32001D0886



Official Journal L 328 , 13/12/2001 P. 0001 - 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-6 ta' Diċembru 2001

dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II)

(2001/886/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju u r-Renju ta' l-Isvezja [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen, stabbilita skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' l-1990 li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli mal-fruntieri komuni, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "Il-Konvenzjoni ta' Schengen 1990", tikkostitwixxi strument essenzjali għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen kif inkorporati fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

(2) Is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen fil-forma preżenti tagħha għandha l-kapaċità li tagħti servizz lil mhux aktar minn 18-il Stat parteċipanti. Preżentement qiegħda topera għal-13 Stati Membri u 2 Stati oħra (Islanda u Norveġja) u hemm l-intenzjoni li tibda topera għar-Renju Unit u l-Irlanda. Madankollu, is-sistema ma ġietx magħmula biex tagħti servizz għan-numru mkabbar ta' l-Istati Membri u ta' l-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir tagħha.

(3) Għal din ir-raġuni, u biex jittieħed il-benefiċċju mill-aħħar żviluppi fil-qasam tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u biex ikun hemm ħsieb għall-introduzzjoni ta' funzjonijiet ġodda, huwa neċessarju li tiġi żviluppata, it-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II), kif diġa mgħarraf fid-Deċiżjoni SCH/Com-ex (97) 24 tal-Kumitat Eżekuttiv tas-7 ta' Ottubru 1997 [3].

(4) L-infiq involut fl-iżvilupp tas-SIS II irid jiġi mħallas mill-budget ta' l-Unjoni Ewropea skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill għal dak l-effett tad-29 ta' Mejju 2001. Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi, flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2424/2001 tas-6 ta' Diċembru 2001 fuq l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen (SIS II) [4], il-bażi leġislattiva neċessarja biex jkun hemm ħsieb għall-inklużjoni fil-budget ta' l-Unjoni ta' l-approprjazzjonijiet neċessarji għall-iżvilupp ta' SIS II u l-eżekuzzjoni ta' dik il-parti tal-budget.

(5) Il-bażi leġislattiva tikkonsisti f'żewġ partijiet: din id-Deċiżjoni ibbażata fuq l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(ċ) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u r-Regolament tal-Kunsill ibbażat fuq l-Artikolu 66 (…) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej. Ir-raġuni ta' dan huwa li, kif imniżżel fl-Artikolu 92 tal-Konvenzjoni Schengen 1990, is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tagħti s-setgħa lill-awtoritajiet nominati mill-Istati Membri, bl-użu ta' proċedura tat-tfittxija automatika, li jkollom aċċess għall-allarmi fuq persuni jew proprjetà għal finijiet ta' kontroll fuq il-fruntiera u kontrolli oħra tal-pulizija u tad-dwana magħmulin fil-pajjiż skond il-liġi nazzjonali, kif ukoll għall-għan ta' ħruġ ta' viżi, permessi ta' residenza u l-amministrazzjoni tal-leġislazzjoni dwar aljeni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen dwar il-moviment ta' persuni.

(6) Il-fatt li l-bażi leġislattiva meħtieġa biex tippermetti l-iżvillup tas-SIS II tkun tiġi ffinanzjata mill-budget ta' l-Unjoni tikkonsisti f'żewġ strumenti separati ma taffetwax il-prinċipju li s-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tikkostitwixxi, u trid tkompli tikkostitwixxi, sistema ta' informazzjoni unika u integrata u li SIS II trid tkun żviluppata b'dan il-mod.

(7) Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni fil-futur tal-leġislazzjoni neċessarja li tiddeskrivi fid-dettall l-operazzjoni u l-użu tas-SIS II, bħal, imma mhux limitat għal, regoli li jiddefinixxu l-kategoriji tad-data li jridu jiġu mdaħħla fis-sistema, l-għanijiet li għalihom għandhom jiddaħħlu u l-kriterja għad-dħul tagħhom, regoli dwar il-kontenut tar-rekords tas-SIS, inkluż ir-responsabbiltà li jkunu preċiżi, regoli dwar id-dewmien ta' l-allarmi, interlinking ta' l-allarmi u l-kompatibilità bejn l-allarmi, regoli dwar l-aċċess għad-data tas-SIS u regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali u l-kontroll tagħhom.

(8) Din id-Deċiżjoni tfassal proċeduri għat-teħid ta' miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha li jirrefltetu d-disposizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 2424/2001, biex jiġi assigurat li jkun hemm proċess wieħed ta' implimentazzjoni għall-iżvilupp tas-SIS II.

(9) Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jaqgħu taħt is-settur imsemmi fl-Artikolu 1 punt Ġ tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 fuq ċerti arranġamenti għall-applikazzjonijiet tal-Ftehim konkluża mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [5] u l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittannja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu sehem f'ċerti disposizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen [6].

(10) Għandu jintgħamel arranġament biex rappreżentanti jitħallew ta' l-Islanda u n-Norveġja li jkunu assoċjati max-xogħol tal-kumitati li qed jgħinu lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Tali arranġament kien kontemplat fl-Iskambju ta' Ittri bejn il-Komunità u l-Islanda u n-Norveġja, anness mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni hawn fuq imsemmi.

(11) Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-arranġamenti għal parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit fl-acquis ta' Schengen kif definit mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2000/365/KE,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen stabbilita skond id-disposizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Konvenzjoni ta' Schengen 1990, għandha tiġi sostitwita b'sistema ġdida, is-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen II (SIS II), li għandha tippermetti l-inkorporazzjoni ta' Stati Membri ġodda fis-sistema.

Artikolu 2

SIS II, li għandha tkun sistema unika integrata, għandha tkun żviluppata mill-Kummissjoni, skond il-proċeduri mfassla f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Il-miżuri neċessarji għall-iżvilupp tas-SIS II għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' l-amministrazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 billi jikkonċernaw kwistjonijiet barra dawk elenkati fl-Artikolu 4.

Artikolu 4

Il-miżuri neċessarji għall-iżvilupp tas-SIS II li jikkonċernaw il-kwistjonijiet li ġejjin għandhom jittieħdu skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 6:

(a) id-disinn ta' l-arkitettura fiżika tas-sistema, inkluż in-networks tal-komunikazzjoni;

(b) aspetti tekniċi li għandhom rilevanza fuq il-protezzjoni tad-data personali;

(ċ) aspetti tekniċi li għandhom implikazzjonijiet finanzjarji serji għall-budget ta' l-Istati Membri jew li għandhom implikazzjonijiet tekniċi serji għas-sistemi nazzjonali ta' l-Istati Membri;

(d) l-iżvilupp ta' ħtiġijiet ta' sigurtà.

Artikolu 5

1. Fejn ikun hemm referenza għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta' ġestjoni magħmula minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresjeduta min rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura fuq proposta mill-President fuq il-bażi tar-regoli tal-proċedura standard li ġew ippublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz, f'perijodu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni.L-opinjoni għandha tkun mogħtija mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, f'każijiet fejn il-Kunsill għandu jadotta deċiżjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom is-saħħa skond il-manjiera provduta f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri li għandhom japplikaw fil-pront. Iżda, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-kumitat, dawn għandhom minnufih jiġu komunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddifferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li ddeċidiet fuqhom għal perjodu ta' xahrejn mid-data ta' tali komunikazzjoni.

5. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu previst mill-paragrafu 4.

Artikolu 6

1. Fejn ikun hemm referenza għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat ta' ġestjoni magħmula minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresjeduta min rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura fuq proposta mill-President fuq il-bażi tar-regoli tal-proċedura bażiċi li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz, f'perijodu ta' żmien li l-President jista jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha tkun mogħtija mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, f'każijiet fejn il-Kunsill irid jadotta deċiżjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-kumitat għandhom ikollhom is-saħħa skond il-manjiera provduta f'dak l-Artikolu. Il-President m'għandux jivvota.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri kkunsidrati jekk ikunu skond l-opinjoni tal-kumitat.

5. Jekk il-miżuri previsti mhumiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma ġiet mogħtija, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u għandha tinforma l-Parlament Ewropew.

6. Il-Kunsill jista' jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq il-proposta, fi żmien xahrejn mid-data li ġiet referuta lill-Kunsill.

Jekk matul dak il-perjodu il-Kunsill ikun indika b'maġġoranza kwalifikata li jopponi l-proposta, il-Kummissjoni għandha terġa' teżaminaha. Tista' tissottometti lill-Kunsill proposta emendata, tirrisottometti l-proposta jew tippreżenta proposta leġislattiva.

Jekk fi tmiem dan il-perjodu l-Kunsill ma jkunx adotta l-att ta' l-implimentazzjoni propost jew ma jkunx indika l-oppożizzjoni tiegħu għall-miżuri ta' l-implimentazzjoni, l-att ta' implimentazzjoni propost għandu juiġi adottat mill-Kummissjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara dik meta tiġi ppublikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Hija tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006.

Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Verwilghen

[1] ĠU C 183, tad-29.6.2001, p. 14.

[2] L-Opinjoni mogħtija fit-23 ta' Ottubru 2001 (għadha mhux ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 239, tat-22.9.00, p. 442.

[4] ĠU L 328, tat-13.12.2001, p. 4.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.99, p. 31.

[6] ĠU L 131, ta' l-1.6.00, p. 43.

--------------------------------------------------