32001D0503



Official Journal L 182 , 05/07/2001 P. 0058 - 0061


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-22 ta' Ġunju 2001

dwar miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-pajjiżi benefiċjarji fir-rigward ta' assistenza mill-Istrument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni (ISPA)

(2001/503/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1267/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi Strument għall-Politika Strutturali għal Qabel l-Adeżjoni [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu;

Billi:

(1) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru. 1267/1999 jitlob li l-pajjiżi benefiċjarji ta' l-għajnuna finanzjarja skond l-Istrument għall-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni għandhom jiżguraw li ngħatat pubbliċità adegwata lill-miżuri bil-għan li:

(a) l-pubbliku ġenerali jsir konxju tar-rwol tal-Komunità fir-rigward tal-miżuri;

(b) il-benefiċjarji potenzjali u l-organizzazzjonijiet professjonali jkunu konxji tal-possibiltajiet offruti bil-miżuri.

(2) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru. 1267/1999 jistipula li l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jiżguraw, partikolarment, li jkunu mwaqqfa kartelluni ta' wiri li jkunu jidhru tajjeb, li juru li l-miżuri huma ko-finanzjati mill-Komunità, flimkien mal-logo tal-Komunità u li rappreżentanti ta' l-istituzzjonijiet komunitarji huma involuti kif dovut fl-attivitajiet pubbliċi l-aktar importanti li għandhom x'jaqsmu ma' l-għajnuna komunitarja awtorizzata skond l-ISPA.

(3) L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru. 1267/1999 jiddikjara li l-pajjiżi benefiċjarji għandhom jinformaw lill-Kummissjoni kull sena dwar l-inizjattivi meħuda fir-rigward ta' miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità.

(4) L-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1267/1999 jistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta regoli ddettaljati dwar miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità.

(5) Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru. 1267/1999, il-Kumitat ta' Ġestjoni ISPA, ġie kkonsultat dwar ir-regoli ddettaljati dwar miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità. Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni ta' dan il-Kumitat,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Ir-regoli ddettaljati applikabbli għal miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità dwar l-għajnuna pprovduta minn Strument għall-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru. 1267/1999 għandhom ikunu mfissra fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, it-22 Ġunju 2001.

Għall-Kummissjoni

Michel Barnier

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 161, tas-26.06.99, p. 73.

--------------------------------------------------

ANNESS

ĦTIĠIET GĦAL INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ

Regoli dwar arranġamenti ddettaljati għal informazzjoni u pubbliċità rigward l-għajnuna mill-Istrument għall-Politika Strutturali għal qabel l-Adeżjoni

1. GĦANIJIET U SKOP

Il-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità dwar l-għajnuna mill-ISPA huma maħsuba:

- biex iżidu l-viżibilità u t-trasparenza dwar l-attivitajiet tal-Komunità Ewropea,

- biex jinformaw lill-benefiċjarji potenzali u lill-organizzazzjonijiet professjonali dwar il-possibiltajiet offruti mill-ISPA.

L-informazzjoni u l-pubbliċità għandhom jikkonċernaw il-miżuri kollha għal liema l-ISPA tipprovdi għajnuna finanzjarja.

L-għan tal-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità għandu jkun li jinformaw lill-pubbliku ġenerali u wkoll lill-benefiċjarji potenzjali u finali, inkluż:

- l-awtoritajiet reġjonali, lokali u awtoritajiet pubbliċi oħra,

- is-soċji ekonomiċi u soċjali,

- l-organizzazzjonijiet mhux tal-gvern,

- il-promoturi u l-operaturi responsabbli mill-proġetti,

- kwalunkwe parti oħra interessata

għall-opportunitajiet offruti mill-ISPA.

2. PRINĊIPJI ĠENERALI

Il-korp responsabbli mill-implimentazzjoni ta' proġett ISPA (hawnhekk iżjed 'il quddiem imfisser bħala "il-korp responsabbli") għandu jkun responsabbli għall-miżuri kollha ta' pubbliċità fuq il-post. L-azzjonijiet ta' pubbliċità għandhom jitwettqu f'koperazzjoni mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, li għandhom jiġu informati bil-miżuri meħuda għal dan l-iskop.

Il-korp responsabbli għandu jieħu l-passi amministrattiva kollha approprjati biex jiżgura l-applikazzjoni effikaċja ta' dawn l-arranġamenti u biex jikkollabora mad-dipartimenti tal-Kummissjoni.

Il-miżuri ta' informazzjoni u ta' pubbliċità għandhom jiġu applikati fiż-żmien preskritt, meta tkun deċiża l-għajnuna ta' l-ISPA. Il-Kummissjoni tirriserva d-dritt li tibda proċedura għal tnaqqis, sospensjoni jew kanċellazzjoni ta' l-għajnuna ta' l-ISPA, jekk il-pajjiż benefiċjarju ma jirrispettax l-obbligi tiegħu skond l-Anness preżenti. F'każijiet bħal dawn tapplika l-proċedura speċifikata fl-Anness III.I, Taqsima VIII tal-Memorandum Finanzjarju ta' l-ISPA konkluż ma' kull pajjiż benefiċjarju.

3. GWIDI TA' LINJA GĦAL ATTIVITAJIET TA' INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ

Minkejja r-regoli ddettaljati stabbiliti fil-punt 4, il-prinċipji li ġejjin għandhom jiġu applikati skond il-miżuri kollha ta' informazzjoni u ta' pubbliċità.

3.1. Il-mezzi tal-komunikazzjoni

Il-korp responsabbli għandu jinforma lill-mezzi tal-komunikazzjoni bl-aktar manjiera xierqa dwar l-azzjonijiet ko-finanzjati mill-ISPA. Il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea se tkun riflessa b'mod ġust f'din l-informazzjoni.

Għal dan il-għan, il-ftuħ uffiċjali tal-proġett u l-fażijiet importanti fl-implimentazzjoni tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta' miżuri ta' informazzjoni, partikolarment fir-rispett ta' mezzi tax-xandir reġjonali (l-istampa, ir-radju u t-televiżjoni). Għandha tiġi assigurata kollaborazzjoni xierqa mad-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi benefiċjarji kkonċernati.

3.2. Avvenimenti informattivi

L-organizzaturi ta' avvenimenti informattivi bħal konferenzi, seminars, fieri u wirjiet b'konnessjoni ma' l-implimentazzjoni tal-proġett ko-finanzjati mill-ISPA għandhom isemmu espliċitament il-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea. Għandha tittieħed l-opportunità biex tiġi murija l-bandiera tal-Komunità Ewropea fil-kmamar tal-laqgħat u l-emblema tal-Komunità Ewropea fuq id-dokumenti. Id-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-pajjiżi benefiċjarji għandhom jassistu, jekk neċessarju, fil-preparazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' avvenimenti bħal dawn.

3.3. Materjal informattiv

Il-pubblikazzjonijiet (bħal opuskuli u pamflets) dwar proġetti u miżuri simili għandhom juru fil-frontispizju indikazzjoni ċara ta' l-emblema tal-Komunità Ewropea fejn tintuża l-emblema nazzjonali, reġjonali jew lokali.

Meta l-pubblikazzjoni tinkludi introduzzjoni, din għandha tkun iffirmata kemm mill-persuna responsabbli fil-pajjiż benefiċjarju u, għall-Kummissjoni, mill-Membru responsabbli tal-Kummissjoni jew rappreżentant nominat, b'tali mod li l-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea tkun evidenti. Pubblikazzjonijiet bħal dawn għandhom jirreferu għall-korp responsabbli li jinforma l-partijiet interessati.

Il-prinċipji hawn fuq imsemmija għandhom japplikaw ukoll għal materjal awdjoviżiv u fuq l-Internet.

4. OBLIGAZZJONIJIET TAL-PAJJIŻI BENEFIĊJARJI

L-informazzjoni u l-pubbliċità huma soġġetti għal sett koerenti ta' miżuri mfissra mill-korp responsabbli fil-kollaborazzjoni mal-Kummissjoni għad-dewma tal-proġett. Pajjiżi benefiċjarji għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-Kummissjoni inklużi d-delegazzjonijiet tagħha huma nvoluti kif dovut fl-attivitajiet pubbliċi l-aktar importanti relatati ma' l-ISPA.

Meta jiġu implimentati proġetti, il-korp responsabbli għandu jieħu l-miżuri li ġejjin biex jindika l-parteċipazzjoni ta' l-ISPA fl-istess proġett.

(a) Informazzjoni relatata mal-proġett

Għandhom jittieħdu miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità fuq il-post sabiex il-pubbliku ġenerali jkun informat bl-għajnuna tal-Komunità Ewropea permezz ta' l-ISPA. Il-korp responsabbli għandu jippublika l-kontenut tal-proġetti fl-aktar forma xierqa u jiżgura li dokumenti bħal dawn huma mxerrda lill-mezzi tal-komunikazzjoni lokali, reġjonali u għandhom jinżammu disponibbli għall-partijiet interessati. Il-miżuri fuq il-post għandhom jinkludu:

- kartelluni fissi fuq il-postijiet,

- plakki kommemorattivi permanenti għal infrastrutturi aċċessibli għall-pubbliku ġenerali

it-tnejn li huma għandhom jiġu nstallati skond l-arranġamenti speċjali li jikkonċernaw informazzjoni fuq il-post iddettaljata hawnhekk iżjed 'il quddiem.

(b) Informazzjoni ġenerali relatata ma' l-ISPA

B'addizzjoni ma' (a), il-kordinatur nazzjonali ISPA għandu regolarment jipproduċi informazzjoni ġenerali dwar l-għajnuna ta' l-ISPA allokata fil-pajjiż, waqt li tkun enfasizzata l-implimentazzjoni tal-proġetti u r-riżultati miksuba. Din l-informazzjoni ġenerali għandha tkun prodotta minn ta' l-inqas darba fis-sena u tkun disponibbli għall-Kummissjoni għar-rapport annwali tagħha Din l-informazzjoni se tkun f'forma ta' opuskuli ta' interess ġenerali, materjal awdjoviżiv professjonali (eż. vidjoklipp) u konferenzi ta' l-aħbarijiet f'livell xieraq. Din l-informazzjoni għandha tikklassifika l-proġetti skond in-natura u/jew għandha tikkonċentra fuq proġetti ta' interess rilevanti. Għandha tixxerred fl-istazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju nazzjonali u reġjonali, lill-Kummissjoni u, fuq talba, lill-partijiet oħra interessati kif imfisser f'punt 1.

5. IX-XOGĦOL TAL-KUMITATI TA' KONTROLL

- Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-kumitati ta' kontroll, b'kollaborazzjoni mal-kordinatur nazzjonali ISPA, għandhom jiżguraw konformità mad-disposizzjonijiet adottati li jikkonċernaw pubbliċità, partikolarment fir-rigward ta' kartelluni pubbliċitarji u plakki kommemorattivi (ara arranġamenti speċjali fil-paragrafi li ġejjin),

- informazzjoni dwar miżuri pubbliċitarji u l-evidenza relattiva bħal ritratti għandhom jiġu ppreżentati lill-president tal-kumitati ta' kontroll mill-korpi responsabbli. Kopji ta' materjal bħal dan għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni,

- il-president tal-kumitati għandu jippreżenta lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun ikkunsidrata għar-rapport annwali tagħha,

- il-kumitati ta' kontroll għandhom jiżguraw li hemm informazzjoni adegwata fir-rigward tax-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan, kull kumitat ta' kontroll għandu jinforma lill-mezzi tal-komunikazzjoni, kull meta jkun meqjus neċessarju, dwar il-progress tal-proġett(i), għal liema hu responsabbli. Il-president hu responsabbli għall-kuntatti mal-mezzi tal-komunikazzjoni u għandu jkun mgħejjun mir-rappreżentant tal-Kummissjoni,

- għandhom isiru wkoll arranġamenti xierqa, f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni u mad-delegazzjonijiet tagħha fil-pajjiżi benefiċjarji, meta jinżammu avvenimenti importanti, bħal laqgħat jew inawgurazzjonijiet ta' livell għoli.

6. DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Il-Kummissjoni tista' tagħti bidu għal miżuri addizzjonali speċifiċi, kif meqjus xieraq, wara diskussjoni mal-kordinatur nazzjonali ISPA u l-korp responsabbli.

Il-korp responsabbli jista', f'kwalunkwe każ, iwettaq miżuri addizzjonali. Għandu jikkonsulta lill-Kummissjoni u jinforma dwar inizzjattivi li jittieħdu sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tipparteċipa b'mod adegwat fir-realizzazzjoni tagħhom.

Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni ta' dawn id-disposizzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tipprovdi għajnuna adegwata u tista' toħroġ linji ta' gwida.

Arranġamenti speċjali fir-rigward ta' kartelluni u plakki kommemorattivi

Biex tkun assigurata l-viżibilità tal-proġetti ISPA, il-pajjiżi benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-miżuri ta' informazzjoni u pubbliċità huma mħarsa

1. KARTELLUNI

Il-kartelluni għandhom jitwaħħlu fuq il-postijiet tal-proġetti mgħejjuna mill-ISPA. Kartelluni bħal dawn għandhom jinkludu spazju riservat għall-indikazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Komunità Ewropea.

Il-kartelluni għandhom ikunu ta' daqs li hu approprijat għall-kobor ta' l-attività.

Is-sezzjoni tal-kartellun riservata għall-Komunità Ewropea għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

- tokkupa minn ta' l-inqas 50 % ta' l-erja totali tal-kartellun,

- iġġorr l-emblema standardizzata tal-Komunità Ewropea u t-test li ġej, li jkun ippreżentat bħall-eżempju anness.

Meta l-korp responsabbli ma jtellax kartellun li juri l-involviment tiegħu fil-finanzjament tal-proġett, l-għajnuna tal-Komunità Ewropea għandha tkun imħabbra fuq kartellun speċjali. F'każijiet bħal dawn, id-disposizzjonijiet t'hawn fuq li jikkonċernaw lill-parti tal-Komunità Ewropea għandhom japplikaw fuq analoġija.

Il-kartelluni għandhom jitneħħew mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tlestija tax-xogħol u jinbidlu b'plakka kommemorattiva skond id-disposizzjonijiet fil-punt 2.

2. PLAKKI KOMMEMORATTIVI

Plakki kommemorattivi permanenti għandhom jitwaħħlu fil-postijiet aċċessibli għall-pubbliku ġenerali. B'addizzjoni ma' l-emblema tal-Komunità Ewropea, plakki bħal dawn għandhom isemmu l-kontribuzzjoni tal-Komunità Ewropea għall-proġett.

It-test li ġej għandu jintuża bħala linja ta' gwida għall-kontenut meħtieġ:

"Dan il-proġett ġie ko-finanzjat b'… % mill-Komunità Ewropea. Mat-tlestija fl-… (ikteb is-sena), l-ispiża totali tal-proġett kienet… (munita nazzjonali, u l-kontribut totali tal-Komunità Ewropea kien ta'… (munita nazzjonali)."

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------