32000D0709



Official Journal L 289 , 16/11/2000 P. 0042 - 0043


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-6 ta' Novembru 2000

dwar il-kriterji minimi li għandu jittieħed kont tagħhom mill-Istati Membri meta jinnominaw korpi skond Artikolu 3(4) tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi

(notifikata taħt dokument numru K(2000) 3179)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2000/709/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li ikkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li ikkunsidrat id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 1999 dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi [1], u b'mod partikolari Artikolu 3(4) tagħha,

Billi,

(1) Fit-13 ta' Diċembru 1999, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva 1999/93/KE dwar qafas tal-Komunità għall-firem elettroniċi.

(2) Anness III li jinsab mad-Direttiva 1999/93/KE jinkludi l-kondizzjonijiet meħtieġa għal mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien ta' firem. Skond Artikolu 3(4) tad-Direttiva, il-konformità ta' mekkaniżmi ta'sikurezza għall-ħolqien ta' firem mal-ħtiġiet preskritti f'Anness III għandhom jiġu determinati minn korpi adattati pubbliċi jew privati nominati minn Stati Membri u l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji għall-Istati Membri biex jistabbilixxu jekk korp jistax jiġi nominat biex iwettaq dawn l-istimi ta' konformità.

(3) L-istabbiliment tal-kriterji ta' hawn fuq mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-"Kumitat dwar il-Firem Elettroniċi" stabbilit taħt Artikolu 9(1) tad-Direttiva 1999/93/KE.

(4) Il-miżuri li għalihom tipprovdi din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-’Kumitat dwar il-Firem Elettroniċi.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-Istati Membri biex jiġi determinat jekk korp nazzjonali għandux ikun nominat bħala responsabbli għall-istimi tal-konformità ta' mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem.

Artikolu 2

Meta korp li jkun ġie nominat ikun parti minn organizazzjoni mdaħħla f'attivitajiet li m'humiex dawk ta' stimi tal-konformità ta' mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem mal-ħtiġiet stabbiliti f'Anness III tad-Direttiva 1999/93/KE għandu jkun identifikabbli fi ħdan dik l-organizazzjoni. Attivitajiet differenti għandhom ikunu jingħarfu b'mod ċar.

Artikolu 3

Il-korp u l-persunal tiegħu m'għandhomx jieħdu parti f'attivitajiet li jistgħu jkunu f'kunflitt ma’ l-indipendenza tal-ġudizzju u l-integrità tagħhom fir-rigward tal-kompitu tagħhom. B'mod partikolari, il-korp għandu jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Għalhekk, il-korp, l-uffiċjal eżekuttiv tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettieq tal-ïdmiet ta' stima ta' konformità la għandhom ikunu xi disinjatur, manifattur, fornitur jew stallatur ta' mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem, jew fornitur ta' servizz ta' ċertifikazzjoni li joħroġ ċertifikati għall-pubbliku, u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat ta' xi ħadd minn dawn il-partijiet.

Barra minn hekk, huma għandhom ikunu finanzjarjament indipendenti u ma’ għandhomx jinvolvu ruħhom direttament fid-disinn, kostruzzjoni, marketing jew manutenzjoni ta' mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem, u lanqas m'għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet mdaħħla f'dawn l-attivitajiet. Dan m'għandux jimpedixxi l-possibbiltà ta' skambju ta' informazzjoni teknika bejn il-manifattur u l-korp nominat.

Artikolu 4

Il-korp u l-persunal għandhom ikunu kapaċi jiddeterminaw il-konformità ta' mekkaniżmi ta' sikurezza għall-ħolqien tal-firem mal-ħtiġiet stabbiliti f'Anness III li jinsab mad-Direttiva 1999/93/KE b'livell għoli ta' integrità professjonali, affidabilità u kompetenza teknika suffiċjenti.

Artikolu 5

Il-korp għandu jkun trasparenti fl-eżerċizzju tiegħu ta' l-istima tal-konformità u għandu jirreġistra l-informazzjoni kollha relevanti li tikkonċerna dawn il-prattiċi. Il-partijiet kollha interessati għandu jkollhom aċċess għas-servizzi tal-korp. Il-proċeduri li taħthom jopera l-korp għandhom jitmexxew b’mod li ma jkunx diskriminatorju.

Artikolu 6

Il-korp għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-persunal u l-faċilitajiet meħtieġa biex jagħmluha possibbli li jwettaq b'mod xieraq u bil-ħeffa ix-xogħol tekniku u amministrattiv assoċjat mal-kompitu li għalih kien nominat.

Artikolu 7

Il-persunal responsabbli għall-istima tal-konformità għandu jkollu:

- taħriġ tekniku u vokazzjonali sod, b'mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġiji tal-firem elettroniċi u l-aspetti relatati tas-sigurtà ta' l-IT,

- konoxxenza sodisfaċenti tal-ħtiġiet ta' l-istimi tal-konformità li huwa jwettaq kif ukoll esperjenza xierqa biex iwettaq dawn l-istimi.

Artikolu 8

L-imparzjalità tal-persunal għandha tkun garantita. Ir-rimunerazzjoni dovuta lilhom m'għandiex tiddependi fuq in-numru ta' stimi ta' konformità mwettqa u lanqas fuq ir-riżultati ta' dawk l-istimi ta' konformità.

Artikolu 9

Il-korp għandu jkollu arranġamenti xierqa biex ikopru responsabbiltajiet li jirriżultaw mill-attivitajiet tiegħu, per eżempju, billi jikseb assigurazzjoni xierqa.

Artikolu 10

Il-korp għandu jkollu arranġamenti adegwati biex tkun żgurata l-kunfidenzjalità ta' l-informazzjoni miksuba fit-twettieq tal-kompiti tiegħu taħt id-Direttiva 1999/93/KE jew kull dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tagħtiha effett, minbarra fir-rigward ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru li jinnominaħ.

Artikolu 11

Fejn korp nominat jiftiehem illi t-twettieq ta' xi parti mill-istimi ta' konformità jitwettqu minn xi parti oħra, għandu jassigura u jkun f'pożizzjoni li juri li din il-parti hija kompetenti biex twettaq is-servizz in kwistjoni. Il-korp nominat għandu jassumi responsabbiltà sħiħa għax-xogħol imwettaq taħt dawk l-arranġamenti. Id-deċiżjoni finali tibqa’ f'idejn il-korp nominat.

Artikolu 12

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Novembru 2000.

Membru tal-Kummissjoni

Għall-Kummissjoni

Erkki Liikanen

[1] ĠU L 13, tad-19.1.2000, p. 12

--------------------------------------------------