32000R1668



Official Journal L 193 , 29/07/2000 P. 0006 - 0007


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1668/2000

tas-17 ta’ Lulju, 2000

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 845/72 li jistabbilixxi miżuri speċjali biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tad-dud tal-ħarir

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari Artikolu 37 ta’ dan,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 845/72 [4] jipprovdi għal għajnuna tal-Komunità għal dud tal-ħarir imkabbar fil-Komunità li tkun stabbilità kull sena. Bi qbil mal-linja segwita għar-riforma ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq b’rabta ma’ Aġenda 2000 u biex jippermettu lill-produtturi li jaħdmu pjanijiet ta’ produzzjoni fuq medda twila ta’ żmien, l-għajnuna għandha tkun stabbilità mingħajr limitu ta’ żmien, mingħajr preġudizzju għal kull reviżjonijiet li jistgħu jkunu meħtieġa fil-futur.

(2) L-għajnuna għandha tkun stabbilità f’livell li jassigura livell ġust ta’ għixien għal dawk li jkabbru d-dud tal-ħarir.

(3) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 845/72 għandhom ikunu addottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju, 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar ta’ poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [5],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 845/72 hu emendat kif ġej:

1. Artikolu 1 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 1

1. Tingħata għajnuna għal dud tal-ħarir li jaqa’ taħt is-subintestatura 01060090 tan-Nomenklatura Magħquda u għal bajd tad-dud tal-ħarir li jaqa’ taħt is-subintestatura 05119980 u li hu mkabbar fil-Komunità.

2. L-għajnuna tingħata lil dawk li jkabbru d-dud tal-ħarir għal kull kaxxa bajd tad-dud tal-ħarir, bil-kondizzjonijiet li l-kaxxi jkollhom kwantità minima ta’ bajd, li għandha tkun stabbilità, u li d-dud ikunu tkabbru b’suċċess.

3. L-għajnuna għal kull kaxxa bajd tad-dud tal-ħarir użat għandha tkun ta’ EUR 133,26."

2. Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 2

ikunu addottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament bi qbil mal-proċedura stabbilità f’Artikolu 4(2).

Ir-regoli dettaljati jkopru b’mod partikolari l-kwantità minima msemmija f’Artikolu 1(2), l-informazzjoni li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mill-iStati Membri u kull miżuri ta’ spezzjoni biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità minn frodi jew irregolaritajiet oħra."

3. Artikolu 4 jinbidel b’dan li ġej:

"Artikolu 4

1. Il-Kummissjoni tkun assistita mill-Kumitat ta’ Tmexxija għall-Kittien u l-Qanneb imwaqqaf bl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1308/70 tad-29 ta’ Ġunju, 1970 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-kittien u l-qanneb [6], minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat".

2. Meta ssir riferenza għal dan il-paragrafu, japplikaw Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu msemmi f’Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE jkun stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jibda japplika mill-1 ta’ April, 2000.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-iStati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 17 ta’ Lulju, 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU C 86 E, ta’ l-24.3.2000, p. 9.

[2] Opinjoni mogħtija fis-16 ta’ Mejju, 2000 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 168, tas-16.6.2000, p. 17.

[4] ĠU L 100, tas-27.4.1972, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar skond ir-Regolament (KEE) Nru 2059/92 (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 19).

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[6] ĠU L 146, ta’ l-4.7.1970, p. 1.

--------------------------------------------------