32000D0384



Official Journal L 147 , 21/06/2000 P. 0001 - 0002


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-kummissjoni

tad-19 ta' April 2000

dwar il-konklużjoni ta' Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Istat ta' Iżrael, fuq in-naħa l-oħra

(2000/384/KEE CSC)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jjistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 310 flimkien mat-tieni sentenza ta' l-ewwel subparagrafu ta'l-Artikolu 300(2), u t-tieni subparagrafu ta' l-Artkolu 310(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw Il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara konsultazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv u l-qbil unanimu tal-Kunsill,

Wara li kkunsidraw il-kunsens tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Istat ta' Iżrael, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussel, fl-20 ta' Novembru 1995, għandu jiġi approvat,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Istat ta' Iżrael, fuq in-naħa l-oħra, il-Protokolli mehmużin miegħu u d-Dikjarazzjoni mehmuża ma' l-Att Finali huma b'hekk approvati għan-nom tal-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

It-testi msemmija fl-ewwel paragrafu huma mehmuża ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-posizzjoni li għandha tieħu l-Komunità fil-Kunsill ta' l-Assoċjazzjoni u fil-Kumitat ta' l-Assoċjazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, jew, fejn ikun approprjat, mill-Kummissjoni, dejjem skond id-disposizzjonijiet korrispondenti tat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

2. Il-President tal-Kunsill għandu, b'konformità ma' l-Artikolu 68 tal-Ftehim, jippresjedi fuq l-Assoċjazzjoni tal-Kunsill u jippreżenta l-posizzjoni tal-Komunità. Rappreżentant tal-Presidenza tal-Kunsill għandu jippresjedi fuq il-Kumitat ta' l-Assoċjazzjoni, skond l-Artikolu 71 tal-Ftehim, u jippreżenta l-posizzjoni tal-Komunità.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti n-notifika msemmija fl-Artikolu 85 tal-Ftehim għan-nom tal-Komunità Ewropea. Il-President tal-Kummissjoni għandu jagħti din in-notifika għan-nom tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' April 2000.

Għall-Kunsill

Il-President

L. Capoulas Santos

Għall-Kummissjoni

R. Prodi

Il-President

[1] ĠU C 78, tat-18.3.1996, pġ. 12.

--------------------------------------------------