hija marbuta b'amministrazzjoni jew kontroll komuni, jew b'holding sostanzjali dirett jew indirett, dik il-kumpannija ta' amministrazzjoni jew kumpannija oħra ma jistgħux jitolbu ħlasijiet ta' subscription jew ta' fidwa minħabba l-investiment ta' l-UCITS fl-unitajiet ta' dawn l-UCITS l-oħra u/jew impriżi ta' investiment kollettiv.

UCITS li tinvesti proporzjon sostanzjali ta' l-assi tagħha f'UCITS oħrajn u/jew impriżi ta' investiment kollettiv għandha tiżvela fil-prospectus tagħha l-livell massimu tal-ħlasijiet ta' amministrazzjoni li jistgħu jintalbu kemm lill-UCITS proprja u kemm lil UCITS oħrajn u/jew impriżi ta' investiment kollettiv li fihom għandha l-ħsieb li tinvesti. Fir-rapport annwali tagħha għandha tindika l-proporzjon massimu ta' ħlasijiet ta' amministrazzjoni mitluba kemm mill-UCITS proprja u kemm mill-UCITS u/jew impriżi oħra ta' investiment kollettiv li tinvesti fihom.";

14. l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit

"Artikolu 24a

1. Il-prospectus għandu jindika f'liema kategoriji ta' assi UCITS hija awtorizzata li tinvesti. Għandu jsemmi jekk operazzjonijiet fi strumenti derivattivi finanzjarji huma awtorizzati; f'dan il-każ, għandu jinkludi dikjarazzjoni prominenti li tindika jekk dawn l-operazzjonijiet jistgħu jitwettqu għall-iskop ta' hedging jew bl-iskop li jintlaħqu l-miri, u r-riżultat possibbli ta' l-użu ta' strumenti derivattivi finanzjarji dwar il-profil tar-riskju.

2. Meta UCITS tinvesti prinċipalment fi kwalunkwe kategorija ta' assi definiti fl-Artikolu 19 barra minn titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus jew tirrepplika indiċi ta' titoli ta' ħażna jew debitu skond l-Artikolu 22a, il-prospectus tagħha u, meta neċessarju, kull litteratura promozzjonali oħra għandha tinkludi dikjarazzjoni prominenti li tiġbed l-attenzjoni għall-politika ta' investiment.

3. Meta l-valur nett ta' l-assi ta' UCITS x' aktarx ikollu volatilità għolja minħabba l-kompożizzjoni tal-portfolio tagħha jew it-tekniċi ta' amministrazzjoni ta' portfolio li jistgħu jintużaw, il-prospectus tagħha, u meta neċessarju, kull litteratura promozzjonali oħra għandhom jinkludu dikjarazzjoni prominenti li tiġbed attenzjoni għal din il-karatteristika.

4. Fuq talba ta' investitur, il-kumpannija ta' amministrazzjoni għandha wkoll tipprovdi informazzjoni supplimentari li tirrelata għall-limiti kwantitattivi li japplikaw fl-amministrazzjoni tar-riskju ta' l-UCITS, għall-metodi magħżula għal dan l-iskop u għall-evoluzzjoni riċenti tar-riskji u l-produzzjoni tal-kategoriji ta' strumenti ewlenija.";

15. fl-Artikolu 25(2):

1. it-tielet inċiż għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

- "— 25 % ta' l-unitajiet ta' kull UCITS singolu u/jew impriża oħra ta' investiment kollettiv fis-sens ta' l–ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 1(2),";

2. l-inċiż li ġej għandu jiżdied:

- "— 10 % ta' l-istrumenti tas-suq tal-flus ta' kull korp singolu ta' ħruġ,";

16. fl-Artikolu 25(2), it-tieni sentenza għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"Il-limiti stabbiliti fit-tieni, t-tielet u r-raba' inċiżi jistgħu jiġu injorati fil-ħin ta' l-akwiżizzjoni jekk f'dak il-ħin l-ammont gross tat-titoli ta' debitu jew ta' l-istrumenti tas-suq tal-flus, jew l-ammont nett tat-titoli fi ħruġ, ma jistax jiġi kkalkolat.";

17. fl-Artikolu 25(3)(a), (b) u (ċ) il-kliem "u strumenti tas-suq tal-flus" għandhom jiżdiedu wara l-kliem "titoli trasferibbli";

18. l-Artikolu 25(3)(e) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(e) ishma miżmuma minn kumpannija ta' investiment jew kumpanniji ta' investiment fil-kapital ta' kumpanniji sussidjarji li jwettqu biss in-negozju ta' amministrazzjoni, konsultazzjoni jew tqegħid fis-suq fil-pajjiż fejn is-sussidjarju jinsab, fir-rigward ta' unitajiet fuq it-talba esklużiva ta' titolari ta' unitajiet jew għan-nom tagħhom.";

19. l-Artikolu 26(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"1. UCITS m'għandhiex għalfejn tikkonforma mal-limiti stabbiliti f'din is-sezzjoni meta teżerċita drittijiet ta' subscription li jammettu mat-titoli trasferibbli jew ma l-istrumenti tas-suq tal-flus li jiffurmaw parti mill-assi tagħhom.

Waqt li jassiguraw l-osservanza tal-prinċipju tat-tixrid tar-riskju, l-Istati Membri jistgħu jippermettu UCITS awtorizzati riċentement biex jidderogaw mill-Artikoli 22, 22a, 23 u 24 għal sitt xhur wara d-data ta' l-awtorizzazzjoni tagħhom.";

20. l-Artikolu 41(2) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"2. Il-Paragrafu 1 m' għandux jipprevjeni lil dawn l-impriżi milli jakkwistaw titoli trasferibbli, strumenti tas-suq tal-flus jew strumenti finanzjarji oħrajn imsemmija fl-Artikolu 19(1)(e), (g) u (h) li mhumiex kompletament imħallsa.";

21. l-Artikolu 42 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 42

La:

- kumpannija ta' investiment, lanqas

- kumpannija ta' amministrazzjoni jew depositarju li jaġixxi għan-nom ta' unit trust

ma jistgħu iwettqu bejgħ skopert ta' titoli trafseribbli, strumenti tas-suq tal-flus jew strumenti finanzjarji oħra msemmija fl-Artikolu 19(1)(e), (g) u (h).";

22. wara l-Artikolu 53 l-Artikolu li ġej għandu jiġi inserit:

"Artikolu 53a

1. Barra mill-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 53(1), il-Kumitat ta' Kuntatt jista' wkoll jiltaqa' bħala Kumitat Regolatorju fis-sens ta' l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE [9] sabiex jassisti għall-Kummissjoni fir-rigward ta' modifiki tekniċi li għandhom isiru għal din id-Direttiva fl-oqsma li ġejjin:

- il-kjarifika tad-definizzjonijiet sabiex tiġi assigurata applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva fil-Komunità kollha,

- l-allinjament ta' terminoloġija u l-inkwadratura ta' definizzjonijiet skond l-atti sussegwenti dwar UCITS u materji relatati.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tlett xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu."

Artikolu 2

1. Sa mhux iktar tard mit-13 ta' Frar 2005, il-Kummissjoni għandha tgħaddi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 85/611/KEE kif emendata u proposti għall-emendi, meta approprjat. Ir-rapport għandu, b'mod partikolari:

(a) janalizza kif jiġi approfondit u mwessa' suq singolu għal UCITS, b'mod partikolari fir-rigward tat-tqegħid fis-suq tul il-fruntieri ta' UCITS (inklużi fondi ta' parti terza), il-funzjonament tal-passaport għal kumpanniji ta' amministrazzjoni, il-funzjonament tal-prospectus simplifikat bħala għodda ta' informazzjoni u tqegħid fis-suq, ir-reviżjoni ta' l-iskop ta' attivitajiet anċillari u l-possibilitajiet għal kollaborazzjoni mtejjba ta' l-awtoritajiet ta' sorveljanza fir-rigward ta' interpretazzjoni komuni u l-applikazzjoni tad-Direttiva;

(b) jirrevedi l-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva f'termini ta' kif tapplika għal tipi differenti ta' prodotti (eż. fondi istituzzjonali, fondi ta' proprjetà, fondi master-feeder u fondi hedge); l-istudju għandu jiffoka b'mod partikolari fuq id-daqs tas-suq għal dawn il-fondi, ir-regolament, meta applikabbli, ta' dawn il-fondi fl-Istati Membri u l-evalwazzjoni tal-bżonn ta' aktar armonizzazzjoni ta' dawn il-fondi;

(ċ) jevalwa l-organizzazzjoni ta' fondi, inklużi r-regoli u l-prattiċi ta' delegazzjoni u r-relazzjoni bejn l-amministratur tal-fond u d-depositarju;

(d) jirrevedi r-regoli ta' investiment għal UCITS, per eżempju l-użu ta' derivattivi u strumenti u tekniċi oħra li jirrelataw għal titoli, ir-regolament ta' fondi indiċi, ir-regolament ta' strumenti tas-suq tal-flus, depożiti, ir-regolament ta' investimenti "fond ta' fond", kif ukoll il-limiti varji ta' investiment;

(e) janalizza s-sitwazzjoni kompetittiva bejn fondi amministrati minn kumpanniji ta' amministrazzjoni u kumpanniji ta' investiment "amministrati proprjament".

Fil-preparazzjoni tar-rapport tagħha, l-Kummissjoni għandha tikkonsulta kemm jista' jkun ma' l-industriji varji konċernati u ma' gruppi ta' konsumaturi u korpi ta' sorveljanza

2. L-Istati Membri jistagħu jagħtu lil UCITS eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva perjodu ta' mhux iktar minn 60 xahar minn dik id-data sabiex tikkonforma mal-leġislazzjoni nazzjonali ġdida.

Artikolu 3

Sa mhux iktar tard mit-13 ta' Awwissu 2003 Stati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amminsitrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni bihom.

Għandhom japplikaw dawn il-miżuri mhux aktar tard mit-13 ta' Frar 2004.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Jannar 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Arias Cañete

[1] ĠU C 280, tad-9.9.1998, p. 6 u ĠU C 311 E, tal-31.10.2000, p. 302.

[2] ĠU C 116, tat-28.4.1999, p. 44.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Frar 2000 (ĠU C 339, tad-29.11.2000, p. 220), il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2001 (ĠU C 297, tat-23.10.2001, p. 35) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2001. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-4 ta' Diċembru 2001.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, tas-17.11.2000, p. 27).

[5] ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/64/KE.

[6] ĠU L 184, tas-17.07.99, p. 23.

[7] Ir-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpanniji (ĠU L 222, ta' l-14.8.1978, p. 11). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/60/KE (ĠU L 162, tas-26.06.99, p. 65).

[8] Is-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar kontijiet konsolidati (ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------