32000L0030



Official Journal L 203 , 10/08/2000 P. 0001 - 0008


Id-Direttiva 2000/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-6 ta' Ġunju 2000

dwar l-ispezzjoni teknika tal-ġenb tat-triq biex jiġi stabbilit jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fil-Komunità humiex tajba għat-triq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71(1)(ċ) u (d) tat-Trattat,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) It-tkabbir fit-traffiku jippreżenta lill-Istati Membri kollha bi problemi ta' sigurtà u bi problemi ambjentali ta' natura u ta' serjetà simili.

(2) Huwa fl-interess tas-sigurtà fuq it-toroq, tal-ħarsien ta' l-ambjent u tal-kompetizzjoni ġusta li l-vetturi kummerċjali jintużaw biss jekk ikunu miżmuma f'kundizzjoni teknika tajba għat-triq ta' livell għoli.

(3) B'mod konformi mad-Direttiva 96/96/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet li jistabbilixxu jekk il-karozzi u l-karrijiet tagħhom humiex f'kundizzjoni tajba għat-triq [4], il-vetturi kummerċjali huma spezzjonati minn entità awtorizzata kull sena.

(4) L-Artikolu 4 tad-Direttiva 94/12/KE [5] jistabbilixxi metodi multidirezzjonali għall-aspetti ta' spejjeż/effetività tal-miżuri intiżi biex inaqqsu t-tniġġiż ikkawżat mit-trasport fuq it-toroq; billi l-programm Ewropew "Auto-oil I" inkorpora dak il-metodu u ta stima oġġettiva ta' l-iktar miżuri vantaġġużi kollha fl-oqsma tat-teknoloġija tal-vetturi, il-kwalità tal-karburanti, is-sorveljanza u l-manutenzjoni kif ukoll miżuri li m'humiex tekniċi, biex inaqqsu l-emissjoni mit-trasport bit-triq.

(5) Fl-isfond ta' dan il-metodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill addottaw id-Direttiva 98/70/KE [6], li għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tal-karburanti u, bl-iskop li jiġu stabbiliti standards ta' emissjoni aktar stretti, id-Direttiva 98/69/KE [7], għal karozzi privati u vetturi kummerċjali ħfief u d-Direttiva 1999/96/KE [8] għal vetturi li jġorru oġġetti tqal.

(6) Din id-Direttiva tifforma parti mill-istess metodu, imma tidher li hija iktar effettiva mill-perspettiva tal-ħarsien ambjentali, għalkemm mhux f'dan l-istadju, biex tissika l-istandards għat-testijiet li jistabbilixxu jekk il-kundizzjoni ta' vettura hijiex tajba għat-triq li huma stabbiliti mid-Direttiva 96/96/KE, imma sabiex tipprovdi għall-ispezzjonijiet tekniċi tal-ġenb tat-triq li jassiguraw l-applikazzjoni ta' dik id-Direttiva matul is-sena.

(7) It-test regolat li jsir fuq bażi annwali u li jistabbilixxi jekk vettura tinsabx f'kundizzjoni tajba għat-triq fil-fatt m'huwiex meqjus li huwa biżżejjed sabiex jiggarantixxi li l-vetturi kummerċjali ittestjati huma f'kundizzjoni tajba għat-triq matul is-sena.

(8) L-infurzar effettiv permezz ta' spezzjonijet tekniċi addizzjonali mmirati fil-ġenb tat-triq hi miżura li tiffranka l-ispejjeż biex tikkontrolla l-istandard tal-manutenzjoni tal-vetturi kummerċjali fuq it-triq.

(9) L-ispezzjonijiet mal-ġenb tat-triq li jistabbilixxu jekk vettura tinsabx f'kundizzjoni tajba għat-triq għandhom isiru mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi tan-nazzjonalità tax-xufier jew tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni jew tad-dħul fis-servizz tal-vettura kummerċjali.

(10) Il-metodu ta' l-għażla ta' l-ispezzjoni għandu jkun ibbażat fuq metodu immirat, li jagħmel l-akbar sforz biex jidentifika l-vetturi li jidhru li x'aktarx jinsabu fl-aktar kondizzjoni ħażina u li b'hekk itejbu l-effetività operazzjonali ta' l-awtoritajiet u jimminimizzaw l-ispejjeż u d-dewmien lix-xufiera u lill-operaturi.

(11) Fl-eventwalità li jkun hemm nuqqasijiet serji fil-vettura spezzjonata irid ikun possibbli li wieħed isaqsi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn il-vettura hija rreġistrata jew fejn il-vettura iddaħħlet fis-servizzz biex jieħdu l-miżuri xierqa u jinfurmaw lill-Istat Membru li jagħmel it-talba, bi kwalunwe miżuri ta' azzjoni meħuda.

(12) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni [9].

(13) B'mod konformi mal-prinċipji tas-sussidjaretà u tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta, b'mod partikolari l-istabbiliment ta' reġim ta' spezzjonijiet maġenb it-triq tal-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fil-Komunità, ma jistgħux jinkisbu b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba l-iskala ta' l-azzjoni jintlaħqu aħjar mill-Komunità; din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal dak l-iskop,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Sabiex tiġi mtejba s-sigurtà fit-toroq u l-ambjent, l-iskop ta' din id-Direttiva għandu jkun li jagħmel ċert li l-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fit-territorji ta' l-Istati Membri tal-Komunità jikkonformaw b'mod aktar sħiħ ma' ċerti kundizzjonijet tekniċi imposti mid-Direttiva 96/96/KE.

2. Din id-Direttiva tistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet għall-ispezzjonijiet mal-ġenb tat-triq li jistabbilixxu jekk il-vetturi kummerċjali li jiċċirkulaw fit-territorju tal-Komunità humiex f'kundizzjoni tajba għat-triq.

3. Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti tal-Komunità, din id-Direttiva m'għandhiex, madanakollu, taffetwa d-dritt ta' l-Istati Membri li jwettqu l-ispezzjonijiet tekniċi li jaqgħu taħt din id-Direttiva jew biex jikkontrollaw aspetti oħrajn tat-trasport fuq it-toroq, b'mod partikolari dawk li għandhom x'jaqsmu mal-vetturi kummerċjali. Min-naħa l-oħra, m'hemm xejn li jżomm lil Stat Membru, fil-kuntest ta' spezzjonijiet li ma jaqgħux taħt id-Direttiva, milli jagħmel kontrolli ta' l-oġġetti elenkati fl-Anness I f'postijiet oħra minbarra t-triq ewlenija pubblika.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

"vettura kummerċjali" għandha tfisser il-karozzi u l-karrijiet definiti fil-kategoriji 1, 2 u 3 ta' l-Anness I tad-Direttiva 96/96/KE;

"spezzjoniiet tekniċi mal-ġenb tat-triq" għandha tfisser spezzjoni ta' natura teknika, li m'hijiex imħabbra mill-awtoritajiaet u għalhekk mhux mistennija, ta' vettura kummerċjali li tiċċirkola fit-territorju ta' Stat Membru mwettqa fi triq ewlenija pubblika mill-awtoritajiet, jew taħt is-sorveljanza tagħhom;

"test li jistabbilixxi jekk vettura hijiex f'kundizzjoni tajba għat-triq" għandha tfisser test tekniku kif provdut fl-Anness II tad-Direttiva 96/96/KE.

L-Artikolu 3

1. Kull Stat Membru għandu jintroduċi spezzjonijiet tekniċi mal-ġenb tat-triq b'tali mod li jilħqu l-għanijiet imsemmija fl- Artikolu 1 fir-rigward ta' vetturi kummerċjali li jaqgħu taħt din id-Direttiva, li jżommu f'moħħhom l-arranġamenti nazzjonali applikabbli għal tali vetturi taħt id-Direttiva 96/96/KE.

2. Kull spezzjoni teknika għandha titwettaq mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi tan-nazzjonalità tax-xufier jew tal-pajjiż tar-reġistrazzjoni jew tad-dħul fis-servizz tal-vettura kummerċjali, li tqis il-ħtieġa li l-ispejjeż u d-dewmien imġarrba mix-xufiera u mill-operaturi jinżammu minimi.

L-Artikolu 4

1. Spezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq għandha tikkonsisti f'wieħed jew fi tnejn mill-aspetti li ġejjin jew kollha:

(a) evalwazzjoni viżwali tal-kundizzjonijet ta' manutenzjoni tal-vettura kummerċjali meta wieqfa;

(b) verifika tar-rapport tekniku riċenti ta' spezzjoni mal-ġenb tat-triq kif imsemmi fl-Artikolu 5 jew fid-dokumentazzjoni li tiċċertifika jekk vettura tinsabx f'kundizzjoni teknika tajba għat-triq u b'mod partikolari, fil-każ ta' vettura rreġistrata mpoġġija fis-servizz fi Stat Membru, prova li l-vettura kummerċjali sarilha test tekniku statutorju biex jiġi stabbilit jekk tinsabx f'kundizzjoni tajba għat-triq b'mod konformi mad-Direttiva 96/96/KE;

(ċ) spezzjoni ta' l-irregolaritajiet li tkopri waħda, iżjed minn waħda jew il-karatteristiċi kollha li jridu jiġu kkontrollati u li huma elenkati fl-Anness I, il-punt 10.

2. Spezzjoni tas-sistemi tal-brejkijiet u l-emissjoni ta' l-exhaust għandha ssir b'mod konformi mar-regoli stabbiliti fl-Anness II.

3. Qabel ma titwettaq spezzjoni ta' l-affarijiet elenkati fl-Anness I, il-punt 10, l-ispettur għandu jagħti każ ta' l-aħħar ċertifikat li jistabbilixxi jekk vettura tinsabx f'kundizzjoni tajba għal fuq it-triq u/jew ir-rapport ta' l-ispezzjoni teknika riċenti li x-xufier jiippreżenta.

L-ispettur jista' jagħti każ ukoll ta' kwalunkwe ċertifikat ta' sigurtà maħruġ minn korp approvat, preżentat, fejn xieraq, mix-xufier.

Meta dawn iċ-ċertifikati u/jew ir-rapport jipprovaw li l-ispezzjoni ta' wieħed jew iżjed mill-karatteristiċi mniżżlin fl-Anness I, il-punt 10, ġew imwettqa matul it-tliert xhur preċedenti, din il-karatteristika m'għandhiex tiġi kkontrollata darb'oħra, ħlief fejn dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet ta' difett ovvju u/jew irregolaritajiet.

L-Artikolu 5

1. L-ispezzjoni teknika mal-ġenb tat-triq li għandha x'taqsam ma' l-ispezzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 4(1)(ċ) għandha tkun imfassla mill-awtorità jew mill-ispettur li jwettaqhom. Fl-Anness I, il-punt 10 jinsab eżempju ta' rapport, li jinkludi checklist. L-awtorità jew l-ispettur irid jimmarka l-kaxxi relevanti. Ir-rapport irid jingħata lix-xuffier tal-vettura kummerċjali.

2. Jekk l-awtorità jew l-ispettur jidhrilhom li n-nuqqasijiet fil-manutenzjoni ta' vettura kummerċjali jistgħu jirrappreżentaw riskju għas-sigurtà b'tali mod, speċjalment fir-rigward tal-brejkijiet, li jkun iġġustifikat li jsiru eżaminazzjonijiet ulterjuri, il-vettura kummerċjali tista' tiġi soġġetta għal test aktar elaborat f'ċentru tat-testijiet fil-viċinità, mill-Istat Membru, b'mod konformi ma' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 96/96/KE.

Jekk isir ċar li vettura kumerċjali tirrappreżenta riskju serju lill-okkupanti tagħha jew lill-utenti l-oħrajn tat-triq jew matul l-ispezzjoni fil-ġenb tat-triq li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 4(1) jew matul it-test iktar elaborat li għalih issir referenza fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-użu ta' dik il-vettura jista' jkun ipprojbit sa kemm in-nuqqasijiet perikolużi li nstabu jkunu ġew irranġati.

L-Artikolu 6

Kull sentejn, qabel il-31 ta' Marzu, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni miġbura li għandha x'taqsam mas-sentejn ta' qabel li tirrigwarda n-numri tal-vetturi kummerċjali kkontrollati, kklassifikati bil-kategorija b'mod konformi ma' l-Anness I, il-punt 6 u bil-pajjiż tar-reġistrazzjoni, u l-karatteristiċi kkontrollati u n-nuqqasijiet innutati, fuq il-bażi ta' l-Anness I, il-punt 10.

L-ewwel informazzjoni sottomessa għandha tkopri perjodu ta' sentejn li jibda fl-1 ta' Jannar 2003.

Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jassistu wieħed lill-ieħor fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. B'mod partikolari, huma għandhom jipprovdu lil xulxin b'dettalji ta' l-uffiċċju (uffiċċji) responsabbli għat-twettiq tal-kontrolli u ta' l-ismijiet tal-persuni ta' kuntatt.

2. Nuqqasijiet serji f'vettura kummerċjali li hi ta' xi ħadd li m'huwiex resident, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw fi projbizzjoni fuq l-użu tal-vettura, għandhom jiġu rrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn il-vettura hija rreġistrata jew fejn tpoġġiet fis-servizz permezz ta' eżempju ta' rapport fl-Anness I, mingħajr preġudizzju għall-prosekuzzjoni b'mod konformi mal-leġislazzjoni fis-seħħ fl-Istati Membri fejn in-nuqqas ġie rreġistrat.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn instab nuqqas serju f'vettura kummerċjali li hi ta' persuna mhux residenti jistgħu jitolbu lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru fejn il-vettura hi rreġistrata jew impoġġija fis-servizz biex tieħu miżuri xierqa fir-rigward ta' min jikser il-liġi, per eżempju li jissottometti l-vettura għal spezzjoni oħra biex jiġi stabbilit jekk hijiex f'kundizzjoni tajba għal fuq it-triq.

L-awtoritajiet kompetenti li ssirilhom talba għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn instabu n-nuqqasijiet fil-vettura kummerċjali dwar kull miżuri meħuda fir-rigward ta' min ikun kiser il-liġi.

L-Artikolu 8

Kull emendi li jkunu meħtieġa sabiex jiġi addattat l-Anness I jew l-istandards tekniċi definiti fl-Anness II għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9(2).

Dawn l-emendi ma jistgħux, madanakollu, iwasslu biex l-iskop ta' din id-Direttiva jiġi estiż.

L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat dwar l-Addattazzjoni għall-Progress tekniku stabbilit skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/96/KE, minn hawn ‘ il quddiem imsejjaħ il-"Kumitat".

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun iffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu.

L-Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom ifasslu arranġamenti għall-multi applikabbli meta xufier jew operatur jonqos milli josserva r-rekwiżiti tekniċi vverifikati fuq il-bażi ta' din id-Direttiva.

Huma għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jassiguraw li l-multi kollha jiġu enforzati. Il-penalitajiet imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

L-Artikolu 11

Fi żmien sena mill-wasla ta' l-informazzjoni li għaliha ssir referenza fl-Artikolu 6 mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva flimkien ma' sommarju tar-riżultati miksuba.

L-ewwel rapport għandu jkopri l-perjodu ta' sentejn mill-1 ta' Jannar 2003.

L-Artikolu 12

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-10 ta' Awwissu 2002. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.

2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri huma għandhom jinkludu referenzi għal din id-Direttiva jew iżidu dawk ir-referenzi fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom ifasslu l-manjiera ta' kif għandhom isiru dawn ir-referenzi.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 14

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fis-6 ta' Ġunju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

E. Ferro Rodrigues

[1] ĠU C 190, tat-18.6.1998, p. 10, u ĠU C 116E, tas-26.4.2000, p. 7.

[2] ĠU C 407, tat-28.12.1998, p. 112.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Frar 1999, (ĠU C 150, tat-28.5.1999, p. 27), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 1999 u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 Marzu 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' April 2000.

[4] ĠU L 46, tas-17.2.1997, p. 1. Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/KE (ĠU L 142, tal-5.6.1999, p. 26).

[5] Id-Direttiva 94/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 Marzu 1994 li għandha x'taqsam ma' miżuri li għandhom jittieħdu konta t-tniġġiż ta' l-arja b'emissjonijiet mill-vetturi u li temenda d-Direttiva 70/220/KEE (ĠU L 100, tad-19.4.1994, p. 42).

[6] Id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 li għandha x'taqsam mal-kwalità tal-petrol u ta' karburanti diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU L 350, tat-28.12.1998, p. 58).

[7] Id-Direttiva 98/69/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 li għandha x'taqsam ma' miżuri li għandhom jittieħdu kontra t-tniġġiż ta' l-arja mill-emissjonijiet mill-vetturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE (ĠU L 350, tat-28.12.1998, p. 1).

[8] Id-Direttiva 1999/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjoni ta' gassijiet u sustanzi f'forma ta' partikuli separati li jniġġsu minn magni ta' kompressjoni ta' l-ignition għall-użu fil-vetturi, u l-emissjoni ta' gassijiet li jniġġsu minn magni pożittivi ta' l-ignition li jieħdu gass naturali jew gass tal-petroljum likwidat għall-użu f'vetturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 88/77/KEE (ĠU L 44, tas-16.2.2000, p. 1).

[9] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

REGOLI DWAR L-ITTESTJAR U/JEW IL-KONTROLL TAS-SISTEMI TAL-BREJKIJIET U EMISSJONIJIET TA' L-EXHAUST

1. Kundizzjonijiet speċifiċi dwar il-brejkijiet

Huwa meħtieġ li kull parti tas-sistema tal-brejkijiet u l-mezzi tagħha ta' operazzjoni jinżammu f'kundizzjoni li jaħdmu sew u jkunu aġġustati kif suppost.

Il-brejkijiet tal-vettura jridu jissodisfaw il-funzjonijiet tal-brejkijiet li ġejjin:

(a) għall-vetturi bil-mutur u l-karrijiet jew is-semi-karrijiet tagħhom, brejk ta' servizz li jkun kapaċi jnaqqas il-veloċità tal-vettura u jkun kapaċi jwaqqafha malajr, u b'mod salv u effiċjenti, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet tat-tagħbija u irrispettivament mill-angolu ' l fuq jew ' l isfel tat-triq li fuqu tkun miexja;

(b) fir-rigward ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet u s-semi-karrijiet tagħhom brejk ta' l-ipparkjar li jkun kapaċi jżomm il-vetura wieqfa, tkun xi tkun il-kundizzjoni tat-tagħbija, u irrispettivament mill-angolu ' l fuq jew ' l isfel tat-triq;

2. Il-kundizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-emissjonijiet ta' l-exhaust

2.1. Vetturi bil-mutur armati b'magni li jaqbdu b'mod pożittiv (petrol)

(a) Meta l-emissjonijiet ta' l-exhaust ma jkunux ikkontrollati b'sistema avvanzata ta' kontroll ta' emissjoni bħal three-way catalytic converter li hija kkontrollata b'lambda-probe:

1. spezzjoni viżwali tas-sistema ta' exhaust biex tikkontrolla jekk hemmx xi tixrid;

2. jekk xieraq, spezzjoni viżwali ta' sistema ta' emissjoni ta' kontroll biex jiġi kkontrollat jekk it-tagħmir meħtieġ ġiex armat;

3. wara perjodu raġonevoli ta' kondizzjonar tal-magna (li jagħti każ tar-rakkomandazzjonijiet tal-fabbrikant tal-vettura) il-kontenut ta' karbonju monossid (CO) fil-gassijiet ta' l-exhaust għandu jiġi mkejjel meta il-magna tkun wieqfa (l-ebda tagħbija).

Il-kontenut massimu permessibbli ta' CO fil-gassijiet ta' l-exhaust li ma jeċċedix dan li ġej:

- fil-każ ta' vetturi rreġistrati jew impoġġija fis-servizz għall-ewwel darba bejn id-data minn meta l-Istati Membri bdew jesiġu li l-vetturi jikkonformaw mad-Direttiva 70/220/KEE [1] u l-1 ta' Ottubru 1986: Il-CO ma jistax jaqbeż l-4,5 % vol.,

- għal vetturi rreġistrati jew impoġġija fis-servizz għall-ewwel darba wara l-1 ta' Ottubru 1986: Il-CO ma jistax jaqbeż it- 3,5 % vol.

(b) Meta l-emissjonijiet ta' l-exhaust ikunu kkontrollati minn sistema ta' kontroll ta' emissjoni avvanzata bħal three-way catalytic converter li hija kkontrollata minn lambda-probe:

1. spezzjoni viżwali tas-sistema ta' l-exhaust li tivverifika li m'hemm l-ebda tixrid u li l-partijiet kollha huma kompluti;

2. spezzjoni viżwali tas-sistema ta' l-emissjoni tal-kontroll li tikkontrolla jekk it-tagħmir meħtieġ ġiex armat;

3. determinazzjoni ta' l-effiċjenza tas-sistema ta' kontroll tal-vettura mkejla bil-valur lambda tal-kontenut CO tal-gassijiet ta' l-exhaust b'mod konformi mat-taqsima 4.

4. emissjonijiet tal-pajp ta' l-exhaust - valuri tal-limiti

- kejl tal-veloċità tal-magna meta wieqfa:

Il- kontenut massimu permessibbli ta' CO fil-gassijiet ta' l-exhaust ma jistax jaqbeż l- 0,5 % vol.,

- kejl f'veloċità għolja (l-ebda tagħbija), il-veloċità tal-magna trid tkun ta' mill-anqas 2000 min−1:

kontenut CO: massimu 0,3 % vol.,

Lambda: 1 ± 0,03 jew b'mod konformi ma' l-ispeċifikazzjonijiet tal-fabbrikant.

2.2. Vetturi bil-mutur armati b'magni (diżil) li jistartjaw b'kompressjoni

Kejl ta' l-opaċità ta' l-exhaust tal-gass b'aċċellerazzjoni ħielsa (l-ebda tagħbija mill-punt tal-waqfien sal-punt tal-limitu tal-veloċità). Il-livell ta' konċentrazzjoni ma jridx jaqbeż [2] il-limiti tal-valur li ġejjin tal-koeffiċjenza ta' l-assorbiment:

- magni diżil aspirati b'mod naturali = 2,5 m−1,

- magni diżil turbo-charged = 3,0 m−1

jew valuri ekwivalenti fejn isir użu minn tagħmir ta' tip differenti minn dak li jikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti.

Vetturi rreġistrati jew impoġġija fis-servizz għall-ewwel darba qabel l-1 ta' Jannar 1980 huma eżenti minn dawn ir-rekwiżiti.

2.3. Tagħmir tat-test

Emissjonijet ta' vetturi li jużaw tagħmir nominat biex jistabbilixxi sew jekk il-limiti tal-valuri preskritti jew indikati mill-fabbrikant ġewx imħarsa.

[1] Id-Direttiva tal-Kunsill 70/220/KEE ta' l-20 ta' Marzu 1970 dwar l-approssimazzjonijiet tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mal-miżuri meħuda kontra t-tniġġiż mill-emissjonijiet tal-karozzi (ĠU L 76, tas-6.4.1970, p. 1). Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/102/KE (ĠU 334, tat- 28.12.1999, p. 43).

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 72/306/KEE tat-2 ta' Awissu 1972 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri mal-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu minn magni tad-diżil għall-użu fil-vetturi (ĠU L 190, ta' l-20.8.1972, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/20/KE (ĠU L 125, tas 16.5.1997, p. 2).

--------------------------------------------------