31999O0003



Official Journal L 258 , 05/10/1999 P. 0032 - 0033


Linja gwida għall-Bank Ċentrali Ewropew

tas-7 ta' Lulju 1999

dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-bankonoti fl-euro, kif emendati fis-26 ta' Awissu 1999

(BĊE/1999/3)

(1999/656/KE)

IL-KUNSILL LI JIRREGOLA L-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, (minn issa 'l quddiem imsejjaħ it-"Trattat") u b'mod partikolari l-Artikolu 106(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Artikoli 12.1, 14.3 u 16 ta' l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa 'l quddiem imsejjaħ l-"Istatut"),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew ECB/1998/6 tas-7 ta' Lulju 1998 dwar id-denominazzjoniijiet, l-ispeċifikazzjonijiet, ir-riproduzzjoni, il-kambju u l-irtirar tal-bankonoti euro [1] kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-26 ta' Awissu 1999 (ECB/1999/2) [2],

(1) Billi d-dritt ta' l-awtur fuq id-disinni tal-bankonoti euro ġie riċevut mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) minn għand l-Istitut Monetarju Ewropew (EMI); billi dan id-dritt ta' l-awtur jeħtieġ li jiġi amministrat u infurzat, fost l-oħrajn, fl-Istati Membri kollha skond is-sistemi legali nazzjonali indiviwali, u din is-sitwazzjoni tagħti d-dritt li dawn il-funzjonijiet jiġu fdati f'idejn il-banek ċentrali nazzjonali (NCBs);

(2) Billi, sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-bankonoti fl-euro kontra l-falsifikazzjoni, jidher tal-parir li jiġi stabbilit Ċentru ta' l-Analiżi tal-Falsifikazzjoniet (CAC), li fih jistgħu jiġu miġbura flimkien ir-riżorsi tan-NCBs ta' l-Istati Membri parteċipanti u ta' l-BĊE, u li jkun jeħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti regoli fi ħdan is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB);

(3) Billi, sabiex jitwessa' r-rikonoxximent mill-pubbliku ġenerali ta' kull deċiżjoni meħuda mill-BĊE sabiex jirtira tipi jew serje-ijiet ta' bankonoti, b'żieda mal-pubblikazzjoni uffiċjali ta' din id-deċiżjoni mill-BĊE fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jitqies li huwa approprjat li dan it-tħabbir isir fil-midja nazzjonali u li dan il-kompitu jiġi fdat lin-NCBs.

(4) Billi, skond l-Artikoli 12.1 u 14.3 ta' l-Istatut, il-Linji Gwida tal-BĊE jiffurmaw parti integrali mil-liġijiet Komunitarji,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-infurzar tad-dritt ta' l-awtur

1. In-NCBs għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u bil-probabbiltà li jirnexxu, skond is-sistemi legali nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi ma jkun hemm l-ebda ksur tad-dritt ta' l-awtur tad-disinni miżmuma mill-BĊE.

2. Kull meta NCB isir jaf li ġrat riproduzzjoni mhux awtorizzata tal-bankonoti fl-euro fit-territorju nazzjonali tiegħu, għandu jieħu azzjoni immedjata sabiex jiżgura illi din ir-riproduzzjoni tintemm u li tiġi rtirata kull kopja prodotta f'din il-manjiera u għandu jgħarraf lill-BĊE mingħajr dewmien.

3. Il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jista' joħroġ struzzjonijiet dwar jekk is-sitwazzjoni teħtieġx jew le l-ftuħ ta' proċeduri ċivili jew kriminali kontra l-persuna responsabbli mir-riproduzzjoni. Rigward il-kondotta tal-proċeduri legali, il-BĊE għandu jkollu rikors għan-NCBs: għandu jagħtihom istruzzjonijiet kif xieraq u jipprovdihom bil-prokuri meħtieġa. L-ispejjeż legali kollha għandhom jinġarru mill-BĊE.

4. In-NCBs għandhom jgħarrfu lill-BĊE b'kull awtorizzazzjoni speċifika sabiex jiġu prodotti d-disinni tal-bankonoti fl-euro konċessi skond id-Deċiżjoni ta' l-BĊE ECB/1998/6.

Artikolu 2

Il-kambju ta' bankonoti mmutilati jew iddanneġġjati

1. In-NCBs għandhom jimplimentaw kif mistħoqq id-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/1998/6.

2. Meta jkunu qegħdin jimplimentaw id-Deċiżjoni tal-BĊE ECB/1998/6, u bla ħsara għal kull kontrolli legali, in-NCBs għandhom jeqirdu kull bankonota mmutilata jew il-biċċiet tagħha wara perjodu taż-żmien ta' sitt xhur, għajr jekk ikunu jeżistu raġunijiet legali għalbiex dawn jiġu ppriservati jew mibgħuta lura lill-applikant.

3. In-NCBs għandhom jaħtru organu jew korp sabiex jadottaw id-deċiżjonijiet dwar il-kambju tal-bankonoti mmultilati jew iddanneġġjati għall-każijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(b) tad-Deċiżjoni ta' l-BĊE ECB/1998/6, u għandhom jgħarrfu lill-BĊE kif xieraq.

Artikolu 3

Iċ-Ċentru ta' l-Analiżi tal-Fasifikazzjonijiet u d-database tal-munita ffalsifikata

1. Iċ-Ċentru ta' l-Analiżi tal-Falsifikazzjonijiet (CAC) u d-database tal-munita ffalsifikata (CDD) ta' l-ESCB iridu jiġu stabbiliti u jaħdmu taħt il-patroċinju tal-BĊE. L-istabbiliment tal-CAC huwa maħsub għalbiex jiċċentralizza l-analiżi teknika u l-informazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-falsifikazzjoni tal-bankonoti fl-euro maħruġa mill-BĊE u n-NCBs. L-informazzjoni kollha teknika u statistika li tirrigwarda l-falsifikazzjoni tal-bankonoti fl-euro għandha tiġi maħżuna ċentralment fis-CCD.

2. Il-lokazzjoni tal-CAC u tas-CCD għandha tkun fi Frankfurt am Main. Il-Kunsill li Jirregola għandu jaħtar il-kap tal-CAC, japprova l-estimi finanzjarji tiegħu u jorganizza l-persunal u r-riżorsi tiegħu.

3. Bla ħsara għall-kontrolli legali, in-NCBs għandhom jipprovdu lill-CAC bl-oriġinali tat-tipi l-ġodda ta' bankonoti fl-euro foloz fil-pussess tagħhom, għall-għanijiet ta' l-investigazzjoni teknika u tal-klassifika ċentrali. L-istima preliminari dwar jekk falsifikazzjoni speċifika tappartjenix għal tip ikklasifikat jew kategorija ġdida jew le għandha titwettaq min-NCBs.

4. L-informazzjoni teknika kollha fis-CCD għandha tkun disponibbli lill-BĊE u lin-NCBs ta' l-Istati Membri parteċipanti. Il-CAC għandu jikkopera mal-forzi tal-pulizija ta' l-Istati Membri parteċipanti, ma' l-Europol u mal-Kummissjoni Ewropea, kif approprjat, rigward iż-żoni rispettivi tal-kompetenza tagħhom. Il-membri individwali tal-personal tal-CAC jistgħu jidhru fil-proċedimenti ġudizzjarji sabiex joffru kompetenza teknika fil-każijiet tal-falsifikazzjoni, jekk mitluba. Kull kuntatt stabbilit mill-CAC ma' awtoritajiet individwali nazzjonali għandu jiġi efettwat flimkien man-NCB rilevanti.

Artikolu 4

L-irtirar tal-bankonoti

In-NCBs għandhom iħabbru l-irtirar ta' tip jew ta' serje ta' bankonoti fl-euro deċiżi mill-Kunsill li Jirregola fil-gazzetti nazzjonali bi spejjeż għalihom, wara kull istruzzjoni li tista' tinħareġ mill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet finali

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-banek ċentrali nazzjonali ta' l-Istati Membri parteċipanti u għandu jkollha effett immedjat.

Din il-Linja Gwida għandha tiġi ppubblikata fil -Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fis-26 ta' Awissu 1999.

Għan-nom tal-Kunsill li jirregola l-BĊE

Willem F. Duisenberg

[1] ĠU L 8, ta' l-14.1.1999, p. 36.

[2] ĠU L 258, ta' l-5.10.1999, p. 29.

--------------------------------------------------