32001L0077



Official Journal L 283 , 27/10/2001 P. 0033 - 0040


Id-Direttiva (KE) Nru 2001/77KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta' Settembru 2001

fuq il-promozzjoni ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli fis-suq intern ta' l-elettriku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Il-potenzjal għall-isfruttament ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli mhux użata biżżejjed fil-preżent. Il-Komunità tirrikonoxxi l-bżonn li tħeġġeġ sorsi ta' enerġija rinovabbli bħala miżura prioritarja billi l-isfruttment tagħhom jikkontribwixxi għall-protezzjoni ta' l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Barra dan, dan jista' joħloq ukoll impjiegi lokali, ikollu impatt pożittiv fuq il-koeżjoni ambjentali, jikkontribwixxi għas-sigurezza tal-provista u jagħmilha possibbli li jintlaħqu l-miri ta' Kyoto iktar malajr. Huwa għalhekk meħtieġ li jkun zgurat li dan il-potenzjal huwa sfruttat aħjar fil-qafas tas-suq intern ta' l-elettriku.

(2) Il-promozzjoni ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli hija prijorità kbira tal-Komunità kif imfissra fil-White Paper fuq Sorsi ta' Enerġija rinovabbli (minn hawn 'il quddiem Imsejħa bħala l-"White Paper") għal raġunijiet ta' sigurtà u diversifikazzjoni tal-provista ta' l-enerġija, ta' protezzjoni ambjentali u ta' koeżjoni soċjali u ekonomika. Dan kien imseddaq mill-Kunsill fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 1998 fuq sorsi ta' enerġija rinovabbli [5], u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq il-White Paper. [6]

(3) L-użu akbar ta' enerġija prodotta minn sorsi ta' enerġija rinovabbli jikkostitwixxi parti importanti tal-pakkett ta' miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-Protokoll ta' Kyoto tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima, u ta' kull pakkett ta' politika biex jitħarsu l-impenji.

(4) Il-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta' Mejju 1999 u l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Ġunju 1998 fuq l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli [7] stiednu lill-Kummissjoni biex tissottometti proposta konkreta għal qafas Komunitarju għall-aċċess għall-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli għas-suq intern. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Marzu 2000 fuq l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli u s-suq intern ta' l-elettriku [8] jisħaq li miri li jorbtu u ambizjużi dwar l-enerġija rinovabbli fil-livell nazzjonali huma essenzjali biex jinkisbu r-riżultati u jintlaħqu l-miri tal-Komunità.

(5) Biex tkun żgurata penetrazzjoni tas-suq akbar ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli f'terminu medju, l-Istati Membri għandhom jenħtieġu li jiffissaw miri indikattivi nazzjonali għall-konsum ta' l-enerġija prodotta minn sorsi rinovabbli.

(6) Dawn il-miri indikattivi nazzjonali għandhom ikunu konsistenti ma' kull impenn nazzjonali magħmul bħala parti mill-impenji ta' bidla fil-klima aċċettata mill-Komunità taħt il-Protokoll ta' Kyoto.

(7) Il-Kummissjoni għandha tistma kemm l-Istati Membri għamlu progress biex jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali, u safejn il-miri indikattivi nazzjonali huma konsistenti mal-mira indikattiva globali ta' 12 % tal-konsum gross domestiku ta' l-enerġija sa l-2010, meta wieħed jikkunsidra li l-mira indikattiva tal-White Paper ta' 12 % għall-Komunità sħiħa sa l-2010 tipprovdi gwida utli għal aktar sforzi fil-livell tal-Komunità kif ukoll fl-Istati Membri, waqt li jitfakkar il-bżonn li jkunu riflessi ċirkostanzi nazzjonali differenti. Jekk meħtieġ biex jintlaħqu l-miri, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistgħu jinkludu miri obbligatorji.

(8) Meta jużaw l-iskart bħala sorsi ta' enerġija, l-Istati Membri għandhom iħarsu l-leġislazzjoni tal-Komunit kurrenti fuq il-ġestjoni ta' l-iskart. L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet murija fl-Anness 2o u 2b tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 fuq l-iskart [9]. L-appoġġ għals-sorsi ta' enerġija rinovabbli għandu jkun konsistenti ma' l-oġġettivi l-oħra tal-Komunità, partikolarment ir-rispett għall-ġerarkija tat-trattament ta' l-iskart. Għalhekk, l-inċenerazzjoni ta' skart muniċipali mhux separat m'għandux ikun promoss taħt sistema ta' appoġġ fil-ġejjieni, jekk dik il-promozzjoni tista' twaqqa' l-ġerarkija.

(9) Id-definizzjoni ta' biomassa użata f'din id-Direttiva ma tiġġudikax minn qabel l-użu ta' definizzjoni differenti fil-leġislazzjoni nazzjonali, għall-finijiet li m'humiex dawk ipprovduti f'din id-Direttiva.

(10) Din id-Direttiva ma teħtieġx l-Istati Membri li jirrikonoxxu x-xiri ta' garanzija ta' l-oriġini minn Stati Membri oħra jew ix-xiri korrispondenti ta' elettriku bħala kontribuzzjoni għat-tħaris ta' obbligu ta' kwota nazzjonali. Iżda, biex ikun iffaċilitat il-kummerċ fl-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli u biex tiżdied it-trasparenza għall-għażla tal-konsumatur bejn elettriku prodott minn mhux imġedded u elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli, hija meħtieġa l-garanzija ta' l-oriġini ta' dan l-elettriku. Skemi għall-garanzija ta' l-oriġini waħedhom ma jfissrux dritt għall-benefiċċju mill-mekkaniżmi ta' appoġġ nazzjonali stabbiliti fl-Istati Membri differenti. Huwa importanti li l-forom kollha ta' elettriku prodotti minn sorsi ta' enerġija rinovabbli huma koperti b'dawn il-garanziji ta' oriġini.

(11) Huwa importanti li ssir differenza bejn il-garanziji ta' oriġini b'mod ċar miċ-ċertifikati ħodor li jistgħu jiġu skambjati.

(12) Il-bżonn għall-appoġġ pubbliku favur sorsi ta' enerġija rinovabbli huwa rikonoxxut fil-linji ta' gwida tal-Komunità għall-għajnuna Statali għall-protezzjoni ta' l-ambjent [10], li, fost għażliet oħra, iqisu l-bżonn biex l-ispejjeż esterni għall-ġenerazzjoni ta' l-elettriku tkun internalizzata. Iżda, r-regoli tat-Trattat partikolarment l-Artikoli 87 u 88 tiegħu, għandhom ikomplu japplikaw għal dan l-appoġġ pubbliku.

(13) Għandu jkun stabbilit qafas leġislattiv għas-suq fis-sorsi ta' enerġija rinovabbli.

(14) L-Istati Membri joperaw mekkaniżmi differenti ta' appoġġ għal sorsi ta' enerġija rinovabbli, inkluż ċertifikati ħodor, għajnuna għall-investiment, eżenzjonijiet tat-taxxa jew riduzzjonijiet, rifużjonijiet tat-taxxa u skemi ta' appoġġ ta' prezz dirett. Mezz importanti wieħed biex jintlaħaq dan l-għan ta' din id-Direttiva hija biex tiggarantixxi l-funzjonament xieraq ta' dawn il-mekkaniżmi, sakemm qafas Komunitarju jitpoġġa fis-seħħ, biex tinżamm il-kunfidenza ta' l-investitur.

(15) Għadu kmieni wisq biex ikun deċiż qafas ġewwa l-Komunità kollha dwar skemi ta' appoġġ, minħabba l-esperjenza limitata fl-iskemi nazzjonali u s-sehem kurrenti relativament baxx tal-prezz ta' l-elettriku appoġġjat u prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli fil-Komunità.

(16) Iżda, jeħtieġ li jkunu addattati, wara perjodi transitorju suffiċjenti, skemi ta' appoġġ għas-suq intern li qed jiżviluppa. Huwa għalhekk xieraq li l-Kummissjoni tosserva s-sitwazzjoni u tippreżenta rapport fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni ta' skemi nazzjonali. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta' dan ir-rapport, tagħmel proposta għall-qafas tal-Komunità fir-rigward ta' skemi ta' appoġġ prodotti minn sorsi ta' enerġija rinovabbli. Dik il-proposta għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri indikattivi nazzjonali, tkun kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern ta' l-elettriku u tqis il-karatteristiċi tas-sorsi differenti ta' enerġija rinovabbli, flimkien ma' teknoloġiji differenti u differenzi ġeografiċi. Għandha tippromwovi wkoll l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli b'mod effettiv, u tkun sempliċi u fl-istess ħin effiċjenti kemm jista' jkun, partikolarment f'termini ta' spiża, u tinkludi perjodi suffiċjenti transitorji ta' minn l-anqas seba' snin, iżżomm il-kunfidenza ta' l-investituri u tevita spejjeż mhux mistennija. Dan il-qafas jippermetti li l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli biex tikkompeti ma' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li ma jiġġeddux u jillimita l-ispiża lill-konsumatur, waqt li, f'terminu medju, inaqqas il-bżonn ta' appoġġ pubbliku.

(17) Penetrazzjoni tas-suq miżjuda ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli għandha tippermetti għall-ekonomiji ta' skala, b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż.

(18) Huwa importanti li tintuża s-saħħa tal-forzi tas-suq u tas-suq intern u tirrendi l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli kompetitiv u attraenti għaċ-ċittadini Ewropej.

(19) Meta jkun qed jiġi favorit l-iżvilupp ta' suq għal sorsi ta' enerġija rinovabbli, jeħtieġ li jitqies l-impatt pożittiv fuq opportunitajiet reġjonali u lokali ta' żvilupp, prospetti ta' esportazzjoni, koeżjoni soċjali u opportunitajiet tax-xogħol, speċjalment fir-rigward ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju kif ukoll produtturi ta' enerġija indipendenti.

(20) L-istruttura speċifika ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli għandhom jitqiesu, speċjalment meta jiġu riveduti l-proċeduri amministrattivi biex jinġab il-permess biex jinbnew impjanti li jipproduċu l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli.

(21) F'ċerti ċirkostanzi mhux possibbli li jkunu żgurati għal kollox it-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli mingħajr ma tiġi affettwata l-affidabbiltà u s-sigurezza tas-sistema tad-distribuzzjoni u l-garanziji f'dan il-kuntest jistgħu jinkludu kumpens finanzjarju.

(22) L-ispejjeż ta' konnessjoni ta' produtturi ġodda ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli għandhom ikunu oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji u għandu jitqies sew il-benefiċċju li ġeneraturi fissi jġibu lid-distribuzzjoni.

(23) Billi l-oġġettivi ġenerali ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu tajjeb mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti ta' l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-principju ta' sussidjarjetà kif imfisser fl-Artikolu 5 tat-Trattat. L-implimentazzjoni dettaljata tagħhom għandha, iżda, titħalla għall-Istati Membri, għalhekk kull Stat Membru ikun jista' jagħżel ir-reġim li jikkorrespondi l-aħjar għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Skond il-prinċipju ta' propozjonalità, kif ipprovdut f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn x'inhu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-oġġettivi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li tkun promossa żieda fil-kontribuzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli għall-produzzjoni ta' l-elettriku fis-suq intern għall-elettriku u biex tinħoloq bażi għal qafas tal-Komunità fil-ġejjieni tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "sorsi ta' enerġija rinovabbli" għandha tfisser sorsi ta' enerġija mhux fossili rinovabbli (riħ, tax-xemx, ġeotermali, mewġ, frugħ, enerġija mill-ilma, biomassa, gass tal-miżbla, gass mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ u bijogassijiet);

(b) "biomassa" għandha tfisser il-parti bijodegradabbli ta' prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inkluż sostanzi veġetali u annimali), selvikoltura u industriji rrelatati, kif ukoll il-parti bijodegradabbli ta' skart industrijali u muniċipali;

(ċ) "elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli" għandha tfisser elettriku prodott minn impjanti li jużaw biss sorsi ta' enerġija rinovabbli, kif ukoll il-proporzjon ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli f'impjanti ibridi li jużaw ukoll sorsi ta' enerġija konvenzjonali u inkluż elettriku li jiġġedded użat biex jintlew sistemi ta' ħażna, u eskluż l-elettriku prodott bħala riżultat ta' sistemi ta' ħażna;

(d) "konsum ta' l-elettriku" għandha tfisser il-produzzjoni ta' l-elettriku nazzjonali, inkluż l-awtoproduzzjoni, flimkien ma' l-importazzjonijiet, ħlief għall-esportazzjonijiet (konsum gross nazzjonali ta' l-elettriku).

Barra dan, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta' l-elettriku [11].

Artikolu 3

Miri indikattivi nazzjonali

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa bix jinkoraġġixxu konsum akbar ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli skond il-miri indikattivi nazzjonali msemmija fil-paragrafu 2. Dawn il-passi għandhom ikunu fi proporzjon ma' l-oġġettiv li għandu jintlaħaq.

2. Mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2002 u kull ħames snin wara, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw rapport li jiffissa miri indikattivi nazzjonali għall-konsum futur ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli f'termini ta' perċentwal ta' konsum ta' l-elettriku għall-għaxar snin li jmiss. Dan ir-rapport għandu juri l-miżuri meħuda jew ippjanati, fil-livell nazzjonali, biex jintlaħqu dawn il-miri indikattivi nazzjonali. Biex jintlaħqu dawn il-miri sas-sena 2010, l-Istati Membri għandhom:

- iqisu l-valuri ta' referenza fl-Anness,

- jiżguraw li l-miri huma kompatibbli ma' kull impenn nazzjonali aċċettat fil-kuntest ta' l-impenji dwar il-bidla tal-klima aċċettati mill-Komunità bis-saħħa tal-Protokoll ta' Kyoto tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima.

3. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, għall-ewwel darba mhux aktar tard u wara kull sentejn, rapport li jinkludi analiżi ta' suċċess f'li jintlaħqu l-miri indikattivi nazzjonali wara li jitqiesu, partikolarment, il-fatturi klimatiċi li x'aktarx jistgħu jaffettwaw li jintlaħqu dawk il-miri u li jindikaw safejn il-miżuri meħuda huma konsistenti ma' l-impenn ta' bidla fil-klima nazzjonali.

4. Fuq il-bażi tar-rapporti ta' l-Istati Membri msemmija fil-paragrafi 2 u 3, il-Kummissjoni għandha tagħmel stima safejn:

- L-Istati Membri għamlu progress biex jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali,

- il-miri indikattivi nazzjonali huma konsistenti mal-mira indikattiva globali ta' 12 % ta' konsum gross ta' enerġija nazzjonali sa 2010 u partikolarment bis-seħem indikattiv gross ta' konsum sa l-2010 u partikolarment b'22,1 % seħem indikattiv ta' elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli fil-konsum totali ta' elettriku tal-Komunità sa l-2010.

Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-konklużjonijiet tagħha f'rapport, għall-ewwel darba mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2004 u imbagħad kull sentejn. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, kif xieraq, bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk ir-rapport msemmi fit-tieni subparagrafu jikkonkludi li l-miri indikattivi nazzjonali x'aktarx li jkunu inkonsistenti, għal raġunijiet li m'humiex ġustifikati u/jew ma jirrelatawx ma' evidenza xjentifika ġdida, bil-mira indikattiva globali, dawn il-proposti għandhom jindirizzaw miri nazzjonali, inkluż miri obbligatorji possibbli, fil-forma xierqa.

Artikolu 4

Skemi ta' appoġġ

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni ta' mekkaniżmi użati fl-Istati Membri skond liema produttur ta' l-elettriku, fuq il-bażi ta' regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi, jirċievi appoġġ dirett jew indirett, u li jistgħu jkollhom effett li jirrestrinġu l-kummerċ, fuq il-bażi li dawn jikkontribwixxu għall-oġġettivi pprovduti fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

2. Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2005, tippreżenta rapport dokumentat sew fuq l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni u l-koeżistenza ta' mekkaniżmi differenti msemmija fil-paragrafu 1. Ir-rapport għandu jistma s-suċċess, inkluż l-effettività taħt il-profil ta' spejjeż, tas-sistemi ta' appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 fil-promozzjoni tal-konsum ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli f'konformità mal-mri indikattivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 3(2). Dan ir-rapport għandu, jekk meħtieġ, ikun akkumpanjat b'proposta għal qafas Komunitarju fir-rigward ta' skemi ta' appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli.

Kull proposta għal qafas għandha:

(a) tikkontribwixxi biex jintlaħqu miri indikattivi nazzjonali;

(b) tkun kompatibbli mal-principji tas-suq intern ta' l-elettriku;

(ċ) tqis il-karatteristiċi tad-diversi sorsi ta' enerġija rinovabbli, flimkien mat-teknoloġiji differenti, u d-differenzi ġeografiċi;

(d) tippromwovi l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli b'mod effettiv, u tkun sempliċi u, fl-istess ħin, effiċjenti kemm jista' jkun, partikolarment f'termini ta' spiża;

(e) tinkludi perjodi transitorji suffiċjenti għal sistemi ta' appoġġ nazzjonali għal mill-anqas seba' snin u żżomm l-kunfidenza ta' l-investitur.

Artikolu 5

Garanzija ta' l-oriġini ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli

1. L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2003, jiżguraw li l-oriġini ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli tista' tkun iggarantita bħala tali fit-tifsira ta' din id-Direttiva skond l-oġġettiv, kriterji trasparenti u mhux diskrimatorji preskritti f'kull Stat Membru. Għandhom jiżguraw li garanzija ta' l-oriġini tinħareġ f'dan is-sens b'risposta għal talba.

2. L-Istati Membri jistgħu jaħtru korp wieħed kompetenti jew aktar, indipendenti minn attivitajiet ta' ġenerazzjoni u distribuzzjoni, biex ikun sorveljat il-ħruġ ta' dawn il-garanziji ta' l-oriġini.

3. Garanzija ta' l-oriġini għandha:

- tispeċifika s-sorsi ta' l-enerġija minn fejn kien prodott l-elettriku, waqt li jkunu speċifikati d-dati u l-postijiet ta' produzzjoni, u fil-każ ta' stallazzjonijiet idroelettriċi, tindika l-kapaċità;

- isservi biex tippermetti l-produtturi ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli biex jintwera li l-elettriku li jbiegħu huwa prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli fit-tifsira ta' din id-Direttiva.

4. Dawn il-garanziji ta' oriġini, maħruġa skond il-paragrafu 2, għandhom ikunu rikonoxxuti reċiprokament mill-Istati Membri, esklussivament bħala prova ta' l-elementi msemmija fil-paragrafu 3. Kull rifjut biex tkun rikonoxxuta garanzija ta' l-oriġini ta' din il-prova, partikolarment għal raġunijiet dwar il-prevenzjoni ta' frodi, għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorju. Fil-każ ta' rifjut għar-rikonoxximent ta' garanzija ta' oriġini, il-Kummissjoni tista' ġġiegħel lill-parti li qed tirrifjutaha, partikolarment fir-rigward ta' kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li fuqhom huwa bbażat ir-rikonoxximent.

5. L-Istati Membri jew il-korpi kompetenti għandhom idaħħlu fis-seħħ mekkaniżmi xierqa biex jiżguraw li ġaranziji ta' l-oriġini huma kemm preċiżi u affidabbli u għandhom juru fir-rapport msemmi fl-Artikolu 3(3) il-miżuri meħuda biex jiżguraw l-affidabbiltà tas-sistema ta' garanzija.

6. Wara li tkun ikkonsultat l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, fir-rapport msemmi fl-Artikolu 8, tikkunsidra l-forma u l-metodi li l-Istati Membri jistgħu jsegwu biex jiggarantixxu l-oriġini ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli. Jekk meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill l-adozzjoni ta' regoli komuni f'dan ir-rigward.

Artikolu 6

Proċeduri amministrattivi

1. L-Istati Membri jew il-korpi kompetenti maħtura mill-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-qafas eżistenti leġislattiv u regolatorju fir-rigward ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni jew proċeduri oħra preskritti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/92/KE, li huma applikabbli għall-impjanti ta' produzzjoni għall-eletrriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli, biex:

- inaqqsu l-ostakoli regolatorji u mhux regolatorju għaż-żieda fil-produzzjoni ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli,

- iwittu u jħaffu proċeduri fil-livell xieraq amministrattiv, u

- jiżguraw li r-regoli huma oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji, u jqisu bis-sħiħ il-partikolaritajiet tad-diversi teknoloġiji tas-sorsi ta' enerġija rinovabbli.

2. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw, mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2003, rapport fuq il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, jindikaw, fejn xieraq, l-azzjonijiet meħuda. L-iskop ta' dan ir-rapport huwa biex ikun ipprovdut, fejn dan huwa xieraq fil-kuntest ta' leġislazzjoni nazzjonali, indikazzjoni ta' l-istadju milħuq speċifikament fi:

- kordinazzjoni bejn korpi amministrattivi differenti fir-rigward ta' l-iskadenzi, preżentata u t-trattament ta' applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet,

- isiru linji ta' gwida possibbli għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, u l-possibbiltà ta' proċedura ta' ippjanar imgħaġġel għall-produtturi ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli, u

- l-indikazzjoni ta' l-awtoritajiet li jaġixxu bħala medjaturi f'tilwim bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' awtorizzazzjonijiet u applikanti għall-awtorizzazzjonijiet.

3. Il-Kummissjoni għandha, fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 8 u fuq il-bażi tar-rapporti ta' l-Istati Membri msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, tistma l-aħjar prattiċi biex tilħaq l-oġġettivi msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Kwistjonijiet fuq is-sistema tad-distribuzzjoni

1. Bla ħsara għaż-żamma ta' l-affidabbiltà u s-sigurtà tad-distribuzzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni fit-territorju tagħhom jiggarantixxu t-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli. Għandhom jipprovdu wkoll għall-aċċess prijoritarju għas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku prodott sorsi ta' enerġija rinovabbli. Meta jintbagħtu stallazzjonijiet ta' ġenerazzjoni, l-operaturi tas-sistema għandhom jagħtu prijorità lil stallazzjonijiet ta' ġenerazzjoni li jużaw sorsi ta' enerġija rinovabbli safejn tippermetti l-operazzjoni tas-sistema nazzjonali ta' l-elettriku.

2. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qafas legali jew jeħtieġu operaturi tas-sistema tat-trasmissjoni u operturi tas-sistema ta' distribuzzjoni biex jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli standard tagħhom rigward min jagħmel tajjeb għall-ispejjeż ta' l-addattamenti tekniċi, bħal konnessjonijiet mad-distribuzzjoni u rinforzi għad-distribuzzjoni, li huma meħtieġa biex ikunu integrati produtturi ġodda li jagħtu l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded fis-sistema ta' distribuzzjoni interkonnessa.

Dawn ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji wara li jitqiesu partikolarment l-ispejjeż u l-benefiċċji kollha assoċjati mal-konnessjoni ta' dawn il-produtturi mad-distribuzzjoni. Ir-regoli jistgħu jipprovdu għal tipi differenti ta' konnessjoni.

3. Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operatri tas-sistema ta' distribuzzjoni jħallsu, għal kollox jew f'parti, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2.

4. Operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni għandhom jeħtieġu li jipprovdu kull produttur ġdid li jixtieq ikun imqabbad b'stima komprensiva u dettaljata ta' l-ispejjeż assoċjati mal-konnessjoni. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-produtturi ta' l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli li jixtiequ jitqabbdu mad-distribuzzjoni li joħorġu sejħa għall-offerti għax-xogħol ta' konnessjoni

5. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qafas legali jew jeħtieġu operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni li jistabbilixxu u jippubblikaw ir-regoli standard tagħhom dwar it-tqassim ta' l-ispejjeż ta' l-istallazzjonijiet tas-sistema, bħall-konnessjonijiet tad-distribuzzjoni u rinfurzar, bejn il-produtturi kollha li jibbenefikaw minnhom.

It-tqassim għandu jkun infurzat b'mekkaniżmu bbażat fuq kriterji oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji li jqisu l-benefiċċji li l-produtturi mqabbda fil-bidu u wara kif ukoll operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jkollhom mill-konnessjonijiet.

6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-drittijiet għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ma jiddiskriminawx kontra l-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli, inkluż partikolarment elettriku minn sorsi ta' enerġija rinovabbli prodotti f'reġjuni periferiċi, bħal reġjuni ta' ġżejjer u reġjuni b'densità ta' popolazzjoni baxxa.

Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ qafas legali jew jeħtieġu li operaturi tas-sistema ta' trasmissjoni u operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni jiżguraw li d-drittijiet għat-trasmissjoni u d-distribuzzjoni ta' l-elettriku minn impjanti li jużaw is-sorsi ta' enerġija rinovabbli jirriflettu benefiċċji ta' spiża realizabbli li jirriżultaw mill-konnessjoni ta' l-impjant mat-netwerk. Dawn il-benefiċċji ta' l-ispiża jistgħu joħorġu mill-użu dirett tad-distribuzzjoni b'vultaġġ baxx.

7. L-Istati Membri għandhom, fir-rapport umsemmi fl-Artikolu 6(2), jikkunsidraw ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jiffaċilitaw aċċess għas-sistema tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinovabbli. Dak ir-rapport għandu jeżamina, fost oħrajn, il-possibbiltà ta' introduzzjoni ta' two-way metering

Artikolu 8

Rapport fil-qosor

Fuq il-bażi tar-rapporti mill-Istati Membri bis-saħħa ta' l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005 u wara kull ħames snin, rapport fil-qosor fuq l-implimentazzjoni ta' din id Direttiva.

Dan ir-rapport għandu:

- jikkunsidra l-progress li sar fir-rifless ta' l-ispejjeż esterni għall-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli u l-impatt ta' appoġġ pubbliku mogħti lill-produzzjoni ta' l-elettriku,

- jqis il-possibbiltà għall-Istati Membri li jilħqu l-miri indikattivi nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 3(2), il-mira indikattiva globali msemmija fl-Artikolu 3(4) u l-eżistenza ta' diskriminazzjoni bejn s-sorsi differenti ta' l-enerġija.

Jekk xieraq, il-Kummissjoni tista' tissottometti mar-rapport aktar proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 9

Trasposizzjoni

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mis-27 ta' Ottubru 2003. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni minnufih.

Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, għandhom ikollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-riferenza għandhom jiġu preskritti mill-Istati Membri.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 11

Lil min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, is-27 ta' Settembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

C. Picqué

[1] ĠU C 311, tal-31.10. 2000, pġ. 320 u ĠU C 154 E, 29.5.2001, pġ. 89.

[2] ĠU C 367, ta' l-20.12.2000, pġ. 5.

[3] ĠU C 22, ta' l-24.1.2001, pġ. 27.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Novembru 2000 (ĠU C 223, tat-8.8.2001, pġ. 294), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 Marzu 2001 (ĠU C 142, tal-15.5.2001, pġ. 5) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Lulju 2001 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2001.

[5] ĠU C 198, tas-17.11.1996, pġ. 1.

[6] ĠU C 210, 6.7.1998, pġ. 215.

[7] ĠU C 210, tas-6.7.1998, pġ. 143.

[8] ĠU C 378, tas-27.6.2000, pġ. 89.

[9] ĠU L 194, tal-11.5.1998, pġ. 39. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 96/350/KE (ĠU L 135, tas-6.6.1996, pġ. 32).

[10] ĠU C 37, tat-3.2.2001, pġ. 3.

[11] ĠU L 27, tat-30.1.1997, pġ. 20.

--------------------------------------------------

ANNESS

Valuri ta' referenza għall-miri indikattivi nazzjonali ta' l-Istati Membri għall-kontribuzzjoni ta' l-elettriku prodott mis-sorsi ta' enerġija rinovabbli għall-konsum gross ta' l-elettriku sa l-2010. [1]

Dan l-Anness jagħti valuri ta' riferenza għall-iffissar ta' miri indikattivi nazzjonali għall-elettiku prodott minn sorsi ta' enerġija rinovabbli ("RES-E"), kif Imsemmi fl-Artikolu 3(2):

| RES-E TWh 1997 | RES-E % 1997 | RES-E % 2010 |

Il-Belġju | 0,86 | 1,1 | 6,0 |

Id-Danimarka | 3,21 | 8,7 | 29,0 |

Il-Ġermanja | 24,91 | 4,5 | 12,5 |

Il-Greċja | 3,94 | 8,6 | 20,1 |

Spanja | 37,15 | 19,9 | 29,4 |

Franza | 66,00 | 15,0 | 21,0 |

L-Irlanda | 0,84 | 3,6 | 13,2 |

L-Italja | 46,46 | 16,0 | 25,0 |

Il-Lussemburgu | 0,14 | 2,1 | 5,7 |

L-Olanda | 3,45 | 3,5 | 9,0 |

L-Awstrija | 39,05 | 70,0 | 78,1 |

Il-Portugall | 14,30 | 38,5 | 39,0 |

Il-Finlandja | 19,03 | 24,7 | 31,5 |

L-Isvezja | 72,03 | 49,1 | 60,0 |

Ir-Renju Unit | 7,04 | 1,7 | 10,0 |

Komunità, | 338,41 | 13,9 % | 22 % |

--------------------------------------------------