32001D0219



Official Journal L 081 , 21/03/2001 P. 0039 - 0041


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-12 ta’ Marzu 2001

dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza dwar l-ippakkjar tal-injam magħmul kollu kemm hu jew parti minnu minn injam koniferuż mhux fabbrikat u li joriġina fil-Kanada, fiċ-Ċina, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti tal-Amerika.

(notifikata taħt id-dokument numru Ċ(2001)694)

(2001/219/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar miżuri ta’ protezzjoni kontra l-introduzzjoni fil-Komunità, ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tifrix tagħhom fil-Komunità [1], u b’mod partikolari Artikolu 16(3) tagħha,

Billi:

(1) Fejn Stat Membru jaħseb li jkun hemm perikolu imminenti ta’ introduzzjoni ta’ Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. fit-territorju, l-injam tal-abjad nematode (PWN), minn pajjiż li mhuwiex membru, għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jipproteġi lilu nnifsu minn dak il-perikolu.

(2) Il-Fillandja infurmat lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li fi spezzjonijiet ta’ kontroll li saru fl-2000 instabu bosta infestazzjonijiet ta’ materjal tal-ippakkjar tal-injam koniferuż mhux fabbrikat li joriġina fil-Kanada u fiċ-Ċina u dawn ġew irrappurtati wkoll fl-Isvezja u fi Franza rispettivament.

(3) Il-Fillandja ħadet miżuri ta’ emerġenza uffiċjali li jistipulaw li mill-31 ta’ Mejju 2000, kull pakkett li jidħol fil-Fillandja li fih l-injam koniferuż, għajr it-Thuja L., iżda inkluż ukoll injam li jifred it-tagħbija, li joriġina f’pajjiżi li mhumiex membri fejn huwa magħruf li l-PWN hija preżenti (bħall-Kanada, ċ-Ċina, l-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea, l-Messiku, t-Tajwan u l-Istati Uniti tal-Amerika), għandu jkollu ċertifikat fitosanitarju li jiċċertifika li l-injam ikun għadda minn wieħed mit-trattamenti speċifikati mill-miżuri ta’ emerġenza Fillandiżi.

(4) Id-Direttiva 2000/29/KE fil-preżent teħtieġ li, sabiex tipproteġi lill-Komunità mill-introduzzjoni tal-PWN, injam koniferuż mhux fabbrikat li joriġina f’pajjiżi li mhumiex membri fejn jinsab in-nematode, għandu jkun ħieles mill-qoxra u mit-toqob u għandu jkollu persentaġġ ta’ umdità ta’ inqas minn 20 %. L-informazzjoni msemmija hawn fuq u li ġejja mill-Fillandja, Franza u mill-Isvezja turi li dawn il-miżuri mhumiex biżżejjed biex jipproteġu l-Komunità b’mod adegwat kontra l-introduzzjoni tal-PWN meta dan it-tip ta’ injam jiġi impurtat mill-Kanada, miċ-Ċina, mill-Ġappun u mill-Istati Uniti tal-Amerika. Għaldaqstant huma meħtieġa miżuri ta’ emerġenza temporanji.

(5) Dawn il-miżuri ta’ emerġenza għandhom japplikaw għall-importazzjonijiet ta’ injam mhux iffabbrikat miksub kollu kemm hu jew parti minnu mill-injam koniferuż, li joriġina fil-Kanada, fiċ-Ċina, fil-Ġappun u fl-Istati tal-Amerka, għal ġewwa l-Komunità. Madankollu, dawn il-miżuri mhux bilfors li għandhom jiġu applikati għall-injam ta’ Thuja L., għax it-Thuja L. mhuwiex suxxettibbli għall-PWN.

(6) Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jiġu applikati f’żewġ fażijiet. L-ewwel fażi hija li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa mill-ewwel għall-kontroll uffiċjali ta’ dan l-injam sabiex inaqqsu r-riskji tal-introduzzjoni jew tifrix tal-PWN fil-Komunità. Dan kollu jippermetti lill-pajjiżi fejn jinsab in-nematode sabiex jorganizzaw it-trattament tal-ippakkjar tal-injam li huwa magħmul kollu kemm hu jew parti minnu minn injam koniferuż mhux iffabbrikat, għajr dak tat-Thuja L., bi qbil mal-ħtiġiet ta’ din id-Deċiżjoni bħala t-tieni fażi.

(7) F’kas ta’ nuqqas ta’ konformità, għandhom jiġu speċifikati l-miżuri li għandhom jittieħdu.

(8) Jekk isir evidenti li l-miżuri ta’ emerġenza li għalihom hemm referenza fid-Deċiżjoni preżenti mhumiex se jkunu biżżejjed biex iwaqqfu d-dħul ta’ Bursaphelencus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al., għandu jkun hemm miżuri alternattivi.

(9) L-effett tal-miżuri ta’ emerġenza għandhom jiġu eżaminati b’mod kontinwu sal-15 ta’ Ġunju 2002, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ informazzjoni provduta mill-Istati Membri. Miżuri oħra possibbli fid-dawl tar-riżultati ta’ dik l-istima għandhom jiġu kunsidrati.

(10) Il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jiġu riveduti wkoll fid-dawl tad-diskussjonijiet li qegħdin isiru bħalissa fir-rigward tal-iżvilupp ta’ Standard Internazzjonali tal-FAO dwar "Gwida għall-kontroll tal-ippakkjar ta’ injam mhux iffabbrikat użat għat-trasport kummerċjali".

(11) Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni "injam suxxettibbli" jfisser ippakkjar tal-injam magħmul kollu kemm hu jew parti minnu minn injam koniferuż (Coniferales) mhux fabbrikat, għajr dak tat-Thuja L., li joriġina fil-Kanada, fiċ-Ċina, fil-Ġappun u fl-Istati Uniti tal-Amerika f’forma ta’ pakketti, kaxex, tankijiet u oġġetti oħra simili, kemm jekk jintużaw fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kull tip u kif ukoll jekk le.

2. Injam suxxettibbli jista’ jiġi introdott biss fit-territorju tal-Komunità jekk ikun konformi mal-miżuri ta’ emerġenza stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

3. Id-dispożizzjonijiet speċifikati fil-punti 1, 2 u 3 tat-tieni parti tal-Anness għal din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw biss għal injam suxxettibbli destinat għall-Komunità u li joriġina mill-pajjiżi msemmija hawn fuq nhar jew wara l-1 ta’ Ottubru 2001. Id-dispożizzjonijiet speċifikati fit-tielet punt l-ewwel inċiż tal-Anness għal din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mid-data tan-notifikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni għall-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 4.

4. Il-miżuri stabbiliti fil-Parti A, Sezzjoni 1, punt 1.3 t’Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE ma għandhomx japplikaw għal injam suxxettibbli li jkun ġie trattat bi qbil mal-ħtiġiet tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Meta, fuq il-bażi tal-kontroll li għalih hemm provdut fit-tielet punt tal-Anness għal din id-Deċiżjoni, jidher li d-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Anness għal din id-Deċiżjoni ma jkunux ġew sodisfatti fir-rigward tal-injam suxxettibbli, l-Istat Membru konċernat għandu jiżgura li l-injam suxxettibbli jew:

- jiġi eżaminat b’mod uffiċjali approvat li jelimina il-Bursaphelencus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al.,

- ma jiġix aċċettat fil-Komunità,

- jiġi meqrud jew:

- b’inċinerazzjoni,

- billi jintradam fil-fond f’postijiet approvati minn korpi uffiċjali responsabbli li hemm referenza għalihom fid-Direttiva 2000/29/KE, jew

- jiġi pproċessat b’mod uffiċjali approvat li jelimina il-Bursaphelencus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al.

Dawn il-miżuri kollha għandhom iseħħu taħt is-sorveljanza uffiċjali tal-Istat Membru konċernat.

Artikolu 3

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kummissjoni 94/3/KE [2], kull Stat Membru li jimporta injam suxxettibbli għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, b’rapport tekniku dettaljat dwar ir-riżultati tal-kontroll li jkun sarlu bi qbil ma’ punt 3 tal-Anness għal din id-Deċiżjoni, qabel it-28 ta’ Frar 2002.

Artikolu 4

Sat-30 ta’ Settembru 2001 l-Istati Membri għandhom jaġġustaw il-miżuri li huma adottaw bil-għan li jipproteġu lilhom infushom kontra l-introduzzjoni u t-tifrix ta’ Bursaphelencus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. b’mod li l-miżuri jikkonformaw ma’ Artikoli 1, 2 u 3 u għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri aġġustati.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, l-aktar tard, sal-15 ta’ Ġunju 2002.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula Brussel, fit-12 ta’ Marzu 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 169, tal-10.7.2000, p. 1.

[2] ĠU L 32, tal-5.2.1994, p. 37; Korriġendum (ĠU L 59, tat-3.3.1995, p. 30).

--------------------------------------------------

ANNESS

Għad-dispożizzjonijiet ta’ Artikolu 1, dawn il-miżuri ta’ emerġenza għandhom jiġu sodisfatti:

1. Injam suxxettibbli li oriġina fil-Kanada, fil-Ġappun jew fl-Istati Uniti tal-Amerika:

(i) għandu jiġi trattat bis-sħana jew imnixxef fil-forn f’temperatura minima tal-qalba ta’ 56 oC għal mill-inqas 30 minuta, f’kamra magħluqa jew f’forn u li jkun ġie eżaminat, evalwat u approvat uffiċjalment għal dan l-iskop.

Barra minn hekk l-injam suxxettibbli għandu jkollu marka li turi l-approvazzjoni uffiċjali li l-injam ġie trattat bis-sħana jew li ġie mnixxef f’forn li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ fejn u minn min sar it-trattament imsemmi fuq; jew

(ii) ikun ġie trattat permezz ta’ pressjoni b’kimika approvata bi qbil ma’ speċifikazzjoni teknika rikonoxxuta b’mod uffiċjali. Barra minn hekk l-injam suxxettibbli għandu jkollu marka ta’ identifikazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ fejn u minn min sar it-trattament; jew

(iii) ikun ġie fumigat b’kimika approvata fi qbil ma’ speċifikazzjoni teknika rikonoxxuta b’mod uffiċjali. Barra minn hekk l-injam suxxettibbli għandu jkollu marka ta’ identifikazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ fejn u minn min saret din il-fumigazzjoni.

2. Injam suxxettibbli li joriġina fiċ-Ċina għandu jkun soġġett għal waħda mill-miżuri msemmija fl-ewwel punt ta’ dan l-Anness, u għandu jkun akkumpanjat b’ċertifikat li hemm referenza għalih f’Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2000/29/KE u li jiċċertifika l-miżuri mwettqa.

Permezz ta’ deroga u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE, il-miżuri li hemm referenza għalihom fl-ewwel punt ta’ dan l-Anness mhumiex applikabbli għall-injam suxxettibbli li joriġina f’żoni stabbiliti miċ-Ċina u fejn huwa magħruf li l-Bursaphelencus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. mhix preżenti anke meta wieħed jikkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ li saru f’dawn iż-żoni. Il-Kummissjoni għandha tiġbor lista ta’ żoni fejn huwa magħruf li l-Bursaphelencus xylophylus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. ma huwiex preżenti u għandha tgħaddi din il-lista lill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti u lill-Istati Membri.

3. Konformità mad-dispożizzjonijiet li hemm referenza għalihom fil-:

- Parti A, Sezzjoni I, punt (a) 14 t’Anness I, Parti A, Sezzjoni I, punt (a) 8 t’Anness II u, sat-30 ta’ Settembru 2001, Parti A, Sezzjoni I, punt 1.3 t’Anness IV għad-Direttiva 2000/29/KE; u

- punti 1 u 2 ta’ dan l-Anness,

għandhom jiġu kontrollati minn u bi qbil ma’ pjan stabbilit mill-korp uffiċjali responsabbli li hemm referenza għalih fid-Direttiva 2000/29/KE.

--------------------------------------------------