32000L0043



Official Journal L 180 , 19/07/2000 P. 0022 - 0026


Id-Direttiva tal-kunsill 2000/43/KE

tad-29 ta' Ġunju 2000

li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Billi:

(1) It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jimmarka stadju ġdid fil-proċess tal-ħolqien ta' għaqda dejjem eqreb fost il-popli ta' l-Ewropa;

(2) Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijet tal-bniedem u l-libertà fundamentali, u l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri, u għandha tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u kif dawn jirriżultaw mit-tradizzjonijiet konsistuzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji generali tal-Liġijiet Komunitarji;

(3) Id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u għall-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni għall-persuni kollha jikkonstitwixxi dritt universali magħruf mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Eliminazzjoni ta' kull għamla ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' kull għamla ta' Diskriminazzjoni Abbażi ta' razza u l-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji;

(4) Huwa importanti illi dawn id-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati, inkluż id-dritt għall-liberta ta' l-assoċjazzjoni. Huwa importanti wkoll, fil-kuntest ta' l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u l-provvediment tagħhom, li tiġi rrispetta l-protezzjoni tal-ħajja privata u dik tal-familja u t-transazzjonijiet imwettqa f'dan il-kuntest;

(5) Il-Parlament Ewropew adotta numru ta' Riżoluzzjonijiet dwar il-ġlieda kontra ir-razziżmu fl-Unjoni Ewropea;

(6) L-Unjoni Ewropea tirrifjuta t-teoriji li jippruvaw jistabbilixxu l-eżistenza ta' razez umani separati. L-użu ta' l-espressjoni "oriġini ta' razza" f'din id-Direttiva ma jimplikax l-aċċettazzjoni ta' dawn it-teoriji;

(7) Il-Kunsill Ewropew f'Tampere, fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, stieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta mill-aktar fis possibli proposti li jimplimentaw l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE rigward il-ġlieda kontra r-razziżmu u x-xenofobja;

(8) Il-Linji Gwida dwar ix-Xogħol fis-sena 2000 miftiehma mill-Kunsill Ewropew ta' Helsinki, ta'l-10 u l-11 ta' Diċembru 1999, jenfasizzaw il-ħtieġa sabiex jitrawwmu l-kondizzjonijiet għas-suq tax-xogħol soċjalment inklussiv billi jifformulaw grupp koerenti ta' politiki mmirati lejn il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra gruppi bħalma huma l-minoritajiet etniċi;

(9) Id-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza u l-etniċità jistgħu jimminaw il-kisba ta' l-għanjiet tat-Trattat tal-KE, b'mod partikolari l-kisba ta' livell għoli fix-xogħol u fil-protezzjoni soċjali, li jogħlew l-istandards ta' l-għixien u l-kwalità tal-ħajja, tal-koerenza u s-solidarjetà ekonomika u soċjali. Tista' wkoll timmina l-għan li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa bħala art ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

(10) Il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar ir-razziżmu, ix-xenofobja u kontra s-Semitiżmu f'Diċembru 1995;

(11) Fil-15 ta' Lulju 1996, il-Kunsill adotta Azzjoni Konġunta (96/443/JHA) li tirrigwarda azzjoni sabiex jiġu miġġielda r-razziżmu u x-xenofobja [5] li biha l-Istati Membri indaħlu li jiżguraw koperazzjoni ġudizzjarja effettiva rigward l-offiżi bbażati fuq imġieba razzista u xenofobika;

(12) Sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp ta' soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-persuni kollha irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, l-azzjonijiet speċifiċi fil-qasam tad-diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità għandhom imorru iktar 'il bogħod mill-aċċess għall-attivitajiet tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom u jkopru oqsma bħall-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali inkluzi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali u l-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi u l-provvediment tagħhom;

(13) Għal dan il-għan, id-diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq -oriġini tar-razza jew l-etniċità rigward l-oqsma koperti minn din id-Direttiva għandha tkun ipprojbita fil-Komunità kollha. Din il-projbizzjoni dwar id-diskriminazzjoni għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, imma ma tkoprix id-differenzi ta' trattament ibbazat fuq in-nazzjonalità u hi mingħajr preġudiżżju għad-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u l-aċċess tagħhom għax-xogħol u għal mestier;

(14) Fl-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali irrispettivament mill-origini tar-razza jew l-etniċità, il-Komunitá għandha, skond l-Artikolu 3(2) tat-Trattat tal-KE, timmira li telimina l-inugwaljanza, u tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, speċjalment ġaladarba n-nisa huma spiss il-vittmi ta' diskriminazzjoni multipla;

(15) L-apprezzament tal-fatti li minnhom jista' jiġi inferit illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta huwa materja għall-korpi kompetenti nazzjonali, ġudizzjarja jew oħra, skond ir-regoli tal-liġijiet jew il-prattika nazzjonali. Dawn ir-regoli jistgħu jipprovdu b'mod partikolari li d-diskriminazzjoni indiretta tiġi stabbilita b'kull mezz inkluż fuq il-bazi ta' xhieda statistika;

(16) Huwa importatni li jiġu protetti l-persuni naturali kollha kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fejn approprjat skond it-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali tagħhom, il-protezzjoni lill-persuni legali fejn isofru minn diskriminazzjoni msejsa fuq l-origini tar-razza jew l-etniċità tal-membri tagħhom;

(17) Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għaż-żamma jew l-addozzjoni ta' miżuri maħsuba sabiex jipprevjienu jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi sofferti minn gruppi ta' persuni ta' oriġini ta' razza jew etnika partikolari, u dawn il-miżuri jistgħu jippermettu organizzazzjonijiet ta' persuni ta' oriġini ta' razza jew etnika partikolari fejn il-għan l-aktar importanti huwa l-promozzjoni tal-ħtiġijiet speċjali ta' dawn il-persuni;

(18) F'ċirkostanzi limitati ħafna, tista' tkun iġġustifikata differenza fit-tarattament fejn karatteristika li jkollha x'taqsam ma' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità jikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti fix-xogħol, meta l-għan huwa leġittimu u l-ħtieġa hija pproporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fit-tagħrif ipprovdut mill-Istati Membri lill-Kummissjoni;

(19) Il-persuni li kienu bla ħsara għal diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandu jkollhom il-mezzi adegwati ta' protezzjoni legali. Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta' protezzjoni, l-assoċjazzjonijiet jew l-entitajet legali għandhom jingħataw ukoll il-poter li jdaħħlu, jekk l-Istati Membri hekk jistabbilixxu, jew f'isem kull vittma jew b'appoġġ għaliha, fi proċeduri legali, mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-proċedura nazzjonali li jirrigwardaw ir-rapreżentanza u d-difiża quddiem il-qrati;

(20) L-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' l-ugwaljanza tirrikjedi protezzjoni ġudizzjarja adegwata kontra l-vittimizzazzjoni;

(21) Ir-regoli tal-piż tal-prova jridu jiġu addattati meta jkun hemm każ prima facie ta' diskriminazzjoni u, sabiex il-prinċipju tat-trattament ugwali jiġi applikat effettivament, il-piż tal-prova jrid imur lura għand ir-rispondent meta titressaq xiehda ta' dan it-tip ta' diskriminazzjoni;

(22) L-Istati Membri ma għandhomx il-ħtieġa li japplikaw ir-regoli dwar il-piż tal-provi fil-proċeduri fejn huma l-qorti jew korpi kompetenti oħra li jridu jinvestigaw il-fatti tal-każ. Il-proċeduri hekk riferiti għalihom huma dawk illi fihom il-kwerelant ma jkunx mitlub li jipprova l-fatti, li jkun għall-qorti jew għall-korpi kompetenti li jridu jagħmlu l-investigazzjonijiet;

(23) L-Istati Membri għandhom jippromwovu d-djalogu bejn l-imsieħba soċjali u ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jindirizzaw għamliet differenti ta' diskriminazzjoni u sabiex jikkumbattuhom;

(24) Il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandha tissaħħaħ hija stess bl-eżistenza tal-korp jew il-korpi f'kull Stat Membru, b'kompetenza li janalizzaw il-problemi involuti, sabiex jiġu studjati s-soluzzjonijiet possibli u sabiex jipprovdu assistenza konkreta lill-vittmi;

(25) Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet minimi, biex b'hekk tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhiex isservi sabiex tiġġustifika kull rigress fejn għandha x'taqsam is-sitwazzjoni li tkun diġà teżisti f'kull Stat Membru;

(26) L-Istati Membri għandhom jipprovdu sanzjonijiet effettivi, ipproporzjonati u disswadenti fil-każ ta' ksur ta' l-obbligi skond din id-Direttiva;

(27) Fuq it-talba konġunta tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jafdaw f'idejn il-korp maniġerjali jew tal-ħaddiema l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva rigward id-dispożizzjonijiet li jidħlu fl-iskop ta' l-arranġamenti kollettivi, sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa li huma jkunu jistgħu jiggarantixxu kull ħin ir-riżultati imposti minn din id-Direttiva;

(28) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità ddikjarati fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-KE, l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri illi jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni komuni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri kollha, ma' jistax jinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri u jista' għalhekk, għar-raġuni ta' l-iskala u ta' l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jinkiseb aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma' tmurx iktar 'il bogħod minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

L-Għan

L-għan ta' din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta' trattament ugwali.

Artikolu 2

Il-kunċett tad-diskriminazzjoni

1. Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, il-prinċipju ta' trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2. Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a) diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f'sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b) diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta' oriġini, ta' razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma' persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta' din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

3. Il-fastidju għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 1, meta tiġri kondotta mhux mixtieqa li jkollha x'taqsam ma' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità bl-għan jew bl-effett li tiġi disprezzata d-dinjità tal-persuna u l-ħolqien ta' ambjent li jintimida, ostili, degradanti, umiljanti u offensiv. F'dan il-kuntest, il-kunċett tal-fastidju jista' jiġi ddefinit skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali ta' l-Istati Membri.

4. Istruzzjoni sabiex tiddiskrimina kontra persuna msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità għandha titqies li hija diskriminazzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 1.

Artikolu 3

Il-Qasam ta' Applikazzjoni

1. Fil-limiti tal-poteri mogħtija lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, f'dak li għandu x'jaqsam mas-setturi pubbliċi u privati, inklużi l-korpi pubbliċi, f'relazzjoni ma':

(a) il-kondizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol, għax-xogħol għal rasu u għal mestier, inklużi l-għażla tal-kriterji u l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta' l-attivitajiet u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

(b) l-aċċess għat-tipi kollha u l-livelli kollha ta' gwida vokazzjonali, tat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid vokazzjonali avvanzati, inkluża l-esperjenza tax-xogħol prattiku;

(ċ) il-kondizzjonijiet ta' l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluzi t-tkeċċija u l-paga;

(d) is-sħubija u l-involviment f'organizzazzjoni tal-ħaddiema jew ta' min iħaddem, jew kull organizzazzjoni li l-membri tagħha jwettqu professjoni partikolari, inklużi l-benefiċċji pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet;

(e) il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa;

(f) il-vantaġġi soċjali;

(g) l-edukazzjoni;

(h) l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi u l-provediment tagħhom li huma disponibbli għall-pubbliku, inklużi d-djar.

2. Din id-Direttiva ma' tkoprix id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta' ċittadini minn pajjiżi terzi u ta' persuni mingħajr stat fit-territorju ta' l-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istat legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat interessati.

Artikolu 4

Il-Ħtiġiet ġenwini u determinanti tal-mestier

Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi d-differenza fit-trattament imsejjes fuq karatteristika li għandha x'taqsam ma' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni fejn, minħabba n-natura ta' l-attivitajiet partikolari tal-mestier interessat jew tal-kuntest fejn jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi l-ħtieġa ġenwina u determinaanti tal-mestier, sakemm dan l-għan huwa leġittmu u l-ħtieġa hija approprjata.

Artikolu 5

L-azzjoni pożittiva

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika, il-prinċipju tat-trattament ugwali ma għandux iżomm Stat Membru milli jżomm fis-seħħ jew jadotta miżuri speċifiċi sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi marbuta ma' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

Artikolu 6

Il-ħtiġijiet minimi

1. L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet illi huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

2. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma' għandha taħt l-ebda ċirkustanza tikkostitwixxi raġunijiet għat-tnaqqis fil-livell tal-protezzjoni mid-diskriminazzjoni diġà pprovduti mill-Istati Membri fl-oqsma koperti b'din id-Direttiva.

KAPITOLU II

IR-RIMEDJI U L-INFURZAR

Artikolu 7

Id-difiża tad-drittijiet

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, li jinkludu fejn jidhrilhom approprjat, illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni, għall-infurzar ta' l-obbligi skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, saħansitra wara li tkun waqfet ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet oħra legali, li, skond il-kriterja stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva jiġu mħarsa, jistgħu jaqbdu jaħdmu, jew f'isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f'kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva pprovduta sabiex tinforza l-obbligi skond din id-Direttiva.

3. Il-paragrafi 1 u 2 huma mingħajr preġudizzju għar-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-limiti taż-żmien li fihom jinġiebu azzjonijiet li jirrigwardaw il-prinċipju tat-trattament ugwali.

Artikolu 8

Il-piż tal-provi

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali.

2. Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lill-Istati Membri milli jintroduċu regoli ta' evidenza li huma aktar favorevoli għall-kwerelenti.

3. Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-proċeduri kriminali.

4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll ma' kull proċedura legali skond l-Artikolu 7(2).

5. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-proċeduri legali fejn huwa għall-qorti jew għall-korpi kompetenti li jinvestigaw il-fatti tal-każ.

Artikolu 9

Il-vittimizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jintroduċu fis-sistemi legali tagħhom dawk il-miżuri li huma meħtieġa sabiex jipproteġu individwi minn kull trattament żvantaġġuż jew konsegwenza żvantaġġuża bħala reazzjoni għall-ilmenti jew għall-proċeduri legali mmirati sabiex jinfurzaw il-konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali.

Artikolu 10

It-tixrid tat-tagħrif

L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb illi d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ, jiġu mressqa għall-attenzjoni tal-persuni interessati bil-miżuri kollha approprjati fit-territorju kollu tagħhom.

Artikolu 11

Id-djalogu soċjali

1. L-Istati Membri għandhom, skond it-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali, jieħdu l-miżuri adegwati sabiex jippromwovu d-djalogu soċjali bejn iż-żewġ naħat ta' l-industrija bl-għan li jrawwmu t-trattament ugwali, inkluż permezz tal-monitoraġġ tal-prattiċi fuq il-post tax-xogħol, ta' l-arrangamenti kollettivi, tal-kodiċi tal-kondotta, tar-riċerka jew ta' l-iskambju ta' esperjenzi u prattiċi tajba.

2. Fejn konsistenti mat-tradizzjonijiet u l-prattiċi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu liż-żewg naħat ta' l-industrija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tagħhom li jikkonkludu, fil-livell approprjat, ftehim li jistabbilixxu r-regoli kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma riferiti fl-Artikolu 3 li jidħlu fl-iskop tan-negozji kolletivi. Dawn il-ftehimijiet għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet minimi stabbiliti b'din id-Direttiva u l-miżuri nazzjonali rilevanti ta' implimentazzjoni

Artikolu 12

Id-djalogu ma' l-organizzazzjonijiet mhux governattivi

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu d-djalogu ma' l-organizzazzjonijiet appropjati mhux governattivi li għandhom, skond il-liġjiet u l-prattika nazzjonali tagħhom, interess legittimu li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni msejjsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità bl-għan li jipromwovu l-prinċipju tat-trattament ugwali.

KAPITOLU III

IL-KORPI GĦALL-PROMOZZJONI TAT-TRATTAMENT UGWALI

Artikolu 13

1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw korp jew korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni kollha mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' l-oriġini tar-razza jew l-etniċità. Dawn il-korpi jistgħu jagħmlu parti minn aġenziji mogħtija r-responsabbiltà fuq livell nazzjonali mid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem jew is-salvagwardjar tad-drittijiet ta' l-individwi.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kompetenzi ta' dawn il-korpi jinkludu:

- mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta' l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra referiti fl-Artikolu 7(2), li jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fis-segwiment ta' l-ilmenti tagħhom rigward id-diskriminazzjoni.

- li jagħmlu taħriġ indipendenti li jirrigwarda d-diskriminazzjoni,

- li jippublikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkommandazzjonijiet dwar kull kwistjoni li jkollha x'taqsam ma' din it-tip ta' diskriminazzjoni.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Il-konformità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi:

(a) tiġi abolita kull liġi, regolament u dispożizzjoni amministrattiva kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali;

(b) tiġi jew tista' tiġi ddikjarata nulla u battala jew emendata kull dispożizzjoni kuntrarja għall-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi f'kuntratti jew ftehim individwali jew kolletivi, fir-regoli interni ta' l-impriżi, ir-regoli li jirregolaw l-assoċjazzjonijiet li jaħdmu għall-qligħ jew mingħajr qligħ, u r-regoli li jirregolaw il-professjonijiet indipendenti u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u ta' min iħaddem.

Artikolu 15

Is-sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet li japplikaw għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinkludu l-ħlas ta' kumpens għall-vittma, iridu jkunu effettivi, pproporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mid-19 ta' Lulju 2003 u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien bl-emendi li jaffettwawhom.

Artikolu 16

L-implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sad-19 ta' Lulju 2003 jew jistgħu jafdaw lill-korpi maniġerjali u tal-ħaddiema, fuq it-talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva rigward id-dispożizzjonijiet li jidħlu fl-iskop ta' ftehimijiet kolletivi. F'dawn il-każi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi sad-19 ta' Lulju 2003, il-korpi maniġerjali u tax-xogħol idaħħlu l-miżuri meħtieġa bi ftehim, filwaqt illi l-Istati Membri jiġu mitluba li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jgħinuhom illi f'kull ħin ikunu fil-pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu b'dan lill-Kummissjoni minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 17

Ir-rapport

1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sad-19 ta' Lulju 2005, u kull ħames snin wara din id-data, it-tagħrif kollu meħtieġ sabiex il-Kummissjoni tfassal rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

2. Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jqis, kif meħties, il-veduti taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tar-Razziżmu u x-Xenofobja, kif ukoll il-veduti ta' l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet rilevanti mhux governattivi. Skond il-prinċipju tad-dħul fil-kurrent prinċipali dwar is-sess, dan ir-rapport għandu, fost ħwejjeġ oħra, jipprovdi stima ta' l-impatt tal-miżuri meħuda dwar in-nisa u l-irġiel. Fid-dawl tat-tagħrif irċevut, dan ir-rapport għandu jinkludi, jekk meħtieġ, proposti għar-reviżjoni u l-aġġornament ta' din id-Direttiva.

Artikolu 18

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 19

Lil min indirizzata

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' Ġunju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Arcanjo

[1] Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

[2] Opinjoni mogħtija fit- 18.5.2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] Opinjoni mogħtija fit- 12.4.2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] Opinjoni mogħtija fil- 31.5.2000 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 185, ta' l-24.7.1996, p. 5.

--------------------------------------------------