32000D0821



Official Journal L 336 , 30/12/2000 P. 0082 - 0091


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Diċembru 2000

dwar l-implimentazzjoni ta' programm li jinkoraġġixxi l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej (MEDIA Plus - Żvilupp, Distribuzzjoni u Promozzjoni) (2001-2005)

(2000/821/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali,

Billi:

(1) Mis-6 sat-8 ta' April 1998, il-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Presidenza fis-setgħa, żammet konferenza awdjoviżwali Ewropea dwar "Sfidi u opportunitajiet ta' l-era diġitali" f'Birmingham. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni żvela l-ħtieġa għall-programm imtejjeb ta' appoġġ għall-industrija awdjoviżwali Ewropea, b'mod partikolari fiż-żona ta' l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej. B'żieda, fl-era diġitali, l-attivitajiet fil-qasam awdjoviżwali jikkontribwixxu wkoll lejn il-ħolqien ta' mpiegi ġodda, partikolarment fil-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-kontenut awdjoviżwali.

(2) Fit-28 ta' Mejju 1998, il-Kunsill, fl-approvazzjoni tar-riżultat tal-Konferenza Awdjoviżwali Ewropea f'Birmingham, emfasizza x-xewqa li jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' programm ta' industrija awdjoviżwali Ewropea b'saħħitha u kompetittiva, waqt li jittieħed kont partikolari tad-diversità kulturali Ewropea u l-kondizzjonijiet speċifiċi li jeżistu f'żoni lingwistiċi ristretti.

(3) Ir-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Politika Awdjoviżwali tas-26 ta' Ottubru 1998 intitolat "L-Era Diġitali: Politika Awdjoviżwali Ewropea" irrikonoxxa l-ħtieġa li jissaħħu l-miżuri ta' appoġġ għall-industrija ċinematografika u awdjoviżwali, b'mod partikolari billi l-programm MEDIA jiġi ddotatt b'riżorsi proporzjonati mad-daqs u l-importanza strateġika ta' l-industrija.

(4) L-isfidi tal-produzzjoni, distribuzzjoni u disponibilità tal-kontenut awdjoviżwali Ewropew kienu t-temi prinċipali diskussi fil-Forum dwar il-Politika Awdjoviżwali intitolat "Kontenut Ewropew għall-millenju Diġitali", organizzat f'Helsinki fl-10 u l-11 ta' Settembru 1999 mill-Presidenza fis-setgħa b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni.

(5) Fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Ministri ntitolata "Politika Awdjoviżwali: il-Passi li Jmiss" il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-ħtieġa għal żieda fl-appoġġ pubblika, partikolarment fil-livell tal-Komunità, għat-tisħiħ tal-kompetittività ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea.

(6) Il-Green Paper dwar "Il-Konverġenza tas-Setturi tat-Telekomunikazzjonijiet, Medja u t-Teknoloġija ta' l-Informatika, u l-Implikazzjonijiet għar-Regolament" tenfasizza r-riskju ta' nuqqas ta' kontenut ta' kwalità tajba tat-televiżjoni diġitali u analoga.

(7) Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-Green Paper, enfasizzat il-ħtieġa li jiġI stabbilit qafas biex jirfed id-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-kontenut awdjoviżwali Ewropew għall-media tradizzjonali u ġdida f'ambjent diġitali.

(8) Fil-konklużżjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 1999 dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper ta' Konverġenza [1], il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tieħu kont ta' dawn ir-riżultati meta tħejji l-proposti għall-miżuri għat-tisħiħ ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea, inkluża l-industrija tal-multimedia.

(9) Fil-Komunikazzjoni ta' l-14 ta' Diċembru 1999 dwar "Il-Prinċipji u l-Linji Gwida għall-Politika Awdjoviżwali tal-Komunità fl-Era Diġitali", il-Kummissjoni ddefinit il-prijoritajiet tagħha fis-settur awdjoviżwali għall-perjodu 2000 sa 2005.

(10) Il-Kummissjoni mplimentat "Programm ta' azzjoni biex jippromwovi l-Iżvilupp ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea (MEDIA) (1991-1995)", adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/685/KEE [2], u li kkomprendiet miżuri partikolari maħsuba biex jappoġġaw l-Iżvilupp u d-distribuzzjoni ta' xgħolijiet avdjoviżivi Ewropej.

(11) B'żieda mal-Green Paper"Għażliet ta' strateġija biex isaħħu l-industrija tal-programm Ewropea fil-kuntest tal-politika awdjoviżwali fl-Unjoni Ewropea", il-Kummissjoni ssottomettiet f'Novembru 1995 proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Fond Ewropew ta' Garanzija li jippromwovi l-produzzjoni taċ-ċinema u tat-televiżjoni [3], li dwarha l-Parlament Ewropew ta opinjoni favorevoli fit-22 ta' Ottubru 1996 [4].

(12) L-istrateġija tal-Komunità għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea kienet konfermata taħt il-Programm MEDIA II (1996-2000), adottat bid-DeċIżjoni tal-Kunsill 95/563/KE [5] u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/564/KE [6]. Huwa xieraq, fuq il-bażi ta' l-esperjenza miksuba mill-Programm, li tiġi assigurata l-estensjoni tiegħu, waqt li jittieħed kont tar-riżultati miksuba.

(13) Fir-rapport tagħha dwar ir-riżultati miksuba taħt il-programm MEDIA II (1996-2000), mill-1 ta' Jannar 1996 sat-30 ta' Ġunju 1998, il-kummissjoni kkonsidrat li l-programm jikkonforma mal-prinċipju tas-sussidjarjetà ta' l-għajnuna tal-Komunità ma' l-għajnuna nazzjonali, minħabba li ż-żoni li fihom jintervjena l-MEDIA II jikkumplimentaw iż-żoni li fihom mekkaniżmi ta' appoġġ nazzjonali tradizzjonalment jintervjeni.

(14) Huwa meħtieġ li jittieħed kont ta' l-aspetti kulturali tas-settur awdjoviżwali skond Artikolu 151(4) tat-Trattat.

(15) Skond il-mandat għan-negozjar mogħti lill-Kummissjoni mill-Kunsill, matul in neġozjati li ġejjin ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), l-Unjoni għandha tassigura, kif għamlet fl-Urugway Round, li l-Komunita u l-Istati Membri tagħha jżommu l-possibiltà li jippriżervaw u jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jiddefinixxu u jimplimentaw il-politika tagħhom kulturali u awdjoviżwali għall-għan tal-priżervazzjoni tad-diversità kulturali tagħhom.

(16) Fit-teħid ta' l-istess approċċ, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 1999, irrikonoxxa r-rwol speċjali tas-settur awdjoviżwali Ewropew fis-sustanza tal-pluraliżmu kulturali, ekonomija ħielsa u libertà ta' l-espressjoni, irriaferma r-rabta tiegħu għall-libertà ta' azzjoni fl-isfera tal-politika awdjoviżwali miksuba fl-Uruguay Round, u ħa l-pożizzjoni li r-regoli dwar is-servizzi kulturali fuq il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), b'mod partikolari fis-settur awdjoviżwali, m'għandhomx jipperikolaw id-diversità kulturali u l-awtonimija tal-partijiet fil-kuntratt (WTO).

(17) Sabiex jiżdied il-valur miżjud tal-miżuri tal-Komunità, huwa meħtieġ li tiġI assigurata l-komplementarjetà bejn il-miżuri meħuda fil-livell tal-Komunità u l-forom nazzjonali ta' appoġġ.

(18) Huwa meħtieġ li tiġi stabbilità konsistenza bejn din id-Deċiżjoni u l-azzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri nazzjonali biex jappoġġaw is-settur awdjiviżiv, speċjalment fl-interessi tal-priservazzjoni tad-diversità kulturali fl-Ewropa, billi jiġi permess li politika nazzjonali tiżviluppa b'mod adegwat il-potenzjal għall-produzzjoni fl-Istati Membri. B'żieda, l-appoġġ tal-Komunità jista' jiġi konbinat ma' l-appoġġ pubbliku.

(19) L-emerġenza ta' suq awdjoviżwali Ewropew iqanqal il-ħtieġa ta' l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej, jiġifieri xgħolijiet li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll xgħolijiet li joriġinaw f'pajjiżi terzi Ewropej li jipparteċipaw fil-programm MEDIA Plus jew li jkun hemm qafas ta' kooperazzjoni li jisodisfa il-kondizzjonijiet stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-eżerċitar ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni [7].

(20) Fil-ftit snin li ġejjin ir-rivoluzzjoni diġitali għandha tfisser li xgħolijiet awdjoviżwali Ewropej, isiru aktar aċċessibbli grazzi għal modi ġodda tat-trasportar tal-kontenut awdjoviżwali, u għandhom isiru aktar disponibbli barra l-pajjiż tagħhom ta'oriġini.

(21) Il-kompetittività ta'l-industrija tal-programmi awdjoviżwali tiddependi fuq l-użu ta' tekonoloġiji ġodda fl-istadji ta' l-iżvilupp tal-programm, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni. Huwa għalhekk xieraq li tiġI assigurata koordinazzjoni adattata u effettiva bil-miżuri mwettqa fil-qasam ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari l-Ħames Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp tekonoloġiku u dimostrazzjoni (1998-2002), kif adottat bid-Deċiżjoni Nru 182/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [8], is-Sitt Programm Qafas futur, u opportunitajiet ġodda għall-produzzjoni multilingwali, sabiex ikun hemm konsistenza mal-miżuri li għandhom jitwettqu taħt dawk il-programmi, waqt li jiffokaw b'mod partikolari fuq il-ħtiġiet u l-potenzjal ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) li joperaw fis-suq awdjoviżwali.

(22) Sabiex tappoġġa proġetti awdjoviżwali Ewropej, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibiltà ta' finanzjar addizzjonali taħt strumenti oħra tal-Komunità, notevolment fil-qafas ta' "e-Europa" u l-inizjattivi li jirriżultaw mill-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona,, bħlal-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB), il-Fond Ewropew ta' l-Investiment (EIF) u l-programmi qafas ta' riċerka. Il-professjonisti fis-settur awdjoviżwali għandhom jiġu nformati bl-arranġamenti varji disponibbli għalihom ta' appoġġ fi ħdan il-qafas ta' l-Unjoni Ewropea.

(23) Skond il-konklużżjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrapportaw fl-aħħar tas-sena 2000 dwar ir-reviżjoni dejjem għaddejja ta' l-istrumenti finanzjarji EIB u l-EIF sabiex tidderiġI mill-ġdid fondi, lejn il-bidu ta' negozji, ditti b'tekonoloġija għolja u intrapriżi makro, kif ukoll inizjattivi kapitali oħra ta' riskju u arranġamenti ta' garanziji proposti mill-EIB u l-EIF. F'dan il-kuntest, attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-industrija awdjoviżwali, sabiex jittejjeb l-aċċess tagħha għas-swieq kapitali u tiżdied il-kompetittività tagħha.

(24) Fir-rapport tagħha lill-Kunsill Ewropew, intitolat "Opportunitajiet ta' Mpiegi fis-Soċjetà ta' l-Informatika", l-Kummissjoni rreferiet għall-potenzjali maġġuri ta' ħolqien ta' mpiegi provdut mis-servizzi ġodda awdjoviżwali.

(25) Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-politika tal-Komunità b'appoġġ għall-impiegi, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-impatt posittiv tal-Programm MEDIA II fuq l-impiegi fis-settur awdjoviżwali.

(26) Huwa xieraq għalhekk li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' investiment fl-industrija awdjoviżwali Ewropea u li l-Istati Membri jintalbu li jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' impiegi f'dak is-settur b'mezzi varji.

(27) Il-programm MEDIA Plus għandu jippermetti l-istabbilir ta' ambjent konduċiv għall-ħiliet intraprenditurjali u investiment, sabiex jiġi garantit post għas-settur awdjoviżwali Ewropew fl-ekonomija globali u l-promozzjoni effettiva tad-diversità kulturali.

(28) Għandu jittieħed vantaġġ mill-kontribuzzjoni li l-SMEs jistgħu jagħmlu għall-iżvilupp tas-settur awdjoviżwali.

(29) Hemm il-ħtieġa li jittejbu l-kondizzjonijiet għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi fuq is-swieq Ewropew u internazzjonali. Il-kooperazzjoni bejn distributuri internazzjonali u nazzjonali, il-proprjetarji taċ-ċinemas u l-produtturi għandha tiġi nkoraġġità; in-networking mid-distributuri, b'mod partikolari SMEs, għandu wkoll jiġi nkoraġġit, u għandu jingħata appoġġ lill-azzjoni konċertata għall-promozzjoni ta' miżuri ta' pprogrammar komuni f'livell Ewropew.

(30) Hemm il-ħtieġa li jittejbu l-prospetti tax-xandir bit-televiżjoni ta' xogħlijiet Ewropej fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali. Minħabba r-rwol prinċipali li li jista' jkollhom il-kanali tat-televiżjoni fit-tixrid ta' xogħlijiet Ewropej u ż-żmien inadegwat li fil-present jagħtu lil dawk ix-xogħlijiet fl-iskedi tagħhom, huwa mportanti li x-xandara Ewropej (kif definiti f'Artikolu 2 tad-Direttiva 89/552/KEE), jinkoraġġixxu t-trasmissjoni Ewropea ta' programmi billi jixtru xogħlijiet prodotti fi Stati Membri oħra.

(31) Hemm ħtieġa li jiġi faċilitat aċċess tas-suq għall-kumpannija Ewropej ta' produzzjoni u distribuzzjoni, u biex jiġu promossi kemm xogħlijiet Ewropej u kumpanniji Ewropej fis-settur awdjoviżwali.

(32) L-aċċess pubbliku għall-wirt Ewropew awdjoviżwali għandu jittejjeb, b'mod partikolari permezz tad-diġitizzazzjoni tiegħu u networking f'livell Ewropew.

(33) Id-detenturi Ewropej ta' kontenut għandhom jiġu nkoraġġiti biex jiddiġitaw u jqiegħedu fuq in-network il-katalogi tagħhom, inklużi l-arkivji tagħhom u l-wirt ċinematografiku.

(34) L-appoġġ għall-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni għandu jieħu kont ta' għanijiet strutturali, bħall-iżvilupp ta' potenzjal f'pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviwali u/jew żona lingwistika ristretta jew ġeografika, u/jew l-iżvilupp ta' settur Ewropew indipendenti, b'mod partikolari l-SMEs.

(35) Il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant kif ukoll Ċipru, Malta, it-Turkija u dawk il-pajjiżi EFTA li huma partijiet fil-Ftehim ŻEE huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Komunità fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma' dawk il-pajjiżi.

(36) Il-pajjiżi l-oħra ta' l-Ewropa li huma partijiet tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri huma parti ntegrali miż-żona awdjoviżwali Ewropea u għandhom għalhekk ikunu jistgħu jipparteċipaw f'dan il-Programm fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari, skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim bejn il-partijiet interessati. Dawn il-pajjiżi għandhom ikunu jistgħu, jekk jixtiequ, u wara li jittieħed kont tal-konsiderazzjonijiet ta' l-estimi jew il-prijoritajiet ta' l-industriji awdjoviżwali tagħhom, li jipparteċipaw fil-programm u li jibbenefikaw taħt formula ta' kooperazzjoni aktar limitata, fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu miftiehma bejn il-partijiet interessati.

(37) Il-ftuħ tal-Programm għal pajjiżi terzi Ewropej huwa suġġett għall-eżami minn qabel għall-kompatibilità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom ma' l-acquis tal-Komunità, bmod partikolari mad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE.

(38) Il-kooperazzjoni bejn pajjiżi terzi mhux Ewropej, żviluppata fuq il-bażi ta' interessi komuni u bilanċjati, tista' tippermetti lill-industrija awdjoviżwali Ewropea li tikseb valur miżjud f'termini ta' promozzjoni, aċċess għas-suq, distribuzzjoni, disseminazzjoni, u esplojtazzjoni ta' xogħlijiet Ewropej f'dawk il-pajjiżi. L-inklużżjoni ta' pajjiżi terzi għandha żżid il-konsapevolezza tad-diversità kulturali ta' l-Ewropa u tippromwovi t-tixrid ta' valuri komuni demokratiċi. Dik il-kooperazzjoni għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u arranġamenti speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-patti ta' ftehim bejn il-partijiet interessati.

(39) Ammont finanzjarju ta' referenza, skond it-tifsira tal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina ta' l-estimi u t-titjib fil-proċedura ta' l-estimi [9] huwa nkluż f'din id-Deċiżjoni għat-tul ta' żmien kollu tal-programm, mingħajr preġudizzju għas-setgħat ta' l-awtorità ta' l-estimi kif definiti fit-Trattat.

(40) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni [10],

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment u għanijiet tal-Programm

1. Programm, (hanwhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ "il-Programm"), qiegħed b'dan jiġi stabbilit biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej ġewwa u barra l-Komunità, li jibda jgħodd mill-1 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2005, għall-għan tat-tisħiħ ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea.

2. L-għanijiet tal-Programm għandhom ikunu kif ġej:

(a) titjib fil-kompetittività tas-settur awdjoviżwali Ewropej – inklużi intrapriżi żgħar u ta' daqs medju – fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali, billi jiġi appoġġat l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej, waqt li jittieħed kont ta' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda;

(b) it-tisħiħ tas-setturi li jgħin fit-titjib tal-moviment transnazzjonali ta' xogħlijiet Ewropej;

(ċ) rispett għal u l-promozzjoni ta' diversità lingwistika u kulturali fl-Ewropa;

(d) it-titjib tal-wirt awdjoviżwali Ewropej, b'mod partikolari bid-diġitazzjoni u n-networking;

(e) l-iżvilupp tas-settur awdjoviżwali f'pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta u t-tisħiħ tan-networking u kooperazzjoni transnazzjonali bejn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

(f) id-disseminazzjoni ta' tipi ġodda ta' kontenut awdjoviżwali li juża teknoloġiji ġodda.

Dawn l-għanijiet għandhom jiġu realizzati skond l-arranġamenti dettaljati stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Għanijiet speċifiċi tal-Programm fil-qasam ta' l-iżvilupp

Fil-qasam ta' l-iżvilupp, l-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu kif ġej:

(a) li jippromwovu, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju, l-iżvilupp ta' proġetti ta' produzzjoni (drama għaċ-ċinema jew it-televiżjoni, dokumentarji kreattivi, film s animati għat-televiżjoni jew iċ-ċinema, xogħlijiet li jisfruttaw il-wirt awdjoviżwali u ċinematografiku) mibgħuta minn intrapriżi indipendenti, b'mod partikolari dawk żgħar u ta' daqs medju, u mmirati lejn is-swieq Ewropej u internazzjonali;

(b) li jippromwovu, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju, l-iżvilupp ta' proġetti ta' produzzjoni li jagħmlu użu minn teknoloġiji ġodda ta' kreazzjoni, produzzjoni u disseminazzjoni.

Artikolu 3

Għanijiet speċifiċi tal-Programm fl-oqsma tad-distribuzzjoni u d-dissseminazzjoni

Fl-oqsma tad-distribuzzjoni u d-disseminazzjoni, l-għanijiet speċifiċi tal-Programm għandhom ikunu kif ġej:

(a) li jsaħħu s-settur tad-distribuzzjoni Ewropea fil-qasam taċ-ċinema billi jinkoraġġixxu lid-distributuri biex jinvestu fil-produzzjoni, akkwist, marketing u promozzjoni ta' films taċ-ċinema Ewropej mhux domestiċi;

(b) biex irawmu d-disseminazzjoni transnazzjonali aktar wiesa' ta' films Ewropej mhux domestiċi, fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali, permezz ta' inċentivi biex jistimulaw id-distribuzzjoni tagħhom u l-wiri tagħhom fiċ-ċinemas, fost ħwejjeġ oħra billi jinkoraġġixxu strateġiji koordinati ta' marketing;

(ċ) biex isaħħu s-settur tad-distribuzzjonijiet għal xogħlijiet Ewropej fuq il-media maħsuba għall-użu privat, billi jinkoraġġixxu lid-distributuri biex jinvestu fit-teknoloġija diġitali u fil-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej mhux domestiċi;

(d) biex jippromwovu l-moviment, fil-Komunità u barra minnha, ta' programmi Ewropej tat-televiżjoni prodotti minn kumpanniji ndipendenti billi jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn ix-xandara, mill-parti 'l waħda, u distributuri u produtturi indipendenti Ewropej, mill-parti 'l oħra;

(e) biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' katalogi ta' xogħlijiet Ewropej f'format diġitali maħsuba għall-esplojtazzjoni fuq media ġdida;

(f) biex jappoġġaw id-diversità lingwistika ta' xogħlijiet Ewropej awdjoviżwali u ċinematografiċi.

Artikolu 4

Għanijiet speċifiċi tal-Programm fil-qasam tal-promozzjoni u l-aċċess għas-suq

Fil-qasam tal-promozzjoni u l-aċċess għas-suq, il-Programm għandu jimmira li:

(a) jiffaċilità u jinkoraġġixxi l-moviment ta' xogħlijiet awdjoviżwali u ċinematografiċi Ewropej f'wirjiet tal-kummerċ, fieri, u festivals awdjoviżwali fl-Ewropa u madwar id-dinja, safejn dawk l-avvenimenti jistgħu jkollhom rwol importanti fil-promozzjoni ta' xogħlijiet Ewropej u n-networking ta' professjonisti;

(b) jinkoraġġixxi n-networking ta' operaturi Ewropej, billi jappoġġa attivitajiet konġunti fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali minn korpi pubbliċi nazzjonali ta' promozzjoni pubbliċi jew privati.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1. Il-benefiċjarji ta' l-appoġġ tal-Komunità għandhom jipprovdu proporzjon sostanzjali ta' l-iffinanzjar, li jista' jinkludi kull finanzjar pubbliku ieħor. L-iffinanzjar tal-Komunità m'għandux jeċċedi l-50 % tal-kost ta' l-operazzjonijiet. Iżda, fil-każi li jipprovdi espressament għalihom l-Anness, dan il-proporzjoni jista' jlaħħaq sa 60 % tal-kost ta' l-operazzjonijiet.

2. L-ammont ta' referenza finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perjodu msemmi f'Artikolu 1(1) għandu jkun EUR 350 miljun. Tqassim indikattiv ta' dak l-ammont skond is-settur huwa stipulat fis-sezzjoni 1.5. ta' l-Anness. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. Mingħajr preġudizzju għall- ftehim u konvenzjonijiet li tagħhom il-Komunità hija parti kontraenti, intrapriżi li jibbenefikaw mill-Programm għandhom ikunu l-proprjetà jew jibqgħu li jkunu l-proprjetà, sew direttament jew b'parteċipazzjoni maġġoritarja, mill-Istati Membri u/jew minn ċittadini ta' l-Istati Membri.

Artikolu 6

Appoġġ finanzjarju

L-appoġġ finanzjarju taħt il-Programm jista' jingħata fil-forma ta' avvanzi rimborsabbli kondizzjonati, jew sussidji kif definiti fl-Anness. Il-ħlasijiet lura taħt il-Programm, flimkien mal-ħlasijiet lura mill-operazzjonijiet imwettqa taħt il-programm MEDIA (1991-1995) u l-programm MEDIA II (1996-2000), għandhom ikunu allokati għall-ħtiġiet tal-Programm MEDIA Plus.

Artikolu 7

Implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni

1. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw il-kwistjonijiet riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' mmaniġġar imsemmija f'Artikolu 8(2):

(a) il-linji gwida ġenerali għall-miżuri kollha deskritti fl-Anness;

(b) il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti, id-definizzjoni tal-kriterji u l-proċeduri għall-għażla tal-proġetti;

(ċ) il-kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tqassim annwali ntern tar-riżorsi tal-Programm, inkluż it-tqassim bejn miżuri fis-setturi ta' l-iżvilupp, il-promozzjoni u d-distribuzzjoni;

(d) l-aranġamenti għall-azzjonijiet ta' mmonitorjar u ta' stima;

(e) kull proposta għall-allokazzjoni ta' fondi tal-Komunità li teċċedi EUR 200000 fil-każ ta' żvilupp, EUR 300000 fil-każ ta' distribuzzjoni u EUR 200000 għal kull benefiċjarju u fis-sena fil-każ ta' promozzjoni. Dawn l-għatbiet jistgħu jiġu riveduti mill-Kumitat fid-dawl ta' l-esperjenza;

(f) l-għażla ta' proġetti pilota provduta f'Artikolu 10.

2. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw il-kwistjonijiet l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' konsulenza msemmija f'Artikolu 8(3). Din il-proċedura għandha wkoll tapplika għall-għażla finali ta' l-uffiċċji ta' assistenza teknika.

3. L-assistenza teknika għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet adottati skond ir-Regolament Finanzjarju.

4. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill avviż regolari u f'waqtu ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari ta' l-użu tar-riżorsi disponibbli.

Artikolu 8

Proċedura ta' kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perjodu stipulat f'Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

4. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 9

Konsistenza u komplimentarjetà

1. Meta jiġi mplimentat il-Programm, il-Kummissjoni għandha, f'kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, tassigura l-konsistenza ġenerali u l-komplimentarjetà ma' politika, programmi u azzjonijiet oħra tal-Komunità li jimpinġu fuq il-qasam awdjoviżwali.

2. Il-Kummissjoni għandha tassigura li jkun hemm kollaborazzjoni effettiva bejn dan il-Programm u programmi u azzjonijiet fil-qasam awdjoviżwali li jkunu qed jitwettqu taħt il-kooperazzjoni tal-Komunità ma' pajjiżi mhux membri u l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti.

Artikolu 10

Proġetti pilota

1. Proġetti pilota għandhom jiġu mplimentati matul il-perjodu kollu tal-Programm immirati lejn it-titjib ta' l-aċċess għall-kontenut awdjoviżwali Ewropew u li jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jinħolqu mill-iżvilupp u l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda u innovattivi, nkluża d-diġitazzjoni u metodi ġodda ta' disseminazzjoni.

2. Fl-għażla tal-proġetti pilota li għandhom jiġu mplimentati, il-Kummissjoni għandha tingħata konsulenza minn gruppi tekniċi ta' konsultazzjoni, komposti minn esperti nominati mill-Istati Membri. Il-lista tal-proġetti potenzjali għandha tintbagħat lill-Kumitat regolarment skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 8(2).

Artikolu 11

Ftuħ tal-Programm għall-pajjiżi mhux membri

1. Il-Programm għandu jinfetaħ għall-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta' assoċjazzjoni jew il-protokolli addizzjonali tagħhom li jirrelataw mal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Komunità konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.

2. Il-Programm għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta' Ċipru, Malta, t-Turkija u dawk il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri tal-Ftehim ŻEE, fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari, skond proċeduri li għandhom jiġu miftehma ma' dawk il-pajjiżi.

3. Il-Programm għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni Transkonfini ħlief għal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari, skond kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim bejn il-partijiet interessati.

4. Il-ftuħ tal-Programm għall-pajjiżi terzi Ewropej imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandu jkun suġġett għall-eżami minn qabel dwar il-kompatibilità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħom ma' l-acquis tal-Komunità, inkluż it-tieni subparagrafu ta' Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/552/KEE.

5. Il-Programm għandu wkoll jinfetaħ għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u l-arranġamenti speċifiċi, inkluż il-qsim tal-kost taħt proċeduri miftiehma, li għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim bejn il-partijiet interessati. Il-pajjiżi terzi Ewropej imsemmija fil-paragrafu 3 li ma jixtiequx jipparteċipaw fis-sħiħ fil-Programm jistgħu jkunu eliġibbli għall-kooperazzjoni mal-Programm taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-paragrafu.

Artikolu 12

Sorveljanza u evalwazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi li miżuri meħuda taħt din id-Deċiżjoni huma suġġetti għall-apprezzament minn qabel, u għal sorveljanza u evalwazzjoni sussegwenti. Għandha tassiġura l-aċċessibilità tal-programm u t-trasparenza ta' l-implimentazzjoni tiegħu.

2. Wara t-tlestija tal-proġetti, l-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod li bih ikunu twettqu u l-impatt ta' l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex tistma jekk l-għanijiet oriġinali jkunux inkisbu.

3. Wara sentejn ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha, wara li ġġib il-kwistjoni quddiem il-Kumitat li għalih jipprovdi Artikolu 8, tippresenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport ta' evalwazzjoni dwar l-impatt u l-effettività tal-Programm fuq il-bażi tar-riżultati miksuba. Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn meħtieġ, b'kull proposta għal aġġustamenti.

4. Mat-tlestija tal-Programm il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2001.

Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

É. Guigou

[1] ĠU Ċ 283, tas- 6.10.1999, p. 1.

[2] ĠU L 380, tal-31.12.1990, p. 37.

[3] ĠU Ċ 41, tat- 13.2.1996, p. 8.

[4] ĠU Ċ 347, tat- 18.11.1996, p. 33.

[5] ĠU L 321, tat-30.12.1995, p. 25.

[6] ĠU L 321, tat-30.12.1995, p. 33.

[7] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

[8] ĠU L 26, 01.2.1999, p. 1.

[9] ĠU Ċ 172, tat- 18.6.1999, p. 1.

[10] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

1. MIŻURI LI GĦANDHOM JIĠU MPLIMENTATI

1.1. Fl-iżvilupp tas-settur ta' xogħlijiet awdjoviżwali

Sabiex jirrispondi għall-istrateġiji tal-kummerċ li jirriflettu d-diversità ta' l-istrutturi tal-produzzjoni u tal-proġetti, il-miżuri tal-Programm jimmiraw li jipprovdu assistenza finanzjarja għall-intrapriżi fis-settur awdjoviżwali li jibgħatu jew:

(a) proposti għall-iżvilupp ta' pakketti ta' proġetti għall-kumpanniji b'kapaċità akbar ta' investiment, jew

(b) proposti għall-iżvilupp ta' pakketti ta' proġetti għall-kumpanniji b'kapaċità aktar żgħira ta' investiment, jew

(ċ) proposti għall-iżvilupp ta' xogħlijiet awdjoviżwali presentati proġett bi proġett.

Il-kriterji ta' l-għażla għandhom jieħdu kont prinċipalment tan-natura Ewropea u internazzjonali tal-proġetti, b'mod partikolari tal-:

- potenzjal tagħhom ta' produzzjoni;

- potenzjal tagħhom għall-esplojtazzjoni transnazzjonali, u l-istrateġiji ta' marketing u distribuzzjoni maħsuba;

- kwalità u l-oriġinalità tagħhom.

L-appoġġ għall-iżvilupp għandu jingħata fuq termini li jeħtieġu, malli l-proġett jidħol fil-fażi ta' produzzjoni, l-appoġġ għall-proġett li jiġi ri-investit fl-iżvilupp ta' proġetti ġodda ta' produzzjoni.

Il-kontribuzzjoni għandha ġeneralment tkun limitata għall-50 % ta' l-ispejjeż tal-proġett iżda tista' tittella għall-60 % għall-proġetti li jikkontribwixxu għat-titjib fid-diversità lingwistika u kulturali Ewropea.

Fir-rapport li għalih jipprovdi Artikolu 12, il-Kummissjoni għandha tevalwa r-riżultati komparattivi tas-sistemi msemmija f'dan l-Anness fir-rigward ta' l-għanijiet tal-programm. Għandha tibgħat lill-Kumitat, skond il-proċedura preskritta f'Artikolu 8(2), proposti adattati għar-regoli ta' implimentazzjoni tal-bqija tal-Programm.

1.2. Fis-settur tad-distribuzzjoni u disseminazzjoni

1.2.1. Distribuzzjoni taċ-ċinema

Il-linji ta' azzjoni li ġejjin għandhom jiġu mplimentati sabiex jinkisbu l-għanijiet imfissra f'Artikolu 3:

(a) skema ta' appoġġ fil-forma ta' avvanz rinborżabbli kondizzjonalment għad-distributuri ta' xogħlijiet ċinematografiċi Ewropej barra t-territorju tagħhom ta' produzzjoni. Il-mira ta' din l-iskema hija li:

- tinkoraġġixxi n-networking ta' distributuri Ewropej flimkien ma' produtturi u distributuri internazzjonali, sabiex tippromwovi starteġiji konġunti għas-swieq Ewropej;

- tinkoraġġixxi lid-distributuri b'mod partikolari li jinvestu fil-promozzjoni u d-distribuzzjoni adegwata għall-films Ewropej;

- tappoġġa l-aspetti multilingwali tat-tagħmil tal-films Ewropej (dubbing, subtitolar, produzzjoni multilingwali u sound tracking internazzjonali). Dik il-parti ta' l-appoġġ maħsuba biex tiffinanzja id-diversità lingwistika ta' xogħlijiet għandha tieħu l-forma ta' sussidju.

Il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet biex jiddistingwu bejn proġetti skond il-kategorija tagħhom ta' l-estimi. Attenzjoni speċjali għandha tingħata għall-films li jikkontribwixxu għat-titjib tad-diversità lingwistika u kulturali.

(b) sistema ta' appoġġ "awtomatiku" għad-distributuri Ewropej skond il-proporzjon ta' biljetti tad-dħul mibjugħa għall-films Ewropej mhux domestiċi fi Stati li jipparteċipaw fil-Programm, sa limitu ffissat għal kull film u aġġustat għal kull pajjiż. L-appoġġ hekk ġenerat jista' jintuża mid-distributuri biss għall-investiment f'dan li ġej:

- il-koproduzzjoni ta' films Ewropej mhux domestiċi;

- l-akkwist ta' drittijiet ta' distribuzzjoni, per eżempju permezz ta' garanziji minimi, ta' films Ewropej mhux domestiċi;

- l-ispejjeż ta' l-editjar (stampi, dubbing u subtitolar), l-ispejjeż ta' promozzjoni u l-ispejjeż għall-pubbliċità għall-fims Ewropej mhux domestiċi.

L-arranġamenti ta' ri-investiment għandhom ġeneralment ikunu limitati għall-50 % ta' l-ispejjeż tal-proġett, iżda jistgħu jittelgħu għal 60 %, partikolarment għal investiment fl-istadju tal-produzzjoni u films li huma ta' interess li jtejbu d-diversità lingwistika u kulturali Ewropea.

(ċ) sistema li tgħin lill-kumpanniji Ewropej li jispeċjalizzaw fid-distribuzzjoni internazzjonali tal-films taċ-ċinema (aġenti tal-bejgħ) skond it-twettieq tagħhom fis-suq matul perjodu ta' referenza ta' l-anqas ta' sena. Din it-tip ta' għajnuna tista' tintuża minn aġenti tal-bejgħ għal investiment f'akkwist (garanziji minimi) u ta' spejjeż li joħorġu mill-promozzjoni ta' xogħlijiet ġodda Ewropej fuq is-swieq Ewropej u internazzjonali.

(d) assistenza adattata biex tinkoraġġixxi lill-operaturi li jiskrinjaw proporzjon sinjifikanti ta' films Ewropej mhux domestiċi f'ċinemas prinċipali għall-perjodu minimu ta' skrinjar. L-appoġġ għandu jkun magħmul bil-kondizzjoni ta' numru minimu ta' wiri ta' films Ewropej. Il-livell ta' appoġġ jista' jieħu kont tan-numru ta' biljetti tad-dħul mibjugħa għal films Ewropej mhux domestiċi matul perjodu ta' referenza sa limitu ffissat.

L-appoġġ jista' jingħata wkoll għall-ħolqien u l-konsolidazzjoni ta' networks ta' operaturi Ewropej li jmexxu skemi konġunti biex jinkoraġġixxu dak l-iskedar.

L-appoġġ jista' wkoll jintuża għall-iżvilupp ta' attivitajiet edukattivi u biex titqajjem konsapevolezza fost żgħażagħ li jmorru ċ-ċinema.

Sa fejn hu possibbli, l-appoġġ għas-ċinemas u n-networks għandu jinkoraġġixxi distribuzzjoni ġeografika bilanċjata.

1.2.2. Distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej off-line

Dan huwa mifhum li jfisser id-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej fuq media maħsuba għall-użu privat.

Appoġġ awtomatiku: sistema ta' appoġġ awtomatiku għall-edituri u distributuri ta' xogħlijiet Ewropej ċinematigrafiċi u awdjoviżwali, eskluż il-logħob, fuq media maħsuba għall-użu privat (eżempju jidjokassetti u DVD) skond it-twettieq tas-suq matul perjodu ta' referenza ta' l-anqas ta' sena. L-evalwazzjoni ta' dak it-twettieq tista' tieħu kont tal-fatturi speċifiċi tas-swieq nazzjonali differenti permezz ta' piżijiet adattati. L-appoġġ mogħti jista' jintuża mid-distributuri biss għall-investiment f'dan li ġej:

(a) l-ispejjeż ta' l-editjar u d-distribuzzjoni ta' xogħlijiet ġodda Ewropej mhux domestiċi f'forma diġitali; jew

(b) l-ispejjeż tal-promozzjoni ta' xogħlijiet ġodda Ewropej mhux domestiċi f'forma mhux diġitali.

Din is-sistema hija maħsuba li:

(a) tinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji ġodda fil-produzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej maħsuba għall-użu rpivat (produzzjoni ta' master diġitali għall-użu mid-distributuri Ewropej);

(b) tinkoraġġixxi lid-distributuri b'mod partikolari li jinvestu fil-promozzjoni u d-distribuzzjoni adegwata ta' films Ewropej mhux domestiċi u xogħlijiet awdjoviżwali;

(ċ) tappoġġa d-diversità lingwistika ta' produzzjonijiet Ewropej (dubbing, subtitolar u produzzjoni multi lingwali).

1.2.3. Xandir bit-televiżjoni

Jinkoraġġixxi produtturi ndipendenti li jipproduċu xogħlijiet (rumanzi fittizji, dokumentarji u films animati) li jinvolvu mhux anqas minn żewġ xandara, u preferibilment aktar, f'diversi Stati li jipparteċipaw jew jikkooperaw fil-programm, li jkun jagħmlu parti minn żoni ta' lingwi differenti.

Il-kriterji għall-għażla tal-benefiċjarji jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jiddistingwu bejn proġetti skond il-kategorija ta' l-estimi u t-tip. Attenzjoni speċjali għandha tingħata lil xogħlijiet awdjoviżwali li jikkontribwixxu għat-titjib tal-wirt Ewropew u d-diversità lingwistika u kulturali.

Dik il-parti ta' l-appoġġ li hija maħsuba biex tiffinanzja d-diversità lingwistika ta' xogħlijiet (inkluża l-produzzjoni tas-sound-track u effetti) għandha tieħu l-forma ta' sussidju.

1.2.4. Distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej on-line

Din għandha tittieħed li tfisser id-distribuzzjoni ta' xogħlijiet Ewropej on-line permezz ta' servizzi avvanzati ta' distribuzzjoni u media ġdida (eżempju Internet, video-on-demand). Il-mira hija li tiġi nkoraġġità l-industrija awdjoviżiva Ewropea li tadatta għall-iżvilupp tat-teknoloġija diġitali, partikolarment fir-rigward ta' servizz avvanzati ta' distribuzzjoni on-line.

L-introduzzjoni ta' inċentivi biex jiġu diġitizzati xogħlijiet u jinħoloq materjal promozzjonali u ta' pubbliċità f'forma diġitali, sabiex jinkoraġġixxi lill-kumpanniji Ewropej (provdituri ta' aċċess on-line, kanali ta' interess speċjali, eċċ.) biex joħolqu katalogi ta' xogħlijiet Ewropej f'format diġitali għall-esplojtazzjoni permezz ta' media ġdida.

1.3. Promozzjoni

1.3.1. Fil-qasam tal-promozzjoni u aċċess għas-swieq professjonali

Il-miżuri tal-programm jimmiraw lejn:

(a) it-titjib tal-kondizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess minn professjonisti għall-wirjiet tal-kummerċ u swieq awdjoviżwali professjonali ġewwa u barra l-Ewropa u permezz ta' skemi speċifiċi tekniċi u finanzjarji ta' appoġġ bħala parti minn avvenimenti bħal:

- is-swieq taċ-ċinema prinċipali Ewropej u internazzjonali;

- is-swieq tat-televiżjoni prinċipali Ewropej u internazzjonali;;

- swieq b'interess speċjali, partikolarment għall-films animati, dokumentarji, multimedia u teknoloġiji ġodda;

(b) l-inkoraġġiment għall-ħolqien ta' database u/jew network ta' databases dwar katalogi ta' programmi Ewropej, maħsuba għall-professjonisti;

(ċ) kull fejn possibbli, l-inkoraġġiment ta' appoġġ għall-promozzjoni ta' xogħlijiet ċinematografiċi, sa mill-bidu tal-fażi tal-produzzjoni tax-xogħol in kwistjoni.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qegħda tinkoraġġixxi n-networking ta' operaturi f'livell Ewropew, notevolment billi tappoġġa inizjattivi konġunti li jinvolvu korpi pubbliċi jew privati nazzjonali ta' promozzjoni.

L-appoġġ għandu ġeneralment ikon limitat għal 50 % ta' l-ispejjeż tal-proġett iżda jista' jittella għal 60 % għall-proġetti li jtejbu d-diversità lingwistika u kulturali Ewropea.

1.3.2. Fil-qasam ta' festivals

Il-miżuri tal-programm jimmiraw lejn:

(a) l-appoġġ ta' festivals awdjoviżwali realizzati fi sħubija li juru proporzjon sinjifikanti ta' xogħliiet Ewropej;

(b) l-inkoraġġiment ta' proġetti kooperattivi b'dimensjoni Ewropea li tinvolvi avvenimenti awdjoviżwali minn ta' l-anqas tmien Stati li jipparteċipaw jew jikkooperaw fil-programm, b'azzjoni ta' pjan komuni li jippromwovi xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej u l-moviment tagħhom.

Attenzjoni partikolari għandha tingħata għall-festivals li jgħinu fil-promozzjoni ta' xogħlijiet minn Stati Membri jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u xogħlijiet minn diretturi żgħażagħ Ewropej, u li jistabbilixxu politika attiva għall-promozzjoni u l-inkoraġġiment tad-distribuzzjoni tax-xogħlijiet Ewropej in kwistjoni.

Prijorità għandha tingħata għall-proġetti minn networks li jinkoraġġixxu kooperazzjoni dejjiema bejn l-avvenimenti.

L-appoġġ għandu ġeneralment ikon limitat għal 50 % ta' l-ispejjeż tal-proġett iżda jista' jittella' għal 60 % għall-proġetti li jikkontribwixxu għat-titjib tad-diversità lingwistika u kulturali Ewropea.

1.3.3. Attivitajiet li jippromwovu films u programmi awdjoviżwali Ewropej

Biex jinkoraġġixxu professjonisti, b'assoċjazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, biex jorganizzaw attivitajiet immirati lejn il-pubbliku ġenerali u jippromwovu ċ-ċinema Ewropea u produzzjonijiet awdjoviżwali.

1.4. Proġetti pilota

Il-proġetti pilota, li l-għanijiet tagħhom huma definiti f'Artikolu 10, jistgħu jiffukaw, fost ġwejjeġ oħra, fuq iż-żoni li ġejjin, biex ħsieb tat-titjib, in-networking u l-promozzjoni ta':

(a) il-wirt ċinematigrafiku;

(b) l-arkivji ta' programmi awdjiviżwali Ewropej;

(ċ) katalogi ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej;

(d) disseminazzjoni diġitali ta' kontenut Ewropew permezz, per eżempju, ta' servizzi avvanzati ta' distrubuzzjoni.

Il-proġetti pilota għandhom jagħtu lok għall-bdil ta' esperjenzi; ir-riżultati tagħhom għandhom jiġu ppublikati b'mod wiesa' sabiex jinkoraġġixxu id-disseminazzjoni ta' l-aħjar prattika.

Malli l-programm ikun ġie implimentat għall-sentejn, il-Kummissjoni għandha tivverifika r-riżultati tal-proġetti pilota u tipproponi aġġustamenti għall-programm.

1.5. Tqassim tar-riżorsi

Il-fondi disponibbli għandhom jitqassmu skond il-linji gwida li ġejjin:

Żvilupp | ta' l-anqas 20 % |

Distribuzzjoni | ta' l-anqas 57,5 % |

Promozzjoni | bejn wieħed u ieħor 8,5 % |

Proġetti pilota | bejn wieħed u ieħor 5 % |

Spejjeż orizzontali | ta' l-anqas 9 % |

Il-figuri perċentwali kollha huma ndikattivi u huma suġġetti għall-bidliet mill-Kumitat li għalih jipprovdi Artikolu 8, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 8(2).

2. PROĊEDURA TA' IMPLIMENTAZZJONI

2.1. Approċċ

Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tassigura l-konformità ma' l-għanijiet stipulati f'Artikolu 1(2).

Fl-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni, assistità mill-programm li għalih jipprovdi Artikolu 8, għandha taħdem mill-qrib ma' l-Istati Membri. Għandha wkoll tikkonsulta ma' l-imsieħba konċernati u tassigura li l-parteċipazzjoni tal-professjonisti fil-Programm tirrifletti d-diversità kulturali.

2.2. Iffinanzjar

2.2.1. Kontribuzzjoni tal-Komunità

L-iffinanzjar tal-Komunità m'għandux jeċċedi l-50 % tal-kost finali tal-miżuri (ħlief għall-każi li għalihom espressament jipprovdi dan l-Anness, fejn japplika limitu ta' 60 %) u għandu jingħata fil-forma ta' avvanzi rimborsabbli kondizzjonati jew sussidji. L-ispejjeż biss direttament marbuta mal-miżura li tirċievi l-appoġġ għandhom ikunu eliġibbli, ukoll jekk l-ispejjeż jitħallsu f'parti mill-benefiċjarju qabel il-proċedura ta' l-għażla. Għall-appoġġ multilinwali, il-kontribuzzjoni tal-Komunità għandha tkun fil-forma ta' sussidji.

2.2.2. Apprezzament minn qabel, sorveljanza u evalwazzjoni sussegwenti

Qabel ma tiġi approvata talba għall-appoġġ tal-Komunità, il-Kummissjoni għandha tevalwaha bil-għaqal biex tivverifika jekk tikkonformax ma' din id-Deċiżjoni u mal-kondizzjonijiet stipulati fis-subsezzjonijiet 2 u 3 ta' din is-sezzjoni ta' l-Anness.

It-talbiet għall-appoġġ tal-Komunità għandhom jinkludu dan li ġej:

(a) pjan finanzjarju li jistipula l-komponenti finanzjarji kollha ta' l-iffinanzjar tal-proġett, inkluż l-appoġġ finanzjarju mitlub mill-Kummissjoni;

(b) tabella provviżorja ta' l-iskeda tax-xogħol;

(ċ) kull informazzjoni oħra relevanti mitluba mill-Kummissjoni.

2.2.3. Dispożizzjonijiet finanzjarji u kontroll

Il-Kummissjoni għandha tistipula r-regoli dwar il-kommessi u ħlasijiet għall-miżuri mwettqa skond din id-Deċiżjoni, b'konformità mad-dispożizzjonijiet adattati tar-regolamenti finanzjarji.

Għandha partikolarment tassigura li l-proċeduri amministrattivi u finanzjarji wżati jirriflettu l-għanijiet imfittxija u l-prattika u l-interessi ta' l-industrija awdjoviżwali.

2.3. Implimentazzjoni

2.3.1. Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Programm. Hi tista', għal dan il-għan, titlob lil konsulenti ndipendenti u uffiċċji ta' l-assistenza teknika li għandhom jitgħażlu, wara sejħa għall-offerti, fuq il-bażi tal-ħila tagħhom fis-settur, l-esperjenza miksuba fil-programm MEDIA II, jew esperjenza oħra miksuba f'din iż-żona. L-assistenza teknika għandha tkun iffinanzjata mill-estimi tal-Programm. Il-Kummissjoni tista' wkoll tikkonkludi, skond il-proċedura msemmija f'Artikolu 8(2), sħubija fl-operazzjonijiet ma' korpi speċjalisti, inklużi dawk li jkun twaqqfu taħt inizjattivi oħra Ewropej bħall-Audiovisual Eureka, EURIMAGES u l-Osservatorju Awdjoviżwali Ewropew sabiex jiġu mplimentati miżuri konġunti li jikkonformaw ma' l-għanijiet tal-Programm fil-qasam tal-promozzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-għażla finali tal-benefiċjarji tal-Programm u tiddeċiedi fuq l-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata, skond Artikolu 8, fuq il-bażi tax-xogħol preparatorju mwettaq mill-uffiċċji ta' l-assistenza teknika. Għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha lill-applikanti għall-appoġġ tal-Komunità u tassigura t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-programm.

Sabiex tesegwixxi l-Programm u, b'mod partikolari, tevalwa l-proġetti li jibbenefikaw mill-iffinanzjar tal-Programm u l-attivitajiet tan-networking, il-Kummissjoni għandha tuża esperti rikonoxxuti, awdjoviżwali ndipendenti fl-oqsma ta' l-iżvilupp, il-produzzjoni, id-distribuzzjoni u promozzjoni, li huma, fejn meħtieġ, profiċjenti fiż-żona ta' l-immaniġġar tad-drittijiet, speċjalment fl-ambjent ġdid diġitali.

2.3.2. Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex tipprovdi informazzjoni dwar l-opportunitajiet offruti mill-Programm, u għandha tassigura l-promozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha wkoll tipprovdi permezz ta' l-Internet informazzjoni komprensiva li tikkonċerna l-arranġamenti ta' l-appoġġ disponibbli taħt il-politika ta' l-Unjoni Ewropea li huma ta' relevanza għas-settur awdjoviżwali.

B'mod partikolari, l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa, billi jkomplu bl-attivitajiet tan -network ta' MEDIA Desks u Antennae u jassiguraw li l-ħiliet professjonali jissaħħu, sabiex:

(a) jinfurmaw lill-professjonisti fis-settur awdjoviżwali bl-arranġamenti varji ta' appoġġ disponibbli taħt il-politika ta' l-Unjoni Ewropea;

(b) jippubliċizzaw u jippromwovu l-Programm;

(ċ) jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni massima fl-attivitajiet tal-Programm minn professjonisti;

(d) jgħinu lill-professjonisti bil-presentazzjoni ta' proġetti b'risposta għas-sejħiet ta' proposti;

(e) irawwmu kooperazzjoni transkonfini bejn il-professjonisti;

(f) jikkoordinaw bejn il-korpi varji ta' appoġġ fl-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi assigurat li l-attivitajiet tal-Programm jikkumplimentaw il-miżuri nazzjonali ta' appoġġ.

--------------------------------------------------