32000F0712(02)



Official Journal 197 , 12/07/2000 P. 0001 - 0002


Att tal-Kunsill

tad-29 ta' Mejju 2000

li jistabbilixxi skond l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea l-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea

(2000/C 197/01)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(a) u 34(2)(d) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva ta' l-Istati Membri,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1]

Billi:

(1) Sabiex jinkisbu l-għanijiet ta' l-Unjoni, ir-regoli dwar assistenza reċiproka f'materji kriminali bejn l-Istati Membri fl-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mtejba u Konvenzjoni, kif deskritta fl-Anness ta' dan l-Att, għandha tkun stabbilita għal dan il-għan.

(2) Uħud mid-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen [2].

(3) Dan japplika fil-każ ta' l-Artikoli 3,5,6,7,12 u 23, u sa fejn hu rilevanti għall-Artikoli 12, fil-każ ta' l-Artikoli 15 u 16, u sa fejn hu rilevanti għall-Artikoli msemmija, fil-każ ta' l-Artikolu 1.

(4) Il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea mar-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ pajjiżi ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis tas-Schengen [3] kienu osservati fir-rigward ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

(5) Meta l-adozzjoni ta' dan l-Att tkun notifikata lir-Repubblika ta' l-Islanda u lir-Renju tan-Norveġja skond l-Artikolu 8(2)(a) ta' l-imsemmi Ftehim, dawn iż-żewġ Stati jiġu informati b'mod partikolari tal-kontenut ta' l-Artikolu 29 dwar id-dħul fis-seħħ għall-Islanda u n-Norveġja u jiġu mistiedna jissottomettu d-dikjarazzjonijiet rilevanti taħt l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni meta jinformaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-sodisfazzjonijiet tal-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom.

IDDEĊIEDA illi l-Konvenzjoni, li t-test tagħha qiegħed fl-Anness u li kienet iffirmata illum mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni, qiegħda tiġi b'dan stabbilita,

JIRRAKKOMANDA illi tkun adottata mill-Istati Membri skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali rispettivi tagħhom,

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex jibdew il-proċeduri meħtieġa sabiex jintlaħaq dak il-għan qabel l-1 ta' Jannar 2001.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta' Mejju 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Costa

[1] Opinjoni meħuda fis-17 ta’ Frar 2000 (Ada mħux ippubblikata fil-Ġurnal ufficjali).

[2] ĠU L 176, ta’ l-10.7.1999, p. 31.

[3] ĠU L 176, ta’ l-10.7.1999, p. 36.

--------------------------------------------------