32000D0096



Official Journal L 028 , 03/02/2000 P. 0050 - 0053


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-22 ta' Diċembru 1999

dwar mard li jittieħed li għandu jiġi kopert b'mod progressiv fin-network tal-Komunità taħt id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata taħt id-dokument numru Ċ(1999) 4015)

(2000/96/KE)

IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Settembru 1998 li tistabbilixxi network għas-sorveljanza epidemoloġika u kontroll ta' mard li jittieħed fil-Komunità [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 3(a) sa (e) tagħha,

Billi:

(1) Skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, network fuq livell tal-Komunitarju għandha tiġi stabbilita biex jippromwovi l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, bil-għan li ttejjeb il-prevenzjoni u l-kontroll, fil-Komunità, tal-kategoriji ta' mard li jittieħed speċifikat fl-Anness ta' dik id-Deċiżjoni. Dik in-network għandha tintuża għas-sorveljanza epidemoloġika ta' dak il-mard u sabiex tiġi stabbilita sistema ta' twissija u reazzjoni bikrija.

(2) Fir-rigward tas-sorveljanza epidemoloġika, in-network għandha tiġi stabbilita billi jinġiebu f'komunikazzjoni permanenti bejniethom permezz tal-mezzi tekniċi approprjati kollha l-Kummissjoni u dawk l-istrutturi u/jew awtoritajiet li, fuq il-livell ta' kull Stat Membru u taħt ir-responsabbiltà ta' dak l-Istat Membru, huma kompetenti fuq livell nazzjonali u huma inkarigati bil-ġbir ta' l-informazzjoni relatata mas-sorveljanza epidemoloġika ta' mard li jittieħed.

(3) Il-mard u l-kwistjonijiet ta' saħħa magħżula għar-rapportaġġ minn sorveljanza epidemoloġika fuq livell tal-Komunità għandhom jirriflettu l-ħtiġiet preżenti fil-Komunità, b'mod partikolari l-valur miżjud ta' sorveljanza fuq livell tal-Komunità.

(4) L-elenku ta' mard jew kwistjonijiet ta' saħħa magħżula għal sorveljanza għandhom jinbidlu b'reazzjoni għat-tibdiliet fil-prevalenza tal-mard u b'reazzjoni għat-tfaqqiegħ ta' mard li jittieħed ġdid li jhedded is-saħħa pubblika.

(5) Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lin-network tal-Komunità bil-mezzi xierqa ta' informazzjoni, waqt li tassigura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà mal-programmi u l-inizjattivi tal-Komunità relevanti.

(6) Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 dwar miżuri għall-ħarsien kontra żonożi speċifikati u aġenti żonotiċi speċifikati f'annimali u prodotti ta' oriġini mill-annimali sabiex tipprevieni tfaqqiegħ ta' infezzjonijiet u avvelenamenti miġjuba mill-ikel [2], kif emendat l-aħħar bid-Direttiva 1999/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [3].

(7) Din id-Deċiżjoni għandha tħaffef l-integrazzjoni tan-network tal-Komunità stabbilita skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE b'networks ta' twissija rapida oħra mwaqqfa fuq livell nazzjonali jew tal-Komunità għal mard u kwistjonijiet speċjali ta' saħħa li għandhom jiġu rrapportati bis-sistema ta' twissija u reazzjoni rapida. Għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni tagħha, in-network tal-Komunità għandha għalhekk taħdem billi tuża s-Sistema ta' Sorveljanza tas-Saħħa għal Mard li Jittieħed fi ħdan in-Network Ewropea ta' Informazzjoni tas-Saħħa Pubblika (Euphin-HSSCD), li tikkonsisti fi tliet komponenti:

(a) sistema ta' twissija u reazzjoni rapida għal rapporti ta' theddid speċifiku lill-pubbliku trasmessi mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika kompetenti għal kull Stat Membru responsabbli għall-miżuri determinanti li jistgħu jkunu meħtieġa biex iħarsu s-saħħa pubblika;

(b) skambju ta' informazzjoni bejn strutturi akkreditati u awtoritajiet ta' l-Istati Membri relevanti għas-saħħa pubblika;

(ċ) networks speċifiċi dwar mard magħżul għal sorveljanza epidemoloġika bejn strutturi akkreditati u awtoritajiet ta' l-Istati Membri.

(8) L-iżvilipp ta' teknoloġiji utili ġodda għandu jiġi sorveljat kontinwament fuq bażi regolari u jiġi kkunsidrat għat-titjib ta' l-iskambju elettroniku ta' l-informazzjoni.

(9) Għal raġunijiet loġistiċi, mhux il-mard kollu li jittieħed jew il-kwistjonijiet speċjali ta' saħħa magħżula għal sorveljanza epidemoloġika jistgħu jiġu rrapportati minnufih minn arranġamenti dedikati ta' sorveljanza tan-network. Minkejja dan, sabiex in-network tal-Komunità tista' tibda taħdem u tikseb l-esperjenza, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom ixerrdu fin-network tal-Komunità l-informazzjoni relevanti li jkollhom.

(10) Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma skond il-fehma tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru. 2119/98/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Il-mard li jittieħed u l-kwistjonijiet speċjali ta' saħħa li għandhom jiġu rapportati minn sorveljanza epidemoloġika fin-network tal-Komunità skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE huma elenkati fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni. Is-sorveljanza għandha titwettaq b'mod ekonomiku waqt li tikkonsidra n-natura tal-marda, in-networks eżistenti u l-valur miżjud tal-Komunità.

L-Artikolu 2

Il-kriterji għall-għażla tal-mard u kwistjonijiet speċjali tas-saħħa li għandhom jiġu rraportati mis-sorveljanza epidemoloġika fin-network tal-Komunità huma elenkati fl-Anness II.

L-Artikolu 3

Għall-iskopijiet ta' l-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni, in-network tal-Komunità għandha fil-bidu taħdem billi tuża s-Sistema ta' Sorveljanza tas-Saħħa għall-Mard li Jittieħed fi ħdan in-Network Ewropea ta' Informazzjoni tas-Saħħa Pubblika (Euphin-HSSCD).

L-Artikolu 4

In-network tal-Komunità għandha tiġi stabbilita billi jiġu mmodifikati u integrati n-networks approprjati u eżistenti ta' sorveljanza appoġġjati mill-Komunità u billi jinbnew networks ġodda għal mard li għadu mhuwiex kopert bin-networks ta' sorveljanza. Meta għadd żgħir ta' każijiet ta' mard ma jippermettix li network ta' sorveljanza dedikata tiġi stabbilita għal dik il-marda, l-informazzjoni ta' sorveljanza ġewwa n-network tal-Komunità għandha tiġi kondiviża fuq il-bażi ta' rapporti ta' każijiet.

L-Artikolu 5

It-tifsiriet tal-każ, in-natura u t-tip ta' data li għandha tinġabar u tiġi trasmessa kif ukoll il-metodi ta' sorveljanza epidemoloġika u mikrobijoloġika approprjati għandhom jiġu stabbiliti għal kull network ta' sorveljanza speċifika integrata fi jew magħmula għan-network tal-Komunità. It-tifsiriet tal-każ u l-metodi ta' sorveljanza għandhom jiġu stabbiliti wkoll għal mard li fuqu l-informazzjoni hija kondiviża bir-rapporti tal-każ biss.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom ixerrdu fin-network tal-Komunità l-informazzjoni relevanti li jkollhom fil-pussess tagħhom u li tinstab fis-sistema ta' sorveljanza nazzjonali tagħhom fuq mard li jittieħed jew kwistjonijiet speċjali ta' saħħa għal sorveljanza epidemoloġika li ma tkunx għadha inkluża b'arranġamenti ta' network ta' sorveljanza dedikati tal-Komunità.

L-Artikolu 7

L-informazzjoni relevanti dwar mard li jittieħed u li mhuwiex elenkat fl-Anness I għandha tixxerred man-network tal-Komunità, skond l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, kull meta jinstab li hija meħtieġa sabiex tħares is-saħħa pubblika fil-Komunità.

L-Artikolu 8

Meta jiġu stabbiliti networks ta' sorveljanza speċifika għal żonożi li għaliha s-sorveljanza ta' każijiet umani hija meħtieġa taħt id-Direttiva 92/117/KEE, dik is-sorveljanza għandha titwettaq skond id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE, u din id-data meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/117/KE għandha tkun kompletament disponibbli għal dak l-iskop. Għal dan l-iskop, it-tifsiriet tal-każ u l-metodi ta' sorveljanza għall-mard uman għandhom jiġu stipulati, safejn hu possibbli, b'mod li d-data miġbura sservi wkoll id-Direttiva 92/117/KE.

L-Artikolu 9

L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'mard ieħor u kwistjonijiet speċjali ta' saħħa li għalihom sorveljanza epidemoloġika fuq livell Komunitarju għandha tiġi żviluppata progressivament fuq il-bażi tal-kriterji elenkati fl-Anness II.

L-Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2000.

L-Artikolu 11

Din id-Deċiżjoni hija Indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 1999.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 268, tat-3.10.1998, p. 1.

[2] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 38.

[3] ĠU L 210, ta' l-10.8.1999, p. 12.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

1. MARD LI JITTIEĦED U KWISTJONIJIET SPEĊJALI TA' SAĦĦA LI GĦANDHOM JIĠU INKLUŻI PROGRESSIVAMENT FIN-NETWORK TAL-KOMUNITÀ

1.1. Għall-kwistjonijiet ta' mard/saħħa elenkati hawn taħt, is-sorveljanza fin-network tal-Komunità għandha titwettaq bi ġbir standardizzat u analiżi ta' data b'mod li jiġi stabbilit għal kull kwistjoni ta' mard/saħħa meta n-networks speċifiċi ta' sorveljanza tal-Komunità għandhom jiġu stabbiliti.

2. MARD

2.1. Mard li jista' jiġi evitat b'tilqim

Difterija

Infezzjonijiet b'haemophilus influenza grupp B

Influwenza

Ħosba

Gattone

Sogħla konvulsiva

Poljomelite

Ħosba Ġermaniża

2.2. Mard trasmess sesswalment

Infezzjonijiet Chlamydia

Infezzjonijiet bil-Gonokoċċi

Infezzjoni ta' l-HIV

Sifilide

2.3. Ħepatite virali

Ħepatite A

Ħepatite B

Ħepatite Ċ

2.4. Mard li jinġarr mill-ikel u mill-ilma u mard ta' oriġini ambjentali

Avvelenament ta' l-ikel

Kampilobatterjosi

Kriptosporidjosi

Ġjardijasi

Infezzjoni b'E.coli Enteroemoroġiku

Leptospirosi

Listerjosi

Salmonellosi

Xigellosi

Toksoplasmosi

Trikinosi

Jersinosi

2.5. Mard ieħor

2.5.1. Mard trasmess minn aġenti mhux konvenzjonali

Mard ta' varjetà ta' enċifalopatija sponġiformi trasmessibbli (CJD)

2.5.2. Mard li jinġarr mill-arja

Leġjonellosi

Mard minn Meninġokokkoli

Infezzjonijiet minn Pnewmokokkoli

Tuberkulosi

2.5.3. Żonożi (għajr dik f'2.4)

Bruċellosi

Ekinokokkosi

Rabbja

2.5.4. Mard serju importat

Kolera

Malarja

Pesta

Deni emoraġijaku virali

3. KWISTJONIJIET SPEĊJALI TA' SAĦĦA

3.1. Infezzjonijiet Nożokomjali

3.2. Reżistenza antimikrobjali

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Kriterji għall-għażla ta' mard li jittieħed ta' żoni speċjali li għandhom jiġu inklużi f'sorveljanza epidemoloġika ġewwa n-network.

1. Mard li jikkawża, jew jista' jikkawża suxxettibiltà sinifikanti għall-mard u/jew imwiet mifruxa mal-Komunità, speċjalment fejn il-prevenzjoni tal-mard tkun teħtieġ metodu globali ta' koordinazzjoni.

2. Mard fejn l-iskambju ta' informazzjoni jista' jipprovdi twissija kmieni ta' theddid għas-saħħa pubblika.

3. Mard rari u serju li ma jkunx jintgħaraf fuq livell nazzjonali u fejn il-ġbir ta' data jista' jippermetti t-tfassil ta' ipoteżi minn bażi usa' ta' tagħrif.

4. Mard li għalih huma disponibbli miżuri preventivi effettivi b'kisba ta' saħħa protettiva.

5. Mard li għalih paragun mill-Istati Membri jista' jikkontribwixxi lejn l-evalwazzjoni ta' programmi nazzjonali u tal-Komunità.

--------------------------------------------------