31999R1258



Official Journal L 160 , 26/06/1999 P. 0103 - 0112


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999

tas-17 ta’ Mejju 1999

dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjal [3],

Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Verifika [4],

(1) Billi permezz tar-Regolament Nru 25 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [5], il-Kunsill stabilixxa l-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG), minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Fond, li jifforma parti mill-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej; billi dan ir-Regolament stabilixxa l-prinċipji li għandhom japplikaw għall-finanzjament tal-politika komuni agrikola;

(2) Billi fl-istadju tas-suq wieħed, minħabba l-fatt illi s-sistemi tal-prezzijiet huma standardizzati u l-politika agrikola hija politika Komunitarja, il-konsegwenzi finanzjarji jaqgħu fuq il-Komunità; billi, skond dan il-prinċipju kif stabilit fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 25, ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi, l-intervent immirat biex jistabilizza s-swieq agrikoli, il-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali, il-miżuri speċifiċi veterenarji, kif stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-qasam veterenarju [6], il-miżuri maħsuba biex jipprovdu t-tagħrif dwar il-politika komuni agrikola u ċerti azzjonijiet ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu ffinanzjati mit-Taqsima tal- Garanzija tal-Fond sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 33(1) tat-Trattat;

(3) Billi it-Taqsima tal- Gwida tal-Fond għandha tiffinanzja n-nefqa finanzjarja għal ċerti miżuri ta’ żvilupp rurali fir-reġjuni fejn l-iżvilupp tagħhom jibqa’ lura kif ukoll għall-inizjattiva Komunitarja għall-iżvilupp rurali;

(4) Billi l-Kummissjoni hija responsabbli mill-amministrazjoni tal-Fond u billi hija pprovduta kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni ġewwa Kumitat għall-Fond;

(5) Billi r-responsabbiltà sabiex tiġi kkontrollata n-nefqa tat-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond taqa’, l-ewwelnett, fuq l-Istati Membri, li jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi awtorizzati mogħtija l-poteri li jwettqu n-nefqa; billi l-Istati Membri jridu jwettqu din il-biċċa xogħol bis-sħiħ u effettivament; billi l-Kummissjoni, li hija responsabbli mill-implementazjoni ta’ l-Estimi tal-Komunità, trid tivverifika l-kondizzjonijiet li fuqhom ikunu saru l-ħlasijiet u l-kontrolli; billi l-Kummissjoni tista’ tiffinanzja nefqa biss meta dawn il-kondizzjonijiet joffru l-garanziji kollha meħtieġa li jirrigwardaw it-twettiq tar-regoli Komunitarji; billi, f’sistema ddeċentralizzata tal-maniġġjar tan-nefqa tal-Komunità, huwa essenzjali illi l-Kummissjoni, bħala l-istituzzjoni responsabbli mill-fondi, tkun intitolata u mogħtija s-setgħa li twettaq il-kontrolli kollha dwar il-maniġġjar tan-nefqa li hi tikkonsidra meħtieġa u li għandu jkun hemm trasparenza sħiħa u effettiva u għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(6) Billi, matul il-clearance tal-kontijiet, il-Kummissjoni hija kapaċi tistabilixxi fi żmien raġjonevoli n-nefqa totali li għandha tiddaħħal kontra t-Taqsima tal-Garanzija fil-kont ġenerali biss jekk ikollha assigurazzjoni sodisfaċenti illi l-kontrolli nazzjonali huma adegwati u trasparenti u li l-aġenziji tal-ħlas jivverifikaw il-legalità u r-regolarità tat-talbiet li jwettqu; billi għandha għalhekk issir disposizzjoni għall-akkredazzjoni ta’ l-aġenziji tal-ħlas mill-Istati Membri; billi sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-istandards meħtieġa għall-akkreditazzjoni fl-Istati Membri l-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar il-kriterja li jridu jiġu applikati; billi, għal dan il-għan, għandu jiġi stipulat illi għandha tiġi ffinanzjata biss in-nefqa effettwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas mill-Istati Membri; billi, barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata t-trasparenza tal-kontrolli nazzjonali, b’mod partikolari rigward il-proċeduri ta’ l-awtorizzazzjoni, tal-validazzjoni u tal-ħlas, in-numru ta’ l-awtoritàjiet u tal-korpi li lilhom jiġu ddelegati dawn ir-responsabbiltajiet għandhom, fejn xieraq, ikunu restritti billi jitqiesu l-arranġamenti kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru;

(7) Billi l-maniġġjar iddeċentralizzat tal-Fondi Komunitarji, b’mod partikolari wara r-riforma tal-politika komuni agrikola, iwassal li jiġu nnominati numru ta’ aġenziji tal-ħlas; billi, għalhekk, meta Stat Membru jakkredita iktar minn aġenzija waħda tal-ħlas, għandu jinnomina korp wieħed tal-kuntatt sabiex jiżgura l-konsistenza fil-maniġġjar tal-fondi, biex jipprovdi kuntatt bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji varji akkreditati tal-ħlas u biex jiżgura illi t-tagħrif mitlub mill-Kummissjoni li jirrigwardja l-ħidma ta’ l-aġenziji diversi tal-ħlas ikun disponibbli aktar bil-ħeffa;

(8) Billi jridu jiġu mmobilizzati r-riżorsi finanzjarji mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet ta’ l-aġenziji tar-rimborż, filwaqt li l-Kummissjoni tagħmel il-ħlasijiet bil-quddiem għar-reġistrazzjoni tan-nefqa mwettqa mill-aġenziji tar-rimborż; billi fil-qafas tal-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali, għandhom jiġu pprovduti ħlasijiet bil-quddiem ġenwini sabiex jiġi implimentat il-programm; billi huwa xieraq illi dawn il-ħlasijiet bil-quddiem jiġu ttrattati skond il-mekkaniżmi finanzjarji stabiliti għall-avvanzi (ħlasijiet bil-quddiem) skond il-provvediment għan-nefqa effettwata matul il-perjodu taż-żmien tar-referenza;

(9) Billi għandhom jiġi stabiliti żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet, wieħed li jirrigwarda l-clearance mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond, u l-ieħor li jistabilixxi l-konsegwenzi, inklużi l-korrezzjonijiet finanzjarji, li jridu joħorġu mir-riżultati tal-kontrolli dwar il-konformità tan-nefqa mar-regoli Komunitarji;

(10) Billi l-kontrolli dwar il-konformità u dwar il-clearance li tirriżulta wara m’għandhomx għalhekk ikunu aktar marbuta ma’ l-implimentazzjoni ta’ l-Estimi ta’ sena finanzjarja partikolari; billi jrid jiġi stabilit il-perjodu massimu taż-żmien li fih jistgħu jiġu applikati l-konsegwenzi li joħorġu mill-kontrolli dwar il-konformità; billi, madankollu, il-karattru pluri-annwali tal-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali ma jippermettix illi jiġi applikat dan il-perjodu massimu taż-żmien;

(11) Billi jridu jittieħdu miżuri sabiex jipprevjenu u jitrattaw kull irregolarità u biex jiġu rkuprati l-ammonti mitlufa bħala riżultat ta’ dawn l-irregolaritajiet jew negliġenza; billi għandha tiġi stabilita r-responsabbiltà finanzjarja għal dawn l-irregolaritajiet jew negliġenza;

(12) Billi n-nefqa Komunitarja trid tkun soġġetta għas-sorveljanza mill-qrib; billi, flimkien mas-sorveljanza mwettqa mill-Istati Membri fuq l-inizjattiva tagħhom infushom, li tibqa’ essenzjali, għandhom isiru disposizzjonijiet għall-verifika mill-uffiċjali tal-Kummissjoni u sabiex il-Kummissjoni jkollha id-dritt li tikseb il-għajnuna ta’ l-Istati Membri;

(13) Billi t-teknoloġija ta’ l-informatika teħtieġ illi tiġi użata mill-iktar possibbli sabiex tipproduċi t-tagħrif li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni; billi, meta jitwettqu l-kontrolli, il-Kummissjoni jrid ikollha aċċess sħiħ u immedjat għat-tagħrif dwar in-nefqa miżmuma kemm fid-dokumenti u wkoll fil-faċilitajiet elettroniċi;

(14) Billi l-kobor tal-finanzjament tal-Komunità jagħmilha meħtieġa għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill li dawn jinżammu regolarment imgħarrfa permezz ta’ rapporti finanzjarji;

(15) Billi, bil-ħsieb illi jiġi ssimplifikat il-maniġġjar finanzjarju, huwa mixtieq illi l-perjodu taż-żmien tal-finanzjament tal-Fond jitressaq aktar qrib is-sena finanzjarja kif stabilit fl-Artikolu 272(1) tat-Trattat; billi it-twettiq ta’ din il-ħidma jinħtieġ illi jkun hemm stampa ċara tal-fondi disponibbli korrentement lejn it-tmiem tas-sena finanzjarja interessata; billi, għalhekk, għandha ssir disposizzjoni mill-Kummissjoni sabiex ikollha l-poteri meħtieġa li taddatta l-perjodu taż-żmien tal-finanzjament tal-Fond meta jifdal riżorsi finanzarji biżżejjed mill-Estimi;

(16) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’April 1970 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [7] ġie sostanzjalment emendat f’okkażjonijiet diversi; billi, issa li qegħdin isiru emendi ġodda għar-Regolament imsemmi, huwa mixtieq, sabiex jiġu ċċarati l-materji, illi d-disposizzjonijiet f’dan il-każ jiġu abbozzati mill-ġdid,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-Fond għandu jifforma parti mill-Estimi Ġenerali tal-Komunitàjiet Ewropej.

Għandu jikkonsisti f’żewġ taqsimiet:

- it-Taqsima tal-Garanzija,

- it-Taqsima tal-Gwida.

2. It-Taqsima tal-Garanzija għandha tiffinanzja:

(a) ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi;

(b) l-intervent maħsub biex jistabilizza s-suq agrikolu;

(ċ) il-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali 'il barra mill-programmi ta' l-Għan 1 għajr l-inizjattivi Komunitarji għall-iżvilupp rurali;

(d) il-kontribuzjoni finanzjarja Komunitarja għall-miżuri veterenarji speċifiċi, il-miżuri ta’ spezzjoni fil-qasam veterenarju u l-programmi għall-eradikazjoni u s-sorveljanza tal-mard ta’ l-annimali (miżuri veterenarji) kif ukoll miżuri dwar is-saħħa tal-pjanti;

(e) il-miżuri maħsuba biex jipprovdu tagħrif dwar il-politika komuni agrikola u ċerti azzjonijiet ta’ evalwazzjoni dwar il-miżuri ffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond.

3. It-Taqsima tal-Gwida għandha tiffinanzja l-miżuri ta’ żvilupp rurali li ma jkunux koperti bil-punt (ċ) tal-paragrafu 2.

4. In-nefqa li għandha x’taqsam ma’ l-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal miġrura mill-Istati Membri u minn dawk li jirċievu l-għajnuna mill-Fond ma għandhiex tittieħed mill-Fond.

L-Artikolu 2

1. Ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi, li jiġu mogħtija skond ir-regoli Komunitarji ġewwa l-qafas ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, għandhom ikunu ffinanzjati skond l-Artikolu 1(2)(a).

2. L-intervent maħsub biex jistabilizza is-swieq agrikoli, midħul għalih skond ir-regoli Komunitarji ġewwa l-qafas ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, għandu jkun iffinanzjat skond l-Artikolu 1(2)(b).

3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, sa kemm ikun meħtieġ, jadotta l-proċedura sabiex jiffinanzja l-miżuri riferiti fil-paragrafi 1 u 2.

L-Artikolu 3

1. Il-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali 'il barra mill-programmi tal-Għan 1 meħudha skond ir-regoli Komunitarji għandhom ikunu iffinazjati skond l-Artikolu 1(2)(ċ).

2. Il-miżuri veterenarji u tas-saħħa tal-pjanti meħuda skond ir-regoli Komunitarji għandhom ikunu ffinanzjati skond l-Arikolu 1(2)(d).

3. Il-miżuri ta’ tagħrif u l-azzjonijiet ta’ evalwazzjoni midħula għalihom skond ir-regoli Komunitarji għandhom ikunu ffinanzjati skond l-Arikolu 1(2)(e).

4. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu għandhom ikunu addottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 4

1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jikkomunika lill-Kummissjoni:

(a) id-dettalji dwar l-awtoritàjiet u l-korpi illi jakkredita biex iħallsu n-nefqa riferita fl-Artikoli 2 u 3, minn issa ‘l-quddiem imsejħa l- aġenziji tal-ħlas,

(b) meta tiġi akkreditata iktar minn aġenzija waħda tal-ħlas, id-dettalji dwar l-awtorità jew korp li timponi fuqhom, l-ewwelnett, li jiġbru flimien it-tagħrif li jrid jiġi fornit lill-Kummissjoni u li jibagħtu l-istess, u, t-tmexxija ‘l quddiem ta’ l-applikazzjoni armonizzata tar-regoli Komunitarji, minn issa ‘l quddiem imsejħa il- korp tal-kordinazzjoni.

2. L-aġenziji tal-ħlas għandhom ikunu awtoritajiet u korpi ta’ l-Istati Membri, li, rigward il-ħlas fl-iskopijiet li għalihom ikunu responsabbli, joffru garanziji suffiċjenti illi:

(a) l-aċċettazzjoni tal-pretensjonijiet u l-konformità mar-regoli Komunitarji jiġu kkontrollati qabel ma jiġi awtorizzat il-ħlas;

(b) il-ħlasijiet effettwati jiġu rreġistrati sħah u korrettement fil-kontijiet; u

(ċ) id-dokumenti meħtieġa jiġu sottomessi ġewwa l-limitu taż-żmien u fil-għamla kif stabilita fir-regoli Komunitarji.

3. L-aġenziji tal-ħlas iridu jżommu d-dokumenti illi jiġġustifikaw il-ħlasijiet effettwati u d-dokumenti li jirrigwardaw it-twettiq tal-kontrolli amministrattivi u fiżiċi preskritti. Meta d-dokumenti rilevanti jkunu miżmuma mill-korpi responsabbli mill-awtorizzazzjoni għan-nefqa, dawn il-korpi jridu jittrasmettu rapporti lill-aġenzija tal-ħlas dwar in-numru tal-kontrolli mwettqa, il-kontenut tagħhom u l-miżuri meħuda fid-dawl tar-riżultati.

4. In-nefqa biss li tkun effettwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas tista’ tkun bla ħsara għall-finanzjament mill-Komunità.

5. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu, filwaqt li jqis l-istrutturi kostituzzjonali u istituzzjonali tiegħu, jillimita n-numru ta’ l-aġenziji akkreditati tal-ħlas għall-minimu meħtieġ sabiex iwettqu n-nefqa riferita fl-Artikoli 2 u 3 skond kondizzjonijiet sodisfaċenti amministrattivi u tal-kontabilità.

6. Kull weħed mill-Istati Membri għandu jikkomunika lill-Kummissjoni l-partikolaritajiet li ġejjin li jirrigwardjaw lil dawn l-aġenziji tal-ħlas:

(a) isimhom u l-istatuti tagħhom;

(b) il-kondizzjonijiet amministrattivi, tal-kontabilità u tal-kontrolli interni li permezz tagħhom jitwettqu l-ħlasijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-implementazjoni tar-regoli Komunitarji fil-qafas tal-politika komuni agrikola;

(ċ) l-att ta’ l-akkreditazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħarrfa minnufih b’kull bidla f’dawn il-partikolaritajiet.

7. Meta ma jiġux imwettqa, jew ma jibqgħux jitwettqu, minn aġenzija akkreditata tal-ħlas, waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet għall-akkreditazzjoni, għandha tiġi rtitata l-akkreditazjoni għajr jekk l-aġenzija tal-ħlas tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa fil-limitu taż-żmien li għandu jiġi stabbilit fejn għandha x’taqsam il-gravità tal-probelma. L-Istat Membru interessat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni.

8. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 5

1. Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex ikopru n-nefqa riferita fl-Artikoli 2 u 3 għandhom ikunu magħmula disponibbli għall-Istati Membri mill-Kummissjoni permezz ta’ avvanzi fuq il-provvediment tan-nefqa effettwati matul perjodu taż-żmien ta’ referenza.

Jistgħu jiġu konċessi mill-Kummissjoni ħlasijiet bil-quddiem sabiex jiġu implimentati l-programmi fil-qafas tal-miżuri għall-iżvilupp rurali riferiti fl-Artikolu 3(1) meta jiġu approvati l-programmi interessati u għandhom jiġu meqjusa bħala nefqa effettwata fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara d-deċiżjoni dwar il-konċessjoni.

2. Sakemm jitħallsu l-avvanzi fuq il-provvediment għan-nefqa effettwata, għandhom jiġu mmobilizzati r-riżorsi meħtieġa sabiex tintlaħaq din in-nefqa mill-Istati Membri skond il-ħtiġiet ta’ l-aġenziji akkreditati tal-ħlas.

3. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari taż-żmien, jittrasmettu lill-Kummissjoni t-tagħrif li ġej li jirrigwarda l-aġenziji akkreditati tal-ħlas u l-korpi tal-koordinament u li jkollhom x’jaqsmu mat-transazzjonijiet iffinanzjati mit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond:

(a) id-dikjarazzjonijiet dwar in-nefqa u l-estmi tal ħtiġiet finanzjarji;

(b) il-kontijiet annwali, akkumpanjati mit-tagħrif meħtieġ sabiex jiġu kklerjati u attestat rigward l-integrità, l-eżatezza u l-veraċità tal-kontijiet trasmessi.

2. Ir-regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu, b’mod partikolari, dawk li jkopru l-attestat tal-kontijiet riferiti fil-paragrafu 1 (b) għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 7

1. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat tal-Fond, għandha tadotta d-deċiżjonijiet iddikjarati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

2. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-avvanzi ta’ kull xahar fuq il-provvediment għan-nefqa effetwata mill-aġenziji akkreditati tal-ħlas.

In-nefqa għal Ottubru għandha tiġi attribwita għal Ottubru jekk tkun effetwata mill-1 sal-15 ta’ Ottubru u għal Novembru jekk tkun effettwata mis-16 tal-31 ta’ Ottubru. L-avvanzi għandhom jiġu mħallsa lill-Istat Membru mhux aktar tard mit-tielet jum tax-xogħol tat-tieni xahar ta’ wara dak li fih tiġi effettwata n-nefqa.

Jistgħu jsiru avvanzi addizzjonali, bil-Kumitat tal-Fond jiġi mgħarraf waqt il-konsultazjoni ta’ wara.

3. Il-Kummissjoni għandha, qabel it-30 ta’ April tas-sena ta’ wara s-sena finanzjarja interessata, fuq il-bażi tat-tagħrif riferit fl-Arikolu 6(1)(b), tikklerja l-kontijiet ta’ l-aġenziji tal-ħlas.

Id-deċiżjoni sabiex jiġu kklerjati l-kontijiet għandha tkopri l-integrità, l-eżattezza u l-veraċità tal-kontijiet sottomessi. Id-deċiżjoni ma għandhiex tippreġudika l-addozzjoni ta’ deċiżjoni sossegwenti skond il-paragrafu 4.

4. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar in-nefqa li trid tiġi eskluża mill-finanzjament Komunitarju riferit fl-Artikoli 2 u 3 fejn issib illi n-nefqa ma tkunx ġiet effettwata skond ir-regoli Komunitarji.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-kontrolli tal-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri interessati għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilthom kollha biex jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob li tinfetaħ proċedura bil-għan ta’ medjazzjoni bejn il-pożizzjonijiet rispettivi f’perjodu taż-żmien ta’ erba' xhur, li r-riżultati tagħha għandhom jiġu ddikjarati f’rapport li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni u jiġi eżaminat minnha, qabel ma tittieħed deċiżjoni illi jiġi rrifjutat il-finanzjament.

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi filwaqt li tqis b’mod partikolari il-livell misjub tan-nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura u l-gravità tal-kontravenzjoni u tat-telf finanzjarju sofrut mill-Komunità.

Rifjut għall-finanzjament ma jistax jinvolvi:

(a) in-nefqa riferita fl-Artikolu 2 effettwata qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-kominikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, lill-Istat Membru interessat;

(b) in-nefqa għal miżura jew għal azzjoni riferiti fl-Artikolu 3 li dwarhom l-ħlas finali kien effettwat qabel l-24 xahar li jippreċiedu l-komunikazzjoni bil-miktub mill-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta’ dawn il-kontrolli lill-Istat Membru interessat.

Madankollu, il-ħames sub-paragrafu ma għandux japplika għall-konsegwenzi finanzjarji:

(a) dwar l-irregolaritajiet riferiti fl-Artikolu 8(2);

(b) li jirrigwardaw il-għajnuniet nazzjonali, jew il-kontravenzjonijiet, li dwarhom ikunu nbdew il-proċeduri riferiti fl-Artikoli 88 u 226 tat-Trattat.

5. Għandhom jiġu addottati regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13. Dawn ir-regoli għandhom ikopru b’mod partikolari it-trattament tal-ħlasijiet bil-quddiem riferiti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1), skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu u l-proċeduri li għandhom x’jaqsmu mad-deċiżjonijiet riferiti fil-paragrafi 2, 3 u 4 msemmija.

L-Artikolu 8

1. L-Istati Membri għandhom, skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex:

(a) ikunu sodisdfatti illi t-transazzjonijiet iffananzjati mill-Fond ikunu attwalment imwettqa u mwettqa korrettement;

(b) jipprevjienu l-irregolaritajiet u jittrattawhom;

(ċ) jirkupraw is-somom mitlufa bħala riżultat ta’ l-irregolaritajiet jew tan-negliġenza.

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda għal dawn il-għanijiet u b’mod partikolari dwar l-istat ta’ l-amministrazzjoni u l-proċeduri ġudizzjarji.

2. Fin-nuqqas ta’ rkupru totali, il-konsegwenzi finanzjarji dwar l-irregolaritajiet jew in-negliġenza għandhom ikunu miġrura mill-Komunità, bl-eċċezzjoni tal-konsegwenzi ta’ l-irregolaritajiet jew in-negliġenza attribwiti lill-awtoritàjiet amministrattivi jew lil korpi oħra fl-Istati Membri.

Is-somom irkuprati għandhom jitħallsu lill-aġenziji akkreditati tal-ħlas u mnaqqsa minnhom (l-aġenziji) min-nefqa ffinanzjati mill-Fond. L-imgħax fuq is-somom irkuprati jew imħallsa tard għandu jitħallas lill-Fond.

3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabilixxi r-regoli ġenerali sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu.

L-Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni t-tagħrif kollu meħtieġ għat-tħaddim xieraq tal-Fond u għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha sabiex jiffaċilitaw is-sorveljanza li l-Kummissjoni tista' tikkonsidra meħtieġa li tidħol għaliha fil-qafas tal-maniġġjar tal-finanzjament Komunitarju, inklużi l-ispezzjonijiet fuq il-post.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-disposizzjonijiet stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jkunu addottaw sabiex jiġu applikati l-atti legali Komunitarji li għandhom x’jaqsmu mal-politika komuni agrikola safejn u sakemm dawn l-atti jkollhom konsegwenzi finanzjarji fuq il-Fond.

2. Mingħajr preġudizzju għas-sorveljanza effettwata mill-Istati Membri skond id-disposizzjonijiet nazzjonali stabiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 248 tat-Trattat, jew dwar kull spezzjoni organizzata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 279 (ċ) tat-Trattat, ir-rappreżentanti awtorizzati maħtura mill-Kummissjoni biex iwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-post għandu jkollhom aċċess għar-reġistri u għad-dokumenti l-oħra kollha, inkluż it-tagħrif maħluq jew maħżun f’għamla elettronika, li għandu x’jaqsam man-nefqa ffinanzjata mill-Fond.

Huma jistgħu, b’mod partikolari, jikkontrollaw:

(a) jekk il-prattiċi amministrattivi jkunux skond ir-regoli Komunitarji;

(b) jekk jeżistux id-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa u jekk jaqblux mat-transazzjoni ffinanzjata mill-Fond;

(ċ) il-kondizzjonijiet li bihom it-transazzjonijiet iffinanzjati mill-Fond jiġu mwettqa u kkontrollati.

Il-Kummissjoni għandha tagħti avviż xieraq lill-Istat Membru interessat qabel ma tkun twettqet l-ispezzjoni, jew lill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dan irid jitwettaq. L-uffiċjali ta’ l-Istat Membru interessat jistgħu jieħdu sehem fl-ispezzjoni.

Fuq it-talba tal-Kummissjoni u bil-qbil ta’ l-Istat Membru, l-ispezzjonijiet jew l-inkjesti li jirrigwardaw it-transazzjonijiet riferiti f’dan ir-Regolament għandhom jiġu mwettqa mill-awtoritàjiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru. L-uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw ukoll.

Biex il-verifika tintgħamel aktar effettiva, il-Kummissjoni tista’, bil-qbil ta’ l-Istati Membri interessati, tirranġa sabiex l-awtoritàjiet amministrattivi ta’ dawn l-Istati jipparteċipaw f’ċerti spezzjonijiet jew inkjesti.

3. Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu, safejn u sakemm ikun meħtieġ, jistabilixxi r-regoli ġenerali sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu.

L-Artikolu 10

Qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport finanzjarju dwar l-amministrazzjoni tal-Fond matul is-sena finanzjarja ta’ qabel u, b’mod partikolari, dwar l-istat tar-riżorsi tagħha u tan-natura tan-nefqa tagħha u l-kondizzjonijiet sabiex jinkiseb il-finanzjament Komunitarju.

L-Artikolu 11

Il-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (minn issa 'l quddiem imsejjaħ il-Kumitat tal-Fond) għandu jgħin lill-Kummissjoni fl-amministrazjoni tal-Fond, kif stabilit fl-Artikoli 12 sa 15.

L-Artikolu 12

Il-Kumitat tal-Fond għandu jkun magħmul mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u tal-Kummissjoni. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jkun irrappreżentat fuq il-Kumitat tal-Fond b’mhux aktar minn ħames uffiċjali. Il-Kumitat tal-Fond għandu jkollu rappreżentant tal-Kummissjoni bħala President.

L-Artikolu 13

1. Meta l-proċedura stabilita f’dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-materja għandha tiġi riferita lill-Kumitat tal-Fond mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta’ Stat Membru.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal miżuri li jridu jittiehdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fil-limiti taż-żmien li l-President jista’ jistabilixxi skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tkun mogħtija bil-maġġoranza stabilita fl-Artikolu 205 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu ppeżati fil-manjiera ddikjarata f’dan l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri li għandhom japplikaw minnufih.

(b) Madankollu, jekk dawn il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat tal-Fond, dawn għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill minnufih. F’dak il-każ:

- il-Kummissjoni tista’ tiddifferixxi għal mhux aktar minn xahar mid-data ta’ din il-komunikazzjoni, l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun addottat,

- il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata, jista’ jadotta deċiżjoni differenti fil-limitu taż-żmien riferit fl-inċiż preċedenti.

L-Artikolu 14

1. Il-Kumitat tal-Fond għandu jiġi kkonsultat:

(a) fil-każijiet fejn issir disposizzjoni sabiex jiġi kkonsultat;

(b) fl-istima tal-krediti tal-Fond li jridu jiddaħħlu fl-Estimi tal-Kummissjoni għas-sena finanzjarja ta’ wara u, jekk ikun meħtieġ, f’Estimi addizzjonali;

(ċ) dwar l-abbozzi tar-rapporti dwar il-Fond li jridu jiġu sottomessi lill-Kunsill.

2. Il-Kumitat tal-Fond jista’ jeżamina kull kwistjoni oħra riferita lilu mill-President tiegħu jew fuq l-inizjattiva tiegħu nnifsu (il-President) jew fuq it-talba ta’ rappreżentant ta’ Stat Membru.

Il-Kumitat għandu jiġi mgħarraf regolarment dwar l-attivitajiet tal-Fond.

L-Artikolu 15

Il-President għandu jsejjaħ il-laqgħat tal-Kumitat tal-Fond.

Is-servizzi segretarjali għandhom jiġu pprovduti lill-Kumitat tal-Fond mill-Kummissjoni

Il-Kumitat tal-Fond għandu jadotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

L-Artikolu 16

1. Ir-Regolament (KEE) Nru 729/70 għandu jiġi mħassar.

2. Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jiġu meqjusa bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella tal-korrelazjoni stabilita f’dan l-Anness.

L-Artikolu 17

It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 15 u l-Artikolu 40 tad-Deċiżjoni 90/424/KEE għandhom jiġu mħassra.

L-Artikolu 18

Il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mill-arranġamenti pprovvduti fir-Regolament (KEE) Nru 729/70 għal dawk stabbiliti b’dan ir-Regolament għandhom jiġu addottati skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13.

L-Artikolu 19

Il-Kummissjoni tista’ tħassar l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(2) skond il-proċedura stabilita fl-Artikolu 13 fejn il-fondi ta’ l-Estimi attribwiti lit-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond, li jkunu disponibbli lejn it-tmiem ta’ sena finanzjarja mogħtija, jippermettu lill-Fond li jiffinanzja n-nefqa addizzjonali li tirriżulta minn dan it-tħassir f’din is-sena finanzjarja. Meta l-Kummissjoni tagħmel użu minn dan il-poter, tista’ skond l-istess proċedura tipposponi d-data tal-bidu ta’ dawn it-‘twieqi’ tal-ħlasijiet għall-miżuri, li jibdew jgħoddu minn bejn is-16 u l-31 ta’ Ottubru inklużi, sa l-1 ta’ Novembru.

L-Artikolu 20

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazjoni tieghu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej.

Għandu jibda japplika min-nefqa effetwata mil-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K.-H. Funke

[1] ĠU C 170, ta l-4.6.1998, p. 83.

[2] Opinjoni moghtija fis-6 ta Mejju 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Ufficjali).

[3] ĠU C 407, tat-28.12.1998, p. 222.

[4] ĠU C 401, tat-22.12.1998, p. 3.

[5] ĠU L 30, tal-20.4.1962, p. 991/60. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 728/70 (ĠU L 94, tat-28.4.1970, p.9).

[6] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 19. Deċizjoni kif l-aħħar emendata bid-Decizjoni Nru 94/370/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p.31).

[7] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1287/96 (ĠU L 125, tat-8.6.1995, p. 1).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

TABELLA TAL-KORRELAZZJONI

Ir-Regolament (KEE) Nru 729/70 | Dan ir-Regolament |

L-Artikolu 1(1) | L-Artikolu 1(1) |

L-Artikolu 1(2)(a) u (b) | L-Artikolu 1(2)(a) u (b) |

L-Artikolu 1(4) | L-Artikolu 1(4) |

L-Artikolu 2(1) | L-Artikolu 2(1) |

L-Artikolu 2(2) | L-Artikolu 2(3) |

L-Artikolu 3(1) | L-Artikolu 2(3) |

L-Artikolu 3(2) | L-Artikolu 2(3) |

L-Artikolu 3(3) | – |

L-Artikolu 4(1)(a), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 4(1)(a) |

L-Artikolu 4(1)(a), it-tieni subparagrafu | L-Artikolu 4(2) |

L-Artikolu 4(1)(a), it-tielet subparagrafu | L-Artikolu 4(3) |

L-Artikolu 4(1)(b), l-ewwel subparagrafu | L-Artikolu 4(1)(b) |

L-Artikolu 4(1)(b), t-tieni subparagrafu | L-Artikolu 4(4) |

L-Artikolu 4(2) | L-Artikolu 4(5) |

L-Artikolu 4(3) | L-Artikolu 4(6) |

L-Artikolu 4(4) | L-Artikolu 4(7) |

L-Artikolu 4(5), l-ewwel sentenza | L-Artikolu 5(1), l-ewwel subparagrafu |

L-Artikolu 4(5), it-tieni sentenza | L-Artikolu 5(2) |

L-Artikolu 4(6) | L-Artikolu 4(8) u L-Artikolu 5(3) |

L-Artikolu 5(1) | L-Artikolu 6(1) |

L-Artikolu 5(2)(a) | L-Artikolu 7(2) |

L-Artikolu 5(2)(b) | L-Artikolu 7(3) |

L-Artikolu 5(2)(c) | L-Artikolu 7(4) |

L-Artikolu 5a | – |

L-Artikolu 6 | – |

L-Artikolu 6a | – |

L-Artikolu 6b | – |

L-Artikolu 6c | – |

L-Artikolu 7 | – |

L-Artikolu 8 | L-Artikolu 8 |

L-Artikolu 9 | L-Artikolu 9 |

L-Artikolu 10 | L-Artikolu 10 |

L-Artikolu 11 | L-Artikolu 11 |

L-Artikolu 12(1) | L-Artikolu 12 |

L-Artikolu 12(2) | – |

L-Artikolu 13 | L-Artikolu 13 |

L-Artikolu 14 | L-Artikolu 14 |

L-Artikolu 15 | L-Artikolu 15 |

L-Artikolu 16 | – |

--------------------------------------------------