32001L0046



Official Journal L 234 , 01/09/2001 P. 0055 - 0059


Id-Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-23 Lulju 2001

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/53/EC li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali fl-oqsma tan-nutrizzjoni ta' l-annimali u d-Direttivi 70/524/KEE, 96/25/KE u 1999/29/KE dwar in-nutrizzjoni ta' l-annimali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxil-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Is-salvagward tal-prodotti ddestinati għan-nutrizzjoni ta' l-annimali huwa ta' interess primarju u huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi prodotti li jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni fil-Komunità bl-għan tan-nutrizzjoni ta' l-annimali jkunu mingħajr perikolu. Id-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE tal-25 ta' Ottubru 1995 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali fl-oqsma tan-nutrizzjoni ta' l-annimali [4] tikkontribwixxi għall-kisba ta' dan l-għan.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 74/63/KEE ġiet imħassra bl-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/29/KE tat-22 ta' April 1999 dwar is-sustanzi u l-prodotti mhux mixtieqa fin-nutrizzjoni ta' l-annimali [5]. Għalhekk, ir-referenzi għad-Direttiva 74/63/KEE għandhom jiġu emendati skond it-Tabella fl-Anness IV mad-Direttiva 1999/29/KE.

(3) Rigward ir-referenza għaċ-ċirkolazzjoni tal-prodotti li jridu jintużaw fin-nutrizzjoni ta' l-annimali, huwa meħtieġ illi jiġu armonizzati d-definizzjonijiet użati mid-Direttivi 70/524/KEE [6], 95/53/KE u 96/25/KE [7] fil-qasam tan-nutrizzjoni ta' l-annimali.

(4) Reċentement ġraw żewġ każijiet ta’ kontaminazzjoni serja ta' dijossin fil-prodotti għalbiex jintużaw fin-nutrizzjoni ta' l-annimali. Filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba minn dawn l-inċidenti, huwa meħtieġ illi jittejbu l-proċeduri li japplikaw għall-każijiet fejn prodott għan-nutrizzjoni ta' l-annimali jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali jew għall-ambjent jew fejn jiġi nnotat ċertu ksur tad-Direttiva 1999/29/KE. L-għan huwa illi b'dan il-mod jittejjeb il-maniġġjar tar-riskji li jistgħu jipprekludu l-livell ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali u ta' l-ambjent pprovdut fir-Regolament tal-Komunità dwar in-nutrizzjoni ta' l-annimali filwaqt li ma jitnaqqasx il-valur ta' dawn il-proċeduri speċjali billi jiġu applikati b'mod sistematiku għal problemi minuri.

(5) Spezzjon tal-Kummissjoni mwettaq wara kontaminazzjoni tad-dijossin fl-għalf u fil-katina ta' l-ikel kixef illi l-Istati Membri kellhom diffikultà jimmaniġġjaw din il-kriżi mhux tas-soltu. Fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba, u sabiex jiġi żgurat illi r-riskji serji li jinvolvu prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali jiġu mmaniġġjati b'garanziji ekwivalenti ta' effiċjenza fil-Komunità kollha, huwa meħtieġ illi jiġu introdotti dispożizzjonijiet li jkunu jeħtieġu illi l-Istati Membri jkollhom imħejjija pjani operattivi għal kull kontingenza sabiex jieħdu ħsieb l-emerġenzi fil-qasam tan-nutrizzjoni ta' l-annimali.

(6) Fejn jinħoloq riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali jew għall-ambjent fi Stat Membru minħabba l-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali, u fejn dan ir-riskju ma jistax jiġi mrażżan b'mod sodisfaċenti mill-Istat/i Membru/i involut/i, huwa indispensabbli għall-Kummissjoni li tkun tista' tieħu l-miżuri prekawzjonarji kollha meħtieġa u li b'mod partikolari jkollha l-awtorità li tissospendi l-kummerċ fil-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali, u l-esportazzjoni tagħhom mill-Istat Membru involut fl-intier tiegħu jew f'parti minnu jew li tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali għall-prodotti jew għas-sustanzi relevanti.

(7) Id-Direttiva 1999/29/KE tistabbililxxi l-livelli massimi permessi għal ċerti sustanzi u prodotti mhux mixtieqa fil-materjali ta’ l-għalf u fl-għalf.

(8) Diġà ġiet stabbilita sistema li tagħmilha possibbli illi l-Istati Membri jiġu informati mill-operaturi, fl-istadji kollħa tal-katina tal-produzzjoni ta’ l-għalf, b'ċerti każijiet ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar il-prodotti u s-sustanzi mhux mixtieqa. Minħabba kemm l-esperjenza miksuba kif ukoll l-arranġamenti simili pprovduti fir-regoli Komunitarji dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, din is-sistema għandha tiġi mtejba u estiża sabiex tintgħamel applikabbli għall-każijiet kollha fejn operatur isib illi prodott għan-nutrizzjoni ta' l-annimali jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali jew għall-ambjent.

(9) Fil-preżent jeżisti obbligu illi l-Istati Membri l-oħra u l-Kummissjoni jiġu mgħarrfa meta konsenja ta' materjali ta’ l-għalf jew ta’ l-għalf li ma jkunux konformi mal-livelli massimi għas-sustanzi jew għall-prodotti mhux mixtieqa x'aktarx li tkun sejra tintbagħat lejn Stati Membri oħra.

(10) Huwa meħtieġ illi din is-sistema bil-ħeffa ta' l-iskambju tat-tagħrif tiġi inkorporata fid-Direttiva 95/53/KE u li jiġu stabbiliti proċeduri standard għat-tħaddim tagħha, sabiex tkun tista' tiġi applikata fil-każijiet kollha fil-futur fejn prodott iqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew l-ambjent u bl-għan li tiġi mtejba s-sistema sħiħa ta' l-ispezzjonijiet. Għal raġunijiet ta' sempliċità u effiċjenza, is-sistema għandha tapplika wkoll fejn Stat Membru jirrifjuta prodott minn pajjiż terz meta jiċċekkjah hekk kif jiġi importat. Dawn il-proċeduri standard jistgħu, bla ħsara għal ċerti emendi, ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti għall-iskambju tat-tagħrif waqt l-emerġenzi skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/59/KEE tad-29 Ġunju 1992 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti [8].

(11) Mhux possibbli illi jiġu elenkati l-kontaminazzjonijiet kollha potenzjalment perikolużi ta' oriġini bioloġiku jew kimiku, li jistgħu jiġru minħabba inċident jew b'azzjoni illegali, u li jistgħu jaffettwaw prodott għalbiex jintuża fin-nutrizzjoni ta' l-annimali.

(12) Ir-riskju tal-perikoli dderivat minn tikketti ħżiena jew mit-tqandil, it-trasport, il-ħażna jew l-ipproċessar għandhom jittieħdu f'konsiderazzjoni.

(13) Sabiex tiġi mtejba l-effiċjenza fis-sistema ta' l-ispezzjonijiet u l-miżuri relevanti ta' l-ispezzjonijiet, fejn ikun hemm suspett illi l-kontaminazzjoni tippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa illi jivverifikaw in-natura u l-kobor tal-kontaminazzjoni u jagħmlu kull sforz għalbiex jidentifikaw l-oriġini tagħha sabiex jiskopru kull kontaminazzjoni oħra possibbli.

(14) Id-Direttiva 95/53/KE teħtieġ lill-Istati Membri illi jagħtu lill-Kummissjoni tagħrif dwar ir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet imwettqa kull sena, qabel l-1 ta' April 2000 għall-ewwel darba. Huwa wkoll stabbilit illi dawn ir-rapporti għandhom jintużaw mill-Kummissjoni sabiex tħejji u tippreżenta rapport ġenerali fil-qosor dwar l-ispezzjonijiet imwettqa fil-livell Komunitarju flimkien ma' proposta għal programm ta' spezzjon koordinat għas-sena ta' wara. It-tagħrif li jirrigwarda kontaminazzjoni li taffettwa s-sigurtà ta' prodott li jrid jintuża fin-nutrizzjoni ta' l-annimali għandu jiġi meqjus mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni meta jiġu ffissati l-prijoritajiet għall-programmi koordinati ta' kull sena ta' l-ispezzjonijiet. It-tagħrif kollu miġbur dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali u għall-ambjent, li jkollhom x'jaqsmu maċ-ċirkolazzjoni u l-użu tal-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali, jista' jiġi analizzat aħjar meta pprovdut f'għamla armonizzata u standardizzata.

(15) Filwaqt li jitqies dak li għadu kif ingħad, id-Direttivi 95/53/KE, 70/524/KEE, 96/25/EC u 1999/29/KE għandhom jiġu emendati,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L- Artikolu 1

Id-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KEE hija emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2(1) jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-punt (a), it-tieni inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/29/KE tat-22 ta' April 1999 dwar is-sustanzi u l-prodotti mhux mixtieqa fin-nutrizzjoni ta' l-annimali [9]."

(b) il-punt (e) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(e) "il-prodott maħsub għan-nutrizzjoni ta' l-annimali" jew "il-prodott": l-għalf ta' l-annimali jew kull sustanza użata fin-nutrizzjoni ta' l-annimali;"

(ċ) il-punt (h) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(h) "it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni"; jew "iċ-ċirkolazzjoni";: iż-żamma ta' kull prodott maħsub għan-nutrizzjoni ta' l-annimali bl-għan ta' bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ, jew kull għamla oħra ta' trasferiment, sew jekk bla ħlas u sew jekk le, lil partijiet terzi, u l-bejgħ u l-għamliet l-oħra nfushom tat-trasferiment.";

2. l-Artikolu li ġej għandu jiġi miżjud wara l-Artikolu 4:

"L- Artikolu 4a

1. L-Istati Membri għandhom ifasslu pjani operattivi ta' kontinġenza li jiddikjaraw il-miżuri li jridu jiġu implimentati mingħajr dewmien fejn prodott għan-nutrizzjoni ta' l-annimali jinstab illi jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent u fejn jispeċifikaw il-poteri u r-responsabbiltajiet kif ukoll il-kanali għalbiex jiġi trażmess it-tagħrif. L-Istati Membri għandhom jirrevedu dawn il-pjani kif approprjat, b'mod partikolari fid-dawl ta' bidliet fl-organizzazzjoni tas-servizzi ta' l-ispezzjon u ta' l-esperjenza miksuba, inkluża dik miksuba minn kull eżerċizzju ta' simulazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-pjani operattivi ta' kontinġenza mħejjija minnhom kif ukoll kull emenda għalihom.

3. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-pjani u tissuġġerixxi lill-Istati Membri involuti kull emenda li tista' tgħin sabiex jiġi żgurat illi l-pjani operattivi ta' kontinġenza ta' l-Istati Membri joffru garanziji ekwivalenti ta' effiċenza. Fejn ikun meħtieġ għalbiex jinkiseb dan l-għan il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 23, tista' toħroġ linji gwida sabiex tarmonizza l-pjani operattivi ta' kontinġenza.";

3. L-Artikolu 12(1) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. L-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru tad-destinazzjoni tista', fil-postijiet tad-destinazzjoni, tivverifika l-konformità tal-prodotti mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(1)(a) permezz ta' verifiki mingħajr għażla u mingħajr diskriminazzjoni. B'mod partikolari, u biss safejn u sakemm ikun meħtieġ għalbiex jiġu mwettqa dawn il-verifiki mingħajr għażla, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-operaturi sabiex jirrappurtaw il-wasla tal-prodotti lil din l-awtorità kompetenti. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni meta jagħmlu użu minn din l-azzjoni.";

4. fl-Artikolu 13(1), it-tieni inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"— li jirrendu l-prodotti mingħajr perikolu fejn approprjat,";

5. fl-Artikolu 14, l-ewwel paragrafu għandu jiġimibdul b'dan li ġej:

"Fil-każ tal-qerda, l-użu għal skopijiet oħra, id-dispaċċ mill-ġdid lill-pajjiż ta' l-oriġini jew li l-prodotti jiġu renduti mingħajr perikolu kif ipprovdut fl-Artikolu 13(1), l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jikkuntattja lill-Istat Membru tad-dispaċċ mingħajr dewmien. L-Istat Membru tad-dispaċċ għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u jinnotifika lill-Istat Membru tad-destinazzjoni bin-natura u l-eżitu tal-kontrolli mwettqa, bid-deċiżjonijiet meħuda u r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet.";

6. it-Taqsima li ġejja għandha tiġi miżjuda wara l-Artikolu 15:

"It-Taqsima 3a

Il-Klawsola ta' salvagward

L- Artikolu 15a

1. Meta fi Stat Membru jew iktar tinħoloq problema minħabba prodott li jrid jintuża fin-nutrizzjoni ta' l-annimali, li x'aktarx jippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent, u ma tkunx tista' tiġi mrażżna b'mod sodisfaċenti permezz tal-miżuri meħuda mill-Istat/i Membru/i involut/i, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 23a fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta' Stat Membru, għandha minnufih, skond il-gravità tas-sitwazzjoni tadotta l-miżuri li ġejjin:

- tissospendi t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni fil-Komunità, l-użu fin-nutrizzjoni ta' l-annimali jew l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tal-prodotti mill-Istat/i Membru/i involut/i kollha jew parti minnu/hom jew minn stabbiliment jew aktar li jinsabu fit-territorju tal-Komunità, jew

- tistabbilixxi kondizzjonijiet speċjali għat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni fil-Komunità, l-użu fin-nutrizzjoni ta' l-annimali jew l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tal-prodotti mill-Istat/i Membru/i involut/i kollha jew f'parti minnu/hom jew minn stabbiliment jew aktar li jinsabu fit-territorju tal-Komunità.

2. Madankollu, f'emerġenzi, il-Kummissjoni tista' proviżorjament tadotta l-miżuri referiti fil-paragrafu 1 wara li tikkonsulta lill-Istat/i Membru/i involut/i u tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra. Għandha tissottometti l-materja lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Għalf stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 70/372/KEE [10] fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol għall-opinjoni tiegħu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23a, bl-għan li ssir l-estensjoni, l-emenda jew it-tħassir ta' dawn il-miżuri.

Meta Stat Membru jgħarraf uffiċjalment lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri protettivi u meta l-Kummissjoni ma tkunx irrikorriet għall-miżuri rreferiti fil-paragrafu 1, dan l-Istat Membru jista' jadotta miżuri protettivi temporanji rigward l-użu jew tat-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni. Meta Stat Membru jadotta dawn il-miżuri, għandu jgħarraf minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tissottometti l-materja lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Għalf fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol għall-opinjoni tiegħu, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 23a, bl-għan li ssir l-estensjoni, l-emenda jew it-tħassir tal-miżuri protettivi temporanji meħuda minn dan l-Istat Membru.

L- Artikolu 15b

Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew bil-miżuri meħuda skond l-Artikoli 9a u 15a."

7. il-Kapitolu li ġej għandu jiġi miżjud wara l-Artikolu 16:

"IL-KAPITOLU IIIA

IS-SISTEMA TAT-TAGĦRIF DWAR IL-PERIKOLI MILL- GĦALF

L- Artikolu 16a

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu illi l-persuni responsabbli mill-istabbilimenti għandhom jgħarrfu minnufih lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jekk ikollhom prova illi konsenja tal-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali illi jkunu daħħlu fit-territorju tal-Komunità minn pajjiż terz jew li jkunu qiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni, u li jkollhom f'idejhom jew li jippossjedu:

- taqbeż il-livelli massimi stabbiliti fit-Taqsima A ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/29/KE li lil hemm minnhom il-prodott ma għandux jingħata bħala għalf lill-annimali jew jitħallat ma' prodotti oħra għan-nutrizzjoni ta' l-annimali, jew

- ma tikkonformax ma' waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra referiti fl-Artikolu 2(1)(a) ta' din id-Direttiva u, minħabba dan in-nuqqas ta' konformità u, bil-ħsieb ta’ l-għan li għalih tkun maħsuba, tippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent.

Il-persuni responsabbli mill-istabbilimenti għandhom jipprovdu d-dettalji kollha sabiex jagħmluha possibbli illi ssir identifikazzjoni preċiża tal-prodott jew tal-konsenja tal-prodotti relevanti u deskrizzjoni sħiħa kemm jista' jkun tar-riskju ppreżentat mill-prodott jew mill-prodotti involuti, kif ukoll it-tagħrif kollu disponibbli meħtieġ għalbiex jiġu ttraċċati l-prodott jew il-prodotti. Għandhom ukoll jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri bl-azzjoni meħuda sabiex jiġu evitati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent, filwaqt li jiddeskrivu din l-azzjoni.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-istess ħtiġijiet tat-tagħrif dwar ir-riskji ppreżentati mill-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali għall-persuni li jwettqu l-monitorjar mill-qrib tas-saħħa ta' l-impriżi bħal dawk referiti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 April 1996 dwar il-miżuri sabiex jimmonitorjaw ċerti sustanzi u fdalijiet minn dawn fl-annimali ħajjin u l-prodotti mill-annimali [11], u għall-persuni responsabbli mill-laboratorji li jwettqu l-analiżijiet.

Fejn approprjat, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 8, 11 jew 13.

L- Artikolu 16b

1. Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jkollhom tagħrif li jindika, fuq il-bażi tal-fatturi disponibbli ta' l-istima tar-riskju, illi konsenja tal-prodotti għan-nutrizzjoni ta' l-annimali tippreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent għandhom jivverifikaw it-tagħrif irċevut u, fejn approprjat, jiżguraw illi jittieħdu l-miżuri meħtieġa għalbiex il-konsenja ma tintużax fin-nutrizzjoni ta' l-annimali, iqiegħdu l-konsenja fuq restrizzjoni u jinvestigaw minnufih:

- in-natura tal-perikolu u fejn approprjat il-livell ta' sustanzi mhux mixtieqa,

- l-oriġini possibbli tas-sustanzi mhux mixtieqa jew tal-perikolu,

sabiex ir-riskju jiġi stmat aktar mill-qrib.

Fejn approprjat, l-istima tar-riskju għandha tiġi estiża għal konsenji oħra ta' l-istess prodott jew għal prodotti oħra fil-katina ta’ l-għalf jew ta' l-ikel li jista' jkun fihom sustanzi mhux mixtieqa jew li rigward tagħhom jista' jeżisti perikolu, filwaqt li titqies kull taħlita miżjuda tas-sustanzi mhux mixtieqa fi prodotti oħra għan-nutrizzjoni ta' l-annimali u r-riċiklaġġ possibbli tal-prodotti perikolużi fil-katina ta’ l-għalf.

2. Fejn tiġi kkonfermata l-eżistenza ta' riskju serju skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi d-destinazzjoni finali tal-konsenja li jkun fiha s-sustanzi mhux mixtieqa, inklużi d-dekontaminazzjoni possibbli, azzjoni oħra sabiex jitneħħa l-perikolu mill-prodotti, il-proċessar mill-ġdid jew il-qerda, ma jistgħux ikollhom l-effetti li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem jew ta' l-annimali jew lill-ambjent u fejn ikun possibbli illi s-sustanzi mhux mixtieqa jew ir-riskju li dawn is-sustanzi jkunu preżenti jkunu nfirxu għal konsenji oħra jew għall-katina ta’ l-għalf jew ta' l-ikel għandhom immedjatament jidentifikaw u jqiegħdu taħt kontroll il-konsenji l-oħra tal-prodotti meqjusa li huma perikolużi u saħanitra, fejn approprjat, jidentifikaw l-annimali ħajjin mitmugħa l-prodotti perikolużi u jimplimentaw il-miżuri pprovduti fid-Direttiva 96/23/KE jew fid-dispożizzjonijiet l-oħra relevanti Komunitarji li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa ta' l-annimali jew mas-sigurtà ta' l-ikel tal-prodotti ta' origini mill-annimali filwaqt li jiżguraw il-koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-kontroll relevanti, sabiex jiġi evitat illi l-prodotti perikolużi jitqiegħdu fiċ-ċirkolazzjoni u jiżguraw l-inforzar tal-proċeduri sabiex jissejħu lura l-prodotti diġà fiċ-ċirkolazzjoni.

L- Artikolu 16c

1. Meta Stat Membru jsib illi prodott għan-nutrizzjoni ta' l-annimali li jkun tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tiegħu stess u f'dak ta' Stati Membri oħra, jew prodott illi joriġina f'pajjiż terz li jkun iddaħħal fit-territorju tal-Komunità sabiex jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni fi Stat Membru jew aktar:

- jaqbżu l-livelli massimi stabbiliti fit-Taqsima A ta' l-Anness II tad-Direttiva 1999/29/KE li lil hemm minnu l-prodott ma jridx jiġi mitmugħ bħala hekk lill-annimali jew jiġi mħallat ma' prodotti oħra għan-nutrizzjoni ta' l-annimali, jew

- ma jkunux konformi ma' waħda mid-dispożizzjonijiet l-oħra referiti fl-Artikolu 2(1)(a) ta' din id-Direttiva u, minħabba dan in-nuqqas ta' konformità u l-iskop li għalih huma maħsuba, jippreżentaw riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent,

dan l-Istat Membru għandu mill-ewwel iwissi lill-Kummissjoni permezz ta' notifika.

Għandu jipprovdi tagħrif biżżejjed sabiex jiġu identifikati, ittraċċati u mqiegħda taħt kontroll il-prodotti involuti u, fejn approprjat, l-annimali ħajjin li jkunu ġew mitmugħa bihom, u għandu jispeċifika l-miżuri tas-salvagward previsti jew diġà meħuda, għalbiex jagħmilha possibbli illi l-Kummissjoni tgħarraf b'mod xieraq lill-Istati Membri l-oħra.

2. Kull Stat Membru involut għandu jwissi minnufih lill-Kummissjoni b'kull miżura ta' segwiment meħuda rigward il-perikoli nnotifikati, inkluż it-tagħrif dwar it-tmiem tas-sitwazzjoni ta' riskju.

3. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jħaddmu sistema għall-iskambju bil-ħeffa tat-tagħrif fuq il-kondizzjonijiet stabbiliti skond il-proċedura pprovduta fl-Artikolu 23, bl-għan li jitħaffu t-trażmissjoni u t-tixrid tat-twissijiet referiti fil-paragrafu 1 u t-tagħrif referit fl-Artikolu 8(1).

4. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew bil-miżuri meħuda sabiex jitħaffu t-trażmissjoni u t-tixrid tat-twissijiet."

8. L-Artikolu 17 (2) għandu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu illi l-uffiċjali responsabbli mill-ispezzjonijiet ikunu bla ħsara għas-segretezza professjonali. Madankollu, din id-dispożizzjoni m’għandhiex taffettwa l-possibbiltà illi l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jxerrdu t-tagħrif meħtieġ għalbiex jipprevjenu riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa ta' l-annimali jew għall-ambjent.";

9. L-Artikolu 17a għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L- Artikolu 17a

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15, esperti mill-Kummissjoni jistgħu, safejn u sakemm ikun meħtieġ għalbiex din id-Direttiva tiġi applikata b'mod uniformi, jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post f'kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri. L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jsiru l-ispezzjonijiet għandu jagħti lill-esperti l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex iwettqu d-doveri tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti, lill-Istati Membri u lill-Parlament Ewropew bir-riżultati ta' l-ispezzjonijiet imwettqa.

2. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, u b'mod partikolari dawk li jirregolaw l-arranġamenti għall-kooperazzjoni ma' l-awtoritajiet nazzjonali, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura referita fl-Artikolu 23.";

10. L-Artikolu 22 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) is-sentenza li ġejja għandha tiġi miżjuda fl-aħħar tal-paragrafu 2:

"Dan it-tagħrif għandu jiġi ppreżentat fl-għamla ta' rapporti ta' kull sena skond kampjun li jrid jiġi mfassal skond l-Artikolu 23."

(b) is-subparagrafu li ġej għandu jiġi miżjud fl-aħħar tal-paragrafu 3:

"Ir-rapport ġenerali fil-qosor referit fl-ewwel subparagrafu għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew."

L- Artikolu 2

Fid-Direttiva 70/524/KEE, l-Artikolu 2(k) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(k) "it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni" jew "iċ-ċirkolazzjoni": iż-żamma ta' kull prodott maħsub għan-nutrizzjoni ta' l-annimali bl-għan ta' bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ, jew kull għamla oħra ta' trasferiment, sew jekk bla ħlas u sew jekk le, lil partijiet terzi, u l-bejgħ u l-għamliet l-oħra nfushom tat-trasferiment;"

L- Artikolu 3

Fid-Direttiva 96/25/KE, l-Artikolu 2(b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(b) "it-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni" jew "iċ-ċirkolazzjoni": iż-żamma ta' kull prodott maħsub għan-nutrizzjoni ta' l-annimali bl-għan ta' bejgħ, inkluża l-offerta għall-bejgħ, jew kull għamla oħra ta' trasferiment, sew jekk bla ħlas u sew jekk le, lil partijiet terzi, u l-bejgħ u l-għamliet l-oħra nfushom tat-trasferiment."

L- Artikolu 4

L-Artikolu 12(3) u (4) tad-Direttiva 1999/29/KE huma hawnhekk imħassra.

L- Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard mill-1 ta' Settembru 2002 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Għandhom japplikaw dawn il-miżuri mill-1 ta' Mejju 2003.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

L- Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L- Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 274 E, tas-26.9.2000, p. 28 u ĠU C 96 E, tas-27.3.2001, p. 279.

[2] ĠU C 367, tal-20.12.2000, p. 11.

[3] Opinjoni tal-FN ta' l-4 ta' Ottubru 2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-FN tat-12 ta' Frar 2001 (ĠU C 93, tat-23.3.2001, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-FN tal-15 ta' Mejju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).Deċiżjoni tal-kunsill tad-19 ta' Ġunju 2001.

[4] ĠU L 265, tat-8.11.1995, p. 17. Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2000/77/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 81).

[5] ĠU L 115, ta' l-4.5.1999, p. 32.

[6] Direttiva tal-kunsill 70/524 Novembru tat-23 ta' 1970 dwar l-adittivi fl-għalf (ĠU L 270, ta' l-14.12.1970, p. 1). Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 1999/20/KE (ĠU L 80, tal-25.3.1999, p. 20).

[7] Direttiva tal-Kunsill 96/25/KE tad-29 ta' April 1996 dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' materjali ta’ l-għalf (ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 35). Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva 2000/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 105, tat-3.5.2000, p. 36).

[8] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24.

[9] ĠU L 115, ta' l-4.5.1999, p. 32.

[10] ĠU L 170, tat-3.8.1970, p. 1.

[11] ĠU L 125, tat-23.5.1996, p. 10.

--------------------------------------------------