32000R1159



Official Journal L 130 , 31/05/2000 P. 0030 - 0036


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1159/2000

tat-30 ta’ Mejju 2000

dwar miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna mill-Fondi Strutturali

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 53(2) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jeħtieġ li jitwettqu miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità dwar l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali.

(2) L-Artikolu 34(1)(h) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jistipula li l-awtorità amministrattiva li għandha f’idejha l-implimentar ta’ pakkett ta’ għajnuna strutturali hija responsabbli għall-konformità mal-ħtiġijiet ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità.

(3) L-Artikolu 46(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jiddikjara li l-awtorità amministrattiva hija responsabbli milli tiżgura l-pubbliċità fuq pakkett ta’ għajnuna u b’mod partikolari milli tinforma lill-benefiċċjarji finali potenzjali, korpi kummerċjali u professjonali, sħab ekonomiċi u soċjali, organizzazzjonijiet li jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u organizzazzjonijiet mhux governattivi dwar l-opportunitajiet li l-għajnuna tista’ tagħti u dwar li tinforma lill-pubbliku ġenerali bir-rwol tal-Komunità bl-għajnuna konċernata u bir-riżultati tagħha.

(4) L-Artikolu 46(3) jeħtieġ li l-Istati Membri jikkonsultaw lill-Kummissjoni u jinfurmawha kull sena bl-inizjattivi meħuda f’dak li għandu x’jaqsam ma’ miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità.

(5) Taħt l-Artikoli 18(3) u 19(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-komplement tal-programm għal kull programm imħaddem jew dokument ta’ programmar waħdieni għandu jkun fih il-miżuri maħsubha sabiex jagħmlu pubbliċità ta’ l-għajnuna bi qbil ma’ l-Artikolu 46.

(6) L-Artikolu 35(3)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jiddikjara li l-Kumitati ta’ Kontroll għandhom jikkunsidraw u japprovaw ir-rapporti annwali u finali dwar l-għajnuna qabel ma jiġu mibgħuta lill-Kummissjoni u l-Artikolu 37(2) ta’ dak ir-Regolament jeħtieġ li dawk ir-rapporti jinkludu l-passi meħuda mill-awtorità amministrattiva u l-Kumitat ta’ Kontroll sabiex jiżguraw il-kwalità u l-effettività tal-miżuri meħuda sabiex jiżguraw il-pubbliċità għall-għajnuna. L-Artikolu 40(4) jiddikjara b’mod partikolari li r-riżultati ta’ l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu magħmulha disponibbli għall-pubbliku jekk mitluba, bi qbil mal-Kumitat ta’ Kontroll fil-każ ta’ evalwazzjoni ta’ nofs il-perjodu li għandha ssir mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003.

(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/342/KE tal-31 ta’ Mejju 1994 dwar miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità li għandhom jitwettqu mill-Istati Membri dwar għajnuna mill-Fondi Strutturali u l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (SFGS) [2] għandha tkompli tapplika għal għajnuna mogħtija taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 tal-24 ta’ Ġunju 1988 dwar ix-xogħlijiet tal-Fondi Strutturali u l-effettività tagħhom u dwar il-kordinament ta’ l-attivitajiet tagħhom bejniethom u mal-ħidmiet tal-Bank Ewropew ta’ Investiment u ma’ l-istrumenti finanzjarji eżistenti l-oħra [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3193/94 [4], kif ukoll ir-regolamenti adottati sabiex jimplimentaw dak ir-Regolament.

(8) Il-Kumitat li hemm referenza għalih fl-Artikolu 147 tat-Trattat, il-Kumitat dwar l-Istrutturi Agrikoli u l-Iżvilupp Rurali, u l-Kumitat dwar l-Istrutturi għas-Sajd u l-Akwakultura ġew ikkonsultati fuq dan ir-Regolament. Il-miżuri li għalihom hemm provdut f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp u t-Tibdil tar-Reġjuni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-disposizzjonijiet dettaljati applikabbli għall-informazzjoni u l-pubbliċità dwar l-għajnuna mill-Fondi Strutturali taħt ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom ikunu kif stabbiliti fl-Anness t’hawn isfel.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul Brussell, fit-30 ta’ Mejju 2000.

Għall-Kummissjoni

Michel Barnier

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[2] ĠU L 152, tat-18.6.1994, p. 39.

[3] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 9.

[4] ĠU L 337, ta’ l-24.12.1994, p. 11.

--------------------------------------------------

ANNESS

REGOLI IMPLIMENTATTIVI GĦAL INFORMAZZJONI U PUBBLIĊITÀ DWAR GĦAJNUNA MILL-FONDI STRUTTURALI

1. Prinċipji ġenerali u għan

L-informazzjoni u l-pubbliċità għal għajnuna mill-Fondi Strutturali huma maħsubin sabiex iżidu l-għarfien pubbliku u t-trasparenza fir-rigward ta’l-attivitajiet ta’l-Unjoni Ewropea u sabiex joħolqu stampa koerenti tal-għajnuna konċernata madwar l-Istati Membri kollha. Informazzjoni u pubbliċità bħal din għandha tkopri ħidmiet megħjuna mill-Fond ta’ l-Iżvilupp Reġjonali Ewropew, mill-Fond Soċjali Ewropew, mill-Fond ta’ Gwida u Garanzija Agrikolu Ewropew, mit-Taqsima ta’ Gwida jew mill-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd.

Il-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità deskritti taħt għandhom x’jaqsmu mal-qafas ta’ għajnuna tal-Komunità (CSF), programmi ta’ ħidma, dokumenti waħdiena ta’ programmar (SPD) u programmi ta’ inizjattivi tal-Komunità mfissra fir-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

L-awtorità amministrattiva responsabbli għall-implimentazzjoni tal-għajnuna għandha tkun responsabbli għal pubbliċità fuq il-post. Il-pubbliċità għandha ssir b’koperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, li għandha tkun informata bil-miżuri meħuda għal dan il-għan.

L-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti għandhom jieħdu l-passi amministrattivi adatti kollha sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dawn l-arranġamenti u sabiex jikkollaboraw mal-Kummissjoni.

2. L-għanijiet ta’ miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità u l-gruppi fil-mira

L-għan tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità għandu jkun li:

2.1 jinforma lil benefiċċjarji potenzjali u finali, kif ukoll

- lil awtoritajiet reġjonali u lokali u lill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti oħra,

- lil organizzazzjonijiet tan-negozju u ċirki ta’ negozju,

- lill-isħab ekonomiċi u soċjali,

- lil organizzazzjonijiet mhux governattivi, speċjalment organizzazzjonijiet sabiex jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u organizzazzjonijiet li jaħdmu sabiex jipproteġu u jtejjbu l-ambjent,

- lil operaturi ta’ proġetti u lil promoturi,

dwar l-opportunitajiet offruti b’għajnuna konġunta mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri sabiex jiżguraw it-trasparenza ta’ għajnuna bħal din;

2.2. jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea b’koperazzjoni ma’ l-Istati Membri fl-għajnuna konċernata u r-riżultati.

3. L-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni u pubbliċità

3.1. Disposizzjonijiet ġenerali

3.1.1. Preparazzjoni tal-miżuri

Il-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità għandhom jiġu preżentati fil-forma ta’ pjan ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni li jkopri kull programm ta’ ħidma u kull dokument ta’ programmar waħdieni (SPD). Fejn ikun xieraq, pjan bħal dan għandu jiġi ppreżentat lill-CSF. Għandu jkun implimentat taħt ir-responsabilità ta’ l-awtorità amministrattiva.

Kull pjan ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni għandu jinkludi:

- l-għanijiet tiegħu u l-gruppi li għalihom huwa mmirat,

- il-kontenut u l-istrateġija tal-miżuri ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni li jirriżultaw, jiddikjara l-miżuri li għandhom jittieħdu taħt l-għanijiet differenti taħt kull Fond,

- l-estimi indikattivi tiegħu,

- id-dipartimenti amministrattivi jew l-organizzazzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni,

- il-kriterji li għandhom jiġu wżati sabiex jiġu evalwati il-miżuri mwettqa.

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni għandu jkun imfassal fil-komplement tal-programm bi qbil ma’ l-Artikolu 18(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

3.1.2. Finanzi

L-ammonti mwarrba għall-informazzjoni u l-pubbliċità għandhom jidhru fil-pjanijiet ta’ finanzjament għall-istrutturi ta’ għajnuna tal-Komunità (CSF), SPD u programmi ta’ ħidma taħt l-intestatura ta’ għajnuna teknika (l-approprjazzjonijiet meħtieġa għat-tħejjija, kontroll u evalwar ta’ l-għajnuna taħt l-Artikoli 17(2)(e), 18(2)(b) u 19(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999).

3.1.3. Identifikazzjoni ta’ dawk responsabbli

Kull awtorità amministrattiva għandha taħtar persuna waħda jew aktar sabiex ikunu responsabbli għall-informazzjoni u għall-pubbliċità. L-awtoritajiet amministrattivi għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawk maħtura.

3.1.4. Responsabbilità

L-awtorità amministrattiva għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-laqgħa annwali li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

3.2. Kontenut u strateġija ta’ miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità

Il-miżuri li għandhom jiġu implimentati għandhom ikunu mfassla sabiex jilħqu l-għanijet li hemm referenza għalihom f’punt 2 fuq. Dawn huma:

- li jiżguraw trasparenza għal benefiċċjarji potenzjali u finali,

- li jinfurmaw lill-pubbliku.

3.2.1. Li jiżguraw trasparenza għal benefiċċjarji potenzjali u finali u għall-gruppi li hemm referenza għalihom f’2.1

3.2.1.1. L-awtorità amministrattiva maħtura għal kull pakkett ta’ għajnuna għandha b’mod partikolari tiżgura:

- pubblikazzjoni tal-kontenut tal-pakkett, li jinkludi indikazzjoni ta’ l-involviment tal-Fondi Strutturali konċernati, ċirkolazzjoni ta’ dawn id-dokumenti u d-disponibilità tagħhom għal dawk li jitolbuhom,

- l-istabbiliment ta’ rapportar addattat dwar il-progress tal-għajnuna matul il-perjodu ta’ l-ipprogrammar,

- l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ informazzjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-amministrazzjoni, kontroll u valutazzjoni ta’ l-għajnuna mill-Fondi Strutturali, iffinanzjata fejn ikun xieraq mill-approprjazzjonijiet għal għajnuna teknika taħt il-pakkett ta’ għajnuna konċernat.

Awtoritajiet tal-ġestjoni għandhom jippruvaw jassiguraw li materjal ta’ informazzjoni u pubbliċità huwa ppreżentat f’forma uniformi u skond ir-regoli dwar il-mezzi ta’ informazzjoni u pubbliċità stabbiliti fil-punt 6. F’dan il-kuntest, ikun mixtieq li jintużaw id-deskrizzjonijiet li ġejjin tal-kompiti ta’ kull waħda mill-Fondi.

ERDF: | "Għajnuna għat-tnaqqis tal-vojt bejn livelli ta’ żvilupp u standards ta’ l-għixien fost ir-reġjuni u l-limitu li għalih reġjuni inqas iffavoriti qegħdin lura.Għajnuna sabiex jiġu rranġati l-iżbilanċi reġjonali fil-Komunità bil-parteċipazzjoni fl-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta’ reġjuni li l-iżvilupp tagħhom qiegħed lura u l-konverżjoni ekonomika u soċjali ta’ reġjuni." |

ESF: | Għajnuna għall-iżvilupp ta’ l-impieg billi tiġi promossa l-possibiltà ta’ l-impieg, l-ispirtu kummerċjali u opportunitajiet ugwali u l-investiment f’riżorsi umani. |

EAGGF: | "Għajnuna għall-preservazzjoni tar-rabta bejn biedja diversifikata u r-raba.Titjib u sostenn tal-kompetittività ta’ l-agrikoltura bħala attività prinċipali f’żoni rurali.L-assigurazzjoni u d-diversifikazzjoni f’żoni rurali.Għajnuna għal komunitajiet f’żoni rurali, sabiex jibqgħu jimxu ’l quddiem.Il-Preservazzjoni u t-titjib ta’ l-ambjent, il-paesaġġ u l-wirt rurali." |

FIFG: | "Għajnuna sabiex jintlaħaq bilanċ sostenibbli bejn riżorsi marini u l-esplojtazzjoni tagħhom.Il-modernizzazzjoni ta’ strutturi tas-sajd sabiex jiġi assigurat il-futur ta’ l-industrija.Għajnuna għall-manutenzjoni ta’ industrija tas-sajd dinamika u kompetittiva u r-rivitalizzazzjoni ta’ żoni li jiddependu fuq is-sajd.It-titjib tal-fornitura u ta’ l-esplojtazzjoni ta’ prodotti tas-sajd." |

3.2.1.2. L-awtorità amministrattiva maħtura sabiex timplimenta pakkett ta’ għajnuna għandha tiżgura l-eżistenza ta’ kanali xierqa għaċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni sabiex tiġi żgurata trasparenza għall-isħab u benefiċċjarji potenzjali varji, u b’mod partikolari negozji żgħar u ta’ daqs medju.

Din l-informazzjoni għandha tinkludi stampa ċara tal-proċeduri amministrattivi li għandhom jiġu segwiti, deskrizzjoni tas-sistema għall-amministrar ta’ applikazzjonijiet, informazzjoni dwar il-kriterji wżati fil-proċeduri ta’ għażla u dwar il-mekkaniżmi għal evalwazzjoni u ismijiet ta’ persuni, jew ta’ fejn dawn jistgħu jiġu kuntattjati fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jistgħu jispjegaw kif jaħdmu l-pakketti ta’ għajnuna u l-kriterji għall-eliġibilità.

Fil-każ ta’ appoġġ għal għajnuna pubblika, potenzjali lokali għal negozji u għotjiet globali, din l-informazzjoni għandha tiġi mqassma prinċipalment permezz ta’ organizzazzjonijiet intermedji u organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw id-ditti konċernati.

3.2.1.3. L-awtoritajiet amministrattivi għandhom jiżguraw l-eżistenza ta’ kanali xierqa sabiex jipprovdu informazzjoni lil dawk il-persuni li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-iskemi li jinvolvu taħriġ, impjiegi jew l-iżvilupp tar-riżorsi umani. Għal dan il-għan, għandhom jiżguraw il-koperazzjoni ta’ korpi ta’ taħriġ vokazzjonali, korpi li jkollhom x’jaqsmu ma’ impjiegi, negozji u gruppi ta’ negozji, ċentri ta’ taħriġ u organizzazzjonijiet mhux governattivi.

3.2.2. Infurmar tal-pubbliku

3.2.2.1. Sabiex il-pubbliku jsir aktar konxju tal-parti li l-Unjoni Ewropea għandha fil-pakketti ta’ għajnuna konċernati u r-riżultati li jiksbu, l-awtorità amministrattiva maħtura għandha tinforma lill-media bl-aktar mod addattat dwar l-għajnuna strutturali ffinanzjata parzjalment mill-Unjoni. Din l-informazzjoni għandha tinkludi referenza bilanċjata għall-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni u l-messaġġi għandhom jiddikjaraw ix-xogħlijiet ta’ kull Fond billi jistabbilixxu l-prijoritajiet speċifiċi tal-pakketti ta’ għajnuna konċernati bi qbil ma’ 3.2.1.1.

Għandhom jittieħdu passi, fiż-żmien ta’ l-introduzzjoni oriġinali ta’l-għajnuna wara li tkun approvata mill-Kummissjoni u tal-fażijiet prinċipali ta’ implimentazzjoni, sabiex tinġibed l-attenzjoni tal-media nazzjonali u reġjonali (stampa, radju u televiżjoni) kif ikun addattat; passi bħal dawn jistgħu jinkludu stqarriji ta’ l-istampa, it-tqegħid ta’ artikoli, supplimenti fl-aktar gazzetti xierqa u żjarat fuq il-post. Jistgħu jintużaw mezzi oħra ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni bħal websites, pubblikazzjonijiet li jiddeskrivu proġetti ta’ suċċess u kompetizzjonijiet sabiex tkun identifikata l-aħjar prattika.

Fejn isir użu ta’ inserts ta’ reklami, bħal per eżempju aġġornamenti għall-istampa jew avviżi ta’ pubbliċità, il-parteċipazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tkun murija b’mod ċar.

Għandha tiġi żgurata kollaborazzjoni xierqa ma’ l-uffiċċju tal-Kummissjoni fil-pajjiż konċernat.

3.2.2.2. Miżuri ta’ nformazzjoni u pubbliċità għall-pubbliku ġenerali għandhom jinkludu:

- fil-każ ta’ investimenti ta’ infrastruttura li l-ispiża totali tagħhom taqbeż il-500000 EUR għal ħidmiet iffinanzjati parzjalment mill-FIFG u 3 miljun EUR fil-każ tal-ħidmiet l-oħra kollha:

- billboards imwaqqfa fuq is-sit,

- plakki kommemorattivi permanenti għal infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, li għandhom jiġu mwaħħlin bi qbil ma’ punt 6;

- fil-każ ta’ taħriġ li jkun iffinanzjat parzjalment u miżuri ta’ impjiegi:

- miżuri li jagħmlu lill-benefiċċjarji ta’ skemi ta’ taħriġ konxji li huma qegħdin jipparteċipaw f’ħidma iffinanzjata parzjalment mill-Unjoni Ewropea;

- miżuri li jagħmlu lill-pubbliku ġenerali konxju mir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ħidmiet iffinanzjati fil-qasam ta’ taħriġ vokazzjonali, impjiegi u l-iżvilupp ta’ riżorsi umani;

- fil-każ ta’ investimenti f’negozji, miżuri sabiex jiżviluppaw miżuri potenzjali lokali u kull miżura oħra li tirċievi għajnuna finanzjarja mill-Komunità:

- informazzjoni għall-benefiċċjarji dwar il-parteċipazzjoni tagħhom f’ħidma finanzjata parzjalment mill-Unjoni Ewropea f’wieħed mill-metodi deskritt f’punt 6.

4. Ix-xogħol ta’ Kumitati ta’ Kontroll

4.1. Il-Kumitati ta’ Kontroll għandhom jiżguraw li jkun hemm informazzjoni adekwata dwar ix-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan, kull fejn ikun possibbli għandhom iżommu l-media informata bil-progress tal-pakketti ta’ għajnuna li għalihom huma responsabbli. Kuntatti ma’ l-istampa għandhom ikunu taħt ir-responsabbilità tal-president. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni għandhom ikunu involuti fil-kuntatti ma’ l-istampa.

Għandhom isiru wkoll arranġamenti xierqa meta jinżammu avvenimenti importanti b’konnessjoni mal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Kontroll, bħal laqgħat ta’ livelli għolja jew sezzjonijiet inawgurali. Il-Kummissjoni u l-uffiċċji tagħha fl-Istati Membri għandhom jinżammu infurmati b’dawn l-arranġamenti.

4.2. Il-Kumitati ta’ Kontroll għandhom jiddibattu r-rapport implimentattiv annwali li hemm referenza għalih fl-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li, bi qbil ma’ l-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament, għandu jkun fih taqsima dwar l-informazzjoni u l-pubbliċità. Informazzjoni dwar il-kwalità u l-effettività tal-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità u evidenza xierqa bħal ritratti għandhom jingħataw lill-Kumitati ta’ Kontroll mill-awtorità amministrattiva.

Bi qbil ma’ l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni li hija tkun teħtieġ sabiex tagħti każ tar-rapport annwali kif għalih hemm provdut fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament.

Informazzjoni bħal din għandha tippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li d-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jiġu mħarsa.

5. Sħubija u skambju ta’ esperjenzi

L-awtoritajiet amministrattivi huma fil-libertà li jwettqu kull miżura addizzjonali oħra, inklużi dawk li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni proprja tal-politika segwita taħt il-Fondi Strutturali.

Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bl-inizjattivi li jieħdu sabiex tkun tistà tieħu sehem b’mod xieraq fis-seħħ tagħhom.

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għajnuna teknika fejn ikun hemm bżonn. Għandha tagħmel il-kompetenza u l-materjal tagħha disponibbli għall-awtoritajiet konċernati fi spirtu ta’ sħubija u fl-interess komuni. Għandha tappoġġja skambju ta’ esperjenzi dwar l-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 u tippromwovi networks informali bejn dawk responsabbli milli jipprovdu informazzjoni. Għal dak il-għan, ikun mixtieq li l-Istati Membri jaħtru koordinatur nazzjonali għal kull Fond.

6. Regoli dwar il-mezzi tekniċi ta’ informazzjoni u pubbliċità

Sabiex tkun żgurata l-viżibbiltà ta’ miżuri finanzjati parzjalment b’wieħed mill-Fondi Strutturali, l-awtorità amministrattiva xierqa għandha tkun responsabbli milli tara li l-miżuri ta’ informazzjoni u ta’ pubbliċità segwenti jiġu mħarsa:

6.1. Billboards

Għandhom jitwaqqfu billboards fis-siti ta’ proġetti involuti f’investiment ta’ infrastruttura finanzjata parzjalment li l-volum tiegħu jaqbeż l-ammonti mogħtija f’3.2.2.2. Billboards bħal dawn għandhom jinkludu spazju riservat għall-indikazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-billboards għandhom ikunu ta’ daqs li jkun xieraq għad-daqs tal-ħidma.

Is-sezzjoni tal-billboard merfugħa għall-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

- għandha tieħu mill-inqas 25 % ta’ l-erja totali tal-billboard;

- għandha turi l-emblema standardizzata tal-Komunità u t-test segwenti, li għandu jkun iddettat kif muri taħt:

+++++ TIFF +++++

- l-emblema għandha tiġi preżentata bi qbil ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kurrenti;

- id-daqs ta’ l-ittri wżati sabiex juru l-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ l-Unjoni Ewropeja għandu jkun ta’ mill-inqas l-istess daqs ta’ l-ittri wżati għall-indikazzjonijiet nazzjonali, għalkemm it-tipa tista’ tkun differenti;

- il-Fond konċernat jista’ jissemma’.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti ma jwaqqfux billboard li juri l-involviment tagħhom fil-finanzjament ta’ proġett, l-għajnuna mill-Unjoni Ewropea għandha tkun imħabbra fuq billboard speċifikament għal dak il-għan. F’każijiet bħal dawn, id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw b’analoġija.

Il-billboards għandhom jitneħħew mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jitlesta x-xogħol u mibdula bi plakka kommemorattiva bi qbil ma’ 6.2.

6.2. Plakkek kommemorattivi

Plakkek kommemorattivi permanenti għandhom jitpoġġew f’siti aċċessibbli mill-pubbliku ġenerali (ċentri ta’ kungress, ajruporti, stazzjonijiet, eċċ.) li jirrappreżentaw proġetti finanzjati parzjalment b’Fondi Strutturali. Barra mill-emblema tal-Komunità, plakkek bħal dawn għandhom juru l-kontribuzzjoni tal-Komunità u jistgħu juru l-Fond konċernat.

Fil-każ ta’ investimenti materjali f’bini ta’ negozji kummerċjali, għandhom jitpoġġew plakkek kommemorattivi għal perjodu ta’ sena.

Jekk awtorità kompetenti jew benefiċjarju finali tiddeċiedi li twaqqaf billboards jew plakkek kommemorattivi, tipproduċi pubblikazzjonijiet jew twettaq kull miżura ta’ informazzjoni oħra li jkollha x’taqsam ma’ proġetti li l-volum totali tagħhom ikun ta’ inqas minn 500000 EUR fil-każ ta’ ħidmiet iffinanzjati parzjalment mill-FIFG u 3 miljun EUR fil-każ tal-ħidmiet l-oħra kollha, il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tkun murija bl-istess mod.

6.3. Posters

Sabiex jinfurmaw lill-benefiċċjarji u lill-pubbliku ġenerali bir-rwol ta’ l-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp tar-riżorsi umani, taħriġ vokazzjonali, investiment f’ditti u żvilupp rurali, l-awtoritajiet amministrattivi għandhom juru posters li juru l-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni u jekk ikun possibbli l-Fond konċernat fil-bini tal-korpi implimentattivi jew li jibbenefikaw mill-miżuri finanzjati mill-Fondi Strutturali (aġenziji ta’ mpjiegi, ċentri ta’ taħriġ vokazzjonali, kmamar tal-kummerċ u l-industrija, kmamar ta’ l-agrikoltura, aġenziji ta’ żvilupp reġjonali, eċċ.).

6.4. Notifikazzjoni lill-benefiċċjarji

In-notifikazzjonijiet kollha tal-għajnuna lill-benefiċċjarji mibgħuta mill-awtoritajiet kompetenti għandhom juru l-fatt ta’ finanzjar parzjali mill-Unjoni Ewropea u jistgħu jiddikjaraw l-ammont jew il-persentaġġ ta’ l-għajnuna mħallsa mill-istrument tal-Komunità konċernat.

6.5. Materjal ta’ informazzjoni u komunikazzjoni

6.5.1. Pubblikazzjonijiet (bħal booklets, leaflets u newsletters) dwar l-għajnuna reġjonali finanzjata parzjalment mill-Fondi Strutturali għandhom jinkludu indikazzjoni ċara, fuq l-ewwel paġna, tal-parteċipazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u, fejn ikun xieraq, dik tal-Fond konċernat kif ukoll l-emblema tal-Komunità jekk tkun użata wkoll l-emblema nazzjonali jew reġjonali.

Il-pubblikazzjonijiet għandhom jinkludu referenzi għall-organizzazzjoni responsabbli għall-kontenut ta’ l-informazzjoni u għall-awtorità amministrattiva maħtura sabiex timplimenta l-pakkett ta’ għajnuna msemmija.

6.5.2. Fil-każ ta’ informazzjoni magħmulha disponibbli b’mezzi elettroniċi (websites, databases għall-benefiċċjarji potenzjali) jew materjal audio-viżiv, il-prinċipji dettati fuq għandhom japplikaw b’analoġija. Fit-tfassil tal-pjan ta’ azzjoni ta’ komunikazzjoni, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta għat-teknoloġiji ġodda li jippermettu d-distribuzzjoni rapida u effiċjenti ta’ informazzjoni u jiffaċilitaw djalogu mal-pubbliku ġenerali.

Websites li jkollhom x’jaqsmu ma’ Fondi Strutturali għandhom

- juru l-kontribuzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea u, jekk ikun xieraq, dik tal-Fond konċernat, għall-anqas fuq il-home page,

- jinkludu hyperlink għall-websites l-oħra tal-Kummissjoni li jkollhom x’jaqsmu mal-Fondi Strutturali.

6.6. Avvenimenti ta’ informazzjoni

L-organizzaturi ta’ avvenimenti ta’ informazzjoni bħal konferenzi, seminars, fieri u wirjiet marbutin ma’ l-implimentazzjoni ta’ ħidmiet iffinanzjati parzjalment mill-Fondi Strutturali għandhom jagħmlu ċar il-kontribuzzjoni tal-Komunità għal dawn il-pakketti ta’ għajnuna billi tintwera l-bandiera Ewropea fi kmamar tal- laqgħat u billi tintuża l-emblema tal-Komunità fuq id-dokumenti.

L-uffiċċji tal-Kummissjoni fl-Istati Membri għandhom igħinu, kif ikun hemm bżonn, fil-preparazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ avvenimenti bħal dawn.

--------------------------------------------------