32000R2872



Official Journal L 333 , 29/12/2000 P. 0049 - 0049


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2872/2000

tat-28 ta’ Diċembru 2000

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1859/93 dwar l-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ l-importazzjoni għat-tewm importat minn pajjiżi terzi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex ta’ l-ikel [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2699/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 544/97 tal-25 ta’ Marzu 1997 li jintroduċi ċertifikati ta’ l-oriġini għat-tewm importat minn ċerti pajjiżi terzi [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2520/98 [4], fih lista ta’ pajjiżi terzi. Ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa tat-tewm minn dawn il-pajjiżi huwa fuq il-kondizzjoni tal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ l-oriġini maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi skond l-Artikoli minn 55 sa 65 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2787/2000 [6].

(2) L-Artikoli 63, 64 u 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jipprovdu illi l-pajjiżi terzi interessati għandhom jgħaddu ċertu tagħrif meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-proċedura għall-kooperazzjoni amministrattiva bejn id-dipartimenti Komunitarji u l-awtoritajiet f’dawn il-pajjiżi.

(3) Uħud mill-pajjiżi elenkati fl-Anness mar-Regolament (KE) Nru 544/97, b’mod partikolari l-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Vjetnam u l-Malasja, għadhom ma bagħtux lill-Kummissjoni, it-tagħrif meħtieġ sabiex jistabbilixxi l-kooperazzjoni amministrattiva kif ipprovdut fl-Artikoli 63, 64 u 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1859/93 [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1662/94 [8], jipprovdi illi t-tewm jista’ jiġi rrilaxxjat fiċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-Komunità malli jiġu ppreżentati l-liċenzji ta’ l-importazzjoni mill-Istati Membri interessati. L-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tipprojbixxi l-ħruġ tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni għat-tewm li joriġina fil-pajjiżi meta tkun għadha ma ġietx stabbilita l-proċedura ta’ kooperazzjoni amministrattiva riferita hawn fuq.

(5) Ir-riżultat ta’ dak li tniżżel hawn fuq huwa riskju ta’ frodi ma’ l-importazzjoni. Għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun eliminat dan ir-riskju.

(6) Il-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tal -Frott u l-Ħxejjex ta’ l-Ikel Friski,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej huwa hawnhekk miżjud ma’ l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 1859/93;

"3. L-ebda liċenzja ma tista’ tiġi maħruġa għall- importazzjonijiet li joriġinaw f’kull wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness mar- Regolament (KE) Nru 544/97 li ma jkunux bagħtu lill-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ sabiex tiġi stabbilita l-proċedura ta’ kooperazzjoni amministattiva skond l-Artikoli 63, 64 u 65 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Dan it-tagħrif għandu jitqies li jkun ġie mogħti fid-data tal-pubblikazzjoni pprovvduta fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 544/97."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Diċembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

[2] ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 9.

[3] ĠU L 84, tas-26.3.1997, p. 8.

[4] ĠU L 315, ta;-25.11.1998, p. 10.

[5] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1.

[6] ĠU L 330, tas-27.12.2000, p. 1

[7] ĠU L 170, tat-13.7.1993, p. 10.

[8] ĠU L 176, tad-9.7.1994, p. 1

--------------------------------------------------