32000R2508



Official Journal L 289 , 16/11/2000 P. 0008 - 0010


Ir-Regolament tal-Kummissijoni (KE) Nru 2508/2000

tal-15 ta' Novembru 2000

li jippreskrivi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 rigward il-programmi ta' ħidma fis-settur tas-sajd

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd u l-prodotti ta' l-akwakultura [1], u b'mod partikulari l-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 10(4) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000 jeħtieġ lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jissottomettu programm ta' ħidma għall-pjanifikazzjoni tal-provvista u sabiex jirregolaw bil-quddiem qabel il-kunsinji mingħand il-membri tagħhom fil-bidu ta' kull sena tas-sajd.

(2) Il-kontenut tal-programm ta' ħidma jeħtieġ li jiġi ddefinit għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi għalbiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi stabbilit dak li hu meħtieġ fl-istrateġija tal-marketing, fil-pjan ta' qbid, u fil-pjan tal-produzzjoni għall-oganizzazzjonijiet tal-produtturi kemm tas-sajd u kemm ta' l-akwakultura.

(3) L-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jiżguraw id-dixxiplina interna sabiex jiżguraw illi l-programmi ta' ħidma jkunu jistgħu jiġu nfurzati. Il-penali għandhom ikunu proporzjonati mal-kontravenzjoni u għandhom ikunu mgħarrfa minn qabel lill-membri.

(4) Għandha tiġi stabbilita l-iskeda taż-żmien għas-sottomissjoni mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-approvazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-programmi ta' ħidma sabiex tiżgura l-operazzjoni effettiva ta' l-arranġamenti.

(5) Għandu jingħata avvanz lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi sabiex ikopru biċċa mill-ispiża miġrura għalbiex jistabbilixxu l-programmi ta' ħidma.

(6) Huwa xieraq li jiġi pprovdut illi jiġi sottomess rapport dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma fi tmiem is-sena tas-sajd sabiex jgħin lill-organizzazzjoni tal-produtturi li jagħmlu stima ta' l-effettività tal-programm tagħhom u sabiex jagħmilha possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jistabbilixxu jekk għandux jingħata kumpens finanzjarju.

(7) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Prodotti tas-Sajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

IL-KAPITOLU I

L-istrateġija tal-marketing u l-pjan tal-qabda għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd

L-Artikolu 1

Għall-ispeċji fl-Annessi I u IV tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, l-istrateġija tal-marketing riferita fl-Artikolu 9(1)(a) ta' dan ir-Regolament għandha tinkludi dan li ġej:

(a) in-numru tal-membri ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi rreġistrati fl-ewwel jum tas-sena tas-sajd kif iddefinita fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament;

(b) in-numru u t-tip tal-bastimenti tas-sajd li jkunu membri ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi fl-ewwel jum tas-sena tas-sajd;

(ċ) il-volum tal-produzzjoni u l-operazzjonijiet ta' intervent skond l-speċi fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(d) l-ammont globali tan-negozju ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(e) il-kwota allokata lill-organizzazzjoni tal-produtturi mqassma fi speċi;

(f) il-perċentwal tal-ħut mibjugħ bl-irkant jew b'mezzi oħra fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(g) l-istrateġija sabiex titjieb jew tinżamm il-kwalità tal-prodotti mormija mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew il-membri tagħha;

(h) it-tikkettjar volontarju tal-prodott jew attivitajiet promozzjonali oħra;

(i) l-opportunitajiet ġodda tal-bejgħ proposti jew opportunitajiet kummerċjali oħra.

L-Artikolu 2

1. L-ispeċi li jirrapreżentaw sehem sinifikanti tat-tniżżil l-art ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi għandhom jitqiesu bħala dawk l-ispeċji li jikkontribwixxu:

(a) għall-inqas 5 % tal-produzzjoni totali ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tas-sajd ta' qabel b'volum jew b'valur għal speċi li huma koperti minn kwoti tal-qbid kif stabbiliti skond l-Artikolu 8(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 3760/92 [2]; jew

(b) għall-inqas 10 % tal-produzzjoni totali ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi matul is-sena tas-sajd ta' qabel b'volum jew b'valur għal speċi mhumiex koperti bil-kwoti tal-qbid riferiti fil-paragrafu (a).

2. Għall-ispeċi riferiti fl-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 li jissodisfaw il-ħteġijiet tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-pjan tal-qbid għandu jinkludi skeda indikattiva tal-provvista stabbilita għal matul is-sena tas-sajd u bbażata fuq ix-xejriet staġjonali (il-prezz, il-produzzjoni u d-domanda) fis-suq.

3. Il-pjan tal-qabda jista' jiġi ssimplifikat fejn mhemmx diffikultajiet tas-suq, b'mod partikolari l-irtirar.

4. Fejn jeżistu pjani tal-qabda stabbiliti ġewwa Stat Membru f'livell differenti mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-organizzazzjoni tal-produtturi tista tagħmel referenza għal dawn il-pjani.

Madankollu, l-eżistenza ta' dawn il-pjani ma teżonerax lill-organizzazzjoni tal-produtturi milli tistabbilixxi iktar miżuri sabiex tirregola l-provvista tal-membri tagħha, kif indikat fl-Artikolu 5.

IL-KAPITOLU II

L-istrateġija tal-marketing u l-pjan tal-produzzjoni għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' l-akwakultura

L-Artikolu 3

Għall-ispeċi riferiti fl-Anness V tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, l-istrateġija tal-marketing riferita fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament għandha tinkludi:

(a) in-numru tal-membri ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi rreġistrati fl-ewwel jum tas-sena tas-sajd, kif iddefinita fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament;

(b) il-volum ta' l-ispeċi maqbuda fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(ċ) il-medja tal-prezz tal-bejgħ ta' l-ispeċi interessati fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(d) l-ammont globali tan-negozju ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi fis-sena tas-sajd ta' qabel;

(e) il-metodu tat-trobbija użat;

(f) l-istaġuni li fihom l-aktar isiru produzzjoni u bejgħ;

(g) l-istrateġija sabiex titjieb jew tinżamm il-kwalità tal-prodotti mormija mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri tagħha;

(h) it-tikkettjar volontarju tal-prodotti jew attivitajiet kummerċjali oħra;

(i) l-istima tas-suq inklużi l-opportunitajiet ġodda tal-bejgħ jew opportunitajiet kummerċjali oħra.

L-Artikolu 4

Il-pjan tal-produzzjoni riferit fit-tieni indent ta' l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandu jinkludi skeda indikattiva tal-provvista għas-sena tas-sajd ibbażata fuq il-fatturi staġjonali tal-produzzjoni u x-xejriet antiċipati fis-suq.

IL-KAPITOLU III

Il-miżuri li japplikaw għall-ispeċi fl-Anness I, IV u V mar-Regolament (KE) Nru 104/2000

L-Artikolu 5

Il-pjan tal-ħidma riferit fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandu jiddikjara r-raġunijiet għal kull diffikultà abitwali tas-suq li tkun ġiet esperjenzjata fis-snin tas-sajd riċenti u għandu jispeċifika l-miżuri antiċipatorji meħuda sabiex tiġi aġġustata l-provvista.

L-Artikolu 6

1. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa sabiex tipprova tirrimedja s-sitwazzjoni fejn il-kondizzjonijiet tas-suq jinbidlu sabiex:

(a) l-irtirar bħala perċentwal tal-kwantitajiet offruti għall-bejgħ f'kull xahar jiżdied b'5 punti perċentwali mqabbla mal-perċentwali medju ta' l-irtirar fit-tliet xhur ta' qabel; jew

(b) jinħolqu diffikultajiet oħra serji tas-suq.

Il-prodotti rtirati għall-għajnuna li tgħaddi għas-sena ta' wara riferita fl-Artikoli 23 u 24(4) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 m'għandhomx jitqiesu prodotti rtirati għall-għanijiet ta' dan il-paragrafu.

2. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tgħarraf lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri b'kull pass meħud skond il-paragrafu 1. Ma tkunx meħtieġa reviżjoni tal-programm tal-ħidma għajr jekk mitluba mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru.

L-Artikolu 7

Il-lista tal-penali riferita fl-Artikolu 9(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandha tiġi stabilita mill-organizzazzjoni tal-produtturi u għandha tkun disponibbli għall-membri tagħha kollha.

Il-pieni għandhom ikunu proporzjonati mal-kontravenzjoni.

L-Artikolu 8

Iċ-ċirkostanzi mhux previsti riferiti fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom ikunu okkorrenzi li huma indipendenti mill-azzjonijiet ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi u li jaffettwaw l-interessi tas-suq ta' l-ispeċi interessata.

IL-KAPITOLU IV

L-aspetti proċedurali

L-Artikolu 9

1. Is-sena tas-sajd għandha ttul għal 12-il xahar u għandha normalment tibda fl-1 ta' Jannar, għajr jekk ikunu ġġustifikati perjodu alternattiv taż-żmien jew data alternattiva għall-bidu tagħha u miftiehma ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru.

2. L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tissottometi l-programm ta' ħidma tagħha fi żmien seba' ġimgħat mill-bidu tas-sena tas-sajd.

3. L-Istati Membri interessati għandhom japprovaw il-programm ta' ħidma fi żmien 12-il ġimgħa mill-bidu tas-sena tas-sajd.

Jekk l-Istat Membru għandu emendi sinifikanti li l-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tagħmel lill-programm, l-iskeda taż-żmien għall-approvazzjoni tista' tiġi estiża b'ġimagħtejn,

L-Artikolu 10

Wara li l-Istat Membru interessat ikun approva l-programm ta' ħidma u l-iktar tard sa erba' xhur wara li tkun bdiet is-sena tas-sajd, dan jista jagħti avvanz ta' 50 % tal-valur tal-kumpens mogħti lill-organizzazzjoni tal-produtturi skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 bil-kondizzjoni illi l-organizzazzjoni tal-produtturi tagħmel depożitu bħala sigurtà ta' mhux inqas minn 105 % ta' l-ammont misluf.

L-Artikolu 11

1. In-numru tal-bastimenti użati sabiex tiġi kkalkolata l-għajnuna riferita fl-Artikolu 10(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandu jkun in-numru totali tal-bastimenti membri fl-organizzazzjoni tal-produtturi fl-ewwel jum tas-sena tas-sajd.

2. Ir-rappreżentattività ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi użata sabiex tiġi kkalkolata l-għajnuna riferita fl-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi ta' data mis-sena ta' l-informazzjoni mis-sena tas-sajd preċedenti għas-sena tas-sajd li għaliha jkun stabbilit il-programm tal-ħidma.

3. Il-perjodu taż-żmien ta' ħames snin riferit fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 u fl-Anness VII ta' miegħu għandu jkun egwali għall-ħames snin tas-sajd iddefiniti fl-Artikolu 9(1) ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 12

L-organizzazzjoni tal-produtturi għandha tistabbilixxi rapport dwar l-attivitajiet tagħha u għandha tibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri fi żmien seba ġimgħat mill-aħħar tas-sena tas-sajd. Ir-rapport għandu jinkludi t-tagħrif li ġej:

(a) rapport tas-suq dwar l-ispeċi koperti bil-programm tal-ħidma, li għandu jiffoka fuq kull diffikultà ta' marketing li jkun iltaqa' magħha l-programm tal-ħidma matul is-sena, il-miżuri meħuda b'reazzjoni għal dawn id-diffikultajiet bħalma huma dawk meħtieġa mill-Artikolu 6, inklużi l-penali mogħtija u, jekk xieraq, ir raġuni li għaliha l-organizzazzjoni tal-produtturi ma setgħetx tirrimedja dawn id-diffikultajiet;

(b) kopja tar-regoli ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi fl-ewwel sena tas-sajd ta' l-implimentazzjoni tal-programm u wara kull modifikazzjoni ta' dawn ir-regoli;

(ċ) il-lista tal-penali stabbiliti mill-organizzazzjoni tal-produtturi skond l-Artikolu 7.

L-Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej

Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-15 ta' Novembru 2000.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 17, tal-21.1.2000, p. 22.

[2] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1.

--------------------------------------------------