32000L0026



Official Journal L 181 , 20/07/2000 P. 0065 - 0074


Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-16 ta’ Mejju 2000

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 72/239/KEE u 88/357/KEE

(Ir-raba’ Direttiva dwar assigurazzjoni għall-vetturi)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 47(2) u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni nhar is-7 ta’ April 2000,

Billi:

(1) Bħalissa jeżistu differenzi bejn dispożizzjonijiet stipulati b’liġijiet, regolamenti jew azzjonijiet amministrattivi fi Stati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u dawk id-differenzi jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu ta’ persuni u ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni.

(2) Huwa għalhekk neċessarju li jiġu approssimati d-dispożizzjonijiet biex b’dan il-mod il-funzjonament tajjeb tas-suq wieħed jiġi promoss.

(3) Bid-Direttiva 72/166/KEE [4], il-Kunsill adotta dispożizzjonijiet dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur, u għall-applikazzjoni ta’ l-obbligu ta’ l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà bħal din.

(4) Bid-Direttiva 88/357/KEE [5], il-Kunsill adotta dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assikurazzjoni diretta apparti minn assikurazzjoni tal-ħajja u li jistabbilixxu dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi.

(5) Is-sistema ta’ bureau tal-kartolina ħadra tassigura l-pagament malajr għat-talbiet fil-pajjiż ta’ min ikun sofra korriment anki meta l-parti l-oħra tkun ġejja minn pajjiż Ewropew differenti.

(6) Is-sistema ta’ bureau ta’ kartolina ħadra ma ssolvix il-problemi kollha tal-parti li tkun sofriet ħsara li jkollha pretensjoni f’pajjiż ieħor kontra parti residenti hemm u impriża ta’ assikurazzjoni awtorizzata hemm (sistema legali barranija, lingwa barranija, proċeduri ta’ pagament mhux familjari u spiss ta’ dewmien bla raġuni għall-pagament).

(7) Bir-Riżoluzzjoni tas-26 ta’ Ottubru 1995 dwar il-pagament ta’ talbiet li joriġinaw minn inċidenti tat-traffiku li jseħħu barra mill-pajjiż ta’ l-oriġini ta’ min jagħmel it-talba [6], il-Parlament Ewropew, filwaqt li jaġixxi skond it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 192 tat-Trattat, talab lill-Kummissjoni li tissottometti proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu solvuti dawn il-problemi.

(8) Huwa fil-fatt xieraq li jiġu ssupplimentati l-arranġamenti stabbiliti bid-Direttivi 72/166/KEE, 84/5/KEE [7] u 90/232/KEE [8] sabiex il-partijiet li jsofru danni jew korriment bħala riżultat ta’ inċident ta’ vettura bil-mutur, ikunu garantiti trattament paragunabbli irrispettivament minn fejn fil-Komunità iseħħ l-inċident; għal inċidenti li joħorġu barra mill-kamp ta’ din id-Direttiva li jseħħu fi Stat għajr dak tar-residenza tal-parti li ssofri danni, hemm lakuni fir-rigward tal-pagamenti ta’ pretensjonijiet tal-parti li tkun sofriet danni.

(9) L-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal inċidenti li jseħħu f’pajjiżi terzi koperti bis-sistema ta’ kartolina ħadra, li jaffettwaw partijiet li jsofru danni li huma residenti fil-Komunità u jinvolvu vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru ma timplikax estenzjoni tal-kopertura territorjali obbligatorja ta’ assigurazzjoni ta’ vetturi kif previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 72/166/KEE.

(10) Dan ifisser li tingħata lill-parti danneġġjata d-dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni tal-parti responsabbli.

(11) Soluzzjoni sodisfaċenti tista’ tkun, għal parti li tkun sofriet telf jew korriment bħala riżultat ta’ inċident ta’ vettura bil-mutur li jidħol fil-kamp ta’ din id-Direttiva u li jseħħ fi Stat għajr dak tar-residenza tagħhom li jkunu intitolati għal pretensjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza kontra rappreżentant għall-pretensjonijiet maħtur hemm mill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-parti responsabbli.

(12) Din is-soluzzjoni tkun tiffaċilita li l-ħsara sofruta minn partijiet li jsofru danni barra mill-Istat Membru tar-residenza tagħhom ikunu ttrattati bi proċeduri familjari għalihom.

(13) Din is-sistema ta’ rappreżentanti għal pretensjonijiet fl-Istat Membru tar-residenza tal-parti danneġġjata ma taffetwa la s-sustanza tal-liġi li għandha tkun applikata f’kull każ individwali u lanqas il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni.

(14) L-eżistenza ta’ dritt ta’ azzjoni diretta kontra impriża ta’ assigurazzjoni għal parti li tkun sofriet telf jew korriment hija supplement loġiku għall-ħatra ta’ dawn ir-rappreżentanti u aktar minn hekk ittejjeb il-pożizzjoni legali tal-partijiet li jsofru danni f’inċidenti ta’ vetturi bil-mutur li jseħħu barra mill-Istat Membru tar-residenza ta’ dik il-parti.

(15) Sabiex jimtlew il-lakuni inkwistjoni, għandha ssir dispożizzjoni sabiex l-Istat Membru ta’ fejn l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tkun awtorizzata iġġiegħel lill-impriża taħtar rappreżentanti għall-pretensjonijiet li jkunu jew residenti jew stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra biex jiġbru l-informazzjoni kollha meħtieġa fir-rigward ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw minn inċidenti bħal dawn u li jieħdu l-azzjoni approprjata biex iħallsu il-pretensjonijiet f’isem u għall-kont ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni, inkluż il-pagament ta’ kumpens għal dan; ir-rappreżentant għat-talbiet għandu jkollu poteri suffiċjenti biex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ persuni li jsofru danni minn inċidenti bħal dawn, u wkoll biex jirrappreżenta l-impriża ta’ assigurazzjoni quddiem awtoritajiet nazzjonali inklużi, meta approprjat, quddiem il-qrati, sa kemm dan ikun kompatibbli mar-regoli tal-liġi privata internazzjonali dwar l-assenjazzjoni ta’ ġurisdizzjoni.

(16) L-attivitajiet tar-rappreżentant għall-pretensjonijiet mhumiex biżżejjed sabiex jagħtu ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-parti li tkun sofriet danni jekk ir-regoli tal-liġi privata internazzjonali dwar l-assenjazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ma jkunux jipprovdu dan.

(17) Il-ħatra ta’ rappreżentanti responsabbli għall-pagament ta’ għandha tkun waħda mill-kundizzjonijiet għal aċċess għal u t-tkomplija ta’ l-attività ta’ assikurazzjoni mniżżla fi klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE [9], ħlief għar-responsabbiltà tat-trasportatur i; dik il-kundizzjoni għandha għalhekk tkun koperta b’awtorizzazzjoni uffiċjali waħda maħruġa mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru ta’ fejn impriża ta’ assigurazzjoni tistabbilixxi l-uffiċju prinċipali tagħha, kif speċifikat fit-Titolu II tad-Direttiva 92/49/KEE [10]; dik il-kundizzjoni għandha ukoll tkun applikabbli għal impriżi ta’ assigurazzjoni li jkollhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom barra mill-Komunità li jkunu akkwistaw awtorizzazzjoni li tagħtihom aċċess għall-attività ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru tal-Komunità; id-Direttiva 73/239/KEE għandha tkun emendata u tiġi ssupplementata kif xieraq.

(18) Minbarra li wieħed jassigura li impriża ta’ assigurazzjoni jkollha rappreżentant fl-Istat fejn tgħix il-parti li ssofri danni, huwa xieraq li jkun iggarantit id-dritt speċifiku tal-parti danneġġjata li jkollha l-pretensjoni tagħha ttrattata minnufih; huwa għalhekk meħtieġ li jkun hemm inklużi fil-liġi nazzjonali pieni finanzjarji jew amministrattivi ekwivalenti xierqa u effettivi u sistematiċi — bħal ma huma inġunzjonijiet flimkien ma’ multi amministrattivi, rappurtar lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza fuq bażi regolari, kontrolli fuq il-post, il-pubblikazzjoni fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali u fl-istampa, is-sospenzjoni ta’ l-attivitajiet tal-kumpannija (il-projbizzjoni ta’ konklużjoni ta’ kuntratti ġodda għal perijodu speċifiku), ħatra ta’ rappreżentant speċjali ta’ l-awtoritajiet ta’ sorveljanza responsabbli li jikkontrolla li dak in-negozju jkun immexxi skond il-liġijiet ta’ l-assigurazzjoni, it-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjoni għal dan it-tip ta’ negozju, sanzjonijiet li għandhom ikunu imposti fuq diretturi u impjegati tat-tmexxija — fil-każ li l-impriża ta’ assigurazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha jonqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom li jagħmlu offerta ta’ kumpens f’limitu ta’ żmien raġonevoli; din m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ kull miżura oħra — speċjalamnet taħt il-liġi ta’ sorveljanza — li tista’ tkun meqjusa xierqa; madanakollu, hija kundizzjoni li r-responsabbiltà u l-ħsara u l-korriment involuti ma jkunux kontestati, sabiex l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun tista’ tagħmel offerta rraġunata fil-limitu ta’ żmien preskritt; l-offerta rraġunata għall-kumpens għandha tkun bil-miktub u jkun fiha l-bażi li fuqu ġew stmati r-responsabbiltà u l-ħsara.

(19) Minbarra dawk is-sanzjonijiet, huwa xieraq li jkun ipprovdut li għandu jkun pagabbli imgħax fuq l-ammont ta’ kumpens offert mill-impriża ta’ assigurazzjoni jew mogħti minn qorti lill-parti danneġġjata meta l-offerta ma tkunx saret fil-limitu taż-żmien stabbilit; jekk Stati Membri jkollhom regoli nazzjonali eżistenti li jkopru l-ħtiġiet għal imgħax fuq pagamenti tard din id-dispożizzjoni tista’ tkun implimentata b’referenza għal dawk ir-regoli.

(20) Partijiet danneġġjati li jsofru telf jew korriment bħala riżultat ta’ inċidenti minn vetturi bil-mutur kultant ikollhom id-diffikultà li jistabbilixxu l-isem ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni li tipprovdi assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur li jkunu ivoluti f’inċident.

(21) Fl-interess ta’ dawn il-partijiet danneġġjati, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentri ta’ informazzjoni biex jassiguraw li din l-informazzjoni tkun disponibbli mingħajr dewmien; dawn iċ-ċentri ta’ informazzjoni għandhom ukoll jagħmlu informazzjoni dwar ir-rappreżentanti għall-pretensjonijiet disponibbli lill-partijiet danneġġjati; huwa meħtieġ li dawn iċ-ċentri jikkooperaw ma’ xulxin u jirrispondu malajr għall-pretensjonijiet għal informazzjoni dwar rappreżentanti għall-pretensjonijiet magħmula minn ċentri fi Stati Membri oħrajn; jidher li huwa xieraq li dawn iċ-ċentri jiġbru informazzjoni dwar id-data ta’ terminazzjoni attwali tal-kopertura ta’ assigurazzjoni imma mhux dwar l-iskadenza tal-validità oriġinali tal-polza jekk it-tul tal-kuntratt ikun estiż minħabba non-kanċellazzjoni.

(22) Għandha ssir dispożizzjoni speċifika fir-rigward ta’ vetturi (per eżempju, vetturi tal-gvern jew tal-militar) li jidħlu fl-eżenzjonijiet mill-obbligu li jkunu assigurati kontra responsabbiltà ċivili.

(23) Il-parti danneġġjata jista’ jkollha interess leġittimu li tkun infurmata dwar l-identità tas-sid jew tax-xufier normali jew ta’ min ikun irreġistrat li jżomm il-vettura, per eżempju jekk hu jakkwista kumpens biss minn dawk il-persuni minħabba li l-vettura ma tkunx assigurata kif xieraq jew li l-ħsara teċċedi is-somma assigurata, din l-informazzjoni għandha ukoll tkun ipprovduta kif xieraq.

(24) Ċerta informazzjoni ipprovduta, per eżempju l-isem u l-indirizz tas-sid jew tax-xufier normali tal-vettura u n-numru tal-polza ta’ assigurazzjoni jew tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura, jikkostitwixxu dettalji personali fis-sens tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ dettalji personali u dwar il-moviment liberu ta’ dawk id-dettalji [11]; l-ipproċessar ta’ dawn id-dettalji li huwa meħtieġ għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu konformi mal-miżuri nazzjonali meħuda skond id-Direttiva 95/46/KE; l-isem u l-indirizz tax-xufier normali għandhom ikunu kkomunikati biss jekk il-leġislazzjoni nazzjonali tipprovdi għal komunikazzjoni bħal din.

(25) Huwa meħtieġ li ssir dispożizzjoni għal korp kumpensatorju li lilu l-parti li tkun sofriet danni tkun tista’ tapplika meta l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun naqset milli taħtar rappreżentant jew li tkun manifestament qed tipprokrastina l-pagament ta’ pretensjoni jew meta l-impriża ta’ assigurazzjoni ma tkunx tista’ tiġi identifikata biex tiggarantixxi li l-parti danneġġjata ma tibqax mingħajr kumpens li għalih tkun intitolata; l-intervent ta’ korp ta’ kumpens għandu jkun illimitat għal każijiet individwali rari meta l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun naqset milli tkun konformi mad-doveri tagħha anki jekk ikun hemm l-effett diswassiv ta’ l-impożizzjoni potenzjali ta’ pieni.

(26) Ir-rwol meħud minn korp ta’ kumpens hu dak li jwettaq it-talba fir-rigward ta’ xi telf jew korriment sofrut mill-parti danneġġjata biss fil-każijiet li jistgħu ikunu objettivament iddeterminati u għalhekk il-korp ta’ kumpens għandu jillimita l-attività tiegħu li jivverifika li offerta għal kumpens tkun saret skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stipulati, mingħajr ma ssir stima tal-merti.

(27) Persuni ġuridiċi li huma subrogati b’liġi lill-parti ddanneġġjata fil-pretensjonijiet tagħha kontra l-persuna responsabbli għall-inċident jew ta’ l-impriża ta’ assikurazzjoni ta’ dan ta’ l-aħħar (bħal ma huma, per eżempju, impriżi oħra ta’ assigurazzjoni jew korpi ta’ sigurtà soċjali) m’għandhomx ikunu intitolati li jippreżentaw pretensjoni korrispondenti mal-korp ta’ indennizz.

(28) Il-korp ta’ indennizz għandu jkollu d-dritt ta’ surroga safejn hu jkun indennizza l-parti danneġġjata; sabiex tkun iffaċilitata l-pretensjoni tal-korp ta’ indennizz kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni meta din tkun naqset li taħtar rappreżentant għall-pretensjonijiet jew tkun manifestament qed tipprokrastina fil-pagament ta’ pretensjoni, il-korp li jipprovdi indennizz fl-Istat tal-parti danneġġjata għandu jgawdi dritt awtomatiku għal ħlas lura b’surroga fid-drittijiet tal-parti danneġġjata min-naħa tal-korp korrispondenti fl-Istat ta’ fejn l-impriża ta’ assigrazzjoni tkun stabbilita; dan il-korp ta’ l-aħħar hu l-iżjed addattat biex jibda l-proċeduri kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni.

(29) Anki jekk l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-pretensjoni kontra korp ta’ indennizz tkun in subsidium, il-persuna danneġġjata m’għandhiex tkun obbligata li tippreżenta t-talba tagħha lill-persuna responsabbli għall-inċident qabel ma tippreżentaha lill-korp ta’ indennizz; f’dan il-każ il-parti danneġġjata għandha tkun alemnu fl-istess pożizzjoni bħal fil-każ ta’ pretensjoni kontra l-fond ta’ garanzija skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE.

(30) Din is-sistema tista’ tibda tiffunzjona permezz ta’ ftehim bejn il-korpi ta’ indennizz stabbiliti jew approvati mill-Istat Membru li jiddefinixxi l-funzjonijiet u l-obbligi tagħhom u l-proċeduri għal ħlas lura.

(31) Meta jkun impossibbli li jkun identifikat l-assiguratur ta’ vettura, għandha ssir dispożizzjoni sabiex id-debitur finali fir-rigward ta’ ħsarat li għandhom jitħallsu lill-parti danneġġjata huwa l-fond ta’ garanzija li jipprovdi għalih l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE li jinsab fl-Istat Membru fejn il-vettura li mhijiex assigurata, li l-użu tagħha jkun ikkawża l-inċident, tkun normalment ibbażata; meta jkun impossibbli li tkun identifikata l-vettura, għandha ssir dispożizzjoni sabiex id-debitur finali jkun il-fond ta’ garanzija li jipprovdi għalih l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE li jinsab fl-Istat Membru li fih seħħ l-inċident.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Il-Qasam ta’ l-applikazzjoni

1. L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għal partijiet li jsofru danni intitolati għal kumpens fir-rigward ta’ telf jew korriment li jirriżulta minn inċidenti li jseħħu fi Stat Membru minbarra dak l-Istat Membru tar-residenza tal-parti danneġġjata li jkunu ikkawżati mill-użu ta’ vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru.

Mingħajr preġudizzju għal-leġislazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-responsabbiltà ċivili u l-liġi privata internazzjonali, din id-Direttiva għandha ukoll tapplika għal partijiet danneġġjati li huma residenti fi Stat Membru u intitolati għal indennizz fir-rigward ta’ xi telf jew korriment li jirriżulta minn inċidenti li jseħħu f’pajjiżi terzi li l-bureaux nazzjonali ta’ l-assiguraturi tagħhom kif iddefiniti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 72/166/KEE ikunu issieħbu fis-sistema tal-Kartolina Ħadra kull meta dawn l-inċidenti jkunu kkawżati mill-użu ta’ vetturi assigurati u normalment ibbażati fi Stat Membru.

2. L-Artikoli 4 u 6 għandhom ikunu applikabbli biss fil-każ ta’ inċidenti kkawżati mill-użu ta’ vettura:

(a) assigurata permezz ta’ stabbiliment fi Stat Membru minbarra l-Istat tar-residenza tal-parti danneġġjata, u

(b) normalment ibbażata fi Stat Membru apparti mill-Istat tar-residenza tal-parti danneġġjata.

3. L-Artikolu 7 għandu ukoll japplika għal inċidenti kkawżati minn vetturi ta’ pajjiżi terzi koperti bl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 72/166/KEE.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

(a) "impriża ta" assigurazzjoni’ għandha tfisser impriża li tkun irċeviet awtorizzazzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 6 jew l-Artikolu 23(2) tad-Direttiva 73/239/KEE;

(b) "stabbiliment" tfisser l-uffiċju prinċipali, l-aġenzija jew il-fergħa ta’ impriża ta’ assigurazzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 88/357/KEE;

(ċ) "vettura" tfisser vettura kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(d) "parti danneġġjata" tfisser il-parti li ssofri danni kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(e) "l-Istat Membru li fih il-vettura normalment tkun ibbażata" ifisser it-territorju li fih il-vettura tkun normalment ibbażata kif iddefinit fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 72/166/KEE.

L-Artikolu 3

Dritt dirett ta’ azzjoni

Kull Stat Membru għandu jassigura li l-partijiet danneġġjati msemmija fl-Artikolu 1 f’inċidenti fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni igawdu minn dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra r-responsabbiltà ċivili.

L-Artikolu 4

Rappreżentanti għal pretensjonijiet

1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-impriżi kollha ta’ assigurazzjoni li jkopru r-riskji kklassifikati fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE, minbarra r-responsabbiltà ta’ trasportaturi, jaħtru rappreżentanti għal pretensjonijiet f’kull Stat Membru barra minn dak li fih ikunu irċevew l-awtorizzazzjoni uffiċjali tagħhom. Ir-rappreżentant għall-pretensjonijiet għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni u l-pagament tal-pretensjonijiet li joriġinaw minn inċident fil-każijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 1. Ir-rappreżentant tal-pretensjonijiet għandu jkun residenti jew stabbilit fl-Istat Membru ta’ fejn hu jkun maħtur.

2. L-għażla ta’ rappreżentant tagħha tal-pretensjonijiet għandha tkun fid-diskrezzjoni ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni. L-Istat Membru ma jistax jagħmel resrizzjoni fuq din l-għażla.

3. Ir-rappreżentant tal-pretensjonijiet jista’ jaħdem għal impriża ta’ assigurazzjoni waħda jew aktar.

4. Ir-rappreżentant tal-pretensjonijiet għandu, fir-rigward ta’ dawn il-pretensjonijiet, jiġbor l-informazzjoni kollha meħtieġa inkonnessjoni mal-pagament għall-pretensjonijiet u għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jinnegozja l-pagament tal-pretensjonijiet. Il-ħtieġa li jkun maħtur rappreżentant tal-pretensjonijiet m’għandhiex tippreġudika d-dritt tal-parti danneġġjata jew ta’ l-impriża tagħha ta’ assigurazzjoni li tibda proċeduri diretti kontra l-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew l-impriża ta’ l-assigurazzjoni tagħha.

5. Rappreżentanti tal-pretensjonijiet għandu jkollhom poteri biżżejjed biex jirrappreżentaw l-impriża ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ partijiet danneġġjati fil-każijiet li jirreferi għalihom l-Artikolu 1 u li jissodisfaw it-talbiet tagħhom bis-sħiħ. Għandhom ikunu kapaċi li jeżaminaw każijiet fil-lingwa/lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru tar-residenza tal-parti danneġġjata.

6. L-Istati Membri għandhom joħolqu obbligu, sostenut b’pieni finanzjarji jew amministrattivi ekwivalenti, xierqa, effettivi u sistematiċi, sabiex, fi żmien tliet xhur mid-data ta’ meta l-parti danneġġjata tkun ippreżentat il-pretensjoni tagħha għal indennizz jew direttament jew lill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew lir-rappreżentant tagħha tal-pretensjonijiet,

(a) l-impriża ta’ assigurazzjoni tal-persuna li tkun ikkawżat l-inċident jew ir-rappreżentant tagħha tal-pretensjonijiet ikunu meħtieġa jagħmlu offerta raġjonevoli għal indennizz f’każijiet meta r-responsabbiltà ma tkunx ikkontestata u l-ħsarat ikunu ġew ikkwantifikati, jew

(b) l-impriża ta’ assigurazzjoni li lilha tkun ġiet indirizzata l-pretensjoni għal indennizz jew ir-rappreżentant tagħha tal-pretensjonijiet ikunu meħtieġa jipprovdu tweġiba rraġunata għal punti magħmula fil-pretensjoni f’każijiet meta r-responsabbiltà tkun miċħuda jew ma tkunx ġiet iddeterminata b’mod ċar jew il-ħsarat ma jkunux ġew ikkwantifikati kompletament.

L-Istati Membri għandhom jadottaw dispożizzjonijiet biex jassiguraw li meta l-offerta ma tkunx saret fil-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur, għandu jkun pagabbli imgħax fuq l-ammont ta’ indennizz offert mill-impriża ta’ assigurazzjoni jew mogħti mill-qorti lill-parti danneġġjata.

7. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu, u dwar l-effettività ta’ dik id-dispożizzjoni kif ukoll dwar l-ekwivalenza tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ piena qabel l-20 ta’ Jannar 2006 u għandha tissottometti proposti jekk ikun meħtieġ.

8. Il-ħatra ta’ rappreżentant tal-pretensjonijiet m’għandhiex fiha innifisha tikkostitwixxi l-ftuħ ta’ fergħa fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/49/KEE u r-rappreżentant tal-pretensjonijiet m’għandux ikun meqjus bħala stabbiliment fis-sens ta’ l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 88/357/KEE jew stabbiliment fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Brussel tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-applikazzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [12].

L-Artikolu 5

Ċentri ta’ informazzjoni

1. Sabiex persuna danneġġjata jkollha l-possibbiltà li tfittex indennizz, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew japprova ċentru ta’ informazzjoni responsabbli:

(a) għaż-żamma ta’ reġistru li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

1. in-numri ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi bil-mutur normalment ibbażati fit-territorju ta’ l-Istat inkwistjoni;

2. (i) in-numri tal-poloz ta’ assigurazzjoni li jkopru l-użu ta’ dawk il-vetturi għar-riskji kklassifikati fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness għad-Direttiva 73/239/KEE, apparti mir-responsabbiltà ta’ trasportaturi, u meta l-perjodu ta’ validità tal-polza jkun skada, ukoll id-data tat-terminazzjoni tal-kopertura ta’ l-assigurazzjoni;

(ii) in-numru tal-kartolina ħadra jew tal-polza ta’ assigurazzjoni tal-fruntiera jekk il-vettura tkun koperta b’wieħed minn dawk id-dokumenti fil-każ li l-vettura tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 72/166/KEE;

3. impriżi ta’ assigurazzjoni li jkopru l-użu ta’ vetturi għar- riskji klassifikati fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness tad-Direttiva 73/239/KEE, minbarra r-responsabbiltà tat-trasportaturi, u rappreżentanti tal-pretensjonijiet maħtura minn dawn l-impriżi ta’ assigurazzjoni skond l-Artikolu 4 li l-ismijiet tagħhom għandhom ikunu nnotifikati liċ-ċentru ta’ informazzjoni skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

4. il-lista ta’ vetturi li, f’kull Stat Membru, jibbenefikaw mid-deroga għall-ħtiġiet għal kopertura ta’ assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili skond l-Artikolu 4(a) u (b) tad-Direttiva 72/166/KEE;

5. rigward il-vetturi previsti fil-punt (4):

(i) l-isem ta’ l-awtorità jew tal-korp innominat skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 72/166/KEE bħala responsabbli għall-kumpens lill-partijiet danneġġjati f’każijiet meta l-proċedura prevista fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 72/166/KEE ma tkunx applikabbli, jekk il-vettura tibbenifika mid-deroga prevista fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(ii) l-isem tal-korp li jkopri l-vettura fl-Istat Membru fejn normalment tkun ibbażata jekk il-vettura tibbenifika mid-deroga prevista fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 72/166/KEE;

(b) jew għal koordinazzjoni tal-ġabra u t-tixrid ta’ dik l-informazzjoni;

(ċ) u għall-assistenza tal-persuni intitolati biex isiru jafu bl-informazzjoni msemmija fil-punti (a)(1), (2), (3), (4) u (5).

L-informazzjoni taħt il-punti (a)(1), (2) u (3) għandha tinżamm għal perjodu ta’ seba’ snin wara t-terminazzjoni tar-reġistrazzjoni tal-vettura jew it-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

2. Impriżi ta’ assigurazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a)(3) għandhom jinnotifikaw liċ-ċentri ta’ informazzjoni ta’ l-Istati Membri kollha, bl-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-pretensjonijiet li huma jkunu ħatru skond l-Artikolu 4 f’kull Stat Membru.

3. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-parti danneġġjata tkun intitolata għal perjodu ta’ seba snin wara l-inċident biex takkwista mingħajr dewmien miċ-ċentru ta’ informazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ fejn għandha r-residenza, ta’ l-Istat Membru fejn il-vettura tkun normalment ibbażata jew ta’ l-Istat Membru fejn ikun seħħ l-inċident, din l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem u l-indirizz ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni;

(b) in-numru tal-polza ta’ assigurazzjoni; u

(ċ) l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-pretensjonijiet ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni fl-Istat tar-residenza tal-parti danneġġjata.

Ċentri ta’ informazzjoni għandhom jikkooperaw ma’ xulxin.

4. Iċ-ċentru ta’ informazzjoni għandu jipprovdi lill-parti danneġġjata bl-isem u l-indirizz tas-sid jew ix-xufier tas-soltu jew il-persuna rreġistrata li tieħu ħsieb il-vettura jekk il-parti danneġġjata jkollha interess leġittimu fl-akkwist ta’ din l-informazzjoni. Għall-iskopijiet ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-ċentru ta’ informazzjoni għandu jikkomunika partikolarment:

(a) ma’ l-impriża ta’ assigurazzjoni, jew

(b) ma’ l-aġenzija tar-reġistrazzjoni tal-vettura.

Jekk il-vettura tibbenifika mid-deroga prevista fl-Artikolu 4(a) tad-Direttiva 72/166/KEE, iċ-ċentru ta’ informazzjoni għandu jinforma lill-parti danneġġjata, bl-isem ta’ l-awtorità jew tal-korp innominat skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(a) ta’ dik id-Direttiva bħala responsabbli biex tikkumpensa l-partijiet danneġġjati meta l-proċedura prevista l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 (2) ta’ dik id-Direttiva ma tkunx applikabbli.

Jekk il-vettura tibbenifika mid-deroga prevista fl-Artikolu 4(b) tad-Direttiva 72/166/KEE, iċ-ċentru ta’ informazzjoni għandu jinforma lill-parti danneġġjata bl-isem tal-korp li jkopri il-vettura fil-pajjiż fejn normalment tkun ibbażata.

5. L-ipproċessar ta’ dettalji personali li jirriżultaw mill-paragrafi preċedenti għandu jitwettaq skond il-miżuri nazzjonali meħuda skond id-Direttiva 95/46/KE.

L-Artikolu 6

Il-Korpi ta’ indennizz

1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi jew japprova korp ta’ indennizz responsabbli biex jipprovdi kumpens lill-partijiet danneġġjati fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Dawn il-partijiet danneġġjati jistgħu jippreżentaw pretensjoni lill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom:

(a) jekk, fi żmien tliet xhur mid-data meta l-parti danneġġjata tkun ippreżentat it-talba tagħha għal indennizz lil impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha jkun ikkawża l-inċident jew lir-rappreżentant tal-pretensjonijiet, l-impriża ta’ assigurazzjoni jew ir-rappreżentant tagħha tal-pretensjonijiet ma jkunux ipprovdew tweġiba irraġunata għal punti magħmula fil-pretensjoni; jew

(b) jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni tkun naqset milli taħtar rappreżentant tal-pretensjonijiet fl-Istat tar-residenza tal-parti danneġġjata skond l-Artikolu 4(1). F’dan il-każ, il-partijiet danneġġjati ma jistgħux jippreżentaw pretensjoni lill-korp ta’ indennizz jekk huma jkunu ppreżentaw talba għal indennizz direttament lill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha jkun ikkawża l-inċident u jekk ikunu rċevew tweġiba rraġunata fi żmien tliet xhur mill-preżentazzjoni tal-pretensjoni

Partijiet li jsofru d-danni ma jistgħux madanakollu jippreżentaw pretensjoni lill-korp ta’ indennizz jekk huma jkunu ħadu azzjoni legali direttament kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni.

Il-korp ta’ indennizz għandu jieħu azzjoni fi żmien xahrejn mid-data meta l-parti danneġġjata tippreżenta pretensjoni għal indennizz lilu imma għandu jittermina l-azzjoni tagħha jekk l-impriża ta’ assigurazzjoni, jew ir-rappreżentant tagħha għall-pretensjonijiet, sussegwentament jagħmel tweġiba rraġunata għall-pretensjoni.

Il-korp ta’ indennizz għandu immedjatament jinforma:

(a) lill-impriża ta’ assigurazzjoni tal-vettura li l-użu tagħha kkawża l-inċident jew lir-rappreżentant tal-pretensjonijiet;

(b) lill-korp ta’ indennizz fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment ta’ impriża ta’ assigurazzjoni li tkun ħarġet il-polza;

(ċ) jekk magħrufa, lill-persuna li tkun ikkaġunat l-inċident,

li jkunu irċevew pretensjoni mill-parti danneġġjata u li għandhom iwieġbu għal dik il-pretensjoni fi żmien xharejn mill-preżentazzjoni tal-pretensjoni.

Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jittrattaw il-kumpens minn dan il-korp bħala sussidjarju jew non-sussidjarju u d-dritt li jipprovdu għall-pagament ta’ pretensjonijiet bejn dak il-korp u l-persuna jew persuni li kkawżaw l-inċident u l-impriżi ta’ assigurazzjoni jew korpi tas-sigurtà soċjali oħrajn meħtieġa li jikkumpensaw lill-parti danneġġjata fir-rigward ta’ l-istess inċident. Madanakollu, l-Istati Membri ma jistgħux jippermettu li l-korp li jagħmel il-ħlas ta’ indennizz suġġett għal xi kundizzjonijiet barra minn dawk stabbilitii f’din id-Direttiva, b’mod partikolari l-istabbiliment tal-parti danneġġjata b’tali mod li l-persuna responsabbli ma tkunx tista’ jew tirrifjuta li tħallas.

2. Il-korp ta’ indennizz li jkun ta indennizz lill-parti danneġġjata fl-Istat Membru tar-residenza tiegħu għandu jkun intitolat jistenna rimborż tas-somma mħallsa bħala indennizz mill-korp ta’ kumpens fl-Istat Membru ta’ l-istabbiliment ta’ l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkun ħarġet il-polza.

Dan il-korp ta’ l-aħħar għandu għalhekk ikun subrogat lill-parti danneġġjata fid-drittijiet tagħha kontra l-persuna li kkawżat l-inċident jew l-impriża ta’ assikurazzjoni tagħha safejn il-korp ta’ indennizz fl-Istat Membru tar-residenza tal-parti danneġġjata ikun ipprovda indennizz għat-telf jew għall-korriment subit. Kull Stat Membru huwa obbligat li jirrikonoxxi din is-subrogazzjoni kif iprevista minn kull Stat Membru ieħor.

3. Dan l-Artikolu għandu jidħol fis-seħħ:

(a) wara li jkun ġie konkluż ftehim bejn il-korpi ta’ indennizz stabbiliti jew approvati mill-Istati Membri rigward il-funzjonijiet tagħhom u l-obbligi u l-proċeduri għal rimborż;

(b) mid-data ffissata mill-Kummissjoni, malli hi tkun aċċertat il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri li dan il-ftehim ikun ġie konkluż.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u dwar l-effettività tiegħu qabel l-20 ta’ Lulju 2005 u għandha tissottometti proposti jekk meħtieġa.

L-Artikolu 7

Jekk ikun impossibbli li tkun identifikata l-vettura jew jekk, fi żmien xahrejn wara l-inċident, ma jkunx possibbli li tkun identifikata l-impriża ta’ assigurazzjoni, il-parti danneġġjata tista’ tapplika għal indennizz mill-korp ta’ indennizz fl-Istat Membru fejn toqgħod. L-indennizz għandu jkun ipprovdut skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/5/KEE. Il-korp ta’ kumpens għandu imbagħad ikollu pretensjoni, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-Direttiva:

(a) meta l-impriża ta’ assigurazzjoni ma tkunx tista’ tiġi identifikata: kontra l-fond ta’ garanzija previst fl-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 84/5/KEE fl-Istat Membru ta’ fejn il-vettura normalment tkun ibbażata;

(b) fil-każ ta’ vettura li ma tkunx identifikata: kontra l-fond ta’ garanzija fl-Istat Membru li fih ikun seħħ l-inċident;

(ċ) fil-każ ta’ vetturi ta’ pajjiż terz: kontra fond ta’ garanzija fl-Istat Membru li fih ikun seħħ l-inċident.

L-Artikolu 8

Id-Direttiva 73/239/KEE għandha tkun emendata kif ġej:

(a) fil-paragrafu 8(1) il-punt li ġej għandu jkun miżjud:

"(f) tikkomunika l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-pretensjonijiet maħtur f’kull Stat Membru barra mill-Istat Membru li fih l-awtorizzazzjoni tkun mitluba jekk ir-riskji li għandhom ikunu koperti jkunu kklassifikati fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness, barra mir-responsabbiltà ta’ trasportaturi."

(b) Fl-Artikolu 23(2) il-punt li ġej għandu jkun miżjud:

"(h) tikkomunika l-isem u l-indirizz tar-rappreżentant tal-pretensjonijiet maħtur f’kull Stat Membru barra mill-Istat Membru li fih l-awtorizzazzjoni tkun mitluba jekk ir-riskji li għandhom ikunu koperti jkunu kklassifikati fil-klassi 10 tal-punt A ta’ l-Anness, barra mir-responsabbiltà ta’ trasportaturi."

L-Artikolu 9

Id-Direttiva 88/357/KEE għandha tkun emendata kif ġej:

Fl-Artikolu 12a(4) dan is-subparagrafu li ġej għandu jkun miżjud:

"Jekk l-impriża ta assikgrazzjoni tkun naqset milli taħtar rappreżentant, l-Istati Membri jistgħu jagħtu l-approvazzjoni tagħhom lir-rappreżentant tal-pretensjonijiet maħtur skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/26/KE [13] li jassumi l-funzjoni tar-rappreżentant maħtur skond dan il-paragrafu."

L-Artikolu 10

L-Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw qabel l-20 ta’ Lulju 2002 il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-20 ta’ Jannar 2003.

2. Meta dawn il-miżuri jkunu adottati mill-Istati Membri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew japprovaw korp ta’ indennizz skond l-Artikolu 6(1) qabel l-20 ta’ Jannar 2002. Jekk il-korpi ta’ indennizz ma jkunux ikkonkludew ftehim skond l-Artikolu 6(3) qabel l-20 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri maħsuba biex jassiguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7 jidħlu fis-seħħ qabel l-20 ta’ Jannar 2003.

4. L-Istati Membri jistgħu, skond it-Trattat, iżommu jew idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għal parti danneġġjata mid-dispożizzjonijiet meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva.

5. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 11

Id-Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 12

Il-Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pieni għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw l-applikazzjoni tagħhom. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswadivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju 2002 u b’kull emendat sussegwenti għalihom malajr kemm jista’ jkun.

L-Artikolu 13

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fis-16 ta’ Mejju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Nicole Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

Manuel Carrilho

[1] ĠU C 343, tat-13.11.1997, p. 11 u ĠU C 171, tat-18.6.1999, p. 4.

[2] ĠU C 157, tal-25.5.1998, p. 6.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Lulju 1998 (ĠU C 292, tal-21.9.1998, p. 123), ikkonfermata fis-27 ta’ Ottubru 1999, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1999 (ĠU C 232, tat-13.8.1999, p. 8) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Diċembru 1999 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Mejju 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Mejju 2000.

[4] ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 84/5/KE (ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17).

[5] ĠU L 172, ta’ l-4.7.1988, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/49/KE (ĠU L. 228, tal- 11.8.1992, p. 1).

[6] ĠU C 308, ta’ l-20.11.1995, p. 108.

[7] It-Tieni Direttiva tal-Kunsill (84/5/KEE) tat-30 ta’ Diċembru 1983 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward l-assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 8, tal-11.1.1984, p. 17). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 90/232/KE (ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33).

[8] It-Tielet Direttiva tal-Kunsill (90/232/KEE) ta’ l-14 ta’ Mejju 1990 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU L 129, tad-19.5.1990, p. 33).

[9] L-ewwel Direttiva tal-Kunsill (73/239/KEE) ta’ l-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju f’assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (ĠU L 228, tas-16.8.1973, p.3). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 95/26/KE (ĠU L. 168, tat- 18.7.1995, p. 7).

[10] Id-Direttiva tal-Kunsill (92/49/KEE) tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (It-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni li mhijiex tal-ħajja) (ĠU L 228 tal-11.8.1992, p. 1). Id-Direttiva emendata bid-Direttiva 95/26/KE (ĠU L 168, tat-18.7.1995, p. 7).

[11] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[12] ĠU C 27, tas-26.1.1998, p. 1 (verżjoni kkonsolidata).

[13] Id-Direttiva 2000/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Mejju 2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi bil-mutur u temenda d-Direttivi tal-Kunsill 73/239/KEE u 88/357/KEE (ĠU L 181, ta’ l-20.7.2000, p. 65).

--------------------------------------------------