32000L0007

Id-Direttiva 2000/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar indikaturi ta' veloċità għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta

Official Journal L 106 , 03/05/2000 P. 0001 - 0006
CS.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
ET.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
HU.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
LT.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
LV.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
MT.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
PL.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
SK.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128
SL.ES Chapter 13 Volume 25 P. 123 - 128


Id-Direttiva 2000/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Marzu 2000

dwar indikaturi ta' veloċità għal vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Is-sigurtà tat-triq hija mira Komunitarja fundamentali li teħtieg li jkun hemm monitoraġġ u kontroll tal-veloċità permezz ta' indikatur tal-veloċità, bl-iskop li tinħoloq kuxjenza fost iż-żgħażagħ, tal-bżonn għal-użu tajjeb tat-triq.

(2) Il-leġislazzjoni teknika dwar is-sigurtà tat-triq għandha tiġi adottata b'mod koeżiv, fil-forma ta' "pakketti" ta' direttivi, sabiex tinħoloq kuxjenza pubblika tal-kontribuzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea sabiex titjieb is-sigurtà fit-toroq.

(3) F'kull Stat Membru, vetturi tal-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta għandhom, fir-rigward ta' indikaturi tal-veloċità, juru ċerti karatteristiċi tekniċi stabbiliti bħala ħtiġiet obbligatorji li jvarjaw minn Stat Membru għal Stat Membru; din il-varjazzjoni tikkostitwixxi ostakolu għal kummerċ intra-Komunitarju.

(4) Dawn l-ostakoli għall-funzjonament tas-suq intern jistgħu jiġu eliminati bl-adozzjoni ta' l-istess ħtiġiet mill-Istati Membri kollha minflok ir-regoli u r-regolamenti eżistenti tagħhom.

(5) Din id-Direttiva għandha tiżdied mad-Direttivi separati li għandu jkun hemm konformità magħhom taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/61/KEE tat-30 ta' Ġunju 1992 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta [4].

(6) L-introduzzjoni ta' ħtiġiet armonizzati għal indikaturi tal-veloċità f'vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta hija neċessarja sabiex tiġi permessa implimentazzjoni, għal kull tip ta' dawk il-vetturi, ta' l-approvazzjoni tat-tip u l-proċeduri ta' approvazzjoni stabbiliti bid-Direttiva 92/61/KEE.

(7) Skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat, il-mira ta' l-azzjoni maħsuba, jiġifieri l-approvazzjoni tat-tip Komunitarja skond it-tip ta' vettura, ma tistax tintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista' għalhekk, in vista ta' l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, tintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju. Din id-Direttiva tillimita lilha nfisha għall-minimu meħtieġ biex tintlaħaq dik il-mira u ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju għal dak l-iskop.

(8) Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-swieq ta' pajjiżi mhux membri, huwa neċessarju b'mod ċar li tiġi stabbilita ekwivalenza bejn il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva u dawk tar-Regolament Nru 39 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (hawnhekk iżjed ‘il quddiem magħruf bħala "Regolament Nru 39 UN-ECE").

(9) L-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jinnegozjaw malajr kemm jista' jkun emenda għar-Regolament Nru 39 UN-ECE sabiex jiġi allineat mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

(10) Id-Direttiva 92/61/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADDOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-indikatur ta' veloċità ta' kull tip ta' vetturi deskritti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/61/KEE.

2. Kwalunkwe vettura li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/61/KEE għandha tkun armata b'indikatur tal-veloċità li jikkonforma ma' l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Il-proċeduri biex tingħata l-approvazzjoni tat-tip ta' komponent fir-rigward ta' indikatur tal-veloċità ta' tip ta' vettura bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta u l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-moviment ħieles ta' dawn il-vetturi għandhom ikunu kif stabbiliti, rispettivament, fil-Kapitoli II u III tad-Direttiva 92/61/KEE.

Artikolu 3

Skond l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/61/KEE, l-ekwivalenza bejn il-ħtiġiet stabbiliti f'din id-Direttiva u dawk stabbiliti fir-Regolament UN-ECE Nru 39, fl-aħħar versjoni adottata mill-Komunità, hija hawnhekk rikonoxxuta.

L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri li jagħtu l-approvazzjoni tat-tip għandhom jaċċettaw approvazzjonijiet, u marki ta' approvazzjoni tat-tip, mogħtija skond il-ħtiġiet tar-Regolament Nru 39 imsemmi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, minflok l-approvazzjonijiet u l-marki ta' l-approvazzjoni tat-tip korrispondenti mogħtija skond il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 4

L-emendi li huma essenzjali sabiex jittieħed kont ta' l-emendi tar-Regolament UN-ECE Nru 39 u sabiex l-Anness jiġi adattat għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta' Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' l-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5].

Artikolu 5

Id-Direttiva 92/61/KEE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Anness I, l-intestatura Nru 45, "Indikatur tal-veloċità u kontakilometru għal-muturi, triċikli u kwadriċikli" għandu jiġi sostitwit bIndikatur tal-veloċità "u t-terminu" CONF "b""SD".

2. L-Anness IIA huwa emendat kif ġej:

(a) il-punt 4.7. "Indikatur tal-veloċità u kontakilometri: iva/le (1)" għandu jiġi sostitwit b'"Indikatur tal-veloċità";

(b) il-punti li ġejjin għandhom jiġu inseriti:

"4.7.3. Ritratti u/jew disinni tas-sistema kompleta

4.7.4. Il-medda tal-veloċitajiet murija

4.7.5. It-tolleranza tal-mekkaniżmu ta' kejl ta' l-indikatur tal-veloċità

4.7.6. Il-kostanti teknika ta' l-indikatur tal-veloċità

4.7.7. Il-modus operandi u d-deskrizzjoni tal-mekaniżmu tas-sewqan

4.7.8. Ir-relattività globali ta' trasmissjoni tal-mekkaniżmu tas-sewqan".

3. Fl-Anness IIIB, l-intestatura Nru 10.12, "Indikatur tal-veloċità u kontakilometri għal muturi, triċikli u kwadriċikli" għandha tiġi sostitwita b'"Indikatur tal-veloċità" u t-terminu "CONF" b'"SD".

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Jannar 2001. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fil-waqt tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-proċedura għal din ir-referenza għandha tiġi adottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3. B'effett mill-1 ta' Jannar 2001, Stati Membri ma jistgħux aktar jipprojbixxu, għal raġunijiet li jirrelataw għall-indikaturi tal-veloċità, l-ewwel dħul fis-servizz ta' vetturi li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-ħtiġiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 mill-1 ta' Ġunju 2001, ħlief għal ċiklomuturi, li għalihom dawn il-ħtiġiet għandhom ikunu applikabbli mill-1 ta' Lulju 2002.

Artikolu 7

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 8

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Marzu 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Gama

[1] ĠU C 212, ta' l-8.7.1998, p. 7.

[2] ĠU C 40, tas-15.2.1999, p. 1.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Jannar 1999 (ĠU C 104, ta' l-14.4.1999, p. 19) ikkonfermata fis-27 ta' Ottubru 1999, il-posizzjoni komuni tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1999 (ĠU C 232, tat-13.8.1999, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Ottubru 1999 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 225, tat-10.8.1992, p. 72. Id-Direttiva kif emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-1994.

[5] ĠU L 42, ta' l-23.2.1970, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/91/KE (ĠU L 11, tas-16.1.1999, p. 25).

--------------------------------------------------

ANNESS

1. Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

1.1. "Tip ta' vettura fir-rigward ta' l-indikatur ta' veloċità tagħha" għandha tfisser vetturi li fosthom ma juru ebda differenzi essenzjali, meta dawk id-differenzi jistgħu japplikaw, b'mod partikolari, għal dawn li ġejjin:

1.1.1. id-deskrizzjoni tad-daqs tat-tyres magħżula mill-medda ta' tyres normalment imwaħħla;

1.1.2. ir-relattività globali ta' trasmissjoni, inkluż kwalunkwe apparat għat-tnaqqis ta' sewqan, ma' l-indikatur tal-veloċità;

1.1.3. it-tip ta' indikatur tal-veloċità kif karatterizzat b:

1.1.3.1. it-tolleranza tal-mekkaniżmu ta' kejl ta' l-indikatur tal-veloċità,

1.1.3.2. il-kostanti teknika ta' l-indikatur tal-veloċità,

1.1.3.3. il-meddamedda ta' veloċitajiet murija.

1.2. "Tyres normalment armati"

għandha tfisser it-tip(i) ta' tyres maħsuba mill-manifattur għat-tip ta' vettura taħt konsiderazzjoni u iskritti fid-dokument ta' informazzjoni msemmi fl-Anness II għad-Direttiva 92/61/KEE.

Tyres tax-xitwa m'għandhomx jiġu kunsidrati bħala t-tyres normalment imwaħħla.

1.3. "Pressjoni normali operattiva" għandha tfisser il-pressjoni kiesħa ta' inflazzjoni speċifikata mill-manifattur tal-vettura, u 0,2 bar.

1.4. "Indikatur tal-veloċità" għandha tfisser dik il-parti tat-tagħmir maħsuba sabiex tinforma lis-sewwieq bil-veloċità tal-vettura tiegħu fi kwalunkwe ħin.

1.4.1. "It-tolleranza tal-mekkaniżmu ta' kejl ta' l-indikatur tal-veloċità" għandha tfisser l-eżattezza ta' l-istrument proprju, espress bħala l-indikazzjoni tal-limiti għolja u baxxi ta' veloċità għal meddamedda ta' inputs ta' veloċità.

1.4.2. "Il-Kostant tekniku ta' l-indikatur tal-veloċità" għandha tfisser ir-relazzjoni bejn ir-revoluzzjonijiet jew il-pulses fil-minuta u veloċità speċifikata murija.

1.5. "Massa f'kundizzjoni ta' sewqan" għandha tfisser il-massa kif definita fin-nota (d)(2) għal l-Anness II għad-Direttiva 92/61/KEE.

2. Ħtiġiet

2.1. Il-kwadranti ta' l-indikatur tal-veloċità għandu jkun fil-kamp viżiv diretta tas-sewwieq u għandu jinqara b'mod leġibbli kemm bi nhar kif ukoll bil-lejl. Il-medda ta' veloċitajiet murija għandha tkun wiesgħa biżżejjed sabiex tinkludi l-veloċità massima ta' dan it-tip ta' vettura kif dikjarat mill-manifattur tagħha.

2.2. Meta l-indikatur ta' veloċità jinkludi kwadrant minflok pjanċa diġitali dan għandu jiġi gradat b'mod ċar.

2.2.1. Fil-każ ta' indikaturi ta' veloċità maħsuba għal muturi jew triċikli, is-subdiviżjonijiet għandhom ikunu ta' 1,2, 5 jew 10 km fis-siegħa. Il-veloċità għandha tinwera kif ġej:

2.2.1.1. meta l-veloċità massima fuq il-kwadrant ma teċċedix 200 km fis-siegħa, l-intervalli mmarkati ta' valuri ta' veloċità enumerati m'għandhomx jeċċedu 20 km fis-siegħa,

2.2.1.2. meta l-veloċità massima fuq il-kwadrant teċċedi 200 km fis-siegħa, l-intervalli mmarkati ta' veloċità enumerati fuq il-kwadrant m'għandhomx jeċċedu 30 km fis-siegħa;

2.2.2. fil-każ ta' indikaturi ta' veloċità maħsuba għal ċiklomuturi, il-kwadrant għandu jindika veloċità massima li ma teċċedix 80 km fis-siegħa; is-subdiviżjonijiet għandhom ikunu ta' 1, 2, 5 jew 10 km fis-siegħa u l-intervalli ta' valur ta' veloċità murija fil-kwadrant m'għandhomx jeċċedu 10 km fis-siegħa.

B'żieda, il-kwadrant għandu juri l-veloċità ta' 45 km fis-siegħa b'mod ċar (jew 25 km fis-siegħa fil-każ ta' ċiklomuturi bi prestazzjoni baxxa);

2.2.3. meta vettura hija maħsuba għall-bejgħ f'Stat Membru fejn jintużaw distanzi imperjali, l-indikatur tal-veloċità għandu wkoll jiġi ggradat f'mph (mili fis-siegħa), b'suddiviżjonijiet ta' 1, 2, 5 jew 10 mph. Intervalli numeriċi ta' veloċità mmarkati m'għandhomx jeċċedu 20 mph u għandhom jibdew jew f'10 mph jew f'20 mph;

2.2.4. il-valuri numeriċi tal-veloċità mmarkati m'għandhomx għalfejn ikunu f'intervalli regolari.

2.3. L-eżattezza ta' l-indikatur tal-veloċità tiġi kkontrollata skond il-proċedura li ġejja:

2.3.1. it-tyres ikunu ta' wieħed mit-tipi normalment armat mal-vettura kif definit f'1.2. Ikollu jitwettaq test għal kull tip ta' indikatur tal-veloċità maħsub biex jġi armat mill-manifattur;

2.3.2. it-tagħbija fuq il-fus tar-rota li tmexxi l-indikatur tal-veloċità jkollha tikkorrispondi għall-massa operattiva;

2.3.3. it-temperatura ta' referenza fil-pożizzjoni ta' l-indikatur tal-veloċità għandha tkun ta' 296 K ± 5 K;

2.3.4. matul kull test, il-pressjoni tat-tyre għandha tkun il-pressjoni normali operattiva definita fil-punt 1.3;

2.3.5. il-vettura se tkun ittestjata fil-veloċitajiet li ġejjin:

Il-veloċita' massima (Vmax) dikjarata mill-manifattur (km fis-siegħa) | Il-veloċità tat-test(km fis-siegħa) |

Vmax ≤ 45 | 80 % ta' Vmax |

45 < Vmax ≤ 100 | 40 u 80 % ta' Vmax (jekk il-veloċità riżultanti tat-test ≥ 55) |

100 < Vmax ≤ 150 | 40, 80 u 80 % ta' Vmax (jekk il-veloċità riżultanti tat-test ≥ 100) |

150< Vmax | 40, 80 u 120 |

2.3.6. il-mezz ta' kontroll użat biex ikejjel il-veloċità attwali tal-vettura għandu jkun eżatt sa mill-inqas ± 0,5 %;

2.3.6.1. jekk it-testijiet jitwettqu fuq pista, is-superfiċi tagħha għandu jkun ċatt u niexef u jipprovdi qabda suffiċjenti;

2.3.6.2. jekk dinamometru ċirkolanti jintuża għat-test, iċ-ċirkolaturi għandu jkollhom djametru ta' mill-inqas 2 m. Fil-każ ta' indikaturi tal-veloċità maħsuba għal ċiklomuturi, it-test jista' jsir fuq ċirkolaturi b'djametru ta' mill-inqas 400 mm;

2.3.7. il-veloċità murija ma għandha qatt tkun inqas mill-veloċità attwali. Bejn veloċità V1, fuq l-indikatur tal-veloċità u l-veloċità attwali V2: għandu ikun hemm ir-relazzjoni li ġejja bil-valuri tat-test speċifikati fil-punt 2.3.5 u bejn dawk il-valuri:

0 ≤ (V1 - V2) ≤ 0,1. V2 + 4 km fis-siegħa.

3. Konformità tal-produzzjoni

3.1. Konformità ta' produzzjoni tiġi kkontrollata abbażi tad-disposizzjonijiet ta' l-Anness VI mad-Direttiva 92/61/KEE.

3.2. Mudelli ta' produzzjoni jiġu kkunsidrati li jissodisfaw il-ħtiġiet ta' din id-Direttiva jekk, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 2.3.1 sa 2.3.6, ir-relazzjoni bejn veloċità V1 fuq l-indikatur ta' veloċità u l-veloċità attwali V2 tkun kif ġej:

0 ≤ (V1 - V2) ≤ 0,1. V2 + 4 km fis-siegħa għal ċiklomuturi,

u

0 ≤ (V1 - V2) ≤ 0,1. V2 + 8 km fis-siegħa għal muturi u triċikli.

--------------------------------------------------