32000L0064



Official Journal L 290 , 17/11/2000 P. 0027 - 0028


Id-Direttiva 2000/64/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill

tas-7 ta’ Novembru 2000

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE, 92/96/KEE u 93/22/KEE rigward l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel u t-tielet sentenzi ta’ Artikolu 47 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu b’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Id-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE [4] 92/49/KEE [5], 92/96/KEE [6] u 93/22/KEE [7] jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti u ma’ ċerti awtoritajiet jew korpi oħra fl-Istat Membru jew bejn Stati Membri. L-imsemmija Direttivi jippermettu ukoll il-konklużjoni minn Stati Membri ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni li jipprovdu għall-iskambju ta’ informazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi.

(2) Fuq il-bażi ta’ konsistenza mad-Direttiva 98/33/KE [8], din l-awtorizzazzjoni li jkunu konklużi ftehim dwar l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi għandha tiġi estiża sabiex tinkludi l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ ċerti awtoritajiet jew korpi oħra f’dawk il-pajjiżi li jipprovdu li l-informazzjoni żvelata tkun suġġetta għal garanziji xierqa ta’ segretezza professjonali.

(3) Id-Direttiva 85/611/KEE, id-Direttiva 92/49/KEE, id-Direttiva 92/96/KEE u d-Direttiva 93/22/KEE għandhom ikunu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

L-Artikolu 50(4) tad-Direttiva 85/611/KEE għandu jinbidel b’dan li ġej:

"4. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim ta kooperazzjoni, li jipprovdu għal skambju ta’ informazzjoni, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew ma’ awtoritajiet jew korpi ta’ pajjiżi terzi kif iddefiniti fil-paragrafi 6 u 7, biss jekk l-informazzjoni li tkun żvelata tkun suġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali mill-anqas ekwivalenti għal dik li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun għall-iskopijiet tat-twettiq tad-doveri ta’ superviżjoni mill-awtoritajiet jew korpi msemmija.

Meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, din ma tkunx tista tiġi żvelata mingħajr il-qbil espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelaw u, fejn xieraq, biss għall-iskopijiet li dwarhom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-kunsens tagħhom."

L-Artikolu 2

L-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 92/49/KEE, l-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 92/96/KEE u l-Artikolu 25(3) tad-Direttiva 93/22/KEE, għandhom ikunu mibdula b’dan li ġej:

"4. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim ta kooperazzjoni, li jipprovdu għal skambju ta’ informazzjoni, ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi jew ma’ awtoritajiet jew korpi ta’ pajjiżi terzi kif definiti f’paragrafi 6 u 7, biss jekk l-informazzjoni li tkun żvelata tkun suġġetta għal garanziji ta’ segretezza professjonali mill-anqas ekwivalenti għal dik li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jkun għall-iskopijiet tat-twettiq tad-doveri ta’ superviżjoni mill-awtoritajiet jew korpi msemmija.

Meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, din ma tkunx tista’ tiġi żvelata mingħajr il-qbil espress ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelaw u, fejn xieraq, biss għall-iskopijiet li dwarhom dawk l-awtoritajiet ikunu taw il-kunsens tagħhom."

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex dawn ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sas-17 ta’ Novembru 2002. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex jagħmlu din ir-referenza għandhom ikunu esiġiti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 4

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-7 ta’ Novembru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

L. Fabius

[1] ĠU C 116 E, tas-26.4.2000, p. 61.

[2] ĠU C 168, tas-16.6.2000, p. 1.

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Ġunju 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2000.

[4] ĠU L 375, tal-31.12.1985, p. 3. Id-Direttiva emendata b’Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/26/KE (ĠU L 168, tat-18.7.1995, p. 7).,

[5] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

[6] ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE.

[7] ĠU L 141, tal-1.6.1993, p.27. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u d-Direttiva tal-Kunsill 97/9/KE (ĠU L 84, tas-26.3.1997, p. 22).

[8] ĠU L 204, tal-21.7.1998, p. 29.

--------------------------------------------------