32001D0287



Official Journal L 099 , 10/04/2001 P. 0009 - 0010


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-2 ta’ April 2001

li tagħraf fil-prinċipju l-kompletezza ta’ l-inkartament sottomess għal eżami fid-dettall minħabba l-possibilità ta’ l-inkluzjoni tal-metil tal-mesosulfuron f’Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti

(notifikata taħt id-dokument numru Ċ(2001) 1000)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2001/287/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/80/KE [2], u b’mod partikolari Artikolu 6(3) tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva 91/414/KEE (minn issa ‘l-quddiem "id-Direttiva") tipprovdi għall-iżvilupp ta’ lista tal-Komunità ta’ sostanzi attivi awtorizzati sabiex jiġu inkorporati fi prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti

(2) Ġie preżentat inkartament għas-sostanza attiva metil tal-mesosulfuron minn Aventis lill-awtoritajiet Franċiżi nhar il-15 ta’ Diċembru 2000 bil-għan li din is-sostanza tiġi inkluża f’Anness I għad-Direttiva.

(3) L-awtoritajiet Franċiżi ndikaw lill-Kummissjoni li, wara eżaminazzjoni preliminarja, l-inkartament jidher li jissodisfa l-ħtiġiet tad-data u ta’ l-informazzjoni t’Anness II għad-Direttiva. Barra minn hekk, huma jemmnu li l-inkartament fih id-data u l-informazzjoni meħtieġa minn Anness III għad-Direttiva fir-rigward ta’ prodott ta’ protezzjoni tal-pjanti li fih dik is-sostanza attiva. Għaldaqstant, skond id-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 6(2), l-inkartament ġie mibgħut mill-applikant lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(4) L-inkartament ġie riferut lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti nhar it-2 ta’ Frar 2001.

(5) Artikolu 6(3) tad-Direttiva jeħtieġ konferma formali fil-livell tal-Komunità li kull inkartament jiġi kunsidrat li jissodisfa fil-prinċipju l-ħtiġiet tad-data u ta’ l-informazzjoni li għalihom hemm provdut f’Anness II u, għallinqas għal prodott wieħed ta’ protezzjoni tal-pjanti li fih is-sostanza attiva konċernata, il-ħtiġiet ta’ Anness III għad-Direttiva.

(6) Konferma bħal din hija meħtieġa sabiex tkun tista’ ssir eżaminazzjoni fid-detall ta’ l-inkartament kif ukoll sabiex l-Istati Membri jkollhom il-possibilità li jagħtu awtorizzazzjoni proviżorja għall-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom din is-sostanza attiva skond Artikolu 8(1) tad-Direttiva.

(7) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax id-dritt tal-Kummissjoni li titlob lill-applikant sabiex jissottometti aktar data jew informazzjoni lill-Istat Membru relatur sabiex jiġu ċċarati ċerti punti fl-inkartament. It-talba għas-sottomissjoni ta’ aktar data meħtieġa sabiex tiċċara l-inkartament ma għandhiex taffettwa l-limitu ta’ żmien għas-sottomissjoni tar-rapport li hemm referenza għalih fil-punt 9.

(8) L-Istati Membri u l-Kummissjoni jaqblu li Franza għandha tkompli l-eżaminazzjoni dettaljata għall-inkartament għall-metil tal-mesosulfuron.

(9) Franza għandha tirrapporta l-konklużjoniet ta’ l-eżaminazzjoni tagħha akkompanjati bi kwalunkwe rakkomandazzjonijiet dwar l-inklużjoni jew in-nuqqas ta’ inklużjoni u bi kwalunkwe kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-eżaminazzjoni lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar minn sena mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(10) Il-miżuri li hemm maħsub għalihom f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inkartament sottomess minn Aventis lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-għan li l-metil tal-mesosulfuron jiġi inkluż bħala sostanza attiva f’Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, li saret referenza għalih lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti nhar it-2 ta’ Frar 2001, jissodisfa fil-prinċipju l-ħtiġiet tad-data u ta’ l-informazzjoni li għalihom hemm provdut f’Anness II għad-Direttiva. L-inkartament jissodisfa l-ħtiġiet tad-data u ta’ l-informazzjoni stabbiliti f’Anness III għad-Direttiva dwar prodott ta’ protezzjoni tal-pjanti li fih il-metil tal-mesosulfuron, meta wieħed jikkunsidra l-użu propost.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula Brussel, fit-2 ta’ April 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

[2] ĠU L 309, tad-9.12.2000, p. 14.

--------------------------------------------------