32001L0029



Official Journal L 167 , 22/06/2001 P. 0010 - 0019


Direttiva 2001/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill

tat-22 ta’ Mejju 2001

dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw il-fehma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tatTrattat [3],

Billi:

(1) It-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li jiżgura li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx inġusta. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi.

(2) Il-Kunsill Ewropew, meta ltaqa’ f’Korfu fl-24 u l-25 ta’ Ġunju 1994, enfasizza l-ħtieġa li jifforma qafas legali ġenerali u flessibbli f’livell tal-Komunità sabiex jinkoraġġixxi l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, l-eżistenza ta’ suq intern għal prodotti u servizzi ġodda. Leġislazzjoni importanti mill-Komunità diġà teżisti, jew l-adozzjoni tagħha miexja l quddiem sewwa. Id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandhom rwol importanti f’dan il-kuntest għax dawn jipproteġu u jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ ta’ prodotti u servizzi ġodda u l-ħolqien u l-isfruttar tal-kontenut kreattiv tagħhom.

(3) L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4) Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, permezz ta’ ċertezza legali akbar u waqt li jipprovdi għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni, inkluż infrastruttura ta’ network, u li min-naħa tiegħu jwassal għal tkabbir u kompetittività akbar ta’ l-industrija Ewropea, sew fil-qasam li jipprovdi kontenut u teknoloġija ta’ l-informazzjoni u aktar ġenerali matul il-firxa tas-setturi industrijali u kulturali. Din tissalvagwardja l-impiegi u tinkuraġġixxi ħolqien ta’ impiegi ġodda.

(5) L-iżvilupp teknoloġiku kabbar u ddiversifika l-gwidi tal-kreazzjoni, il-produzzjoni u l-isfruttament. Filwaqt li m’huma meħtieġa l-ebda kunċetti ġodda għall-protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi preżenti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tiġi adottata u miżjuda biex tirreaġixxi b’mod adekwat għar-realtajiet ekonomiċi bħal forom ġodda ta’ sfruttament.

(6) Mingħajr armonizzazzjoni f’livell ta’ Komunità, attivitajiet leġislattivi f’livell nazzjonali li diġà bdew f’għadd ta’ Stati Membri sabiex jirrispondu għall-isfidi jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fil-protezzjoni u b’hekk fir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali, li twassal għal frammentazzjoni mill-ġdid tas-suq intern u inkonsistenza leġislattiva. L-impatt ta’ dawn id-differenzi leġislattivi u inċertezzi jsir aktar sinjifikanti b’aktar żvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li diġà żiedet ħafna l-isfruttament li jaqsam il-fruntieri ta’ proprjetà intellettwali. Dan l-iżvilupp qiegħed u għandu jikber aktar. Differenzi u inċertezzi legali sinifikanti dwar il-protezzjoni jistgħu jfixklu ekonomiji ta’ ċertu daqs għal prodotti u servizzi ġodda li jkunu jinkludu drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.

(7) Il-qafas legali tal-Komunità għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandu, għalhekk, jiġi adattat u supplimentat ukoll sa fejn hu meħtieġ għall-funzjonament faċli tas-suq intern. Għal dan il-għan, dawk id-disposizzjonijiet nazzjonali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati li jistgħu jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor jew li jistgħu jikkawżaw inċertezzi legali li jimpedixxu l-funzjonament faċli tas-suq intern u l-iżvilupp xieraq tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni fl-Ewropa għandhom jiġu aġġustati, u reazzjonijiet nazzjonali inkonsistenti għall-iżviluppi teknoloġiċi għandhom ikunu evitati, filwaqt li differenzi li ma jolqtux b’mod negattiv il-funzjonament tas-suq intern mhux meħtieġ li jitneħħew jew jiġu evitati.

(8) Id-diversi implikazzjonijiet soċjali, komunali u kulturali tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jeħtieġ li jiġu kkunsidrati l-fatturi speċifiċi tal-kontenut tal-prodotti u servizzi.

(9) Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10) Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi "fuq talba", huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

(11) Sistema rigoruż effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati hija waħda mill-metodi li tiżgura li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-indipendenza u d-dinjità ta’ oriġinaturi u artisti kreattivi.

(12) Protezzjoni adegwata ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ta’ drittijiet relatati hija wkoll ta’ importanza kbira minn lat kulturali. L-Artikolu 151 tat-Trattat jirrikjedi li l-Komunità tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha.

(13) Riċerka komuni għal, u applikazzjoni konsistenti f’livell Ewropew ta’, miżuri tekniċi biex tipproteġi xogħolijiet u suġġetti oħra u biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar drittijiet hija essenzali sakemm l-għan aħħari ta’ dawn il-miżuri huwa li jġib fis-seħħ il-prinċipji u garanziji stipulati fil-liġi.

(14) Din id-Direttiva għandha tfittex li tippromwovi tagħlim u kultura billi tipproteġi xogħolijiet u suġġett ieħor filwaqt li tippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fl-interess pubbliku għall-fini ta’ edukazzjoni u tagħlim.

(15) Il-Konferenza Diplomatika mlaqqa’ taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija ta’ Proprjetà Intellettwali (WIPO) f’Diċembru 1996 wasslet għall-adozzjoni ta’ żewġ Trattati ġodda, it-"Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO" u t-’Trattat dwar l-Artisti u l-Fonogrammi WIPO, li jittrattaw rispettivament il-protezzjoni ta’ l-awturi u l-protezzjoni ta’ l-artisti u produtturi ta’ fonogrammi. Dawn it-Trattati jaġġornaw il-protezzjoni internazzjonali għad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati b’mod sinifikanti, mhux l-anqas rigward l-hekk imsejħa "aġenda diġitali" u jtejbu l-mezzi biex jiġġieldu l-piraterija madwar id-dinja. Il-Komunità u l-maġġoranza ta’ l-Istati Membri diġà ffirmaw it-Trattati u għaddej il-proċess biex jagħmlu arranġamenti għar-ratifika tat-Trattati mill-Komunità u l-Istati Membri. Din id-Direttiva sservi wkoll biex timplimenta għadd ta’ obbligi internazzjonali ġodda.

(16) Responsabbiltà legali għall-attivitajiet fl-ambitu tan-network tirrigwarda mhux biss drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati iżda wkoll oqsma oħra, bħal defamazzjoni, reklamar qarrieq, jew ksur ta’ trademarks, u hija indirizzata orizzontalment fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, b’mod partikolari kummerċ elettroniku, fis-suq intern ("Direttiva dwar kummerċ elettroniku") [4], li jikkjarifika u jarmonizza diversi kwistjonijiet legali dwar servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni inkluż kummerċ elettroniku. Din id-Direttiva għandha tiġi implimentata f’perijodu ta’ żmien simili għal dak għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar kummerċ elettroniku, minħabba l-fatt li dik id-Direttiva tipprovdi qafas armonizzat ta’ prinċipji u disposizzjonijiet relevanti fost oħrajn għall-partijiet importanti ta’ din id-Direttiva. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet dwar ir-risponsabbiltà f’dik id-Direttiva.

(17) Huwa meħtieġ, speċjalment fid-dawl tar-rekwiżiti li joħorġu mill-ambitu diġitali, biex tiżgura li soċjetajiet kolletturi jiksbu livell ogħla ta’ razzjonalizzazzjoni u trasparenza rigward konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni.

(18) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti fl-Istati Membri rigward l-immaniġġjar tad-drittijiet bħal liċenzji kollettivi estiżi.

(19) Id-drittijiet morali tad-detenturi tad-drittijiet għandhom jiġu eżerċitati skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri u d-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni tax-Xogħolijiet Letterarji u Artistiċi, tat-Trattat dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur WIPO u tat-Trattat tal-Wirjiet u Fonogrammi Wipo. Dawn id-drittijiet morali jibqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’din id-Direttiva.

(20) Din id-Direttiva hija bbażata fuq prinċipji u regoli diġà stipulati fid-Direttivi preżentement fis-seħħ f’dan il-qasam, b’mod partikolari d-Direttivi 91/250/KEE [5],92/100/KEE [6], 93/83/KEE [7], 93/98/KEE [8] u 96/9/KEE [9], u tiżviluppa dawk il-prinċipji u regoli u tpoġġihom fil-kuntest tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ dawn id-Direttivi, kemm-il darba ma jkunx hemm provdut mod ieħor f’din id-Direttiva.

(21) Din id-Direttiva għandha tiddefinixxi l-iskop ta’ l-atti regolati mid-dritt ta’ riproduzzjoni rigward il-benefiċjarji differenti. Dan għandu jsir b’konformità ma’ l-acquis communautaire. Tifsira wiesgħa ta’ dawn l-atti hija meħtieġa biex tisgura ċertezza legali ġewwa s-suq intern.

(22) L-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura m’għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il-protezzjoni stretta tad-drittijiet jew billi jittolleraw forom illegali ta’ distribuzzjoni ta’ xogħolijiet falsifikati jew ikkupjati jew imxandra illegalment.

(23) Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

(24) Id-dritt li jagħmel disponibbli lill-pubbliku s-suġġett imsemmi fl-Artikolu 3(2) għandu jiftiehem li jirregola l-atti kollha li jagħmlu disponibbli dan is-suġġett lill-membri tal-pubbliku li ma jkunx preżenti fejn joriġina l-att li jagħmel disponibbli, u li ma jirregola ebda atti oħra.

(25) L-inċertezza legali dwar in-natura u l-livell ta’ protezzjoni ta’ l-atti ta’ trasmissjoni fuq talba ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u materjal protett bid-drittijiet relatati ma’ networks għandha tiġi superata bil-provvediment ta’ protezzjoni armonizzata f’livell tal-Komunità. Għandu jkun ċar li d-detenturi tad-drittijiet kollha rikonoxxuti minn din id-Direttiva għandu jkollhom dritt esklussiv biex jagħmlu disponibbli lill-pubbliku xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur jew kull suġġett ieħor permezz ta’ trasmissjonijiet interattivi fuq talba. Dawn it-trasmissjonijiet interattivi fuq talba huma karatterizzati mill-fatt li l-membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu għalihom minn post u f’ħin individwalment magħżul minnhom.

(26) Rigward it-tqegħid għad-disposizzjoni f’servizzi fuq talba minn xandara fuq ir-radju jew televiżjoni tagħhom produzzjonijiet li jinkorporaw mużika minn fonogrammi kummerċjali bħala parti integrali tagħhom, għandhom ikunu inkuraġġuti arranġamenti kollettivi ta’ għoti ta’ liċenzji biex jiffaċilitaw il-ħruġ tad-drittijiet relevanti.

(27) Is-sempliċi provvista ta’ faċilitajiet fiżiċi biex tkun tista’ iseħħ jew biex iseħħ komunikazzjoni ma twassalx fiha nfisha għal komunikazzjoni fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

(28) Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklussiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit rigward l-oriġinal jew il-kopji tiegħu mibjugħa mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu barra mill-Komunità. Drittijiet għall-awturi rigward kiri u self ġew stabbiliti fid-Direttiva 92/100/KEE. Id-dritt ta’ distribuzzjoni li hemm provdut dwaru f’din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet relatati mad-drittijiet ta’ kiri u self li hemm fil-Kapitolu I ta’ dik id-Direttiva.

(29) Il-kwistjoni ta’ eżawriment ma tqumx fil-każ ta’ servizzi u servizzi on-line b’mod partikolari. Din tapplika wkoll rigward kopja materjali ta’ xogħol jew suġġett magħmul minn utent ta’ servizz bħal dan bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet. Għalhekk, l-istess japplika għall-kiri jew self ta’ l-oriġinal u kopji ta’ xogħolijiet jew suġġett ieħor li huma servizzi fin-natura tagħhom. Differenti minn CD-ROM jew CD-I, fejn proprjetà intellettwali hija inkorporta fil-medium tal-materjal, jiġifieri suġġett minn oġġetti, kull servizz on-line huwa fil-fatt att li għandu jkun regolat mill-awtorizzazzjoni fejn id-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati jipprovdu hekk.

(30) Id-drittijiet imsemmija f’din id-Direttiva jistgħu jiġu trasferiti, assenjati jew regolati mill-għotja ta’ liċenzji kuntrattwali, mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni nazzjonali relevanti dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.

(31) Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.

(32) Din id-Direttiva tipprovdi għal elenku eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku. Xi eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet japplikaw biss għad-dritt ta’ riproduzzjoni, fejn hu xieraq. Dan l-elenku jikkunsidra kif inhu xieraq it-tradizzjonijiet legali differenti fl-Istati Membri, filwaqt li, fl-istess ħin, għandu bħala skop li jiżgura suq intern li jiffunzjona. L-Istati Membri għandhom jaslu għal applikazzjoni koerenti ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, li ssir stima tagħhom meta jirrevedu l-leġislazzjoni implimentattiva fil-futur.

(33) Id-dritt esklussiv ta’ riproduzzjoni għandu jkun bla ħsara għal eċċezzjoni biex tippermetti ċerti atti ta’ riproduzzjoni temporanja, li huma riproduzzjonijiet temporanji jew inċidentali, li jagħmlu parti integrali u essenzali mill-proċess teknoloġiku u mwettaq għal fini unika li tippermetti jew trasmissjoni effiċjenti f’network bejn partijiet terzi permezz ta’ intermedjarju, jew użu legali ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir. L-atti ta’ riproduzzjoni relatati m’għandu jkollhom l-ebda valur ekonomiku separat għalihom waħedhom. Sa fejn dawn jissodisfaw dawn il-kondizzjonijiet, din l-eċċezzjoni għandha tinkludi atti li bihom jista’ jsir browsing kif ukoll atti ta’ ħażna, inklużi dawk li bihom jagħmluha possibbli għal sistemi ta’ trasmissjoni li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti, kemm-il darba li l-intermedjarju ma jimmodifikax l-informazzjoni u ma jfixkilx l-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta b’mod wiesgħa u użata mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu ta’ l-informazzjoni. Użu għandu jiġi kkunsidrat legali fejn ikun awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet jew ma jkunx ristrett bil-liġi.

(34) L-Istati Membri għandhom jingħataw l-għażla li jipprovdu għal ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għal każi bħal skopijiet edukattivi u xjentifiċi, għall-benefiċċju ta’ istituzzjonijiet pubbliċi bħal libreriji u arkivji, għal skopijiet ta’ rappurtaġġ ta’ aħbarijiet, għal kwotazzjonijiet, għal u minn nies b’diżabilitajiet, għal użu ta’ sigurtà pubblika u għal użu fi proċedimenti amministrattivi u legali.

(35) F’ċerti każi ta’ eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet, detenturi ta’ drittijiet għandhom jirċievu kumpens ġust biex jikkumpensawhom b’mod adekwat għall-użu magħmul mix-xogħolijiet protetti tagħhom jew materjal ieħor. Meta jistabilixxu l-forma, l-arranġamenti dettaljati u livell possibbli ta’ dan il-kumpens ġust, għandhom jiġu kkunsidrati ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. Meta jevalwaw dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju validu jista’ jkun il-ħsara li tista’ ssir lid-detenturi tad-drittijiet li tirriżulta mill-att fil-kwistjoni. Fil-każi fejn id-detenturi tad-drittijiet ikunu diġà rċevew pagament f’xi forma jew oħra, per eżempju bħala parti minn ħlas ta’ liċenzja, l-ebda pagament speċifiku jew separat ma jkollu jitħallas. Il-livell ta’ kumpens ġust għandu jikkunsidra bis-sħiħ il-grad ta’ użu ta’ miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika msemmija f’din id-Direttiva. F’ċerti sitwazzjonijiet fejn il-preġudizzju għad-detentur tad-drittijiet ikun minimu, ma jista’ jkun hemm l-ebda obbligu għal ħlas.

(36) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet ukoll meta japplikaw disposizzjonijiet mhux obbligatorji dwar eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li ma jinħteġux dan il-kumpens.

(37) Skemi nazzjonali eżistenti dwar reprografija, fejn ikun hemm, ma joħolqux tfixkil maġġuri għas-suq intern. L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu ghal eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward ir-reprografija.

(38) L-Istati Membri għandhom jitħallew jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni għal ċerti tipi ta’ riproduzzjoni ta’ materjal awdjo, viżiv jew awdjo-viżiv għal użu privat, akkumpanjat b’kumpens ġust. Dan jista’ jinkludi l-introduzzjoni jew kontinwazzjoni ta’ skemi ta’ rimunerazzjoni biex jikkumpensaw għal preġudizzju għal detenturi tad-drittijiet. Għalkemm differenzi bejn dawk l-iskemi ta’ rimunerazzjoni jaffettwaw il-funzjonament tas-suq intern, dawk id-differenzi, b’rigward ta’ riproduzzjoni privata analoga, m’għandhomx ikollhom impatt sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni. Ikkupjar privat diġitali huwa aktar faċli li jkun mifrux u jkollu impatt ekonomiku akbar. Għandha għalhekk tittieħed kunsiderazzjoni xierqa dwar id-differenzi bejn ikkupjar diġitali u dak analogu privat u għandha ssir distinzjoni f’ċerti aspetti bejniethom.

(39) Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni dwar ikkupjar privat, l-Istati Membri għandhom jagħtu kunsiderazzjoni xierqa lil żviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi, b’mod partikolari dwar ikkupjar diġitali privat u skemi ta’ rimunerazzjoni, meta miżuri ta’ protezzjoni teknoloġika effettiva jkunu disponibbli. Dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet m’għandhomx jimpedixxu l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi jew l-infurzar tagħhom kontra li jduru magħhom.

(40) L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-benfiċċju ta’ ċerti stabbilimenti li ma jaħdmux bi qligħ, bħal libreriji aċċessibbli mill-pubbliku u istituzzjonijiet ekwivalenti, kif ukoll arkivji. B’danakollu, dan għandu jkun limitat għal ċerti każi speċjali regolati bid-dritt tar-riproduzzjoni. Din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni m’għandhiex tirregola użu magħmul fil-kuntest ta’ konsenja on-line ta’ xogħolijiet protetti jew suġġett ieħor. Din id-Direttiva għandha tkun bla preġudizzju għall-għażla ta’ l-Istati Membri li jidderogaw mid-dritt esklussiv ta’ self pubbliku skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva KEE/92/100. Għalhekk, kuntratti jew liċenzji speċifiċi għandhom jiġu promossi li, mingħajr ma joħolqu sbilanċ, jivvaforixxu dawn l-istabbilimenti u l-finijiet ta’ tixrid li jservu.

(41) Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni rigward recordings temporanji magħmula minn organizzazzjonijiet tax-xandir huwa mifhum li l-faċilitajiet tax-xandar innifsu jinkludu dawk ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isem jew bir-responsabbiltà ta’ l-organizzazzjoni tax-xandir.

(42) Meta japplikaw l-eċċezzjoni jew limitazzjoni għal finijiet ta’ riċerka edukattiva jew xjentifika mhux kummerċjali, inkluż tagħlim minn distanza, in-natura mhux kummerċjali ta’ l-attività fil-kwistjoni għandha tiġi stabbilita b’dik l-attività bħala tali. L-istruttura organizzattiva u l-mezzi ta’ ffinanzjar ta’ l-istabbiliment relatat mhumiex il-fatturi definittivi f’dan ir-rigward.

(43) F’kull każ huwa importanti għall-Istati Membri li jadottaw il-miżuri meħtieġa kollha biex jiffaċilitaw aċċess għal xogħolijiet minn persuni li jbatu minn diżabilità li jikkostitwixxu ostakolu għall-użu tax-xogħolijiet infushom, u biex joqogħdu attenti partikolarment għal format aċċessibbli.

(44) Meta japplikaw l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom f’din id-Direttiva, huma għandhom ikunu eżerċitati skond l-obbligi internazzjonali. Dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati b’mod li jippreġudika l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet jew li jmorru kontra l-isfruttar normali tax-xogħol tiegħu jew ta’ suġġett ieħor. Id-disposizzjonijiet ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet mill-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirriflettu kif inhu xieraq, l-impatt ekonomiku miżjud li dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jkollhom fil-kuntest ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Għalhekk, l-iskop ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet jista’ jkollu jkun aktar limitat meta jiġi għal ċertu użu ġdid ieħor ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ieħor.

(45) L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2), (3) u (4) m’għandhomx, minkejja dan, jimpedixxu t-tifsira ta’ relazzjonijiet kuntrattwali maħsuba biex jiżguraw kumpens ġust għad-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu permess bil-liġi nazzjonali.

(46) Rikors għal medjazzjoni jista’ jgħin lill-utenti u detenturi tad-drittijiet biex isolvu l-argumenti. Il-Kummissjoni, b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri fil-Kumitat tal-Kuntatti, għandha twettaq studju biex tikkunsidra metodi legali ġodda biex issolvi argumenti dwar drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.

(47) Żvilupp teknoloġiku jippermetti detenturi tad-drittijiet li jagħmlu użu minn miżuri teknoloġiċi maħsuba biex jipprevjenu jew jirrestrinġu atti mhux awtorizzati minn detenturi tad-drittijiet minn kull dritt ta’ l-awtur, dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt sui generis f’databases. Jeżisti l-periklu, b’danakollu, li jistgħu jitwettqu attivitajiet illegali sabiex ikunu jistgħu jsiru jew jiffaċilitaw il-ħarba minn protezzjoni teknika pprovduta minn dawn il-miżuri. Sabiex jiġu evitati metodi legali frammentati li potenzalment jistgħu jostakolaw il-funzjonament tas-suq intern, hemm bżonn li tkun provduta protezzjoni legali armonizzata kontra l-ħarba minn miżuri teknoloġiċi effettivi u kontra l-provvista ta’ tagħmir u prodotti jew servizzi għal dan il-għan.

(48) Din il-protezzjoni legali għandha tiġi pprovduta rigward miżuri teknoloġiċi li jirrestrinġu effettivament atti mhux awtorizzati minn detenturi tad-drittijiet ta’ kull drittijiet ta’ l-awtur, drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur jew id-dritt sui generis f’databases mingħajr, b’danakollu, ma jostakolaw l-operat normali ta’ tagħmir elettroniku u l-iżvilupp teknoloġiku tiegħu. Din il-protezzjoni legali ma timplika l-ebda obbligu biex tagħmel disinn ta’ tagħmir, prodotti, komponenti jew servizzi li jikkorrispondu mal-miżuri teknoloġiċi, sakemm tagħmir, prodott, komponent jew servizz bħal dan ma jmurx kontra l-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 6. Din il-protezzjoni legali għandha tirrispetta l-proporzjonalità u m’għandhiex tipprojbixxi dan it-tagħmir jew attivitajiet li għandhom skop jew użu sinifikanti kummerċjali għajr dak li jaħarbu mill-protezzjoni teknika. B’mod partikolari, din il-protezzjoni m’għandhiex timpedixxi r-riċerka fil-kriptografija.

(49) Din il-protezzjoni legali ta’ miżuri tekniċi hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni għal kull disposizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jipprojbxxu l-pussess privat ta’ tagħmir, prodotti jew komponenti biex iduru mal-miżuri teknoloġiċi.

(50) Din il-protezzjoni legali armonizzata ma taffettwax id-disposizzjonijiet speċifiċi fuq il-protezzjoni li hemm provdut dwarha bid-Direttiva 91/250/KEE. B’mod partikolari, m’għandhiex tapplika għall-protezzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi użata b’konnessjoni ma’ programmi tal-kompjuter, li hi esklussivament indirizzata f’dik id-Direttiva. M’għandhiex la timpedixxi u l-anqas żżomm l-iżvilupp jew użu ta’ kull mezz biex tiġi evitata miżura teknoloġika li hija meħtieġa biex atti jkunu jistgħu jittieħdu skond l-artikolu 5(3) jew l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/250/KEE. L-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxu esklussivament eċċezzjonijiet għad-drittijiet esklussivi applikabbli għal programmi tal-kompjuter.

(51) Il-protezzjoni legali ta’ miżuri teknoloġiċi tapplika mingħajr preġudizzju għal politika pubblika, kif murija fl-Artikolu 5, jew sigurtà pubblika. L-Istati Membri għandhom jippromwovu miżuri volontarji meħuda minn ftehim detenturi tad-drittijiet, magħduda l-konklużjoni u l-implimentazzjoni ta’ ftehim bejn detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, biex jiffaċilitaw li jilħqu l-għanijiet ta’ ċerti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-liġi nazzjonali skond din id-Direttiva. Fl-assenza ta’ dawn il-miżuri jew ftehim volontarji f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi ta’ drittijiet jipprovdu lill-benefiċjarji ta’ dawn l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet bil-mezzi xierqa biex jibbenefikaw minnhom, billi jimmodifikaw miżura teknoloġika implimentata jew b’mezzi oħra. B’danakollu, sabiex jipprevenju abbuż minn dawn il-miżuri meħuda minn detenturi ta’ drittijiet, magħduda fil-qafas ta’ ftehim, jew meħuda minn Stat Membru, kull miżura teknoloġika applikata fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri għandha tgawdi protezzjoni legali.

(52) Meta jimplimentaw eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-ikkupjar privat skond l-Artikolu 5(2)(b), l-Istati Membri għandhom bl-istess mod jippromwovu l-użu ta’ miżuri volontarji biex jiffaċilitaw li jiksbu l-għanijiet ta’ din l-eċċezzjoni jew limitazzjoni. Jekk, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, ma jkunu ttieħdu l-ebda miżuri volontarji bħal dawn biex tkun tista’ ssir riproduzzjoni għal użu privat, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex jippermettu li benefiċjarji ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni relatata jibbenefikaw minnha. Miżuri volontarji meħuda minn detenturi ta’ drittijiet, magħduda ftehim bejn detenturi ta’ drittijiet u partijiet oħra relatati, kif ukoll miżuri meħuda minn Stati Membri, ma jipprevenux detenturi ta’ drittijiet milli jużaw miżuri teknoloġiċi li huma konsisti ma’ l-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fuq ikkupjar privat f’liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(b), waqt li jikkunsidraw il-kondizzjoni ta’ kumpens ġust skond dik id-disposizzjoni u separazzjoni li jista’ jkun hemm bejn diversi kondizzjonijiet ta’ użu skond l-Artikolu 5(5), bħal li jikkontrollaw l-għadd ta’ riproduzzjonijiet. Sabiex ma jħallux l-abbuż ta’ dawn il-miżuri, kull miżura tekonoloġika applikata fl-implimentazzjoni tagħhom għandha tgawdi minn protezzjoni legali.

(53) Il-protezzjoni ta’ miżuri teknoloġiċi għandha tiżgura ambjent ta’ sigurtà għall-provvista ta’ servizzi interattivi fuq talba, b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jidħlu f’xogħolijiet jew suġġett ieħor minn post u ħin magħżul individwalment minnhom. Fejn servizzi bħal dawn ikunu regolati minn ftehim kuntrattwali, l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi ta’ l-Artikolu 6(4) m’għandhomx japplikaw. Forom mhux interattivi ta’ użu on-line għandhom jibqgħu regolati minn dawn id-disposizzjonijiet.

(54) Sar progress importanti fl-istandardizzazzjoni internazzjonali ta’ sistemi tekniċi ta’ identifikazzjoni ta’ xogħolijiet u suġġett protett f’format diġitali. F’ambjent fejn dejjem aktar qed jiżdiedu n-networks, differenzi bejn miżuri teknoloġiċi jistgħu jwasslu għal inkompatibilità ta’ sistemi fil-Komunità. Kompatibilità u interoperabilità tas-sistemi differenti għandhom jiġu mħeġġa. Ikun tajjeb ħafna li jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ sistemi globali.

(55) Żvilupp teknoloġiku jħaffef id-distribuzzjoni ta’ xogħolijiet, b’mod notevoli fin-networks, u dan ikun jinkludi l-bżonn għal detenturi tad-drittijiet li jidentifikaw aħjar ix-xogħol jew suġġett ieħor, l-awtur jew kull detentur ta’ drittijiet ieħor, u li jipprovdi informazzjoni dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta’ użu tax-xogħol jew suġġett ieħor sabiex iħaffef l-immaniġġjar ta’ drittijiet appartenenti għalihom. Detenturi ta’ drittijiet għandhom ikunu mħeġġa li jużaw sinjali li jindikaw, b’żieda ma’ l-informazzjoni msemmija aktar qabel, fost l-oħrajn l-awtorizzazzjoni tagħhom meta jqiegħdu xogħolijiet jew suġġett ieħor fin-networks.

(56) Jeżisti l-periklu, b’danakollu, li jistgħu jitwettqu attivitajiet illegali sabiex ineħħu jew jibdlu l-informazzjoni elettronika dwar maniġġjar tad-drittijiet ta’ l-awtur li tkun magħha, jew inkella li jiddistribwixxu, jimpurtaw għad-distribuzzjoni, ixandru, jikkomunikaw lill-pubbliku jew jagħmlu disponibbli għall-pubbliku xogħolijiet jew suġġett protett ieħor li minnhom din l-informazzjoni tkun tneħħiet mingħajr awtorità. Sabiex jevitaw attitudni frammentata legali li tista’ timpedixxi l-funzjonament tas-suq intern, hemm il-bżonn li jipprovdu protezzjoni legali armonizzata kontra kull waħda minn dawn l-attivitajiet.

(57) Kull sistema ta’ informazzjoni ta’ maniġġjar ta’ drittijiet bħal dawn imsemmija aktar qabel tista’, jiddependi fuq id-disinn tagħha, fl-istess ħin tipproċessa data personali dwar il-bixriet ta’ konsum ta’ suġġett minn individwi u tippermetti għall-intraċċar ta’ mġieba on-line. Dawn il-mezzi tekniċi, fil-funzjonijiet tekniċi tagħhom, għandhom jinkorporaw salvagwardji għal privatezza skond id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi rigward l-ipproċessar ta’ data personali u l-moviment ħieles ta’ din id-data [10].

(58) L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet u rimedji effettivi għall-ksur tad-drittijiet u obbligi kif stipulati f’din id-Direttiva. Għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet hekk provduti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi u għandhom jinkludu l-possibbiltà li jfittxu l-ħsarat u/jew sostenn inġuntiv u, fejn hu xieraq, billi japplikaw għat-teħid tal-materjal illegali.

(59) Fl-ambitu diġitali, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ intermedjarji jistgħu jintużaw dejjem aktar minn partijiet terzi għal attivitajiet illegali. F’ħafna każi dawn l-intermedjarji jinsabu fl-aħjar posizzjoni biex itemmu dawn l-attivitajiet illegali. Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal kull sanzjoni u rimedji oħra disponibbli, detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li japplikaw għal inġunzjoni kontra intermedjarju li jibgħat f’network illegalità minn terza parti ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli anke fejn l-atti mwettqa minn intermedjarju jkunu eżenti skond l-Artikolu 5. Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet relatati dwar dawn l-inġunzjonijiet għandhom jitħallew skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istati Membri.

(60) Il-protezzjoni li hemm provdut dwarha skond din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet legali nazzjonali jew tal-Komunità f’dawn l-oqsma, bħal proprjetà industrijali, aċċess kondizzjonat, aċċess għal dokumenti pubbliċi, u r-regola ta’ kronoloġija ta’ l-isfruttar tal-media, li jistgħu jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur jew drittijiet relatati.

(61) Sabiex ikunu konformi mat-Trattat tal-WIPO dwar Wirjiet u Fonogrammi, id-Direttivi 92/100/KEE u 93/98/KEE għandhom ikunu emendati,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

GĦAN U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, mingħajr enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni.

2. Ħlief għall-każi msemmija fl-Artikolu 11, din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara u m’għandha bl-ebda mod taffettwa d-disposizzjonijiet eżistenti tal-Komunità dwar:

(a) il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuters;

(b) id-dritt ta’ kiri, id-dritt ta’ self u ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali;

(ċ) id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati applikabbli għax-xandir ta’ programmi bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable;

(d) it-tul ta’ żmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati;

(e) il-protezzjoni legali ta’ databases.

KAPITOLU II

DRITTIJIET U EĊĊEZZJONIJIET

Artikolu 2

Dritt ta’ riproduzzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

(b) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(ċ) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(d) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(e) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

Artikolu 3

Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv biex jawtorizzaw jew jipprojbixxu li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku, permezz tal-fili jew mingħajr fili, b’mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom:

(a) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;

(b) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;

(ċ) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar tal-films, ta’ l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;

(d) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawn ix-xandirijiet ikunu trasmessi bil-fili jew bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.

3. Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Dritt ta’ Distribuzzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, bla ħsara fejn l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ sidien fil-Komunità ta’ dak l-oġġett isir mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.

Artikolu 5

Eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet

1. Atti temporanji ta’ riproduzzjoni msemmija fl-Artikolu 2, li huma temporanji jew inċidentali, li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku u li l-iskop uniku tagħhom huwa li jkunu jistgħu jsiru:

(a) trasmissjoni f’network bejn partijiet terzi minn intermedju, jew

(b) użu legali

ta’ xogħol jew suġġett ieħor li għandu jsir, u li ma jkollhom ebda sinifikat ekonomiku indipendenti, għandhom ikunu eżenti mid-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni provdut fl-Artikolu 2 fil-każi li ġejjin:

(a) rigward riproduzzjonijiet fuq il-karta jew mezz ieħor simili, effettwat mill-użu ta’ kull xorta ta’ teknika fotografika jew b’xi proċess ieħor li jkollu l-istess effetti, bla ħsara għal mużika fuq il-karta, kemm-il darba li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust;

(b) rigward riproduzzjonijiet ta’ kull mezz magħmula minn ċittadin fiżiku għal użu privat u għal skopijiet li huma la direttament u l-anqas indirettament kummerċjali, bil-kondizzjoni li d-detenturi jirċievu kumpens ġust li jikkunsidra li jiġu jew ma jiġux applikati miżuri teknoloġiċi msemmija fl-Artikolu 6 tax-xogħol jew tas-suġġett relatat;

(ċ) rigward l-atti speċifiċi ta’ riproduzzjoni magħmula minn libreriji, stabbilimenti edukattivi jew mużewijiet jew arkivji li għandhom aċċess mill-pubbliku, li mhumiex għal vantaġġ ekonomiku jew kummerċjali dirett jew indirett;

(d) rigward rekordjar transitorju ta’ xogħolijiet magħmula minn organizzazzjonijiet tax-xandir permezz tal-faċilitajiet tagħhom u għax-xandirijiet tagħhom; il-preservazzjoni ta’ dan l-irrekordjar f’arkivji uffiċjali jista’ għal raġunijiet ta’ karattru ta’ dokumentarju eċċezzjonali tiegħu, tkun permessa;

(e) rigward riproduzzjonijiet ta’ xandirijiet magħmula minn istituzzjonijiet soċjali immirati għal skopijiet mhux kummerċjali, bħal sptarijiet jew ħabsijiet, bil-kondizzjoni li d-detenturi tad-drittijiet jirċievu kumpens ġust.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittijiet li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 2 u 3 fil-każi li ġejjin:

(a) użu għall-iskop uniku ta’ illustrazzjoni għat-tagħlim jew riċerka xjentifika, kemm-il darba s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, tkun indikata, sakemm ma jinstabx li jkun impossibbli u sa fejn ikun ġustifikat li jintlaħaq mill-iskop mhux kummerċjali;

(b) użu, għall-benefiċċju ta’ nies b’diżabilità, li huwa direttament relatat mad-diżabilità u ta’ natura mhux kummerċjali, sa fejn meħtieġ mid-diżabilità speċifika;

(ċ) riproduzzjoni mill-istampa, komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmlu disponibbli artikli publikati dwar temi kurrenti ekonomiċi, politiċi jew reliġjużi jew ta’ xogħolijiet imxandra jew suġġett ieħor ta’ l-istess tip, fil-każi fejn dan l-użu ma jkunx riservat espliċitament, u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, jew l-użu tax-xogħolijiet jew suġġett ieħor rigward konness mar-rappurtaġġ ta’ ġrajjiet kurrenti, sakemm ikunu ġustifikati mill-iskop informattiv u sakemm is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, sakemm ma jinstabx li dan ikun impossibbli;

(d) kwotazzjonijiet għal skopijiet bħal kritika jew riċensjoni, kemm-il darba jkunu relatati ma’ xogħol jew suġġett ieħor li kien diġà sar disponibbli legalment għall-pubbliku, li, sakemm ma jkunx sar impossibbli, is-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, u li l-użu tagħhom huwa skond prattika ġusta, u sa fejn meħtieġ, mill-iskop speċifiku;

(e) użu għall-iskopijiet ta’ sigurtà pubblika jew biex jiżgura t-twettiq jew rappurtaġġ xieraq ta’ proċċdimenti amministrattivi, parlamentari jew ġudizzjarji;

(f) użu ta’ diskorsi politiċi kif ukoll siltiet minn lekċers pubbliċi jew xogħolijiet simili jew suġġett sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop informattiv u kemm-il darba li s-sors, magħdud l-isem ta’ l-awtur, ikun indikat, minbarra fejn dan ikun sar impossibbli;

(g) użż waqt ċelebrazzjonijiet reliġjużi jew ċelebrazzjonijiet uffiċjali organizzati minn awtorità pubblika;

(h) użu ta’ xogħolijiet, bħal xogħolijiet ta’ arkitettura jew skultura, magħmulin biex jitqiegħdu permanentement f’postijiet pubbliċi;

(i) inklużjoni inċidentali ta’ xogħol jew suġġett f’materjal ieħor;

(j) użu għal skop ta’ reklamar tal-wirja pubblika jew bejgħ ta’ xogħolijiet pubbliċi, sa fejn huwa meħtieġ biex tippromwovi avveniment, eskluż kull użu kummerċjali;

(k) użu għal skop ta’ karikatura, parodija jew pastiċċ;

(l) użu b’konnessjoni ma’ wiri jew tiswija ta’ tagħmir;

(m) użu ta’ xogħol artistiku f’forma ta’ bini jew disinn jew pjanta ta’ bini għall-finijiet ta’ rikostruzzjoni tal-bini;

(n) użu b’komunikazzjoni jew b’li jagħmlu disponibbli, għal skop ta’ riċerka jew studju privat, lill-membri individwali tal-pubbliku kif b’terminali għal tapposta fuq il-post ta’ l-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 2(ċ) ta’ xogħolijiet u suġġett ieħor li mhumiex regolati bit-termini ta’ xiri jew liċenzar li jkunu fil-kollezzjonijiet tagħhom;

(o) użu f’ċerti każi oħra ta’ importanza minuri fejn eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet diġà jeżistu skond il-liġi nazzjonali, kemm-il darba li huma jirrigwardaw biss użu simili u ma jaffettwawx iċ-ċirkulazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi ġewwa l-Komunità, mingħajr preġudizzju għal eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet oħra misjuba f’dan l-Artikolu.

4. Fejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni skond il-paragrafi 2 u 3, huma bl-istess mod jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop ta’ l-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat.

5. L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet li hemm provdut dwarhom fil-paragrafi 1, 2, 3 u 4 għandhom ikunu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali tax-xogħol jew suġġett ieħor u ma jippreġudikawx b’mod bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.

KAPITOLU III

PROTEZZJONI TA’ MIŻURI TEKNOLOĠIĊI U INFORMAZZJONI DWAR MANIĠĠAR TA’ DRITTIJIET

Artikolu 6

Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

2. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra l-manifattura, importazzjoni, distribuzzjoni, bejgħ, kiri, reklamar għall-bejgħ jew kiri, jew pussess għal skopijiet kummerċjali ta’ tagħmir, prodotti jew komponenti jew il-provvista ta’ servizzi li:

(a) ikunu pubbliċizzati, reklamati jew kummerċjati għall-iskop ta’ tidwir ma’ jew

(b) għandhom biss skop jew użu limitat kummerċjali sinifikanti jew użu ma’ dak li jdur ma’, jew

(ċ) ikunu mfassla, manifatturati, adattati jew attwati primarjament għall-iskop li jippermettu jew li jiffaċilitaw it-tidwir ma’,

kull miżura teknoloġika effettiva.

3. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi "miżuri teknoloġiċi" tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE. Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu "effettivi" fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.

4. Minkejja l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1, fl-assenza ta’ miżuri volontarji meħuda mid-detenturi tad-drittijiet, magħduda ftehim bejn id-detenturi tad-drittijiet u partijiet oħra relatati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw li detenturi tad-drittijiet jagħmlu disponibbli għall-benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwarha fil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 5(2)(a), (2)(ċ), (2)(d), (2)(e), (3)(a), (3)(b) jew (3)(e) il-mezzi li jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni, sa fejn huwa meħtieġ biex jibbenefikaw minn dik l-eċċezzjoni jew limitazzjoni u fejn dak il-benfċjarju jkollu aċċess legali għax-xogħol protett jew materjal suġġett relatat.

Stat Membru jista’ wkoll jieħu dawn il-miżuri rigward benefiċjarju ta’ eċċezzjoni jew limitazzjoni li hemm provdut dwaru skond l-Artikolu 5(2)(b), kemm-il darba riproduzzjoni għal użu privat ikun diġà sar possibbli mid-detenturi tad-drittijiet sa fejn hu meħtieġ biex jibbenefika mill-eċċezzjoni jew limitazzjoni relatata u skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5(2)(b) u (5), mingħajr ma jipprevjeni lid-detenturi tad-drittijiet milli jadottaw miżuri adekwati rigward l-għadd ta’ riproduzzjonijiet skond dawn id-disposizzjonijiet.

Il-miżuri teknoloġiċi applikati volontarjament mid-detenturi tad-drittijiet, inklużi dawk applikati fl-implimentazzjoni ta’ ftehim volontarji, u miżuri teknoloġiċi applikati fl-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, għandhom igawdu l-protezzjoni legali li hemm provdut dwarha fil-paragrafu 1.

Id-disposizzjonijiet ta’ l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi mgħandhomx japplikaw għal xogħolijiet jew suġġett ieħor li jkun sar disponibbli għall-pubbliku skond termini kuntrattwali miftehma b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u ħin individwalment magħżul minnhom.

Meta dan l-Artikolu jkun applikat fil-kuntest tad-Direttivi 92/100/KEE u 96/9/KE, dan il-paragrafu għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 7

Obbligi rigward informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra kull persuna li konsapevolment twettaq mingħajr awtorità kull att minn dawn li ġejjin:

(a) it-tneħħija jew tibdil f’kull informazzjoni elettronika dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet;

(b) id-distribuzzjoni, importazzjoni għad-distribuzzjoni, xandir, komunikazzjoni jew li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku xogħolijiet jew suġġett ieħor protett skond din id-Direttiva jew skond il-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE li minnha informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet tkun tneħħiet jew inbidlet mingħajr awtorità,

jekk din il-persuna tkun taf, jew ikollha raġuni xierqa li tkun taf, li b’dan l-aġir tkun qiegħda tipperswadi, tagħti s-setgħa jew tiffaċilita jew taħbi ksur ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur kif provdut bil-liġi, jew tad-dritt sui generisli hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE.

2. Għall-finijiet ta’ din id-direttiva, il-frażi ’informazzjoni dwar l-immaniġġjar ta’ drittijiet’ tfisser kull informazzjoni provduta mid-detenturi tad-drittijiet li tidentifika x-xogħol jew suġġett ieħor imsemmi f’din id-Direttiva jew regolata minn dritt sui generisli hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE, l-awtur jew kull detentur ieħor tad-drittijiet, jew informazzjoni dwar it-termini u kondizzjonijiet għal użu tax-xogħol jew suġġett, u kull numru jew kodiċi li jirrappreżenta din l-informazzjoni.

L-ewwel sottoparagrafu għandu japplika meta kull waħda minn dawn l-oġġetti ta’ informazzjoni tkun assoċjata ma’ kopja ta’ jew tidher konnessa mal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’, xogħol jew suġġġett ieħor imsemmi f’din id-Direttiva jew regolat minn dritt sui generis li hemm provdut dwaru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE.

KAPITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 8

Sanzjonijiet u Rimedji

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet u rimedji xierqa rigward ksur tad-drittijiet u obbligi stipulati f’din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet u rimedji jkunu applikati. Is-sanzjonijiet li hemm provdut dwarhom b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, xierqa u disswassivi.

2. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li d-detenturi tad-drittijiet li l-interessi tagħhom ikunu affettwati minn attività illegali mwettqa fit-territorju tiegħu jistgħu jieħdu azzjoni għad-danni u/jew japplikaw għal restrizzjoni u, fejn hu xieraq, għall-konfiska tal-materjal illegali kif ukoll tat-tagħmir, prodotti, jew komponenti msemmija fl-Artikolu 6(2).

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.

Artikolu 9

Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra

Din id-Direttiva għħ ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġiet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenzalità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.

Artikolu 10

Applikazzjoni maż-żmien

1. Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw rigward ix-xogħolijiet kollha u suġġetti oħra msemmija f’din id-Direttiva li huma, fit-22 ta’ Diċembru 2002, protetti mil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, jew li jissodisfaw il-kriterji għall-protezzjoni skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jew id-disposizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(2).

2. Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kull att konkluż u drittijiet miksuba qabel it-22 ta’ Diċembru 2002.

Artikolu 11

Adattazzjonijiet tekniċi

1. Id-Direttiva 92/100/KEE hija b’din emendat kif ġej:

(a) L-Artikolu 7 għandu jitħalla barra;

(b) L-Artikolu 10(3) għandu jinbidel b’dan li ġej:

"3. Il-limitazzjonijiet għandhom jiġu applikati biss f’ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttar normali tas-suġġett u ma jippreġudikawx bla raġuni l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet."

2. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/98/KEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

"2. Id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi għandhom jiskadu 50 sena wara li jsir l-iffissar. B’danakollu, jekk fonogramm ikun pubblikat legalment f’dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu 50 sena mid-data ta’ l-ewwel pubblikazzjoni legali. Jekk ma tkun saret l-ebda pubblikazzjoni legali fil-perijodu msemmi fl-ewwel sentenza, u jekk il-fonogramm ikun legalment komunikat lill-pubbliku fi żmien dan il-perjodu, id-drittijiet imsemmija għandhom jiskadu ħamsin sena mid-data ta’ l-ewwel komunikazzjoni legali lill-pubbliku.

B’danakollu, fejn permezz ta’ l-iskadenza tat-tul ta’ żmien tal-protezzjoni mogħtija skond dan il-paragrafu fil-verżjoni tiegħu qabel l-emenda bid-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni [11] id-drittijiet tal-produtturi ta’ fonogrammi mhumiex aktar protetti fit-22 ta’ Diċembru 2002, dan il-paragrafu m’għandux ikollu l-effett li jipproteġi dawk id-drittijiet mill-ġdid."

Artikolu 12

Disposizzjonijiet finali

1. Mhux aktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2004 u kull tliet snin wara, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, li fiha, inter alia, fuq il-bażi ta’ informazzjoni speċifika mogħtija mill-Istati Membri, għandha teżamina b’mod partikolari l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 5,6 u 8 fl-isfond ta’ l-iżvilupp tal-kummerċ diġitali. Fil-każ ta’ l-Artikolu 6, għandha teżamina b’mod partikolari jekk dak l-Artikolu jagħtix livell suffiċjenti ta’ protezzjoni u jekk atti li huma permessi mil-liġi humiex qed jiġu effettwati b’mod negattiv bl-użu ta’ miżuri teknoloġiċi effettivi. Fejn meħtieġ, b’mod partikolari biex jiżgura l-funzjonament tas-suq intern skond l-Artikolu 14 tat-Trattat, għandha tissottometti proposti għal emendi għal din id-Direttiva.

2. Protezzjoni ta’ drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva għandhom ikunu bla ħsara u m’għandhom bl-ebda mod jaffettwaw il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur.

3. Qiegħed b’din jinħatar kumitat ta’ kuntatt. Huwa għandu jkun kompost minn rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri. Għandu jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u għandu jiltaqa’ jew fuq l-inizjattiva taċ-chairman jew fuq talba tad-delegazzjoni ta’ Stat Membru.

4. Il-ħidmiet tal-kumitat ħandhom ikun kif ġej:

(a) li jeżamina l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq il-funzjonament tas-suq intern, u li jenfasizza kull diffikultà;

(b) li jorganizza konsultazzjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(ċ) li jħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni dwar żviluppi relevanti fil-leġislazzjoni u ġurisprudenza, kif ukoll żviluppi ekonomiċi soċjali, kulturali u teknoloġiċi relevanti;

(d) biex jaġixxi bħala forum għall-istima tas-suq diġitali f’xogħolijiet u oġġetti oħra, magħduda kkupjar privat u l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi.

Artikolu 13

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva qabel it-22 ta’ Diċembru 2002. Huma għandhom minn dakinhar jinformaw lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu din ir-riferenza għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi tal-post li huma jadottaw fil-qasam regolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 15

Lil min hija indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, it-22 ta’ Mejju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

M. Winberg

[1] ĠU C 108, 7.4.1998, p. 6 uĠU C 180, 25.6.1999, p. 6.

[2] ĠU C 407, 28.12.1998, p. 30.

[3] Il-fehma tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Frar 1999 (ĠU C 150, 28.5.1999, p. 171), Il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2000 (ĠU C 344, 1.12.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Frar 2001 (għadhom mhumiex ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ April 2001.

[4] ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

[5] Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE ta’ l-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 122, 17.5.1991, p. 42). Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/98/KEE.

[6] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad-19 ta’ Novembru 1992 dwar id-dritt ta’ kiri jew self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur fil-qasam ta’ proprjetà intellettwali (ĠU L 346, 27.11.1992, p. 61). Direttiva kif emendata bid-Direttiva 93/98/KEE.

[7] Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta’ Settembru 1993 dwar il-kordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati mad-drittijiet ta’ l-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u trasmissjoni mill-ġdid bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

[8] Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad-29 ta’ Ottubru 1993 li tarmonizza t-tul ta’ żmien ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u ċerti drittijiet relatati (ĠU L 290, 24.11.1993, p. 9).

[9] Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20).

[10] ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[11] ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.’

--------------------------------------------------