32001D1411



Official Journal L 191 , 13/07/2001 P. 0001 - 0005


Id-Deċiżjoni Nru 1411/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-27 ta' Ġunju 2001

dwar Qafas tal-Komunità għall-koperazzjoni għall-promozzjoni ta' żvilupp urban sostenibbli

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kommissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) It-Trattat jiddisponi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politika ambjentali tal-Komunità u jistabbilixxi l-għanijiet u l-prinċipji li għandhom jiggwidaw dik il-politika.

(2) Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 2179/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5], il-Komunità ikkonfermat l-impenn tagħha għat-trattament ġenerali u l-istrateġija magħżula mill-Kummissjoni fil-Programm tagħha "Lejn Sostenibbilità" [6].

(3) Ħafna mill-impenni internazzjonali tal-Komunità, b'mod partikolari għar-rigward tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, jistgħu jkunu implimentati biss bil-koperazzjoni ta' l-awtoritajiet lokali.

(4) Fil-komunikazzjoni tagħha intitolata "Żvilupp urban sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: qafas ta' azzjoni" ta' l-28 ta' Ottubru 1998, il-Kummissjoni obbligat ruħha li tagħti "appoġġ kontinwu għall-attivitajiet ta' networking tal-gvernijiet lokali" u "tiżgura bażi legali xierqa meħtieġa biex tiffinanzja dawk l-attivitajiet fuq bażi multi-annwali".

(5) Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjonijiet [7] dwar it-tisħiħ tal-politika ambjentali urbana ta' l-Unjoni Ewropea.

(6) Il-Kumitat tar-Reġjuni adotta l-opinjonijiet dwar il-koperazzjoni bejn il-fruntieri u transnazzjonali bejn l-awtoritajiet lokali [8] u dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea" [9].

(7) Il-Ħames Programm ta' Azzjoni dwar l-Ambjent jagħraf li kull entità interessata, inklużi l-Kummissjoni u l-awtoritajiet lokali, għandha tieħu azzjoni miftiehma, biex taġixxi bl-għan li tilħaq livell ta' żvilupp sostenibbli u li taqsam ir-responsabbiltajiet rilevanti.

(8) Il-Kapitolu 28 ta' l-Aġenda 21, li kien is-suġġett tal-Protokoll iffirmat fl-Earth Summit ta' Rio fl-1992, jistipula li ħafna awtoritajiet lokali f'kull pajjiż għandhom jimpenjaw lilhom infushom fi proċess konsultattiv mal-popli tagħhom u għandhom jilħqu kunsens dwar l-Aġenda 21 lokali għall-komunità.

(9) L-għanijiet ta' żvilupp urban sostenibbli u l-implimentazzjoni ta' l-Aġenda 21 u l-leġislazzjoni tal-Komunità jeħtieġu li jkun hemm tifsir, żvilupp u bdil ta' prattiċi tajba bejn l-awtoritajiet lokali u t-tkattir ta' l-għarfien tagħhom.

(10) Il-kapaċità ta' networks ta' awtoritajiet lokali għandha tkun imsaħħa fil-livell Ewropew, prattiċi tajba fl-oqsma ta' żvilupp urban sostenibbli u l-Aġenda 21 lokali għandhom ikunu żviluppati u skambjati, u dawn l-attivitajiet għandhom ikunu kordinati sabiex jiġu mgħoddija lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-opinjonijiet ta' l-awtoritajiet lokali dwar prospetti ġodda u dawk li qed jiżviluppaw fl-oqsma relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli.

(11) Darba li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, jiġifieri l-bdil ta' prattiċi tajba fuq livell Ewropew u t-tkattir ta' l-għarfien ta' l-awtoritajiet lokali permezz ta' networks Ewropej, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(12) L-oqsma ta' prijorità ta' attività li l-qafas ta' koperazzjoni tal-Komunità jista' jappoġġja għandhom ikunu mfissra.

(13) Monitoraġġ effettiv u metodi ta' stima jeħtieġ li jkunu stabbiliti u informazzjoni xierqa tingħata għall-benefiċjarji potenzjali u għall-pubbliku.

(14) L-implimentazzjoni tal-qafas ta' koperazzjoni għandha tkun stmata fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul l-ewwel ftit snin ta' l-implimentazzjoni, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu infurmati b'dan.

(15) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas finanzjarju għall-perjodu kollu tal-programm li għandu jkun il-punt prinċipali ta' riferenza għall-awtorità tal-budget, fis-sens tal-punt 33 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina ta' budget u t-titjib tal-proċedura ta' budget [10].

(16) Il-miżuri meħtieġa għat-tħaddim ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [11],

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Qafas tal-Komunità għal koperazzjoni (iżjed 'il quddiem imsejjeħ il-"qafas ta' koperazzjoni") hu b'dan stabbilit sabiex jipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku lin-networks ta' l-awtoritajiet lokali organizzati mill-inqas f'erba' Stati Membri, u li jinkludu meta jkun xieraq bliet u rħula fil-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 8, bil-għan li jinkoraġġixxi l-kunċett, il-bdil u l-implimentazzjoni ta' prattiċi tajba fl-oqsma li ġejjin:

- implimentazzjoni fil-livell lokali tal-leġislazzjoni ambjentali ta' l-UE,

- żvilupp urban sostenibbli,

- l-Aġenda 21 lokali.

Is-sieħba prinċipali għandhom ikunu l-Kummissjoni, in-networks ta' l-awtoritajiet lokali, il-multistakeholders urbani organizzati, in-networks tal-Komunità bħalma huma NGOs, universitajiet u atturi oħra, organizzati fuq livell Ewropew.

Artikolu 2

1. It-tipi ta' attività eliġibbli għall-appoġġ tal-Komunità taħt dan il-qafas ta' koperazzjoni huma mfissra fl-Anness.

2. Il-Kummissjoni tista' tagħti appoġġ lil xi network ta' l-awtoritajiet lokali kif imfisser fl-Artikolu 1 jew, fil-każ tal-miżuri msemmija fil-parti Ċ ta' l-Anness, lil benefiċjarji oħrajn li jixtiequ jiżviluppaw attivitajiet bħal dawn.

3. L-appoġġ tal-Komunità għandu jirrelata għal attivitajiet skedati biex jitwettqu matul il-kors tas-sena li għaliha tirrelata l-kontribuzzjoni finanzjarja u/jew is-sentejn ta' wara.

4. It-taqsim indikattiv ta' l-għajnuna finanzjarju bejn it-tipi ta' attività hu mogħti fl-Anness.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11(2), tagħmel stima u tagħżel minn fost il-proposti mibgħuta il-proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati skond it-temi ta' prijorità msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej avviż li jiddeskrivi t-temi ta' priorità li taħthom il-proġetti għandhom ikunu ffinanzjati u li juri l-kriterji dwar għażla u għotjiet u l-proċeduri ta' l-applikazzjoni u ta' l-approvazzjoni.

2. Proposti għal proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati għandhom jingħataw lill-Kummissjoni min-network ta' l-awtoritajiet lokali kif imfisser fl-Artikolu 1 u, għat-tipi ta' attivitajiet indikati fil-parti Ċ ta' l-Anness, minn benefiċjarji oħra eliġibbli.

3. Is-sejħiet għal proposti għall-proġetti taħt dan il-qafas ta' koperazzjoni għandhom ikunu avżati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kull sena sal-31 ta' Jannar. Wara li ssir stima ta' dawn il-proposti, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi sal-31 ta' Mejju liema proġetti din tkun ser tiffinanzja. Din id-deċiżjoni dwar il-proġetti li għandhom ikunu ffinanzjati għandha twassal għall-konklużjoni, mal-benefiċjarji responsabbli għall-implimentazzjoni, ta' kuntratt li jirregola d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tas-siehba.

4. Għandha ssir pubblika l-lista tal-benefiċjarji u l-proġetti iffinanzjati permezz tal-qafas ta' koperazzjoni, flimkien ma' indikazzjoni ta' l-ammont ta' l-għajnuna.

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha tiżgura konsistenza, kumplimentarjetà u sinerġija bejn l-attivitajiet tal-Komunità u l-proġetti li jimplimentaw dan il-qafas ta' koperazzjoni u programmi u inizzjattivi oħra tal-Komunità, b'mod partikolari l-inizzjattiva URBAN imsemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jippreskrivi disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [12]. Proġetti finanzjati taħt programmi u fondi oħra tal-Komunità ma jkunux eliġibbli għal finanzjament taħt dan il-qafas ta' koperazzjoni.

Artikolu 6

1. Dan il-qafas ta' koperazzjoni għandu jibda jseħħ mill-1 ta' Jannar 2001 u jintemm fil-31 ta' Diċembru 2004. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-qafas ta' koperazzjoni għall-perjodu 2001-2004 għandu jkun ta' EUR 14-il miljun.

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limitazzjonijiet tal-perspettiva finanzjarja.

2. Għajnuna finanzjarja ta' EUR 350000 jew aktar tista' tinkiseb biss jekk il-kontijiet tal-benefiċjarju għas-sena ta' qabel ġew iċċertifikati minn awditur reġistrat. Il-kontijiet għall-perjodu li matulu s-sussidju jkun użat għandhom ukoll ikunu iċċertifikati minn awditur reġistrat.

Għajnuna finanzjarja li tammonta għal inqas minn EUR 350000 tista' tinkiseb biss jekk il-kontijiet tal-benefiċjarju jkunu disponibbli f'forma magħrufa mill-Kummissjoni għas-sena ta' qabel u jkunu ppreżentati f'dik il-forma għall-perjodu li matulu jkun użat is-sussidju.

Artikolu 7

Il-proġetti għandhom jikkontribwixxu għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1 u għandhom ikunu magħżula fuq il-bażi tal-kriterji ġenerali li ġejjin:

(a) Cost-benefit ratio b'saħħtu;

(b) multiplier effect li jdum fuq livell Ewropew;

(ċ) koperazzjoni effettiva u bilanċjata fost id-diversi sieħba għar-rigward ta' l-ipprogrammar u t-twettieq ta' l-attivitajiet, u l-parteċipazzjoni finanzjarja;

(d) sehem mill-parteċipazzjoni finanzjarja;

(e) kontribuzzjoni għal metodu multi-nazzjonali, u b'mod partikolari għal koperazzjoni ta' bejn il-fruntieri ġewwa l-Komunità u, meta xieraq, lil hinn mill-fruntieri tagħha ma' pajjiżi ġirien;

(f) kontribuzzjoni għal trattament multi-settorjali integrat u għal żvilupp urban sostenibbli, waqt li jitqiesu d-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali tiegħu;

(g) il-grad ta' involviment tas-sieħba kollha, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

(h) kontribuzzjoni biex jissaħħu u jkunu mġedda mill-ġdid is-servizzi pubbliċi ta' interess ġenerali.

Artikolu 8

Dan il-qafas ta' koperazzjoni għandu jkun miftuħ għal parteċipazzjoni minn networks ta' l-awtoritajiet lokali inklużi l-ibliet fil-Pajjiżi Ċentrali u ta' l-Ewropa tal-Lvant, Ċipru u Malta, kif ukoll pajjiżi oħra li għamlu ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Komunità.

Artikolu 9

1. Sabiex ikun żgurat is-suċċess ta' l-attivitajiet magħmula mill-benefiċjarji ta' għajnuna tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex:

(a) tivverifika li l-attivitajiet proposti lill-Kummissjoni twettqu kif jixraq;

(b) timpedixxi u tieħu azzjoni kontra irregolaritajiet;

(ċ) tieħu lura, meta xieraq, somom li ġew riċevuti b'mod mhux xieraq.

2. Bla ħsara għall-verifika finanzjarja magħmula mill-Qorti ta' l-Awdituri skond l-Artikolu 248 tat-Trattat jew l-ispezzjonijiet imwettqa bis-saħħa tal-punt (ċ) ta' l-Artikolu 279 tat-Trattat, l-uffiċjali u persunal oħra tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, li jinkludu iċċekkjar ta' kampjuni, dwar attivitajiet finanzjati f'dan il-qafas ta' koperazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-benefiċjarji bil-quddiem b'xi spezzjoni fuq il-post, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet validi għala wieħed jissuspetta frodi jew użu mhux floku ta' l-għajnuna.

3. Benefiċjarji ta' għajnuna finanzjarja għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni id-dokumenti kollha ta' appoġġ dwar l-ispejjeż ta' xi attività għal perjodu ta' ħames snin wara li jkun sar l-aħħar pagament b'konnessjoni ma' dik l-attività. Dawn jistgħu ukoll jinżammu f'format elettroniku.

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni tista' tnaqqas, tissospendi jew tieħu lura l-għajnuna finanzjarja mogħtija permezz ta' xi kuntratt jekk din issib irregolaritajiet jew jekk din issir taf li l-kuntratt ġie mibdul, mingħajr l-approvazzjoni tagħha, b'mod li ma jaqbilx ma' l-għanijiet miftiehma jew mal-kondizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni.

2. Jekk il-limiti tal-ħin ma jkunux ġew imħarsa jew jekk parti biss mill-għajnuna finanzjarja allokata tkun ġustifikata bil-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' xi kuntratt, il-Kummissjoni għandha titlob lill-benefiċjarju li jagħti spjegazzjonijiet f'perjodu stabbilit. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix risposta sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tħassar l-għajnuna finanzjarja li jkun fadal u titlob ħlas lura fil-pront ta' l-ammonti diġà mħallsa. Il-Kummissjoni timpenja ruħha li tagħmel stima bir-reqqa u fil-pront ta' dawk l-ispjegazzjonijiet.

3. Il-benefiċjarji għandhom jagħtu lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar il-progress tal-kuntratti ta' aktar minn sena u rapport finanzjarju għal kull kuntratt fi żmien sitt xhur minn meta jkun tlesta. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-forma u l-kontenut tar-rapporti. Jekk ir-rapporti ma jkunux mogħtija fil-limiti tal-ħin stabbiliti, il-benefiċjarju ma jkunx eliġibbli aktar għall-finanzjament sussegwenti taħt din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tobbliga ruħha li tivvaluta r-rapporti fi żmien raġonevoli sabiex ikun evitat dewmien fil-ħlas.

4. Kull pagament li ma jkunx dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. Interessi jistgħu jiżdiedu ma' ammonti mhux imħallsa lura fi żmien xieraq. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan il-paragrafu.

Artikolu 11

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv.

2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE għandhom jgħoddu, waqt li jkunu kkunsidrati d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

3. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 12

Il-Kummissjoni għandha tagħmel stima ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas ta' koperazzjoni u għandha tibgħat rapport f'dan ir-rigward lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2003.

Artikolu 13

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2004.

Magħmula l-Lussemburgu, fis-27 ta' Ġunju 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

B. Rosengren

[1] ĠU C 56 E, tad-29.2.2000, p. 68.

[2] ĠU C 204, tat-18.7.2000, p. 35.

[3] ĠU C 317, tas-6.11.2000, p. 33.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2000 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2001.

[5] ĠU L 275, ta' l-10.10.1998, p. 1.

[6] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 5.

[7] ĠU C 226, ta' l-20.7.1998, pp. 34 u 36 uĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 44.

[8] ĠU C 51, tat-22.2.1999, p. 21.

[9] ĠU C 251, ta' l-10.8.1998, p. 11.

[10] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

[11] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[12] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Tipi ta' attività eliġibbli għal għajnuna finanzjarja tal-Komunità | Allokazzjoni indikattiva ta' riżorsi 100 % |

A.Informazzjoni u bdil ta' informazzjoni dwar żvilupp urban sostenibbli u l-Aġenda 21 lokali u titjib tal-kwalità ta' l-ambjent f’żoni li fihom ikun hemm problemi ambjentali flimkien ma’ problemi soċjo-ekonomiċiżvilupp ta' għodod għal taħriġ, informazzjoni, dokumentazzjoni u tkattir ta' għarfien għal professjonisti, gruppi immirati, dawk li jfasslu l-politika lokali u l-pubbliku in ġenerali inklużi l-awtoritajiet lokali li jixtiequ li jibdew proġetti u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tagħhom;appoġġ, trasferiment u tixrid ta' prattiċi tajba u r-riżultati ta' proġetti ta' wiri f'żoni li fihom ikun hemm problemi ambjentali flimkien ma’ problemi soċjo-ekonomiċi, inklużi awtoritajiet lokali li mhumiex involuti fin-networks koperti b'din id-Deċiżjoni. | 40 % |

B.Koperazzjoni bejn is-siehba interessati fl-iżvilupp sostenibbli ta' l-Aġenda 21 f'livell Ewropewpromozzjoni ta' koperazzjoni bejn is-siehba identifikati fil-programm tal-Komunità dwar azzjoni għall-ambjent;b'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u s-sħubija, xogħol supplimentari taħt il-programmi nazzjonali biex jgħinu lill-awtoritajiet lokali, inkluż fl-implimentazzjoi tal-politika ambjentali tal-Komunità, proġetti ta' trasformazzjoni urbana u skemi ta' riġenerazzjoi urbana, biex titjieb il-kwalità ambjentali urbana lokali b'mod integrat;iffaċilitar tad-djalogu, il-koordinazzjoni u l-bdil ta' informazzjoni bejn in-networks ta' l-awtoritajiet lokali organizzati f'livell Ewropew u l-istituzzjonijiet tal-Komunità;appoġġ ta' l-istabbiliment ta' sħubija inklużi siehba mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 8. | 40 % |

Ċ.Miżuri ta' akkumpanjament meħtieġa biex ikunu analizzati u monitorjati l-attivitajiet fil-qasam ta' l-iżvilupp urban sostenibbli u l-Aġendi 21 lokalirapporti dwar il-livell, il-firxa u n-natura tal-problemi urbani li jistgħu jkunu indirizzati f’ livell tal-Komunità;reviżjonijiet analitiċi tal-penetrazzjoni lokali dwar mod sostenibbli għall-iżvilupp urban f'oqsma minbarra l-politika dwar l-ambjent, waqt li titqies b'mod partikolari r-relazzjoni koerenti mal-politika strutturali,funzjonar ta' testjar u appoġġ għall-konsolidazzjoni, koordinazzjoni, użu, tixrid u żvilupp ta' l-inizjattiva ta' monitoraġġ msejħa "Lejn Profil Sostenibbli Lokali/Indikaturi Komuni Ewropej". | 20 % |

--------------------------------------------------