32001L0096



Official Journal L 013 , 16/01/2002 P. 0009 - 0020


Id-Direttiva 2001/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-4 ta' Diċembru 2001

li tistabbilixxi l-ħtiġiet u l-proċeduri armonizzati għat-tagħbija u l-ħatt b' sigurtà ta' bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li kienu jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3), [3],

Billi:

(1) Minħabba l-għadd kbir ta' inċidenti tal-baħar li jinvolvu l-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa bit-telf tal-ħajja umana li ġġib magħha, għandhom jittieħdu aktar miżuri biex tittejjeb is-sigurtà tat-trasport marittimu fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport.

(2) Il-valutazzjonijiet tad-diżgrazzji jindikaw li t-tagħbija u l-ħatt ta' tagħbija solida bl-ingrossa, jekk ma jsirux kif imiss, jistgħu jikkontribwixxu għat-telf tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, jew billi tiġi mgħobbija żżejjed l-istruttura tal-bastiment jew billi mekkanikament issir ħsara fil-majjieri strutturali ta' l-istivi tal-merkanzija. Il-protezzjoni tas-sigurtà tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa tista' tittejjeb permezz ta' l-adozzjoni ta' miżuri mmirati biex inaqqsu r-riskju tal-ħsara strutturali u t-telf minħabba l-operazzjonijiet kif mhux suppost tat-tagħbija u l-ħatt.

(3) F'livell internazzjonali, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-”IMO”), permezz ta' għadd ta' Riżoluzzjonijiet ta' l-Assemblea, adottat rakkomandazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jindirizzaw il-kwistjonijiet tal-bastiment f'relazzjoni mal-port/ijiet b'mod ġenerali u l-operazzjonijiet tat-tagħbija u l-ħatt b'mod partikolari.

(4) Permezz tar-Riżoluzzjoni A.862(20) ta' l-Assemblea, l-IMO adottat Kodiċi ta' Prattika tas-Sigurtà għat-Tagħbija u l-Ħatt tal-bastimenti tat-tagħbija bl-ingrossa ("il-Kodiċi BLU"), u ħeġġet lill-gvernijiet kontraenti biex jimplimentaw din il-kodiċi ma' l-ewwel opportunità u jinfurmaw lill-IMO b'xi nuqqas ta' tħaris. Fir-Riżoluzzjoni, l-IMO żiedet tħeġġeġ lill-gvernijiet kontraenti li fit-territorju tagħhom jinsabu terminals tat-tagħbija u l-ħatt ta' tagħbija bl-ingrossa biex jintroduċu liġijiet biex numru ta' prinċipji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din il-Kodiċi jkunu jistgħu jiġu infurzati.

(5) L-impatt ta' l-operazzjonijiet tat-tagħbija u l-ħatt fuq is-sigurtà tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, minħabba l-karattru globali tal-kummerċ f' tagħbija xotta bl-ingrossa, għandu implikazzjonijiet lil hinn mill-konfini. L-iżvilupp ta' azzjoni biex tipprevieni l-għarqa tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa minħabba l-prattiki mhux kif suppost tat-tagħbija u l-ħatt għalhekk l-aħjar li ssir fil-livell Komunitarju billi jiġu stabbiliti ħtiġiet u proċeduri armonizzati biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet ta' l-IMO stabbiliti fir-Riżoluzzjoni A.862(20) ta' l-Assemblea u fil-Kodiċi l-BLU.

(6) Minħabba l-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, Direttiva hija l-istrument legali addattat billi tipprovdi l-qafas għall-applikazzjoni uniformi u obbligatorja mill-Istati Membri tal-ħtiġiet u l-proċeduri għat-tagħbija u l-ħatt b' sigurtà ta' bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, waqt li tħalli lil kull Stat Membru d-dritt li jiddeċiedi liema għodod implimentattivi l-aħjar li japplika għas-sistema interna tiegħu. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, din id-Direttiva m'għandhiex tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-għanijiet li qed jiġu segwiti.

(7) Is-sigurtà tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa u l-ekwipaġġi tagħhom tista' tittejjeb billi jitnaqqsu r-riskji ta' tagħbija u l-ħatt mhux kif suppost fit-terminals tat-tagħbija xotta bl-ingrossa. Dan jista' jiġi implimentat billi jiġu stabbiliti proċeduri armonizzati għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-bastiment u t-terminal u billi jiġu stabbiliti l-ħtiġiet addattati għall-bastimenti u terminals.

(8) Fl-interessi tat-titjib tas-sigurtà tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa u biex jiġi evitat it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni, il-proċeduri armonizzati u l-kriterji addattati għandhom ikunu japplikaw għall-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa kollha, irrispettivament mill-bandiera li jtajru, u għat-terminals Komunitarji kollha li fihom, f'ċirkostanzi normali, dawk il-bastimenti jgħaddu għall-iskop tat-tagħbija u l-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa.

(9) Il-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jgħaddu f'terminals għat-tagħbija u l-ħatt ta' tagħbija solida bl-ingrossa għandhom ikunu addattati għal dak il-għan. Bl-istess mod, it-terminals għandhom ikunu addattati biex jirċievu u jgħabbu jew iħottu l-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jidħlu hemm. Għal dan il-għan ġew stabbiliti kriterji addattati fil-Kodiċi l-BLU.

(10) It-terminals għandhom, fl-interess ta' tkabbir fil-kooperazzjoni u fil-komunikazzjoni mal-kaptan tal-bastiment dwar kwistjonijiet relatati mat-tagħbija u l-ħatt ta' tagħbija solida bl-ingrossa, jaħtru rappreżentant tat-terminal responsabbli għal operazzjonijiet bħal dawk fit-terminal u jaraw li l-kotba tat-tagħrif dwar il-ħtiġiet tat-terminal u tal-port ikunu disponibbli għall-kaptani. Hemm, għal dan il-għan, dispożizzjonijiet fil-Kodiċi l-BLU.

(11) L-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-manutenzjoni ta' sistema għall-immaniġġar tal-kwalità mit-terminals għandha tiżgura li l-proċeduri tal-kooperazzjoni u tal-komunikazzjoni kif ukoll it-tagħbija u l-ħatt li attwalment isiru mit-terminal jiġu ppjanati u mwettqa skond sistema armonizzata rikonoxxuta internazzjonalment u li tkun tista' tiġi vverifikata. Invista tar-rikonoxximent internazzjonali tagħha, is-sistema għal-immaniġġar tal-kwalità għandha tkun kompatibbli mas-serje ta' normi ISO 9000 adottati mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta' l-Istandardizzazzjoni. Biex it-terminals il-ġodda jkollhom żmien biżżejjed biex jiksbu ċ-ċertifikazzjoni relevanti, huwa importanti li jiġi żgurat li awtorizzazzjoni temporanja għat-tħaddim titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom għal perjodu ta' żmien limitat.

(12) Bl-iskop li jiġi żgurat li l-operazzjonijiet tat-tagħbija u l-ħatt ikunu mħejjija , miftiehma u mmexxija kif suppost biex jiġi evitat il-periklu għas-sigurtà tal-bastiment jew ta' l-ekwipaġġ, għandhom jiġu stabbiliti r-responsabbiltajiet tal-kaptan u tar-rappreżentant tat-terminal. Għal dan il-għan, jistgħu jinstabu d-dispożizzjonijiet relevanti fil-Konvenzjoni Internazzjonali ta' l-1974 dwar is-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar (Il-Konvenzjoni SOLAS 1974), ir-Riżoluzzjoni IMO A.862(20) ta' l-Assembea u l-Kodiċi l-BLU. Għall-istess għan, il-proċeduri għat-tħejjija, il-ftehim u t-twettiq ta' l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt jistgħu jiġu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ta' dawk l-istrumenti internazzjonali.

(13) Fl-interessi ġenerali tal-Komunità, biex jitwarrbu l-bastimenti mhux skond in-normi mill-portijiet tagħha, ir-rappreżentant tat-terminal għandu jinnotifika kull defiċjenza ċara abbord il-bastiment ta' tagħbija bl-ingrossa li tista' tippreġudika s-sigurtà ta' l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt.

(14) Huwa meħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jipprevienu jew iwaqqfu l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt meta jkollhom indikazzjonijiet ċari li s-sigurtà tal-bastiment jew ta' l-ekwipaġġ tkun qiegħda tiġi pperikolata minn dawn l-operazzjonijiet. L-awtoritajiet għandhom ukoll jintervienu fl-interessi tas-sigurtà fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim bejn il-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal dwar l-applikazzjoni ta' dawn il-proċeduri. L-azzjoni relatata mas-sigurtà ta' l-awtoritajiet kompetenti m'għandhiex tkun tiddependi fuq l-interessi kummerċjali relatati mat-terminals.

(15) Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri bl-iskop li tiġi rrappurtata l-ħsara li l-bastimenti jsofru matul l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew il-ħatt lill-korpi addattati, bħas-soċjetajiet relevanti tal-klassifika, u biex tissewwa dik il-ħsara jekk ikun meħtieġ. Fejn dik il-ħsara tista' tfixkel is-sigurtà jew il-kapaċità biex il-bastiment ikun jista' jbaħħar, id-deċiżjoni dwar il-ħtieġa u l-urġenza tat-tiswijiet għandha tittieħed mill-awtoritajiet li jikkontrollaw il-port ta' l-Istat b'konsultazzjoni ma'l-amministrazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera. Minħabba l-kompetenza teknika meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni bħal din, l-awtoritajiet għandhom id-dritt li jkollhom rikors għal organizzazzjoni rikonoxxuta biex tispezzjona l-ħsara u biex tagħtihom pariri dwar kull bżonn għal xi tiswijiet meħtieġa.

(16) L-infurzar ta' din id-Direttiva għandu jittejjeb b'sorveljar u proċeduri effiċjenti ta' verifika fl-Istati Membri. Ir-rapportaġġ tar-riżultati ta' dan l-isforz ta' sorvelja għandu jipprovdi tagħrif siewi dwar l-effettività tal-ħtiġiet armonizzati u l-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva.

(17) Fir-Riżoluzzjoni A.797(19) tat-23 ta' Novembru 1995 ta' l-Assemblea ta' l-IMO dwar is-sigurtà tal-bastimenti li jġorru tagħbija solida bl-ingrossa qiegħed jintalab li l-awtoritajiet portwali ta' l-Istat jibagħtu konferma li t-terminals tat-tagħbija u l-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa jkunu jikkonformaw mal-kodiċi ta' l-IMO u mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn il-bastiment u l-art. In-notifika dwar l-adozzjoni ta' din id-Direttiva lill-IMO għandha tipprovdi tweġiba addattata għal din it-talba u sinjal ċar lill-komunità marittima internazzjonali li l-Komunità hija kommessa biex issostni l-isforzi meħuda f'livell internazzjonali biex tittejjeb is-sigurtà tat-tagħbija u l-ħatt tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa.

(18) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi kkonferiti fuq il-Kummissjoni(4). [4].

(19) Għandu jkun possibbli li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva skond dik il-proċedura biex jinġiebu konformi ma' l-istrumenti internazzjonali Komunitarji li jiġu adottati, emendati jew inforzati wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva u għall-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva, mingħajr ma jitwessa' l-ambitu tagħha.

(20) Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u fis-saħħa tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol [5] u d-Direttivi individwali relevanti tagħha huma applikabbli għax-xogħol relatat mat-tagħbija u l-ħatt tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-għan

Šīs direktīvas mērķis ir uzlabot beramkravu kuģu drošību, kad tie piestāj dalībvalstu terminālos saistībā ar cietu beramkravu iekraušanu vai izkraušanu, samazinot kuģa konstrukciju pārslodzes risku un fizisko bojājumu risku, kas rodas iekraušanas vai izkraušanas laikā, izstrādājot:

1. ħtiġiet armonizzati dwar kemm ikunu addattati dawk il-bastimenti u t-terminals; u

2. proċeduri armonizzati dwar il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn dawk il-bastimenti u t-terminals.

L-Artikolu 2

L-ambitu

Din id-Direttiva għandha tgħodd :

1. għall-bastimenti kollha ta' tagħbija bl-ingrossa, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, li jieqfu f'terminal biex jgħabbu jew iħottu t-tagħbija solida bl-ingrossa; u

2. għat-terminals kollha fl-Istati Membri li fihom jieqfu l-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jaqgħu fl-ambitu ta' din id-Direttiva.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament VI/7 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974, din id-Direttiva m'għandhiex tgħodd għall-faċilitajiet li jintużaw biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali għat-tagħbija u l-ħatt tat-tagħbija xotta bl-ingrossa fi jew minn bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, u m'għandhiex tgħodd f'każi fejn it-tagħbija jew il-ħatt isir biss bl-apparat tal-bastiment ta' tagħbija bl-ingrossa kkonċernat.

L-Artikolu 3

Id-definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva,

1. "konvenzjonijiet internazzjonali" għandha tfisser il-konvenzjonijiet fis-seħħ fl-4 ta' Diċembru 2001, kif definiti fl-Artikolu 2 [6]

2. "Il-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974" għandha tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Sigurtà tal-Ħajja fuq il-Baħar, flimkien mal-Protokolli u l-emendi annessi magħha, fis-seħħ fl-4 ta' Diċembru 2001;

3. "il-Kodiċi BLU" għandha tfisser il-Kodiċi tal-Prattika għat-Tagħbija u l-Ħatt b' sigurtà ta' Bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa, kif jinsab fl-Anness li jinsab mar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea IMO A.862(20) tas-27 ta' Novembru 1997, kif inhi fl-4 ta' Diċembru 2001;

4. "bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa" għandu jkollha l-istess tifsira mogħtija lilha fir-Regolament IX/1.6 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974 u għandha tiġi interpretata bir-Riżoluzzjoni 6 tal-Konferenza SOLAS ta' l-1997, jiġifieri:

- bastiment mibni bi gverta waħda, b'tankijiet fis-sular ta' fuq u tankijiet fis-sular ta' taħt bi spazji għall-merkanziji u maħsub primarjament biex iġorr it-tagħbija xotta bl-ingrossa, jew

- bastiment li jġorr il-minerali, jiġifieri bastiment li jivvjaġġa fuq il-baħar bi gverta waħda li jkollu żewġ bulkheads lonġitudinali u qiegħ doppju matul l-ispazju tal-merkanzija u li jkun maħsub għall-ġarr ta' tagħbijiet ta' minerali fl-istivi tan-nofs biss, jew

- bastiment ikkombinat kif definit fir-Regolament II-2/3.27 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974;

5. "tagħbija xotta bl-ingrossa" jew "tagħbija solida bl-ingrossa" għandha tfisser tagħbija solida bl-ingrossa kif definita fil-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974, eskluż il-qamħ;

6. "qamħ" għandu jkollha t-tifsira mogħtija lilha bir-Regolament VI/8.2 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974;

7. "terminal" għandha tfisser kull faċilità fissa, li tgħum f'wiċċ l-ilma jew li tkun mobbli, imgħammra u użata għat-tagħbija u l-ħatt tat-tagħbija xotta bl-ingrossa fi jew minn bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa;

8. "operatur tat-terminal" għandha tfisser il-proprjetarju ta' terminal, jew l-organizzazzjoni jew il-persuna li lilha l-proprjetarju jkun ittrasferixxa r-responsabbiltà għall-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt li jsiru fit-terminal minn fuq bastiment partikolari ta' tagħbija bl-ingrossa;

9. "rappreżentant tat-terminal" għandha tfisser il-persuna maħtura mill-operatur tat-terminal, li jkollu r-reponsabbiltà sovrana, kif ukoll l-awtorità biex, jikkontrolla t-tħejjija, l-andament u t-tlestija ta' l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt li jsiru mit-terminal minn bastiment partikolari ta' tagħbija bl-ingrossa;

10. "kaptan" għandha tfisser il-persuna li jkollha l-kmand fuq bastiment tat-tagħbija bl-ingrossa jew uffiċjal tal-bastiment maħtur mill-kaptan għall-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt;

11. "organizzazzjoni rikonoxxuta" għandha tfisser organizzazzjoni li jkollha l-għarfien skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE [7];

12. "amministrazzjoni ta" l-Istat tal-bandiera” għandha tfisser l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat li l-bandiera tiegħu il-bastiment tat-tagħbija bl-ingrossa ikollu d-dritt li jtajjar;

13. "awtorità tal-kontroll portwali ta" l-Istat” għandha tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li għandha s-setgħa li tapplika d-dispożizzjonijiet ta' kontroll tad-Direttiva 95/21/KE;

14. "awtorità kompetenti" tfisser awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali fi Stat Membru li jkollha s-setgħa skond il-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta u tinforza l-ħtiġiet ta' din id-Direttiva;

15. "tagħrif dwar it-tagħbija" għandha tfisser it-tagħrif dwar it-tagħbija meħtieġ skond ir-Regolament VI/2 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974;

16. "pjan tat-tagħbija jew tal-ħatt" tfisser pjan kif imsemmi fir-Regolament VI/7.3 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974 u li jkollu l-format kif jinsab fl-Appendiċi 2 tal-Kodiċi l-BLU;

17. "lista tal-verifika ta' sigurtà tal-bastiment/ta' l-art" għandha tfisser il-lista tal-verifika kif imsemmija fit-taqsima 4 tal-Kodiċi l-BLU u li jkollha l-format li jinsab fl-Appendiċi 3 tal-Kodiċi l-BLU;

18. "dikjarazzjoni tad-densità tat-tagħbija solida bl-ingrossa" għandha tfisser it-tagħrif dwar id-densità tat-tagħbija li għandha tiġi pprovduta b'konformità mar-Regolament XII/10 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974.

L-Artikolu 4

Il-ħtiġiet rigward kemm ikunu adattati mil-lat operazzjonali l-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jiżguraw li l-operaturi tat-terminal ikunu ssodisfati rigward kemm il-bastimenti tat-tagħbija bl-ingrossa jkunu adattati mil-lat operazzjonali għat-tagħbija jew għall-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa, billi jivverifikaw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness I.

L-Artikolu 5

Ħtiġijiet b'relazzjoni ma' kemm it-terminals ikunu adattati

L-Istati Membri għandhom ikunu ssodisfati li l-operaturi tat-terminals jiżguraw li, f'dak li għandu x'jaqsam mat-terminals li għalihom jassumu r-responsabbiltajiet skond din id-Direttiva:

1. it-terminals ikunu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II;

2. ir-rappreżentant/i tat-terminals ikun/u maħtur/a;

3. jitħejjew kotba ta' tagħrif li jkun fihom il-ħtiġiet tat-terminal u l-awtoritajiet kompetenti u t-tagħrif dwar il-port u t-terminal kif elenkati fl-Appendiċi 1, il-paragrafu 1.2, tal-Kodiċi l-BLU, u li dawn il-kotba jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-kaptani tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jieqfu fit-terminal biex jgħabbu jew iħottu tagħbija solida bl-ingrossa; u

4. sistema għall-immaniġġar tal-kwalità tiġi żviluppata, implementata u sostnuta. Din is-sistema għall-immaniġġar tal-kwalità għandha tkun iċċertifikata skond in-normi ta' l-ISO 9001:2000 jew normi ekwivalenti li ta' l-anqas ikunu jikkonformaw ma' l-aspetti kollha ta' l-ISO 9001:2000, u għandha tiġi vverifikata skond il-linji gwida ta' l-ISO 10011:1991 jew normi ekwivalenti li jkunu jikkonformaw ma' l-aspetti kollha ta' l-ISO 10011:1991. Id-Direttiva 98/34/KE [8] għandha titħares b'relazzjoni man-normi ekwivalenti msemmija.

Perijodu transitorju ta' tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva għandu jingħata biex titwaqqaf is-sistema għall-immaniġġar tal-kwalità u sena waħda addizzjonali biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni tas-sistema.

L-Artikolu 6

L-awtorizzazzjoni temporanja

B'deroga mill-ħtiġiet ta' l-Artikolu 5(4), tista' tinħareġ awtorizzazzjoni temporanja għat-tħaddim, valida għal mhux aktar minn 12-il xahar mill-awtorità kompetenti għal terminals li għadhom kemm ġew stabbiliti. Iżda t-terminal għandu jagħti xhieda tal-pjan tiegħu biex jimplimenta s-sistema għall-immaniġġar tal-kwalità skond in-normi ISO 9001:2000 jew normi ekwivalenti kif stabbilit fl-Artikolu 5(4).

L-Artikolu 7

Ir-responsabbiltajiet tal-kaptani u tar-rappreżentanti tat-terminal

L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-prinċipji li ġejjin dwar ir-responsabbiltajiet tal-kaptani u r-rappreżentanti tat-terminal jiġu rrispettati u applikati:

1. Ir-responsabbiltajiet tal-kaptan:

(a) il-kaptan għandu jkun responsabbli dejjem għat-tagħbija u l-ħatt b' sigurtà tal-bastiment tat-tagħbija bl-ingrossa taħt il-kmand tiegħu;

(b) il-kaptan għandu, ħafna qabel iż-żmien ikkalkulat għall-wasla tal-bastiment fit-terminal, jagħti lit-terminal it-tagħrif kif stabbilit fl-Anness III;

(ċ) qabel ma titgħabba xi tagħbija solida bl-ingrossa, il-kaptan għandu jiżgura li jkun irċieva t-tagħrif dwar il-merkanzija kif meħtieġ mir-Regolament VI/2.2 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974, u, fejn meħtieġ, dikjarazzjoni tad-densità tat-tagħbija solida bl-ingrossa. Dan it-tagħrif għandu jitqiegħed fil-formola tad-dikjarazzjoni tal-merkanzija kif tidher fl-Appendiċi 5 tal-Kodiċi l-BLU;

(d) qabel tibda u waqt li tkun għaddejja t-tagħbija jew il-ħatt il-kaptan għandu jaqdi d-dmirijiet elenkati fl-Anness IV.

2. Ir-responsabbiltajiet tar-rappreżentant tat-terminal:

(a) malli jirċievi n-notifika inizjali mingħand il-bastiment dwar il-ħin ikkalkulat tal-wasla tiegħu, ir-rappreżentant tat-terminal għandu jagħti lill-kaptan it-tagħrif imsemmi fl-Anness V;

(b) ir-rappreżentant tat-terminal għandu jkun issodisfat li l-kaptan ikun ġie avżat l-aktar kmieni possibbli bit-tagħrif li jinsab fil-fomola ta' dikjarazzjoni tat-tagħbija;

(ċ) ir-rappreżentant tat-terminal għandu mingħajr dewmien jinnotifika lill-kaptan u lill-awtorità portwali tal-kontroll ta' l-Istat b'kull defiċjenza evidenti li jkun innota abbord il-bastiment tat-tagħbija bl-ingrossa li tista' tipperikola t-tagħbija jew il-ħatt b' sigurtà tal-merkanziji solida bl-ingrossa;

(d) qabel il-bidu u waqt it-tagħbija u l-ħatt ir-rappreżentant tat-terminal għandu jaqdi d-dmirijiet elenkati fl-Anness VI.

L-Artikolu 8

Il-proċeduri ta' bejn il-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa u t-terminals

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri li ġejjin jiġu applikati dwar it-tagħbija jew il-ħatt ta' bastimenti li jkollhom tagħbija solida bl-ingrossa.

1. Qabel ma titgħabba jew tinħatt tagħbija bl-ingrossa, il-kaptan għandu jiftiehem mar-rappreżentant tat-terminal dwar il-pjan tat-tagħbija jew tal-ħatt skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament VI/7.3 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974. Il-pjan tat-tagħbja jew tal-ħatt għandu jitħejja bil-forma stabbilita fl-Appendiċi 2 tal-Kodiċi l-BLU, għandu jkun fih in-numru ta' l-IMO tal-bastiment tat-tagħbija bl-ingrossa kkonċernat, u l-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal għandhom jikkonfermaw il-qbil tagħhom mal-pjan billi jiffirmawh.

Kwalunkwe bdil fil-pjan, li skond kull wieħed mill-partijiet jista' jeffetttwa s-sigurtà tal-bastiment jew ta' l-ekwipaġġ, għandu jitħejja, jiġi aċċettat u miftiehem miż-żewġ partijiet fil-forma ta' pjan rivedut.

Il-pjan miftiehem tat-tagħbija jew tal-ħatt u kull reviżjoni sussegwenti miftiehma għandhom jinżammu mill-bastiment u mit-terminal għall-perjodu ta' sitt xhur għall kull verifika meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

2. Qabel ma tibda t-tagħbija jew il-ħatt, il-lista tal-verifika tas-sigurtà bejn il-bastiment u l-art għandha timtela u tiġi ffirmata b'mod konġunt mill-kaptan u mir-rappreżentant tat-terminal skond il-linji gwida fl-Appendiċi 4 tal-Kodiċi l-BLU.

3. Għandha titwaqqaf komunikazzjoni effettiva bejn il-bastiment u t-terminal li tinżamm il-ħin kollu, u li tkun kapaċi li twieġeb għal talbiet ta' tagħrif dwar il-proċess tat-tagħbija jew tal-ħatt u biex tiġi żgurata l-konformità mill-ewwel jekk il-kaptan jew ir-rappreżentant tat-terminal jordna li l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt għandhom jieqfu.

4. Il-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal għandhom imexxu l-operazzjonijiet ta' tagħbija jew tal-ħatt skond il-pjan miftiehem. Ir-rappreżentant tat-terminal għandu jkun responsabbli waqt it-tagħbija jew il-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa rigward l-ordni fl-istivi, il-kwantità u r-rata tat-tagħbija jew il-ħatt kif iddikjarati fil-pjan. Huwa m'għandux jiddevja mill-pjan miftiehem tat-tagħbija jew tal-ħatt, ħlief permezz ta' konsultazzjoni minn qabel u ta' ftehim bil-miktub mal-kaptan.

5. Malli titlesta t-tagħbija jew il-ħatt, il-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal għandhom jiftiehmu bil-miktub li t-tagħbija jew il-ħatt ikunu saru skond il-pjan tat-tagħbija jew tal-ħatt, inkluż xi tibdil miftiehem. Fil-każ tal-ħatt, dak il-ftehim għandu jinkludi rekord li l-istivi tal-merkanżija jkunu ġew imbattla u mnaddfa skond il-ħtiġiet tal-kaptan u għandha tiġi rrekordjata kwalunkwe ħsara li jkun ġarrab il-bastiment u kull tiswija mwettqa li tkun saret.

L-Artikolu 9

Ir-rwol ta' l-awtoritajiet kompetenti

1. Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-kaptan previsti fir-Regolament VI/7.7 tal-Konvenzjoni SOLAS ta' l-1974, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jipprevienu jew iwaqqfu t-tagħbija jew il-ħatt ta' tagħbija solida bl-ingrossa kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari li s-sigurtà tal-bastiment jew ta' l-ekwipaġġ tkun sa tiġi b'dan ipperikolata.

2. Fil-każi fejn l-awtorità kompetenti tiġi informata b'nuqqas ta' qbil bejn il-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal dwar l-applikazzjoni tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 8, l-awtorità kompetenti għandha tintervieni meta dan ikun meħtieġ fl-interessi tas-sigurtà u/jew ta' l-ambjent marittmu.

L-Artikolu 10

It-tiswija ta' ħsara li tkun saret matul it-tagħbija jew il-ħatt

1. Jekk isseħħ ħsara lill-istruttura tal-bastiment jew lill-apparat matul it-tagħbija jew il-ħatt, din għandha tiġi rrappurtata mir-rappreżentant tat-terminal lill-kaptan, u fejn ikun meħtieġ, tissewwa.

2. Jekk il-ħsara tista' tfixkel il-kapaċità strutturali jew l-integrità tal-qoxra biex ma tagħmilx ilma, jew is-sistemi essenzjali ta' l-inġinerija tal-bastiment, l-amministrazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera jew l-organizzazzjoni rikonoxxuta minnha u li tkun taġixxi għan-nom tagħha, u l- awtorità tal-kontroll portwali ta' l-Istat għandhom ikunu informati mir-rappreżentant tat-terminal u/jew mill-kaptan. Id-deċiżjoni dwar jekk tiswija immedjata tkunx meħtieġa jew jekk din tkunx tista' tiġi posposta għandha tittieħed mill-awtorità tal-kontroll portwali ta' l-Istat, waqt li titqies l-opinjoni, jekk ikun hemm ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera, jew ta' l-organizzazzjoni rikonoxxuta minnha waqt u li tkun taġixxi għan-nom tagħha, kif ukoll l-opinjoni tal-kaptan. Fejn titqies meħtieġa t-tiswija immedjata, din għandha ssir għas-sodisfazzjon tal-kaptan u ta' l-awtorità kompetenti qabel ma l-bastiment iħalli l-port.

3. Għall-finijiet tat-teħid tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 2, awtorità tal-kontroll portwali ta' l-Istat tista' toqgħod fuq organizzazzjoni rikonoxxuta biex twettaq l-ispezzjoni tal-ħsara u tagħti l-parir dwar il-ħtieġa li jitwettqu t-tiswijiet jew li dawn jiġu posposti.

4. Dan l-Artikolu għandu jgħodd mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/21/KE.

L-Artikolu 11

Il-verifika u r-rapportar

1. L-Istati Membri għandhom regolarment jivverifikaw li t-terminals ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 5(1), l-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 8. Il-proċedura tal-verifika għandha tinkludi t-twettiq ta' spezzjonijiet għal għarrieda matul l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt.

B'żieda ma' dan, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw li t-terminals ikunu jikkonformaw mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu 5(4), fit-tmiem tal-perjodu previst, u fil-każ ta' terminals li għadhom kemm ġew stabbiliti fit-tmiem tal-perjodu previst fl-Artikolu 6.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kumissjoni kull tliet snin rapport dwar ir-riżultati ta' dawk il-verifiki. Ir-rapport għandu ukoll jipprovdi valutazzjoni dwar l-effettività tal-proċeduri armonizzati għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni bejn il-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa u t-terminals kif previst f'din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jintbagħat mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena li tiġi wara l-perjodu ta' tliet snin kalendarji li dwaru tkun tirrapporta.

L-Artikolu 12

Il-valutazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tressaq rapport ta' valutazzjoni dwar l-operat tas-sistema kif previst f'din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq il-bażi tar-rapporti ta' l-Istati Membri kif previst fl-Artikolu 11(2). Dan ir-rapport għandu ukoll jinkludi valutazzjoni dwar jekk ikunx meħtieġ li jitkompla r-rapportaġġ mill-Istati Membri kif imsemmi fl-Artikolu 11(2).

L-Artikolu 13

In-notifika lill-IMO

Il-Presidenza tal-Kunsill, waqt li taġixxi għan-nom ta' l-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandhom flimkien jinfurmaw lill-IMO bl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, fejn għandha ssir referenza għall-paragrafu 1.7 ta' l-Anness li jinsab mar-Riżoluzzjoni IMO A.797(19).

L-Artikolu 14

Il-Kumitat Regolatorju

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE [9], minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom ikunu applikabbli, wara li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/ KE għandu jiġi ffissat bħala ta' tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

L-Artikolu 15

Il-proċedura ta' l-emendar

1. Id-definizzjonijiet fil-punti minn 1 sa 6 u minn 15 sa 18 ta' l-Artikolu 3, ir-referenzi għall-konvenzjonijiet internazzjonali u l-kodifiki tar-Riżoluzzjonijiet ta' l-IMO u ċ-Ċirkolarijiet, ir-referenzi għan-normi ta' l-ISO, ir-referenzi għall-istrumenti tal-Komunità u l-Annessi, jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2), biex jinġiebu konformi ma' l-istrumenti internazzjonali u Komunitarji li jkunu ġew adottati, emendati jew miġjuba fis-seħħ wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, basta l-ambitu ta' din id-Direttiva ma jitwessax b'dan.

2. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(2) għandha tgħodd meta jiġi emendat l-Artikolu 8 u l-Annessi għall-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva, u meta jiġu emendati jew imħassra l-obbligazzjonijiet tar-rapportaġġ imsemmija fl-Artikoli 11(2) u 12, basta dawk id-dispożizzjonijiet ma jwessgħux l-ambitu ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 16

Il-pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Artikolu 17

L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw qabel il-5 ta' Awissu 2003, id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex titħares din id-Direttiva. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Marzu 2004.

Fejn l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'dik ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir dik ir-referenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 18

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum li jiġi wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 19

Lil min hija indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-4 ta' Diċembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

D. Reynders

[1] ĠU C 311 E, tal-31.10.2000, p. 240 u ĠU C 180 E, tas-26.6.2001, p. 273.

[2] ĠU C 14, tas-16.1.2001, p. 37.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2001 (ĠU C 276, ta' l-1.10.2001, p. 38), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[5] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 95/21/KE tad-19 ta' Ġunju 1995 dwar l-infurzar, fil-każ ta' bastimenti li jużaw il-portijiet tal-Komunità u jbaħħru fl-ibħra taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri, ta' normi internazzjonali dwar is-sigurtà tal-bastimenti, il-prevenzjoni tat-tniġġis u l-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord (il-kontroll portwali ta' l-Istat) (ĠU L 157, tas-7.7.1995, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/97/KE(ĠU L 331, tat-23.12.1999, p. 67).

[7] Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u n-normi komuni għall-organizzazzjonijiet ta' l-ispezzjoni u l-perizja tal-bastimenti u għall-attivitajiet relevanti ta' l-amministrazzjonijiet marittimi (ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 20). Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/58/KE (ĠU L 274, tas-7.10.1997, p. 8).

[8] Id-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi l-proċedura għall-provvista ta' tagħrif fil-qasam tan-normi u r-regolamenti tekniċi u ta' regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 37). Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/48/ KE (ĠU L 217, tal-5.8.1998, p. 18).

[9] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE tat-13 ta' Settembru 1993 rigward il-ħtiġiet minimi għall-bastimenti li jkunu sejrin jew ġejjin mill-portijiet tal-Komunità u li jkunu jġorru merkanizija perikoluża jew ta' tniġġis (ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/74/KE (ĠU L 276, tat-13.10.1998, p. 7).

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IL-ĦTIĠIET DWAR KIF IL-BASTIMENTI TA' TAGĦBIJA BL-INGROSSA GĦANDHOM IKUNU ADATTATI GĦALL-OPERAT TAT-TAGĦBIJA U TAL-ĦATT TAT-TAGĦBIJA SOLIDA BL-INGROSSA

(kif imsemmija fl-Artikolu 4)

Il-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa li jieqfu f'terminals fl-Istati Membri għat-tagħbija jew għall-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa għandhom jiġu vverifikati dwar il-konformità mal-ħtiġiet li ġejjin.

1. Dawn għandhom ikunu pprovduti bi stivi tal-merkanzija u bokok ta' wisa' suffiċjenti u ta' dak id-disinn li jkun jippermetti li tagħbija solida bl-ingrossa titgħabba, tiġi stivata, imqassma u mħatta b'mod sodisfaċenti.

2. Dawn għandhom ikunu pprovduti bin-numri ta' l-identifikazzjoni tal-bokkaporti ta' l-istivi tal-merkanzija kif jidhru fil-pjan tat-tagħbija jew tal-ħatt. Il-pożizzjoni, id-daqs u l-kulur ta' dawn in-numri għandhom ikunu jidhru b'mod ċar u jkunu identifikabbli mill-operatur ta' l-apparat tat-tagħbija jew tal-ħatt tat-terminal.

3. Il-bokkaporti ta' l-istivi tagħhom tal-merkanzija, is-sistemi li bihom jitħaddmu l-bokkaporti u l-mekkaniżmi tas-siġurtà għandhom ikunu fi stat tajjeb biex jiffunzjonaw u jintużaw biss għall-iskop intenzjonat tagħhom.

4. Id-dwal li jindikaw il-pendil, jekk ikunu ffittjati, għandhom jiġu ttestjati qabel tibda t-tagħbija jew il-ħatt u għandu jiġi aċċertat li jkunu jaħdmu.

5. Jekk ikun meħtieġ li jkun hemm abbord strument approvat għat-tagħbija, dan l-istrument għandu jkun iċċertifikat u għandu jkun jaħdem biex jagħmel il-kalkoli ta' l-istress matul it-tagħbija jew il-ħatt.

6. Il-makkinarju tal-propulsjoni u dak awżiljari għandu jkun fi stat li jiffunzjona tajjeb.

7. It-tagħmir ta' fuq il-gverta li għandu x'jaqsam ma' l-operazzjonijiet ta' rbit u rmiġġ għandu jkun jaħdem u fi stat u f'kundizzjoni tajba.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

IL-ĦTIĠIET DWAR KEMM IT-TERMINALS IKUNU ADATTATI GĦAT-TAGĦBIJA U L-ĦATT TA' TAGĦBIJA SOLIDA BL-INGROSSA

(kif imsemmija fl-Artikolu 5(1))

1. It-terminals għandhom jaċċettaw biss bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa għat-tagħbija jew għall-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa fit-terminal tagħhom jekk dawn ikunu jistgħu faċilment jirmiġġaw biswit l-istallazzjoni tat-tagħbija jew tal-ħatt waqt li jitiqes il-fond ta' l-ilma għall-irmiġġ, il-qies massimu tal-bastiment, l-arranġamenti għall-irbit, il-fendering, l-aċċess b' sigurtà u l-ostruzzjonijiet possibbli għal waqt l-operat tat-tagħbija jew tal-ħatt.

2. L-apparat tat-terminal għat-tagħbija jew għall-ħatt għandu jkun iċċertifikat kif imiss u miżmum f'kundizzjoni tajba, b'konformità mar-regolamenti u man-normi rilevanti, u għandu jitħaddem biss min-nies ikkwalifikati u, fejn ikun il-każ, iċċertifikati.

3. L-impjegati tat-terminal għandhom ikunu mħarrġa fl-aspetti kollha tas-sigurtà tat-tagħbija u l-ħatt tal-bastimenti ta' tagħbija bl-ingrossa b'tali mod li jkun jaqbel mar-responsabbiltajiet tagħhom. It-taħriġ għandu jkun maħsub biex jipprovdi familjarità mal-perikoli ġenerali tat-tagħbija u tal-ħatt tat-tagħbija solida bl-ingrossa u l-effetti kuntrarji li l-operazzjonijiet mhux kif suppost tat-tagħbija u tal-ħatt jista' jkollhom fuq is-sigurtà tal-bastiment.

4. Il-ħaddiema tat-terminal involuti fl-operazzjonijiet tat-tagħbija u tal-ħatt għandu jingħatalhom u għandhom jużaw apparat personali ta' protezzjoni u jkunu mistrieħa kif imiss biex jiġu evitati aċċidenti minħabba l-għeja.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

IT-TAGĦRIF LI GĦANDU JINGĦATA MILL-KAPTAN TAL-BASTIMENT LIT-TERMINAL

(kif imsemmi fl-Artikolu 7(1)(b))

1. Il-ħin ikkalkulat tal-wasla tal-bastiment barra l-port kmien kemm jista' jkun. Dan l-avviż għandu jiġi aġġornat kif jixraq.

2. Appena jsir il-ħin imniżżel fl-ewwel avviż tal-ħin tal-wasla:

(a) l-isem, is-sinjal tas-sejħa, in-numru ta' l-IMO, il-bandiera u l-port tar-reġistrazzjoni;

(b) il-pjan tat-tagħbija jew tal-ħatt, li jkun juri l-kwantità tal-merkanzija, l-istivar skond il-bokkaporti, l-ordni tat-tagħbija jew tal-ħatt u l-kwantità li għandha titgħabba f'kull tifrigħa jew li għandha tinħatt f'kull stadju tat-tbattil;

(ċc) il-pixkar mal-wasla u dak propost mat-tluq;

(d) il-ħin meħtieġ għad-dħul tas-saborra u biex titħaffef is-saborra;

(e) it-tul sħiħ tal-bastiment, tal-lattuni, mill-muxxillara quddimija tal-bokkaport ta' quddiem nett sal-muxxillara aħħarija tal-bokkaport ta' l-aħħar li fih tkun sa titgħabba l-merkanzija jew li minnu tkun sa tinħatt il-merkanzija;

(f) id-distanza mill-buq sa' l-ewwel bokkaport li jkun sa jitgħabba jew jinħatt u d-distanza mill-ġenb tal-bastiment sal-fetħa tal-bokkaport;

(g) il-pożizzjoni tas-sellum għall-akkomodazzjoni tal-bastiment;

(h) il-kurrent ta' l-arja;

(i) id-dettalji u l-kapaċitajiet ta' l-apparat li jimmaniġġa l-merkanzija tal-bastiment, jekk ikun hemm;

(j) l-għadd u t-tip ta' ċimi ta' l-irbit;

(k) it-talbiet speċifiċi, bħal tqassim jew kejl kontinwu tal-kontenut ta' l-ilma fil-merkanzija;

(l) id-dettalji dwar xi tiswijiet meħtieġa li jistgħu jittardjaw l-irbit, il-bidu tat-tagħbija jew tal-ħatt, jew li jistgħu jittardjaw is-salpar tal-bastiment mat-tlestija tat-tagħbija jew tal-ħatt;

(m) kwalunkwe tagħrif ieħor li jkollu x'jaqsam mal-bastiment li jkun mitlub mit-terminal.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

ID-DMIRIJIET TAL-KAPTAN QABEL U MATUL L-OPERAZZJONIJIET TAT-TAGĦBIJA JEW TAL-ĦATT

(kif imsemmija fl-Artikolu 7(1)(d))

Qabel u matul l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt il-kaptan għandu jiżgura li:

1. it-tagħbija jew il-ħatt tal-merkanzija u t-tbattil jew id-dħul ta' l-ilma tas-saborra ikun taħt il-kontroll ta' l-uffiċjal inkarigat mill-bastiment;

2. id-dispożizzjoni tal-merkanzija u ta' l-ilma tas-saborra jiġu ssorveljati matul il-proċess kollu tat-tagħbija jew tal-ħatt biex jiġi żgurat li l-istruttura tal-bastiment ma tiġix mgħobbija żżejjed;

3. il-bastiment għandu jinżamm wieqaf jew, jekk għal raġunijiet ta' l-operazzjoni jkun meħtieġ timjil, dan għandu jkun żgħir kemm jista' jkun;

4. il-bastiment jinżamm marbut sew, waqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet u t-tbassir lokali tat-temp;

5. jinżammu abbord uffiċjali u ekwipaġġ biżżejjed biex jieħdu ħsieb l-aġġustament taċ-ċimi ta' l-irbit jew ta' xi sitwazzjoni normali jew ta' emerġenza, wara li tkun tqieset il-ħtieġa ta' l-ekwipaġġ biex dan ikollu perjodi suffiċjenti għall-mistrieħ biex tiġi evitata l-għeja;

6. ir-rappreżentant tat-terminal jiġi mgħarraf dwar il-bżonnijiet dwar it-tqassim tal-merkanzija, li għandu jsir skond il-proċedura tal-Kodiċi ta' l-IMO dwar il-Prattika b'Sigurtà għat-Tagħbija Solida bl-Ingrossa;

7. ir-rappreżentant tat-terminal għandu jiġi mgħarraf dwar il-ħtiġiet ta' l-armonizzazzjoni bejn it-tbattil tas-saborra jew it-tqegħid tagħha u r-rati tat tagħbija jew tal-ħatt tal-merkanzija tal-bastiment tiegħu u dwar kull devjazzjoni mill-pjan tat-tbattil jew tat-tqegħid tas-saborra jew dwar kull kwistjoni oħra li tista' teffettwa t-tagħbija jew il-ħatt tal-merkanzija;

8. l-ilma tas-saborra jitbattal b'rati li jikkonformaw mal-pjan miftiehem tat-tagħbija u ma jirriżultax f'ilmijiet bil-kwantità fuq il-moll jew fuq l-opri fil-viċin. Fejn ma jkunx prattiku li l-bastiment ibattal għalkollox l-ilma tas-saborra qabel l-istadju tat-tqassim waqt il-proċess tat-tagħbija, huwa jiftiehem mar-rappreżentant tat-terminal dwar il-ħinijiet li fihom jista' jkun meħtieġ li titwaqqaf it-tagħbija u kemm idum dan it-twaqqif ;

9. ikun hemm ftehim mar-rappreżentant tat-terminal dwar l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu fil-każ li tagħmel ix-xita, jew dwar xi bidla oħra fit-temp, meta n-natura tal-merkanzija tkun tista' toħloq periklu minħabba bidla bħal dik;

10. ebda xogħol bin-nar ma jsir abbord jew fil-viċinanza tal-bastiment waqt li l-bastiment ikun biswit l-irmiġġ, ħlief bil-permess tar-rappreżentant tat-terminal u skond kull ħtieġa ta' l-awtorità kompetenti;

11. is-superviżjoni mill-qrib ta' l-operazzjoni tat-tagħbija jew tal-ħatt u tal-bastiment matul l-istadji finali tat-tagħbija jew tal-ħatt;

12. ir-rappreżentant tat-terminal jiġi avżat minnufih jekk il-proċess tat-tagħbija jew tal-ħatt ikun ikkawża xi ħsara, ikun ħoloq xi sitwazzjoni perikoluża, jew ikun x'aktarx sa jagħmel hekk;

13. ir-rappreżentant tat-terminal jiġi avżat meta jkollu jibda t-tqassim finali tal-bastiment biex jagħti ċ-ċans li tintefa s-sistema tal-conveyor;

14. il-ħatt tal-parti tax-xellug tkun jixbah mill-qrib lil dik tal-parti tal-lemin fl-istess stiva biex jiġi evitat li titgħawweġ l-istruttura tal-bastiment;

15. meta tkun issir is-saborra fi stiva waħda jew aktar, għandha titqies il-possibbiltà ta' l-emissjoni tal-gassijiet kombustibbli mill-istivi u għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet qabel jiġi permess xi xogħol bin-nar viċin jew fuq dawn l-istivi.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

IT-TAGĦRIF LI GĦANDU JINGĦATA MIT-TERMINAL LILL-KAPTAN

(kif imsemmi fl-Artikolu 7(2)(a))

1. L-isem ta' l-irmiġġ li fih għandha ssir it-tagħbija jew il-ħatt u l-ħin kemm huma ikkalkulati li sa jdumu l-irmiġġ u t-tlestija tat-tagħbija jew tal-ħatt [1].

2. Il-karatteristiċi ta' l-apparat tat-tagħbija jew tal-ħatt, inkluża r-rata nominali tat-tagħbija jew tal-ħatt fit-terminal u n-numru ta' rjus tat-tagħbija jew tal-ħatt li għandhom jintużaw, kif ukoll il-kalkolu taż-żmien meħtieġ biex titlesta kull issata - jew fil-każ tal-ħatt - il-kalkolu taż-żmien meħtieġ għal kull stadju tal-ħruġ.

3. Il-karatteristiċi dwar l-irmiġġ jew il-moll li l-kaptan jista' jkun meħtieġ li jkun jaf bihom, inkluża l-pożizzjoni ta' l-ostruzzjonijiet fissi u mobbli, il-fenders, il-bitti u l-arranġament għall-irmiġġ.

4. Il-fond minimu ta' l-ilma biswit l-irmiġġ u fl-kanali tal-wasla jew tat-tluq [2].

5. Id-densità ta' l-ilma fl-irmiġġ.

6. Id-distanza massima bejn il-linja mal-buq tal-bastiment u l-quċċata tal-koperturi tal-bokkaporti tal-merkanzija jew il-coamings, skond liema minnhom tkun relevanti għall-operazzjoni tat-tagħbija jew tal-ħatt, u l-kurrent massimu ta' l-arja.

7. L-arranġamenti għall-iskali u għall-aċċess.

8. Liema ġenb tal-bastiment sa jorbot ma' l-irmiġġ.

9. Il-veloċità massima permissibbli li biha l-bastiment jersaq lejn il-moll u d-disponibbiltà tal-laneċ ta' l-irmonk, it-tip tagħhom u l-ġibda fuq il-bitta.

10. Is-sekwenza għat-tagħbija tad-diversi pakki tal-merkanzija, u kwalunkwe restrizzjoni oħra jekk ma jkunx possibbli li l-merkanzija tiddaħħal skond xi ordni jew xi stiva għall-kumdità tal-bastiment.

11. Xi karatteristiċi li l-merkanzija li sa titgħabba jkollha li jistgħu ikunu ta' xi periklu meta din titqiegħed f'kuntatt ma' merkanzija jew ma' fdalijiet abbord.

12. It-tagħrif bil-quddiem dwar l-operazzjonijiet proposti għat-tagħbija jew għall-ħatt jew għal bidliet fil-pjani eżistenti tat-tagħbija jew tal-ħatt.

13. Jekk l-apparat tat-terminal tat-tagħbija jew tal-ħatt ikunx fiss, jew jekk ikollux xi limitazzjonijiet dwar iċ-ċaqliq tiegħu.

14. Iċ-ċimi meħtieġa għall-irbit.

15. It-twissija dwar arranġamenti ta' rbit mhux tas-soltu.

16. Kull restrizzjoni dwar is-saborra jew it-tbattil tagħha.

17. Il-pixkar massimu għan-navigazzjoni kif permess mill-awtorità kompetenti.

18. Kull ħaġa oħra relatata mat-terminal li tintalab mill-kaptan.

[1] It-tagħrif dwar il-ħinijiet ikkalkulati għall-irmiġġ u t-tluq u dwar il-fond minimu ta' l-ilma għandu jiġi progressivament aġġornat u mgħoddi lill-kaptan malli jiġi riċevut l-avviż suċċessiv ta' l-ETA. It-tagħrif dwar il-fond minimu ta' ilma fil-passaġġi tad-dħul u l-ħruġ għandu jingħata mit-terminal u mill-awtorità kompetenti, skond kif ikun xieraq.

[2] It-tagħrif dwar il-ħinijiet ikkalkulati għall-irmiġġ u t-tluq u dwar il-fond minimu ta' l-ilma għandu jiġi progressivament aġġornat u mgħoddi lill-kaptan malli jiġi riċevut l-avviż suċċessiv ta' l-ETA. It-tagħrif dwar il-fond minimu ta' ilma fil-passaġġi tad-dħul u l-ħruġ għandu jingħata mit-terminal u mill-awtorità kompetenti, skond kif ikun xieraq.

--------------------------------------------------

L-ANNESS VI

ID-DMIRIJIET TAR-RAPPREŻENTANT TAT-TERMINAL QABEL U MATUL L-OPERAZZJONIJIET TAT-TAGĦBIJA JEW TAL-ĦATT

(kif imsemmija fl-Artikolu 7(2)(d))

Qabel u matul l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt ir-rappreżentant tat-terminal għandu:

1. jipprovdi lill-kaptan bl-ismijiet u bil-proċeduri għall-ikkuntattjar ta' l-impjegati tat-terminal jew ta' l-aġenti tal-bastiment li għandu jkollhom ir-responsabbiltà għall-operazzjoni tat-tagħbija jew tal-ħatt u li miegħu għandu jżomm kuntatt il-kaptan.

2. jieħu l-miżuri kollha ta' prekawzjoni biex tiġi evitata ħsara lill-bastiment mill-apparat tat-tagħbija jew tal-ħatt u javża lill-kaptan jekk isseħħ xi ħsara.

3. jiżgura li l-bastiment jinżamm wieqaf jew, jekk għal raġunijiet ta' operazzzjoni jkun meħtieġ li jmil, dan għandu jkun mill-anqas possibbli;

4. jiżgura li l-ħatt tal-parti tax-xellug ikun jixbah mill-qrib lil dak tal-parti tal-lemin fl-istess stiva biex jiġi evitat li jitgħawweġ il-bastiment;

5. fil-każ ta' merkanziji b'densità għolja, jew meta t-tagħbijiet individwali jkunu kbar, iwissi lill-kaptan li jista' jkun hemm tagħbija għolja li tkun tistrieħ fuq l-istruttura tal-bastiment sakemm il-parti ta' fuq tat-tank titgħatta kollha kemm hi bil-merkanzija, speċjalment meta jkun permess tgerbib mill-għoli u għandha ssir attenzjoni speċjali fil-bidu ta' l-operazzjoni tat-tagħbija f'kull stiva tal-merkanzija.

6. jiżgura li jkun hemm ftehim bejn il-kaptan u r-rappreżentant tat-terminal fl-istadji kollha u b'relazzjoni ma' l-aspetti kollha ta' l-operazzjonijiet tat-tagħbija jew tal-ħatt u li l-kaptan ikun infurmat b'kull bidla dwar ir-rata miftiehma tat-tagħbija, u dwar it-tlestija ta' kull tifrigħa tal-piż imgħobbi.

7. iżomm rekord tal-piż u tad-dispożizzjoni tal-merkanzija mgħobbija jew mħatta u jiżgura li l-piż fl-istivi ma jvarjax mill-pjan miftiehem tat-tagħbija jew tal-ħatt.

8. jiżgura li l-merkanzija tkun imqassma, meta titgħabba jew tinħatt, skond il-ħtiġiet tal-kaptan.

9. jiżgura li l-kwantitajiet tal-merkanzija meħtieġa biex jinkiseb il-pixkar u t-trim tkun tippermetti biex il-merkanzija kollha fuq is-sistemi tal-conveyors tat-terminal titbattal u tiżvojta malli titlesta t-tagħbija. Għal dak il-għan ir-rappreżentant tat-terminal għandu javża lill-kaptan dwar it-tunnellaġġ nominali li jkun jinsab fuq is-sistema tal-conveyor tat-terminal u dwar ikunx hemm bżonn ta' tbattil tas-sistema tal-conveyor malli titlesta t-tagħbija.

10. il-każ tal-ħatt, jagħti avviż massimu lill-kaptan meta jkun maħsub li jiżdied jew jitnaqqas l-għadd ta' rjus użati u javża lill-kaptan meta l-ħatt jitqies li jkun tlesta minn kull stiva.

11. jiżgura li ebda xogħol bin-nar ma jsir abbord jew fil-viċinanza tal-bastiment waqt li l-bastiment ikun biswit l-irmiġġ, ħlief bil-permess tal-kaptan u skond kull ħtieġa ta' l-awtorità kompetenti;

--------------------------------------------------